07:28
Zhukovka hija belt żgħira fir-Russja. Issa bilkemm jista’ jsibha xi ħadd fuq mappa, lanqas nerd tal-kartografija, jew xi ħadd bil-Masters fil-Ġeografija, lanqas xi “Russu professjonali” ta’ grad għoli. Imma darba — qabel Gorbachev waqa’ fil-ġenn tal-Perestroika, u kkundanna ’l-poplu Sovjetiku jsofri minn dijarrea ta’ ħelsien — proprju din Zhukova kienet il-manifattur tar-roti famużi, li kienu l-ħolma ta’ kull ġuvnott u Pijunier Żgħir. Dawk ir-roti tal-ġenerazzjoni l-ġdida, Десна-два, kellhom roti żgħar imma jservu, frame jintewa, u prezz għoli żżejjed mgħolli jerġa’ iktar minn dawk il mingħula tal-black market. Madankollu, is-sidien tal-Десна-два, jew anzi l-ġenituri tagħhom, ma kinux qammiela għax fl-Unjoni Sovjetika xejn ma ħadem daqstant tajjeb daqs l-istituzzjoni tat-tqanqil tal-għira. Ġenituri foqra Sovjetiċi kienu jagħmlu iktar milli jistgħu biex ma jidhrux inferjuri għall-oħrajn, u kienu jixtru dir-rota “lussuża” għat-tfal tagħhom. Anki kienu jippruvaw jgħallmuhom jirkbuha binhar u fil-beraħ, biex iġiegħlu nies relattivament fil-bżonn jiħdaru bl-għira. Xejn ma kien meqjus kitsch daqs il-wiċċ daħqani ta’ tfajjel riekeb Десна-два, u peress li l-Unjoni Sovjetika nnifisha kienet ċappa magħquda ta’ ħażen u kitsch, wiċċ simili spiss kien jinstab fuq il-mużajk, il-posters u anki l-bolol. Imma ż-żgħażagħ Sovjetiċi kienu jiġu jitnejku minn dan; għall-kuntrarju, trid tara kif kienu jitolbu għall-inġiniera u d-disinjaturi tar-roti, ifaħħru jdejhom u l-imħuħ perspikaċi tagħhom talli waħħlulha seat fuq wara. Is-sidien ta’ dawk ir-roti kienu jirkbuhom ħdejn l-iskejjel, ideffsu t-tfajliet tal-iskola fis-seat ta’ wara, u t-tfajliet, kienu jpattulhom billi jiggranfaw b’passjoni mal-kavallieri tagħhom. Iva, kien hemm xi ħaġa tal-kavallieri f’dak l-att, anki xi ħaġa tat-twaħħil u t-tidlik, peress li t-tfajliet Pijunieri, bil-pjaċir kbir ta’ dawk il-pervertiti, kienu jilbsu miniskirts qosra ħafna ħafna. Kienu jilbsu wkoll kalzetti bojod silġ li kienu jintlew bil-grease għax il-katina tal-Десна-два dejjem kienet illubbrikata sew. Allura, il-ġenituri ta’ tifla tal-iskola Sovjetika, jew fil-fatt, missierha, meta jinnota dawn il-marki tal-grease fuq il-kalzetti bojod silġ, kien mill-ewwel jaqta’ li bintu rikbet ir-rota ma’ xi nittien, u kien jikkastigaha bl-aħrax. Ta’ min jgħid ukoll li għalkemm każijiet bħal dawn ma kinux rari, se niffukaw biss fuq wieħed minnhom u ngħidu li isem it-tfajla kien Milla, u isem il-kavallier tagħha kien Genna. Meta l-kavallier qalbieni tagħna Genna skopra s-selħiet taċ-ċintorin ta’ uniformi tal-militar bi stilla b’ħames ponot fuq id-dahar u l-warrani tat-tfajla l-maħbuba tiegħu, xorob flixkun brandy Armen, u mar iżur lil missier Milla, Artyom — wieħed qsajjar b’ego enormi u madonna logutenent wara li xorob ġiext ifliexken tal-istess xorb qawwi — u kisirlu żewġ kustilji bi stanga tal-ħadid imsadda. Allura, b’dal-mod xejn kavalleresk, talab lill-maħbuba mtebba’ bil-grease tiegħu tiżżewġu.
Kien iħobbha lil Milla tiegħu bi mħabba li tistordik u b’passjoni ikbar minnha; kien iħobbha kull lejl u ftit drabi matul il-jiem; kien iħobbha inkredibbilment, u f’postijiet daqstant inkredibbli li assolutament ma kinux xierqa għal dak l-iskop, mhux biss għaċ-ċittadini Sovjetiċi iżda għal kull persuna rispettabbli b’passaport; ħabbha taħt il-monument tal-Mexxej il-Kbir, f’karozzi tal-passiġieri tad-ditta ноль-шесть2, fil-lifts u anki fl-għases tal-pulizija, fejn spiss kienu jsibu rwieħhom minħabba l-passjoni miġnuna tagħhom; ħabbha meta reġgħu lura d-dar, mal-ħitan tal-appartament b’żewġt ikmamar tal-ġenituri tiegħu, fejn wera dak li jħoss b’qawwa tant vjolenti u storbjuża li tefa l-krib u l-infiħ u ċ-ċaqċiq tal-molol ta’ kwalità medjokri tas-sodda Sovjetika. U issa, wara kważi tletin sena ta’ ħajja miżżewġa, Genna kien jimmissja mhux in-nar mitfi ta’ dik li darba kienet il-passjoni miġnuna tiegħu imma il-Десна-два tiegħu, ir-rota tiegħu dejjem kollha grease bir-roti żgħar u l-frejm jintrewa, li kien żarma qabel ħarab minn Yerevan, poġġieha bil-galbu fil-bagalja, u bi kburija ġabha Tbilisi — il-kapitali tar-repubblika ġara tiegħu — li kien ħarab lejha darbtejn. Hemmhekk, matul l-ewwel ħarba, sar ċiklista tant akkanit li kien jirkeb fit-toroq dojoq tal-parti l-antika tal-belt kif lanqas iċ-ċiklisti professjonisti ma kienu kapaċi fuq korsa tat-tiġrija. Qanqal l-għira ta’ dawk il-psewdoprofessjonisti, anki biddel is-seat tal-Десна-два bis-seat iktar komdu tal-favoluża Тахион, ħa sehem fil-kampjonat, u għadda lir-rivali tiegħu wieħed wieħed u bħala grupp.
GĦalkemm dakinhar rebaħ biss skwalifika għal ħajtu, rebaħ il-qlub ta’ nofs il-belt u, fosthom, ta’ ħafna nisa xejn inferjuri għal Milla, jekk mhux ħafna iktar ħelwin. Meta ħarab għal Tbilisi għat-tieni darba, is-sitwazzjoni fil-belt kienet pjuttost imwiegħra: mhux talli Десна-два b’seat Тахион, talli anki riġel maħruġ fit-triq seta’ jinsteraq faċilment. Mhux ħaġa tal-għaġeb li r-rota prezzjuża tiegħu barmuhielhu qabel m’għadda wisq żmien, u issa, huwa u jitgħażżen fuq is-sufan quddiem it-televixin, jiftakar f’dakinhar meta qatagħha li jaqbillu jbiegħha milli jħalliha għall-ħallelin. Sfortunatament ma rnexxielux jintgħoġob max-xerrej la bl-istejjer leġġendarji u lanqas bis-seat Тахион, u ma setax jipperswadih iħallas iktar minn tmintax-il Lari, u peress li ma riedx ibiegħ il-memorji ta’ tfulitu daqshekk bl-irħis, mar lura d-dar fuq il-vettura maħbuba tiegħu. Matul ir-refuġju tiegħu, sab kenn f’tarf il-belt, fejn kien joqgħod fis-sular ta’ fuq nett ta’ bini ta’ appartamenti ta’ sittax-il sular. Meta wasal fil-bieb prinċipali proprju ta’ dik il-binja, skopra li bħas-soltu kien inqata’ d-dawl, allura la kien hemm dwal fil-kuritur u lanqas lift biex jitla’ fuq. Imma, kien hemm riħa insapportabbli mix-shaft taż-żibel. Ma kellux aptit jitla’ t-taraġ iġorr ir-rota… Le, mhux għax kien għażżien wisq jew xi ħaġa hekk, imma għax mgħobbi bir-rota jkollu jitla’ iktar bil-mod, u jibla’ dik ir-riħa l-ħin kollu. Jekk kien jobgħod xi ħaġa fid-dinja u jekk kien hemm ħaġa li kienet tfakkru fl-infern li kien ġarrab — li kien qiegħed jissara biex jegħleb bl-għajnuna tal-alkoħol, b’nuqqas totali ta’ moviment u b’miljum mezz ieħor — kienet ix-shaft taż-żibel, jew aktar minn hekk, kienet ir-riħa pessma li tidħol f’kollox li fil-pront kienet tfakkru fit-tbatijiet kollha tiegħu. Allura, kien ħalla r-rota quddiem il-bieb u tela’ t-taraġ bil-ġirja u b’kemm kellu ħila. Fit-tmienja ta’ filgħaxija, meta reġa’ ġie d-dawl, niżel bil-lift, u nduna li l-Десна-два tiegħu u seat ġdid misluf minn Тахион kienu telqu, u li bit-telfa tar-rota kien tilef kull rabta mal-episodji relattivament sbieħ tal-passat .