Qiegħed KOUL, kafè pjuttost ġdid mhux wisq bogħod mid-dar. Meta ma nkunux qed neditjaw ix-xogħol tal-kontributuri tal-ġurnal, ngħidu aħna d-djarji, niġu hawn waħedna biex fl-aħħar forsi jirnexxilna niktbu l-kitba tagħna stess. Jismu KOUL għax cool, ovvjament, imma mhux ħaġa kbira li l-isem huwa wkoll traslitterazzjoni ta’ [kul] كل. Minn fejn noqogħdu, dal-post qiegħed fuq in-naħa l-oħra tal-kanal, eżatt fejn jibda Molenbeek, parti tal-belt b’popolazzjoni kbira li — jew huma jew ta’ qabilhom — ġew mill-Marokk. Għandu ħafna ikel immaġinattiv, naqra fusion, ispirat mill-ikel tal-Afrika ta’ Fuq, u r-repertorju sħiħ tal-kafejiet tal-hipsters. Nordna flat white. Tal-bar tistaqsini xi ħaġa u għall-ewwel ma nifhimhiex, jekk hux qiegħed hawn għal xi tip ta’ get-together. Malli tħoss tikka eżitazzjoni, sakemm nipproċessa l-mistoqsija, taqleb għall-Ingliż. Il-post qiegħed f’kantuniera u l-ħitan ta’ barra huma kollha tal-ħġieġ, jidħol ħafna dawl. Minn ġewwa, il-ħitan u s-saqaf huma ta’ konkrit raff miżbugħ abjad. Insib mejda b’socket tad-dawl qrib għax il-laptop issa għalaq it-tlettax-il sena u l-batterija ma sservinix wisq. Għandi l-kanal quddiemi u nara għaddejjin braken kbar li naf li qed iġorru containers u ġebel u siment. Il-kanal pjuttost fond u kulma verament nara għaddej huwa xi arblu jew aerial, għalkemm anki dawn iżommuhom qosra biex ikunu jistgħu jgħaddu minn taħt il-ħafna pontijiet.
Il-fdalijiet f’partijiet oħra ta’ dil-belt, il-monumenti u l-kolonni u t-toroq wesgħin u l-arkati trijonfali, jixhdu s-snin meta l-belt kellha l-ambizzjoni ġenoċidali li tkun il-kapitali ta’ imperu. Imma f’dawn l-inħawi, il-fdalijiet huma mħażen tal-banana u skeletri tal-krejnijiet. L-ismijiet tat-toroq juru li darba kien hawn sistema ħafna iktar kumplessa ta’ kanali, u ħafna swieq differenti ta’ komoditajiet partikolari: ħut, tiġieġ, majjal, butir, faħam, qamħ. Il-port kien ħafna iktar attiv sa nofs is-seklu li għadda. Ftit ’il fuq minn hawn kien hawn stazzjon tat-trasbord li ħa ismu — Tour & Taxis — mill-familja li darba kellha s-sede tagħha hemm u li kienet tħaddem is-sistema tal-posta għall-Imperu Ruman Qaddis, kif imsemmi f’The Crying of Lot 49 ta’ Pynchon. Illum hemm shopping mall lussuż, kollu njam, u park sabiħ taparsi nofsu salvaġġ. Faċċata tiegħu hemm dik li kienet fabbrika tas-Citroën, bini enormi li fi żmien sentejn jew tlieta (jew ħamsa, jew sebgħa) se jkun fergħa tas-Centre Pompidou. Sa għoxrin sena oħra se jkun differenti ħafna hawnhekk, imma għalissa għad hawn bilanċ sabiħ.
Il-kafè mimli nies pjuttost żgħażagħ lebsin trainers kbar u bojod, jaqilbu bejn xi erba’ lingwi, medhijin jiktbu, jew jeditjaw video fuq il-laptop tagħhom. KOUL jinsab f’punt speċifiku ħafna fl-istorja u l-ġeografija; però jista’ jkun ukoll kafè f’Neukölln jew Shoreditch jew, jekk niġu f’dan, il-Ħamrun. Ġejt hawn biex fl-aħħar nikteb dwar The Bilingual Writer (Mediterranean-Maltese and English) as Janus li ili nġorr miegħi x-xhur. Ħadtu miegħi l-Ġappun u lura Malta xi darbtejn u qed jibda jitqaddem. Proprjament ġa qrajtu iktar minn darba. Dan l-esej jew lecture ta’ Francis Ebejer kont qrajtu fuq is-Sunday Times of Malta meta kienu ppubblikawh kollu fl-1987 jew l-1989. Imbagħad erġajt qrajtu meta xi għaxar snin ilu xtrajt dil-kopja li għandi, ma niftakarx minn fejn. Għandu sticker tal-Mireva — “Tower Street, Msida, Malta, tel: 512616” — u l-prezz fuq tikketta żgħira wkoll bl-isem tal-ħanut, “315c”, u “each” stampata la ġenba ħdejn il-prezz. Illum jinstema’ rħis imma probabbli kien għali infern għax mill-Mireva kollox hekk kien. (Fil-fatt, 315c mill-antiki għal faxxiklu ta’ erbgħin paġna mhux irħis!)
L-esej oriġinarjament kien lecture li ngħata waqt konferenza fuq il-letteratura tal-Commonwealth organizzata mill-Università ta’ Venezja. L-ewwel raġuni għala ridt nerġa’ naqrah dal-ktieb kienet biex nara x’teorija ta’ bilingwiżmu kellu Ebejer. Donni kont ħerqan għad-diżappunt għax qatt ma nsibhom konvinċenti dawn l-iskemi. Min jaqsam il-lingwi skont il-ġenituri, jew in-nanniet, u allura jiddeskrivi kif kien iħossu dieħel u ħiereġ minn dinja għall-oħra skont ma’ min ikun qed jitkellem. Min jgħid li d-dar kien jitkellem mod, u l-iskola mod ieħor. Forsi dawn id-deskrizzjonijiet qatt ma nsibhom konvinċenti minħabba li ħafna drabi huma miktubin minn kittieba letterarji, u dawn jippruvaw joħorġu xi sens ta’ maġija mill-fatt banali tal-multilingwiżmu. Qishom qed joħolqu spettaklu biex jimpressjonaw lin-nies monolingwi, li kważi definizzjonalment għandhom iktar poter, għalhekk jistgħu jkampaw b’lingwa waħda. Il-maġġoranza tan-nies fid-dinja huma bilingwi jew multilingwi; iżda qatt ma rajt deskrizzjoni tas-suġġettività monolingwi mmirata lejna li nużaw iktar minn lingwa waħda, biex nifhmu x’jiġifieri, u kif tħossok, li tkun magħluq fil-klawstrofobija ta’ lsien wieħed.
Ebejer jibda l-lecture tiegħu billi jgħid li “fil-każ ta’ dawk il-popli kkolonizzati li diġà għandhom il-lingwa tagħhom, il-vokabularju jsir logħba semjotika bil-mirja.” Ikun interessanti, ikompli jgħid, li nuru bl-eżatt dak il-punt, tard fit-tfulija, meta fl-aħħar intbaħna għalfejn kull oġġett, idea jew azzjoni għandha mill-inqas żewġ ismijiet kompletament differenti minn xulxin; f’dal-każ, wieħed bil-Malti u l-ieħor bl-Ingliż. It-taħwid li dan ikkawża f’moħħna żgur kien xi ħaġa straordinarja! Qabel kelli ċ-ċans noħodha miegħu u nibda nitkellem waħdi b’nofs flat white quddiemi, Ebejer jirtiraha din id-deskrizzjoni. Jgħid li fil-fatt probabbli għalina kollox kien xorta — il-ħuta ma tafx bl-ilma! Forsi s-suġġettività lingwistika hija impossibbli tikteb dwarha. Bħal meta Wittgenstein lejn il-bidu tal-Philosophische Untersuchungen jgħid li r-rakkont li jagħti Santu Wistin f’L-Istqarrijiet ta’ kif nitgħallmu nitkellmu — billi l-kbar jippuntaw lejn l-affarijiet u jgħidulna l-kelma għalihom — huwa falz. Naqbel li veru jinħass falz, jew għall-inqas parti żgħira ħafna mill-istorja. Imma kif jista’ jkun li proprju f’dal-ktieb li jagħtina rendikont tant dettaljat tal-ħajja interna kellu jkollna deskrizzjoni tant fjakka tal-ewwel inkontru tagħna mal-lingwa? Forsi għax diffiċli tuża l-lingwa biex tiddeskrivi proprju kif tinħass il-lingwa? Il-kliem bħal jisparpalja meta tippuntah lejh innifsu b’mod daqshekk dirett.
Hawn għadna fl-ewwel paġna ta’ The Bilingual Writer, u għalkemm jerġa’ jirritorna ftit għall-istorja lingwistika tiegħu stess — biex jgħidilna li ommu kienet ġejja minn familja pro-Taljana u missieru minn waħda pro-Ingliża — ir-rendikont li jagħti tal-istat bilingwi, jew multilingwi, huwa iktar ġenerali. Iqatta’ ħafna mill-ktieb jitkellem dwar xogħlu, dwar it-temi prinċipali, u jammetti li ħaġa ftit stramba li awtur jagħmel hekk dwar xogħlu imma mid-dehra dak li riedu meta talbuh jitkellem fil-konferenza. Imbagħad jagħti t-tip ta’ lecture żgħir li żgur kull Malti b’udjenza barranija quddiemu kellu jagħti, ta’ fejn hi Malta, ta’ kif inhi ppożizzjonata bejn l-Afrika u l-Ewropa, tar-ringiela kolonizzaturi li ħakmuha, tan-natura ibrida ta’ lsienna. (Lil kull persuna Maltija li titbiegħed minn xtutna jmisshom jagħtuha diska tad-deheb — bħal dawk li tpoġġew fuq Voyager 1 u Voyager 2 — li turi l-pożizzjoni tagħna fl-univers u tagħti introduzzjoni ħafifa għall-istorja, il-kultura u l-lingwa tagħna.) Jerġa’ jmiss iktar minn darba mal-kwistjoni taż-żewġ lingwi, imma jitkellem qisu dawn huma żewġ lingwi ugwali. Li jaħdmu flimkien mingħajr wisq tensjoni bejniethom. Li l-kelma Maltija qiegħda hemm, fil-pedament tal-identità tagħna. Forsi fiż-żiffa miżża tas-serenissima Venezja, l-affarijiet dehru sempliċi, iżda sakemm l-esej kien ippubblikat fl-organu prinċipali tal-cargo cult postkolonjali — dik l-arena ta’ tgħawwiġ ta’ ħalq, is-Sunday Times of Malta — żgur li l-ansjetajiet dwar il-kitba tal-Maltin bl-Ingliż kellha tkun evidenti. (Illum it-Times tidher mod ieħor, bejn riklami tal-gaming ipetptu, il-kummenti anonimi tad-Disqus, u l-artikli sponsorjati fil-qiegħ ta’ kull paġna, mhux faċli tħossok posh mingħajr id-dinjità awtomatika tal-karta.)
Dal-ktieb ridt naqrah primarjament mhux biex nara x’jgħid Ebejer dwar il-bilingwiżmu personali tiegħu, jew tagħna bħala poplu, iżda biex nara kif jispjega, forsi jiġġustifika, l-għażla tiegħu li jikteb ir-rumanzi bl-Ingliż. L-iktar li joqrob lejn dan huwa meta jikkwota artiklu li kien kiteb hu stess fl-1978 għal pubblikazzjoni li wkoll kellha x’taqsam mal-letteratura tal-Commonwealth:
Immaġina li int kittieb Malti u qed tikteb rumanz bl-Ingliż, u mhux dwar nies Ingliżi iżda dwar nies Maltin. Tista’ teħlisha b’paġni ta’ narrattiva u deskrizzjoni u esplorazzjoni psikoloġika kollha stipulati, wieħed jispera, f’idjoma Ingliża adatta; dejjem jekk tkun miktuba mit-tielet persuna omnixxjenti. Jekk fl-ewwel persuna, u n-narratur protagonist innifsu huwa wkoll Malti, ikollok tkun simultanjament fuq il-frekwenzi kulturali u semantiċi taż-żewġ lingwi. Hemm l-eċitament jew id-disperazzjoni miżjuda meta tasal għad-djalogu, u trid tesprimi l-kliem tal-karattru Malti b’Ingliż tajjeb, fuq kollox, imma tirrifjuta li tirrinunzja l-kulur, dawk il-frażijiet partikolari li qatt ma għandhom iġiegħlu lill-qarrej jinsa li, għalkemm qed jaqra bl-Ingliż, madankollu qed jisma’ persuna mhux Ingliża titkellem. F’dan il-punt, wieħed ibierek ir-reżiljenza meraviljuża, il-kożmopolitaniżmu u l-plastiċità kbira tal-lingwa Ingliża… Fl-aħħar nett, iżda għaddej mill-iskala kollha ta’ problemi, iddikjarati jew le, wieħed huwa sfidat b’mod persistenti mill-Kunċett Omm innifsu: dak l-irritant ċentrali (il-farka ramel fil-gajdra) ta’ kromosomi, ġeni, ambjent, ħażna ta’ memorja, u x’naf jien, kollha jirritaw u jħokku ġewwa massa ta’ postulati kulturali jagħfsu fuqu minn kull naħa.
L-ewwel, Ebejer jibda bi problema essenzjalment teknika, imbagħad jaqleb għall-mistiċiżmu — f’daqqa waħda, sakemm m’hemmx xi ħaġa mitlufa f’dawk l-elissi. Ma nafx xi ħsibt li se nsib f’dal-ktieb, x’tip ta’ risposta. Forsi wkoll kienet tfittxija li ma bdejthiex b’sinċerità kompleta għax fil-fatt kuntent li ma sibtx dak li kont qed infittex, u li se jkolli nirraġunaha waħdi jien. Nixtieq, f’dad-djarju, niskopri jien stess għala nħoss li dak ir-rumanz li għandi lest se jkolli nerġa’ niktbu bil-Malti. Il-ktieb ta’ Ebejer ridt nerġa’ naqrah mhux għax niftakarni nsib xi ħsieb li laqatni dwar il-kittieb bilingwi, imma minħabba s-suġġett innifsu. Naħseb li t-titlu tal-ktieb kien baqa’ f’moħħi meta tlaqt minn Malta, ftit snin wara li qrajtu, u baqa’ miegħi sakemm erġajt qed naqrah hawn, f’dal-kafè ħdejn il-kanal, b’kikkra vojta u laptop quddiemi.
Ikolli ngħid li d-dehra ta’ Ebejer dejjem għoġbitni iktar mill-kotba tiegħu. Ix-xagħar abjad u l-libsa bajda. Darba kien ġie jarana meta tellajna dramm ta’ Nikolai Erdman ir-Radio City, u offrieli l-karawett minn wieħed minn dawk il-pakketti żgħar tal-plastik li kienu jkunu stejpiljati ma’ kartuna mdendla fuq wara tal-bar. Jekk ninsa d-drammi tiegħu għal mument, ir-rumanzi nsibhom interessanti imma mhux li jtuni xi pjaċir estetiku kbir. Il-plastiċità kbira tal-lingwa Ingliża fir-rumanzi tiegħu ma nsibhiex li trendi għalkollox. Dejjem għandha dik l-ansjetà ta’ xi ħadd li qed isuq mingħajr liċenzja u li jġib ruħu sew biex ma jagħtix fil-għajn, biex ma jinqabadx. M’hemmx titjir u pjaċir fil-lingwa, ħlief il-pjaċir tal-korrettezza tagħha. F’Janus jgħid li dan huwa riskju; u kultant ma nafx jekk jien għandix nafda lili nnifsi. Jekk hux jiena li nħoss dan għax għandi dubju dwar il-liċenzja tiegħu li jikteb bl-Ingliż.
Fl-aħħar nett tal-ktieb, wara t-test, hemm logogramma ta’ mara b’żewġ troffi nnukklati fuq kull naħa ta’ rasha. Leġġenda taħtha tinfurmana li dan huwa l-logo tal-awtur, u li jirrappreżenta l-alla mara Feniċi, Tanit. Ma nafx f’liema sens kien il-logo ta’ Francis Ebejer dan. Fejn kien jużah? Fittixt il-kotba l-oħrajn tiegħu li għandi u sibtu biss f’For Rozina… a Husband, li ħareġ is-sena ta’ wara. Tgħid l-effetti personali ta’ Ebejer kollha kellhom it-tikketta ta’ din l-alla Feniċi, qishom l-inbejjed tal-Meridiana? .