It-tabib li kellimt qalli biex nibda xogħli b’analiżi storika tal-propensità tiegħi għat-tipjip:
— Ikteb! Ikteb! U tara kif tasal biex tara lilek innifsek kollok kemm int.
Naħseb li dwar it-tipjip nista’ nikteb minn hawn, mill-mejda tiegħi mingħajr ma noqgħod immur noħlom fuq dik il-pultruna. Ma nafx kif għandi nibda, u ninvoka l-assistenza tas-sigaretti, li kollha tant jixbhu lil dak li għandi f’idi.
Illum mill-ewwel indunajt b’xi ħaġa li ma kontx bqajt niftakar. L-ewwel sigaretti li pejjipt m’għadekx issibhom għall-bejgħ. Għall-ħabta tal-1870 l-Awstrija kellhom minn dawk li kienu jinbiegħu f’kaxxa tal-kartun żgħira bit-tikketta tal-ajkla b’żewġt irjus. Ara: madwar waħda minn dawn il-kaxxi mill-ewwel jinġabru diversi persuni, kollha b’xi karatteristika minn tagħhom li hi biżżejjed biex tfakkarni x’jisimhom, imma mhux tant li nemozzjona ruħi b’dan l-inkontru bla ħsieb. Nipprova nislet iżjed u mmur sal-pultruna: il-persuni jgħosfru u posthom jeħduh koċċ buffi jiddieħqu bija. Immur lura mifxul lejn il-mejda.
Waħda mill-figuri, leħinha daqsxejn goff, kienet Ġużeppi, ġuvnott tampari, u l-oħra ħija, iżgħar minni sena u issa ilu mejjet is-snin. Ġużeppi donnu kien jirċievi ħafna flus mingħand missieru u kien jagħtina minnhom rigal dawk is-sigaretti. Imma żgur kien joffri iktar lilu milli lili. Minn hemm ġie l-bżonn li sibt ruħi fih li nara minn fejn se nakkwista iktar minnhom għalija. Għalhekk bdejt nisraq. Fis-sajf missieri kien jitlaq is-sidrija fuq siġġu u fil-but iż-żgħir tagħha kien ikollu ż-żgħar: kont nobrom l-għaxar soldi li kelli bżonn biex nakkwista dik il-kaxxa żgħira prezzjuża u kont inpejjiphom wieħed wara l-ieħor l-għaxar sigaretti li kien ikun fiha, biex ma jdumx fil-pussess tiegħi l-frott kompromettenti tas-serqa. Din kollha kienet hemm fil-kuxjenza tiegħi kieku ridt. Reġgħet inqalgħet issa għax ma kontx naf qabel li setgħet kienet ta’ importanza. Hekk, niżżilt mnejn ġej dal-vizzju maħmuġ u forsi (min jaf?) ġa fiqt. Għalhekk, biex nara jekk hux il-każ, inqabbad sigarett tal-aħħar u forsi narmih mill-ewwel, iddiżgustat.
Imbagħad niftakar li jum fost l-oħrajn missieri qabadni bis-sidrija tiegħu f’idi. Jien, bi sfaċċataġni li issa kieku ma jkollix u li għadha s’issa tiddiżgustani (min jaf jekk dan id-diżgust għandux importanza kbira fil-kura tiegħi) għedtlu li kienet ġietni l-kurżità ngħodd kemm fiha buttuni. Missieri daħaq bil-ġibda tiegħi lejn il-matematika jew lejn il-ħjata u ma rax li kelli subgħajja fil-but iż-żgħir tas-sidrija. Biex niġbor ġieħi nista’ ngħid li kienet biżżejjed dik id-daħqa bl-innoċenza tiegħi, li ma kinitx teżisti, biex iżżommni lura għal dejjem milli nisraq. Ċjoè, bqajt nisraq, imma mingħajr ma kont inkun naf. Missieri kien iħalli jiġru sigarri Virginia nofshom impejpin, weqfin fuq imwejjed u armarji. Jien kont mingħalija li dan kien il-metodu tiegħu kif jarmihom u kont mingħalija li Catina, is-seftura xiħa tagħna, kienet se tarmihomlu. Kont immur inpejjiphom bil-moħbi. Malli kienu jiġu f’idi kont niksaħ għax kont naf x’deni kienu jagħmluli. Imbagħad kont inpejjiphom sakemm sidri kien ikun mimli għaraq kiesaħ u l-istonku jkun għoqda. Ma tistax tgħid li fi tfuliti kont nieqes mill-enerġija.
Naf perfettament ukoll kif missieri fejjaqni minn din id-drawwa. Darba fis-sajf wasalt id-dar minn ħarġa tal-iskola, għajjien u għasra bl-għaraq. Ommi kienet għenitni ninża’, geżwritni f’liżar ħafif, u ħallietni norqod fuq is-sufan fejn hi stess kienet bilqiegħda, medhija bil-ħjata. Kont appik li norqod, imma kien għad kelli x-xemx f’għajnejja u domt biex nintilef minn sensija. Il-ħlewwa li f’dik l-età tiġi mal-mistrieħ wara għeja kbira, hija evidenti għalija daqslikieku xbieha fiha nnifisha, evidenti daqslikieku kont issa stess hemm maġenb dak il-ġisem għażiż li m’għadux jeżisti.
Niftakar il-kamra friska u kbira fejn aħna t-tfal konna nilagħbu u li issa, f’daż-żmien rgħib għall-ispazju, hi maqsuma f’żewġ partijiet. F’dik ix-xena ħija ma jidhirx, ħaġa li tiskantani għax naħseb li huwa wkoll kellu jieħu sehem f’dik il-ħarġa u allura kellu mbagħad jieħu sehem fil-mistrieħ. Tgħid kien rieqed huwa wkoll fuq it-tarf l-ieħor tas-sufan il-kbir? Inħares lejn dak il-post, imma jidher vojt. Nara biss lili, il-ħlewwa tal-mistrieħ, ommi, imbagħad missieri li nisma’ kliemu jirbombja. Hu daħal u ma ranix mill-ewwel għax għajjat:
— Maria!
Il-mamà b’mossa u b’ħoss bil-mod minn xufftejha wrietu li hemm jien rieqed fil-fond, mingħaliha, imma fil-fatt iktar kont qed inċafċaf fih konxju għalkollox. Tant għoġbitni din li l-papà kellu joqgħod attent minħabba fija, li ma ċċaqlaqtx.
Missieri b’vuċi baxxa beda jeqred:
— Jien naħseb qed niġġennen. Kważi ċert li nofs siegħa ilu ħallejt nofs sigarru fuq dak l-armarju u issa ma nistax insibu. Sejjer lura. L-affarijiet qed jaħarbuli.
B’vuċi baxxa wkoll, imma li wkoll kienet turi li qiegħda żżomm milli tinfaqa’ tidħaq, ommi rrispondiet:
— Imma ħadd ma mar f’dik il-kamra wara l-ikel.
Missieri gedwed:
— Naf jien ukoll, għalhekk jidhirli li qed niġġennen!
Dar u ħareġ.
Jien bexxaqt għajnejja u ħarist lejn ommi. Hi kienet reġgħet qabdet bil-ħjata, imma kompliet titbissem. Żgur ma ħasbitx li missieri kien qed jiġġennen biex tidħaq hekk bil-biżà tiegħu. Dik it-tbissima tant baqgħatli impressjoni li mill-ewwel ftakartha meta rġajt sibtha fuq xufftejn marti.
Iktar tard, ma kienx in-nuqqas ta’ flus li għamluhieli diffiċli biex nissodisfa l-vizzju, imma l-projbizzjonijiet li swewli biex iżiduhuli.
Niftakar li pejjipt ħafna, mistoħbi fil-postijiet kollha possibbli. Peress li kont segwit minn diżgust fiżiku qawwi, niftakarni nitlajja għal nofs siegħa f’kantina mudlama ma’ żewġ subien oħra li dwarhom ma jiġini xejn f’moħħi ħlief l-ilbies infantili tagħhom: żewġ pari kalzetti weqfin għax fihom kien hemm ġisem li ż-żmien xejjen. Kellna ħafna sigaretti u ridna naraw min kien jaf jaħraq l-iktar minnhom fl-inqas ħin. Jien irbaħt, u eroikament ħbejt id-deni li kien tani dak l-eżerċizzju stramb. Kelli nagħlaq għajnejja biex ma naqax bl-isturdament. Ġejt f’tiegħi u qgħadt niftaħar bir-rebħa. Wieħed miż-żewġt irġiel żgħar allura qalli:
— Jien ma jimpurtanix li tlift għax jien ma npejjipx ħlief meta jkolli bżonn.
Niftakar il-kelma t-tajba imma mhux dak il-wiċċ żgħir, li żgur kien tajjeb daqsha, u li kien imdawwar lejja f’dak il-mument.
Imma dak iż-żmien ma kontx naf jekk kontx inħobb jew nobgħod is-sigarett u t-togħma tiegħu u l-istat li fih in-nikotina kienet tqegħedni. Meta sirt naf nobgħod dan kollu, kollox kien agħar. U sirt nafu ta’ madwar għoxrin sena. Dak iż-żmien kont qed inbati ħafna bi griżmejja u kelli wkoll id-deni. It-tabib ordnali noqgħod fis-sodda u sawm assolut mit-tipjip. Niftakarha dil-kelma, “assolut”! Weġġgħetni u d-deni taha l-kulur: vojt kbir u xejn li jirreżisti l-pressjoni enormi li jinħoloq mill-ewwel madwar il-baħħ.
Meta t-tabib telaq minn ħdejja, missieri (ommi kienet ilha mejta s-snin) b’sigarru daqsiex f’ħalqu, baqa’ miegħi ftit ieħor biex iżommli kumpanija. Meta ġie biex jitlaq, wara li bil-ħlewwa għadda idu fuq moħħi jagħli, qalli:
— Tpejjipx, ta!
Qabadni inkwiet kbir. Għaddieli minn rasi: “La jagħmilli l-ħsara ma npejjipx iktar, imma l-ewwel irrid inpejjep għall-aħħar darba.” Qabbadt sigarett u ħassejtni mill-ewwel ħieles mill-inkwiet, minkejja li d-deni forsi kien qed jiżdiedli u ma’ kull nifs kont inħoss ħruq mat-tunsilli qisha kienet missithom faħma tikwi. Lestejt is-sigarett bil-galbu kollu li bih twettaq wegħda. U, dejjem bi tbatija kbira, pejjipt ħafna iktar waqt il-marda. Missieri ġej u sejjer bis-sigarru f’ħalqu, jgħidli:
— Isa! Ftit jiem oħra mingħajrhom u tkun fiqt!
Dal-kliem kien ikun biżżejjed biex inkun irridu jitlaq malajr malajr, ħalli nkun nista’ mmur niġri għas-sigaretti. Kont nagħmilha tabirruħi li marret għajni bija biex inġiegħlu jitlaq qabel. Dik il-marda ġabitli t-tieni inkwiet tiegħi: l-isforz li ninħeles minn tal-ewwel. Fl-aħħar mill-aħħar, il-jiem ta’ ħajti spiċċaw mimlija sigaretti u riżoluzzjonijiet li ma npejjipx iżjed u, biex inkun għedt kollox mill-ewwel, minn żmien għal żmien għadni hekk. Id-dagħdigħa tal-aħħar sigaretti, li bdiet meta kelli għoxrin, għadha għaddejja. Inqas qawwija r-rieda, u d-dgħufija ssib f’dal-ġisem xwejjaħ mogħdrija liema bħalha. Ta’ xjuħ nitbissmu bil-ħajja u b’kulma fiha. Nista’ ngħid, anzi, li minn xi żmien ilu qed inpejjep ħafna sigaretti… li mhumiex tal-aħħar.
Fuq il-frontispizju ta’ dizzjunarju sibt din in-nota tiegħi magħmula b’kitba pulita u xi tiżjin:
“Illum, 2 ta’ Frar 1886, biddilt mill-istudji tal-Liġi għal dawk tal-Kimika. L-aħħar sigarett!!” Kien sigarett tal-aħħar importanti ħafna. Niftakar it-tamiet kollha li akkumpanjawh. Kont irrabjat mad-Dritt Kanoniku li deherli tant imbiegħed mill-ħajja u ġrejt lejn ix-Xjenza li hi l-ħajja nnifisha għalkemm imdeffsa ġo tubu tal-ħġieġ. Dak is-sigarett tal-aħħar kien ifisser proprju x-xewqa għal xogħol (anki tal-idejn) u għal ħsieb kalm, f’sikktu, u sod.
Biex naħrab mill-ktajjen ta’ għoqiedi tal-karbonju, li ma kontx nemmen fihom, erġajt lura għal-Liġi. Biex tagħqad! Kien żball, u anki dan ġie mfakkar b’sigarett tal-aħħar u sibt ukoll id-data tiegħu mniżżla fuq ktieb. Kien importanti dan ukoll u rrassenjajt ruħi li mmur lura għal dawk il-kumplikazzjonijiet dwar x’inhu tiegħi, x’inhu tiegħek, u x’inhu tiegħu b’riżoluzzjoni ġdida. Kont urejt li ma tantx ninqala’ għall-Kimika, anki wkoll minħabba li ma kellix ħila għax-xogħol tal-idejn. Kif seta’ jkolli jekk kont għadni npejjep qisni Tork?
Issa li qiegħed hawn, nanalizza lili nnifsi, qed jiġini dubju: li jien forsi ħabbejt is-sigaretti daqstant biex inkun nista’ nitfa’ fuqhom il-ħtija għall-inkapaċità tiegħi? Min jaf jekk kieku waqaft inpejjep kontx insir dak ir-raġel ideali u b’saħħtu li kont nippretendi li għandi nkun? Forsi kien dan id-dubju li rabatni mal-vizzju għax hu mod komdu kif tgħix, li temmen li għandek fik kobor mistur. Qed inressaq din l-ipoteżi biex nispjega d-debbolezza ta’ żgħożiti, imma mingħajr konvinzjoni deċiża. Issa li xjaħt u li ħadd m’għandu bżonn xejn minni, ngħaddi xorta waħda minn sigarett għal riżoluzzjoni, u minn riżoluzzjoni għal sigarett. Xi jfissru llum dawn ir-riżoluzzjonijiet? Bħal dak l-iġjenista xiħ, deskritt minn Goldoni, jien nippretendi li mmut f’saħħti wara li għext marid ħajti kollha? Darba, meta bħala student kont se nbiddel ir-residenza, kelli niksilhom il-ħitan spejjeż tiegħi għax kont imlejthom dati. Probabbli tlaqt minn dik il-kirja proprju għax kienet saret iċ-ċimiterju tal-intenzjonijiet tajbin tiegħi u ma kontx nemmen li stajt nifforma iktar minnhom f’dak il-post.
Naħseb li sigarett għandu togħma iktar qawwija meta jkun l-aħħar wieħed. Anki l-oħrajn għandhom togħma speċjali, imma inqas qawwija. L-aħħar wieħed jakkwista din it-togħma mis-sens ta’ rebħa fuqek innifsek u t-tama ta’ ġejjieni fil-qrib mimli saħħa. L-oħrajn għandhom l-importanza tagħhom għax meta tqabbadhom tkun qed tiddikjara l-libertà tiegħek innifsek u l-ġejjieni ta’ saħħa b’saħħitha hemm għadu, imma jitbiegħed ftit.
Id-dati fuq il-ħitan tal-kamra tiegħi kienu stampati b’kull kulur, anki mpittrin biż-żejt. Ir-riżoluzzjoni, magħmula b’fidi inġenwa għall-aħħar, kienet issib espressjoni adegwata fil-qawwa tal-kulur li kellu jitfi ’l dak li kien intuża għar-riżoluzzjoni ta’ qabel. Ċerti dati kont nippreferihom għall-konkordanza taċ-ċifri. Mis-seklu li għadda niftakar data li kien deherli kellha tissiġilla għal dejjem it-tebut li fih ridt inpoġġi l-vizzju tiegħi. “Id-disa’ jum tad-disa’ xahar tal-1899.” Sinifikanti, le? Is-seklu l-ġdid ġabli dati daqstant mużikali: “L-ewwel jum tal-ewwel xahar tal-1901.” Sal-ġurnata tal-lum, għadu jidhirli li kieku dik id-data kellha tirrepeti ruħha, jien inkun naf nibda ħajja ġdida.
Imma fil-kalendarju d-dati ma jonqsux u bi ftit immaġinazzjoni kull waħda minnhom tista’ tiġi addattata għal riżoluzzjoni tajba. Niftakar, għax kien deherli li kien fiha imperattiv supremament kategoriku din li ġejja: “It-tielet jum tas-sitt xahar tal-1912 fis-siegħa 24:00.” Iddoqqli għax qisu kull numru jirdoppja l-imħatra.
Is-sena 1913 tatni mument t’eżitazzjoni. Ma kienx fiha t-tlettax-il xahar biex ikun pariġġ is-sena. Imma ma kontx naħseb li hemm bżonn tant qbil f’data biex tingħata prominenza lill-aħħar sigarett. Ħafna dati li nsib imniżżlin fuq kotba jew inkwatri favoriti jispikkaw għad-deformità tagħhom. Pereżempju t-tielet jum tat-tieni xahar tal-1905 fis-sitta! Għandu ritmu għalih jekk toqgħod taħseb ftit, għax kull numru jinnega ’l ta’ qablu. Ħafna avvenimenti, anzi kollha, mill-mewt ta’ Piju IX sat-twelid ta’ ibni, dehruli denji li jkunu ffesteġġjati bis-soltu riżoluzzjoni iebsa daqs il-ħadid. Kulħadd fil-familja jibqa’ mistagħġeb bil-memorja li għandi għall-anniversarji tagħna ta’ ferħ u ta’ niket u jaħsbuni persuna mill-aħjar! Biex nidher daqsxejn inqas taċ-ċajt, kont nipprova ndaħħal ftit l-element filosofiku fil-marda tal-aħħar sigarett. Ngħidu b’atteġġament mill-isbaħ: “Qatt iktar!” Imma fejn imur dak l-atteġġament jekk il-wegħda żżommha? Dak atteġġament li ma jistax ikollok ħlief meta tiġi biex iġġedded ir-riżoluzzjoni. Wara kollox iż-żmien, għalija, mhuwiex dik il-ħaġa li ma tinħasibx, li ma tieqaf għal ħadd. Għalija, għalija biss, iż-żmien jiġi lura.
Il-mard huwa konvinzjoni u jien twelidt b’dik il-konvinzjoni. Minn dik il-marda li kelli meta kont t’għoxrin ma niftakar xejn kieku mhux għax kont iddeskrivejtha lit-tabib. Ħaġa kurjuża kif niftakar aħjar il-kliem mitkellem milli s-sentimenti li ma jaslux iqallbu l-arja.
Kont mort għand dak it-tabib għax kienu qaluli li jfejjaq il-mard tan-nervi bl-elettriku. Jien ħsibt li stajt nieħu mill-elettriku l-qawwa li kelli bżonn biex naqta’ s-sigaretti.
It-tabib kellu żaqq kbira u n-nifs ażmatiku tiegħu kien ta’ akkumpanjament għaż-żarżira tal-magna elettrika li ħariġha mill-ewwel, fl-ewwel seduta, ħaġa li ddiżappuntatni għax kont qed nistenna li huwa u jistudjani kien se jsibli l-velenu li kien qed iniġġisli demmi. Minflok, hu stqarr li jsibni magħmul b’saħħti, minkejja li gergirli li kont nomgħod u norqod ħażin, u ssopona li l-istonku tiegħi kien nieqes mill-aċti u li l-moviment peristaltiku tiegħi (tant qalha dik il-kelma li ma nsejtha qatt) ma tantx kien fuq tiegħu. Kien ukoll issuġġerieli ċertu aċtu li kien ġabni żewġ għax minn dak iż-żmien bqajt inbati bl-aċtu żejjed.
Meta ndunajt li waħdu qatt ma kien se jiskopriha n-nikotina f’demmi, ridt ngħinu u esprimejt li kien għaddieli minn rasi li l-indispożizzjoni tiegħi kienet ġejja minnha. B’diffikultà għolla dawk l-ispallejn tqal tiegħu u qalli:
— Moviment peristaltiku… aċtu… in-nikotina m’għandhiex x’taqsam!
B’kollox tani l-elettriku sebgħin darba u kont inkun għadni għaddej bihom kieku mhux għax qist li kont ħadt biżżejjed. Iktar milli għax kont qed nistenna l-mirakli, kont immur bil-ħerqa għal dawk is-seduti bit-tama li nikkonvinċi ’t-tabib li jgħidli naqta’ s-sigaretti. Min jaf kif kienu jmorru l-affarijiet kieku dak iż-żmien tqawwietli r-rieda tiegħi b’xi projbizzjoni hekk.
Hawn hi d-deskrizzjoni tal-marda tiegħi kif kont tajtha lit-tabib: “Ma nistax nistudja u anki dawk id-drabi ta’ kultant meta nintefa’ fis-sodda kmieni, nibqa’ mqajjem sal-ewwel daqq tal-qniepen. Għalhekk ġej u sejjer bejn il-Liġi u l-Kimika għax dawn iż-żewġ dixxiplini jeħtieġu xogħol li jibda f’ħin fiss mentri jien qatt ma nkun naf fi x’ħin kapaċi nkun imqajjem.”
— L-elettriku jfejjaq kull insomnja, qatagħha dan l-Asklepju, għajnejh pjuttost fuq l-arloġġ tal-magna milli fuq il-pazjent.
Wasalt biex nitħaddet miegħu daqslikieku hu seta’ jifhem il-psikoanaliżi li jien, timidament, kont iżżattajt għaliha. Irrakkuntajtlu l-miżerja tiegħi fejn jidħlu n-nisa. Waħda mhux biżżejjed u lanqas ħafna. Ridthom kollha! Barra, fit-triq, l-aġitazzjoni tiegħi kienet enormi: huma u għaddejjin, kienu kollha tiegħi. Kont niflihom b’insolenza għax kelli bżonn inħossni brutali. F’moħħi kont inneżżagħhom, inħallilhom biss iż-żarbun, imma kont naqbadhom f’dirgħajja u nitlaqhom biss meta nkun ċert sew li kont sirt naf kull waħda kollha kemm hi.
Sinċerità u bżieq moħlija! It-tabib ħa nifs esaġerat:
— Nispera li l-applikazzjonijiet tal-elettriku ma jfejqukx minn marda bħal din. Hekk jonqos! Jien ma mmissx Rumkorff oħra kieku kelli x’nibża’ minn effett bħal dan.
Irrakkuntali aneddotu li kien jinżillu tajjeb. Wieħed marid bl-istess marda li għandi jien mar għand tabib famuż jitolbu biex ifejqu u t-tabib, li rnexxielu perfettament, kellu jemigra għax kieku m’għamilx hekk l-ieħor kien iqaxxru ħaj.
— L-eċitazzjoni tiegħi mhix tat-tip tajjeb, għajjatt jien. Ġejja mill-velenu li għandi jiġri fil-vini! It-tabib qarras ftit wiċċu u qal minn taħt l-ilsien:
— Ħadd mhu kuntent b’li għandu.
U kien biex nikkonvinċih li għamilt dak li ma riedx jagħmel hu u studjajt il-marda tiegħi billi żammejt kont tas-sintomi kollha: l-aljenazzjoni tiegħi! Anki dik kienet ittellifni milli nistudja. Kont Graz inlesti għall-ewwel eżami tal-gvern u kont ħadt nota bl-eżatt ta’ kull kitba li kelli bżonn sal-aħħar eżami. Spiċċajt li ftit jiem qabel l-eżami ndunajt li kont studjajt xi affarijiet li kien se jkolli bżonnhom biss xi sentejn wara. Għalhekk kelli nipposponi l-eżami. Verament, ma tantx kont studjajthom l-affarijiet l-oħrajn minħabba tfajla li kienet toqgħod viċin, li fl-aħħar mill-aħħar ftit tatni wiċċ ħlief għal ftit inkejja sfaċċata. Meta kienet tkun fit-tieqa kont nitlef rasi. Imma mhux imbeċilli tgħidlu xi ħadd li jagħmel dawn l-affarijiet? Niftakar dak il-wiċċ żgħir u abjad ta’ dik it-tfajla fit-tieqa: ovali, imdawwar bin-nokkli arjużi ġinġrin. Kont inħares lejha u noħlom li nagħfas dik il-bjuda u dik is-sfurija tagħti fl-aħmar ma’ ħaddi.
Asklepju qal minn taħt l-ilsien:
— Dawn l-affarijiet dejjem jagħmlulek il-ġid. Meta tkun daqsi ma tibqax tagħmilhom.
Illum il-ġurnata naf li ma kien jifhem assolutament xejn. Għandi sebgħa u ħamsin sena u ċert li jekk ma niqafx inpejjep jew jekk il-psikoanaliżi ma tfejjaqnix, l-aħħar daqqa t’għajn mis-sodda tal-mewt tkun l-espressjoni tax-xenqa tiegħi għall-infermiera, sakemm din ma tkunx marti stess, u sakemm marti tkun ippermettiet li din tkun sabiħa!
Kont sinċier bħal fil-qrar: mara għalija ma kinitx togħġobni sħiħa, imma… biċċa biċċa! Ta’ kollha kienu jogħġbuni s-saqajn jekk imqegħdin f’żarbun ħelu, ta’ ħafna l-għonq irqiq jew anki pjuttost qawwi u s-sider jekk jogħla ħafif, ħafif. U komplejt bl-enumerazzjoni tal-partijiet anatomiċi femminili, imma t-tabib waqqafni:
— Dal-biċċiet kollha flimkien jagħmlu mara sħiħa.
Imbagħad jien għedt kelma importanti:
— L-imħabba f’sikkitha hi dik li tħaddan mara waħda u sħiħa, inkluż il-karattru u l-intelliġenza tagħha.
Sa dak iż-żmien kont għadni ma nafx imħabba hekk u meta sirt nafha lanqas dik ma tatni s-saħħa, imma importanti għalija li niftakar li kont sibt il-mard fejn tabib ra s-saħħa u li dwar id-dijanjosi tiegħi, iż-żmien tani raġun.
Permezz ta’ sieħbi mhux tabib sibt lil min jifhem aħjar il-marda tiegħi. Ma kienx ta’ xi vantaġġ kbir dan, imma f’ħajti kienet nota ġdida li għadha tidwi sal-lum.
Dan sieħbi kien wieħed sinjur ma jagħmel xejn li kien isebbaħ l-għażż tiegħu bi studji u xogħlijiet letterarji. Kien jitkellem ħafna aħjar milli jikteb u għaldaqstant id-dinja qatt ma setgħet tkun taf il-persuna letterarja li kien hemm ġo fih. Kien oħxon u kbir u meta sirt nafu kien qed jagħmel, b’ħafna entużjażmu, kura biex jirqaq. Fi ftit jiem kien laħaq riżultat tajjeb ħafna, tant li fit-triq kulħadd kien iwaqqfu bit-tama li jħoss aħjar saħħtu maġenb dal-marid. Kont ngħir għalih għax kien jaf jagħmel li jrid u twaħħalt miegħu sakemm damet il-kura tiegħu. Kien iħallini mmisslu żaqqu li kuljum kienet tonqos u jien, kollni rieda ħażina minħabba l-għira, ridt indgħajjiflu r-rieda tiegħu u kont ngħidlu:
— Imma meta tkun lesta l-kura x’se tagħmel b’dil-ġilda kollha?
Bil-kalma kollha, li kienet tagħmilhulu komiku dak wiċċu mixrub, weġibni:
— Sa jumejn oħra ħa nibda l-kura tal-massaġġi.
Il-kura tiegħu kienet pjanata f’kull dettall u hu kien ċert li se jlaħħaq ma’ kull data.
Spiċċajt kelli fiduċja kbira fih u ddeskrivejtlu l-marda tiegħi. Anki din id-deskrizzjoni niftakar. Spjegajtlu li kien jidhirli li huwa iktar faċli li ma tikolx tliet darbiet kuljum milli ma tpejjipx biżibilju sigaretti li għal kull wieħed ikollok tagħmel l-istess riżoluzzjoni. B’riżoluzzjoni bħal din f’moħħok ma jkollok ħin tagħmel xejn iżjed għax Ġulju Ċesri biss kien kapaċi jagħmel ħafna xorti fl-istess ħin. Verament li ħadd ma jippretendi li jien għandi naħdem sakemm għadu ħaj l-amministratur tiegħi Olivi, imma kif jista’ jkun li persuna bħali ma tkun taf tagħmel xejn f’din id-dinja ħlief toħlom u tħanxar fuq il-vjolin, li lanqas biss ninqala’ għalih?
L-oħxon imraqqaq ma tax mill-ewwel it-tweġiba tiegħu. Kien raġel metodiku u l-ewwel ħasibha fit-tul. Imbagħad b’arja dottorali li kienet tixraqlu meta tqis is-superjorità kbira tiegħu fl-argumentar, spjegali li l-veru marda tiegħi kienet ir-riżoluzzjoni u mhux is-sigaretti. Kien imissni nipprova naqta’ dak il-vizzju mingħajr ma nagħmel ir-riżoluzzjoni. Ġewwa fija — skont hu — matul is-snin kienu ġew iffurmati żewġ persuni li minnhom waħda kienet tikkmanda u l-oħra ma kienet xejn ħlief ilsir li, malli tbatti ftit l-għassa, imur kontra r-rieda tas-sid għall-imħabba tal-libertà. Kelli bżonn għaldaqstant nagħtih il-libertà assoluta u fl-istess ħin kelli nħarislu dritt f’għajnejh il-vizzju bħallikieku kien għadu ġdid u qatt ma rajtu. Kelli bżonn mhux niġġilidlu, imma nittraskurah u ninsieh b’tali mod li jabbandunani, jagħtini dahru daqslikieku kont kumpanija li hu stess jagħraf li mhuwiex denju tagħha. Sempliċi, le?
Fil-fatt il-biċċa dehritli sempliċi. Wara kollox veru li meta bi sforz kbir irnexxieli nelimina minn ruħi kull riżoluzzjoni, kien irnexxieli ma npejjipx għal diversi sigħat, imma meta l-ħalq kien ikun tnaddaf, kont intiegħem togħma innoċenti kif ittiegħem tarbija tat-twelid, kien jaqbadni għal sigarett u meta npejpu kien jaqbadni rimors li minnu nġedded ir-riżoluzzjoni li ridt neħles minnha. Kienet triq itwal, imma kienet twassal għall-istess post.
Dak l-imgħarraq Olivi darba tani idea: li nsaħħaħ ir-riżoluzzjoni tiegħi bi mħatra.
Naħseb li Olivi kellu minn dejjem l-istess xeħta li naralu issa. Minn dejjem hekk rajtu, daqsxejn mgħawweġ, imma sod u dejjem xiħ stħajjiltu, kif narah xiħ issa li għandu tmenin sena. Ħadem u jaħdem għalija, imma ma nħobbux għax naħseb żammni lura milli nagħmel ix-xogħol li jagħmel hu.
Għamilna mħatra! L-ewwel li jpejjep kellu jħallas, imbagħad it-tnejn inkunu rġajna rbaħna l-libertà tagħna. U b’hekk l-amministratur, li ġie impost fuqi biex iwaqqafni milli nberbaq il-wirt ta’ missieri, kien qed jipprova jnaqqas dak t’ommi, amministrat liberament minni!
L-imħatra malajr urietni li kienet perniċjuża għall-aħħar. Ma kontx bqajt nalterna u kultant inkun is-sid imma kont sirt biss l-iskjav, u ta’ dak Olivi li ma kontx inħobb! Pejjipt mill-ewwel. Imbagħad ħsibt li nqarraq bih billi nibqa’ npejjep bil-moħbi. Imma allura għalfejn għamilnieha dik l-imħatra? Bilġri allura ppruvajt insib data li kienet toqgħod sabiħ mad-data tal-imħatra biex inpejjep l-aħħar sigarett u li hekk, b’ċertu mod, kont stajt nimmaġina li tibqa’ f’moħħ anki Olivi stess. Imma r-ribelljoni kompliet u sforz it-tipjip spiċċajt b’affann. Biex neħles minn dal-piż mort għand Olivi u qerrejt miegħu.
Ix-xiħ ġabar il-flus bi tbissima u minnufih ħareġ sigarru kbir mill-but li qabbad u qagħad jitpaxxa jpejpu. Qatt ma kelli dubju li ma kienx żamma l-imħatra. In-nies magħmulin differenti minni.
It-tifel tiegħi kien għadu kif għalaq tliet snin meta l-mara ġietha idea tajba. Tatni parir, biex taqtagħli l-vizzju, li tagħlaqni għal ċertu żmien ġo dar tal-kura. Aċċettajt fil-pront, l-ewwel nett għax ridt li meta t-tifel jilħaq l-età li jista’ jiġġudikani jsibni ekwilibrat u kalm, imbagħad ukoll għar-raġuni iktar urġenti li Olivi kien ħażin u kien qed jhedded li jabbandunani u b’hekk ikolli noħodlu postu minn mument għall-ieħor u ma tantx kont inħossni niflaħ wisq taħbit b’dik in-nikotina kollha f’ġismi.
Għall-ewwel ħsibna li mmorru l-Iżvizzera, il-pajjiż klassiku għad-djar tal-kura, imma mbagħad sirna nafu li fi Trieste kien hemm ċertu Tabib Muli li kien għadu kif fetaħ stabbiliment. Qabbadt ’il-mara tirrikorri s’għandu, u hu offrielha li jpoġġi għad-dispożizzjoni tiegħi appartament żgħir magħluq li fih kont inkun taħt is-sorveljanza ta’ infermiera megħjuna wkoll minn persuni oħrajn. Waqt li kienet qed tgħidli fuqu l-mara, daqqa bdiet titbissem u daqqa tinfaqa’ tidħaq. Daħħqitha l-idea li nissakkar u jien f’qalbi dħaqt magħha. Kienet l-ewwel darba li ngħaqdet miegħi fit-tentattivi tiegħi biex nitfejjaq. Sa dak il-waqt hi ma kienet qatt ħaditha bis-serjetà l-marda tiegħi u kienet tgħid li t-tipjip ma kienx għajr mod ftit stramb u mhux wisq tedjanti kif tgħix. Ikolli ngħid kienet ħadet sorpriża sabiħa wara li żżewġitni li qatt ma semgħetni nibki l-libertà li tlift, tant kont okkupat nibki affarijiet oħra.
Morna d-dar tal-kura dakinhar li Olivi qalli li bl-ebda mod ma kien se jibqa’ miegħi wara dak ix-xahar.
Id-dar lestejna ftit bjankerija f’bagoll u filgħaxija konna pronti morna għand it-Tabib Muli. Hu stess laqagħna fil-bieb. Dak iż-żmien it-Tabib Muli kien ġuvnott sabiħ. Kien l-eqqel tas-sajf u hu, żgħir, anzjuż, wiċċ żgħir ismar bix-xemx li fih xegħlu aħjar għajnejh suwed, kien xempju tal-eleganza, liebes l-abjad mill-għonq fin tal-qmis saż-żarbun. Hu ħeġġeġ l-ammirazzjoni tiegħi, imma kien ċar li anki jien kont ħeġġiġt tiegħu.
Daqsxejn mistħi, meta fhimt il-kawża ta’ din l-ammirazzjoni, għedtlu:
— Ħeqq, hi la temmen fin-neċessità tal-kura u lanqas fis-serjetà li nieħdok biha.
B’daqsxejn ta’ tbissima, li anki weġġgħetni, it-tabib wieġeb:
— Għaliex? Forsi veru li s-sigaretti jagħmlulek iktar ħsara milli nammettu aħna t-tobba. Biss ma nifhimx għaliex inti, minflok ma taqtagħhom ex abrupto s-sigaretti, ma ġitekx f’rasek li tnaqqas in-numru ta’ sigaretti li tpejjep. Tista’ tpejjep, imma m’hemmx għalfejn tesaġera.
Fil-fatt, sforz ta’ kemm ridt naqtagħhom għalkollox is-sigaretti, l-idea li npejjep inqas qatt ma kienet għaddietli minn rasi.
Imma f’dak il-mument, dak il-parir ma seta’ jagħmel xejn ħlief idgħajjifli r-rieda tiegħi. Kellimtu b’mod deċiż:
— Issa li qtajnieha hekk, ħallini nippruvaha dil-kura.
— Tipprova?
U t-tabib daħaq b’arja ta’ superjorità.
— Ladarba dħalt għaliha, il-kura trid tirnexxi. Jekk ma tridx tuża s-saħħa muskolari tiegħek mal-povra Giovanna, m’intix se tkun tista’ toħroġ minn hawn. Il-formalitajiet biex tillibera ruħek minn hawn idumu tant li sadattant tkun insejtu l-vizzju tiegħek.
Sibna rwieħna fl-appartament li kien destinat għalija billi rġajna nżilna lura fil-pjanterran wara li konna tlajna sat-tieni sular.
— Qed tara? Dak il-bieb imbarrat jimpedixxi l-komunikazzjoni mal-parti l-oħra tal-pjanterran fejn hemm il-ħruġ. Lanqas Giovanna m’għandha ċ-ċwievet. Hi stess biex tiġi minn barra trid titla’ sat-tieni sular u hi biss għandha ċ-ċwievet għal dak il-bieb li fetħitilna fuq dak il-mezzanin. Wara kollox, fit-tieni sular dejjem hemm l-għassa. Mhux ħażin, eh, għal dar tal-kura għat-tfal u l-ommijiet ġodda?
U nfaqa’ jidħaq, forsi bl-idea li kien sakkarni mat-tfal. Sejjaħ lil Giovanna u introduċiena. Kienet mara żgħira żgħira ta’ età li ma stajtx tagħraf bl-eżatt u li setgħet tvarja bejn l-erbgħin u s-sittin sena. Kellha għajnejn żgħar jixegħlu taħt xagħar griż ħafna. It-tabib qalilha:
— Hawn hu s-Sinjur li miegħu trid tkun lesta tiġi fl-idejn.
Ħarset lejja, tiflini, ħmaret sew u għajtet b’leħen iwerżaq:
— Jien nagħmel dmiri, imma żgur ma nistax nitqabad miegħek. Jekk theddidni, ngħajjat ’l-infermier li hu raġel b’saħħtu u, jekk ma jkunx ġie fil-pront, inħallik titlaq fejn trid għax jien żgur ma rridx nipperikola ħajti!
Sirt naf wara li t-tabib kien taha dan l-inkarigu bil-wegħda ta’ kumpens sostanzjali, u dan kompla jbeżżagħha. Dak il-ħin kliemha tani fastidju. X’pożizzjoni sabiħa kont sibt ruħi fiha, u volontà tiegħi!
— U x’ħajtek l-anġli! għajjatt jien. Min se jipperikolalek ħajtek? Dort fuq it-tabib. Irrid li din il-mara tkun avżata biex ma ddejjaqnix! Ġibt miegħi xi kotba u nixtieq nitħalla fil-paċi.
It-tabib intervjena b’xi kliem ta’ twiddib lil Giovanna. Biex tiskuża ruħha, kompliet tattakkani:
— Jien għandi żewġt itfal, tnejn żgħar, u hemm bżonn nibqa’ ħajja.
— Jien ma nindenjax ruħi noqtlok, irrispondejtha b’ton li żgur ma setax iserrħilha moħħha ’l dik il-povra mara.
It-tabib ħeles minnha billi qabbadha tmur iġġib ma nafx xiex mis-sular ta’ fuq u, biex iserraħli rasi, issuġġerieli li jpoġġi persuna oħra minflokha, u żied jgħid:
— Mhix mara mill-agħar u jekk ngħidilha tigdem ftit ilsienha, ma jkollokx iktar xi tgerger minnha.
Biex nurih li ma jimpurtanix mill-persuna inkarigata biex toqgħodli għassa, għedtlu li naċċetta li nissaportiha. Ħassejt il-bżonn li nikkalma, ħriġt mill-but is-sigarett ta’ qabel tal-aħħar u pejjiptu qisni l-imġewwaħ. Spjegajt lit-tabib li kont ġibt tnejn biss miegħi u li ridt nieqaf inpejjep f’nofsillejl bomm.
Marti telqet mat-tabib. Hi u sejra qaltli bi tbissima:
— La ddeċidejt hekk, żomm sod.
Bit-tbissima tagħha li kont tant inħobb ħassejtha qiegħda twaqqagħni għaċ-ċajt u kien proprju f’dak il-mument li f’qalbi twieled sentiment ġdid li kien se jiżgura li tentattiv li bdejtu tant bis-serjetà kien destinat li jfalli mill-ewwel. F’daqqa waħda ħassejtni ħażin, imma sirt naf x’kien li qed iġegħelni nsofri biss meta ħallewni waħdi. Għira mqita tal-imġienen għat-tabib żagħżugħ. Sabiħ, liberu! Kienu jgħidulu l-Venere tal-Medici. Għax ma kellhiex tħobbu marti? Kif kien miexi warajha, meta telqu, ħarsilha lejn saqajha mdaħħlin f’żarbun eleganti. Kienet l-ewwel darba li ħassejt l-għira minn mindu żżewwiġt. Dik diqa! Kienet tmur sew mal-istat abbjett ta’ priġunier. Irreżistejt! It-tbissima ta’ marti kienet it-tbissima tas-soltu tagħha u ma kinitx qed tidħaq bija għax irnexxielha tkeċċini mid-dar. Verament kienet hi li sakkritni hawn ġew minkejja li qatt ma tatu importanza ’l-vizzju tiegħi; imma żgur dan kienet għamlitu biex tintgħoġob miegħi. Wara kollox, ma ftakartx li ma kienx daqshekk faċli li ssir tħobbha ’l-mara tiegħi? Jekk it-tabib kien ħarsilha lejn saqajha, żgur kien għamel dan biex jara liema żarbun kellu jixtrilha ’l-maħbuba tiegħu. Imma l-aħħar sigarett pejjiptu mill-ewwel; u kien għadu mhux nofsillejl, imma l-ħdax, ħin impossibbli għall-aħħar sigarett.
Ftaħt ktieb. Qrajt mingħajr ma fhimt u kelli saħansitra d-dehriet. Il-paġna li fuqha żammejt il-ħarsa fissa kienet miksija ritratti tat-Tabib Muli fil-glorja kollha tal-ġmiel u l-eleganza tiegħu. Ma kontx naf nirreżisti! Sejjaħt ’il Giovanna. Forsi jekk nitkellem ftit kont nikkalma. Hi ġiet u mill-ewwel tatni ħarsa suspettuża. Qaltli tgħajjat b’dak il-leħen iwerżaq tagħha:
— Tistenniex li se jirnexxilek iġġegħelni nittraskura dmiri.
Intant, biex nagħlqilha ħalqha, gdibt u għedtilha li dan ’qas kien għaddieli minn rasi, li ma kellix iktar aptit naqra u li kont nippreferi ngħid erba’ kelmiet magħha.
Poġġejtha bilqiegħda faċċata tiegħi. Proprju kienet timbuttani b’dak il-wiċċ ta’ xiħa u għajnejn taż-żgħar iżebbġu bħal tal-annimali debboli kollha. Ikkumpatejt lili nnifsi, li kelli nissaporti kumpanija bħal dik! Verament li lanqas meta jkolli l-libertà ma kont naf nagħżel l-aħjar nisa biex ipoġġu jħarsu lejja għax is-soltu jkunu huma li jagħżlu lili, bħalma kienet għamlet il-mara.
Tlabt lil Giovanna taljenani u billi qalet li ma kienet taf tgħid xejn li kien jixraqlu l-attenzjoni tiegħi, tlabtha tirrakkuntali fuq il-familja tagħha li, żidt ngħidilha, kważi kollha f’did-dinja għandna almenu waħda.
Hi allura obdiet u bdiet billi rrakkuntatli li kellha tpoġġi ż-żewġt itfal tagħha l-Istitut.
Jien bdejt nisma’ b’interess għax dawk it-tmintax-il xahar tqala moħlijin hekk, rajthom tad-daħq. Imma hi kellha karattru wisq polemikuż u jien ma flaħtx nismagħha meta l-ewwel riedet tgħidli li hi ma setgħetx tagħmel mod ieħor meta tqis kemm ma kinitx twassal il-paga tagħha u mbagħad li t-tabib kellu tort meta jumejn qabel kien qalilha li żewġ kuruni kuljum kienu biżżejjed għax l-Istitut tal-Foqra kien qed imantnilha l-familja kollha. Għajtet:
— U l-bqija? Meta jkunu tawhom l-ikel u l-ħwejjeġ tgħid ma jkollhomx kulma għandhom bżonn! U semmiet sensiela ta’ affarijiet li kellha tixtri għat-tfal u li issa m’għadnix niftakar, għax biex nipproteġi s-smigħ minn leħinha jwerżaq, dawwart ħsiebi apposta lejn affarijiet oħra. Imma kont madankollu ferut u deherli li kelli dritt għal kumpens:
— M’għandekx sigarett fuqek, imqar wieħed? Inħallsek għaxar kuruni, imma għada, għax fuqi ’qas sold m’għandi.
Giovanna ħadet qatgħa kbira bil-proposta tiegħi. Bdiet tgħajjat; riedet tgħajjat ’l-infermier u qamet minn postha biex toħroġ.
Biex tagħlaq ħalqha mort lura mill-ewwel mill-proposta tiegħi u, bl-addoċċ, biex inkun għedt xi ħaġa, staqsejt:
— Imma f’dal-ħabs m’hawnx għall-inqas xi ħaġa x’tixrob?
Giovanna kienet pronta tweġibni u, ħaġa tal-għaġeb għalija, b’ton tassew konverżazzjonali, mingħajr għajjat:
— Anzi! It-tabib, qabel ma ħareġ għaddieli dal-flixkun cognac. Ara, il-flixkun għadu magħluq. Qed tara, għadu ma ntmissx.
Sibt ruħi f’tali kundizzjoni li ma stajtx nara kif se noħroġ minnha ħlief billi nisker. Qed tara fiex ġabitni l-fiduċja f’marti!
F’dak il-mument deherli li l-vizzju tas-sigaretti ma kienx jiswieh l-isforz li kien iġegħelni ngħaddi minnu. Issa kont ilni ġa nofs siegħa ma npejjipx u ma ħsibt xejn fuq hekk, medhi kif kont bil-ħsieb tal-mara u t-Tabib Muli. Kont għaldaqstant imfejjaq għalkollox, imma irrimedjabbilment redikolu!
Ftaħt il-flixkun u ferrajt tazza mil-likwidu isfar. Giovanna kienet qiegħda tħares lejja b’ħalqha miftuħ, imma jien żammejt lura milli noffrilha minnu.
— Nista’ jkolli ieħor minnu meta nkun żvujtajtu dal-flixkun?
Giovanna, dejjem bl-iktar ton simpatiku u konverżazzjonali serrħitli rasi:
— Kemm tkun trid minnhom! Biex taqtagħlek xewqtek dik li tkun qed tieħu ħsieb il-provisti għandha tqum anki f’nofsillejl!
Jien qatt ma sofrejt mir-regħba u Giovanna kellha mill-ewwel it-tazza mimlija sax-xifer. Ma kinitx laħqet qalet grazzi li ma żvujtathiex u mill-ewwel dawret għajnejha jixegħlu lejn il-flixkun. Kienet għalhekk hi stess li tatni l-idea li nġibha fis-sakra. Imma ara taħseb li kienet xi ħaġa faċli!
Ma nafx nirrepeti eżattament dak li qaltli, wara li kienet niżżlet tazza wara tazza, bid-djalett Triestin pur tagħha, imma kelli l-impressjoni li kont maġenb persuna li, kieku ma kontx sturmentat bl-inkwiet li kelli, stajt kont noqgħod nismagħha bil-pjaċir kollu.
L-ewwel nett qaltli li hi hekk tħobb taħdem. Kulħadd f’did-dinja għandu jippretendi li jkollu dritt iqatta’ sagħtejn kuljum fuq pultruna komda bħal din, faċċata ta’ flixkun likwidu tajjeb, minn dak li ma jagħmillekx ħażin.
Pruvajt ngħid xi ħaġa anki jien. Staqsejtha jekk, meta kien ħaj żewġha, xogħolha kienx organizzat proprju b’dak il-mod.
Hi nfaqgħet tidħaq. Meta kien ħaj, żewġha kien iktar isawwatha milli jbusha u, meta tqis għal kemm kellha taħdem għalih, issa għaliha kollox kien qisu mistrieħ anki qabel ma wasalt jien f’dik id-dar bil-kura tiegħi.
Imbagħad Giovanna tħassbet u staqsietni jekk kontx nemmen li l-mejtin kienu jaraw dak li jagħmlu l-ħajjin. Baxxejt ftit rasi biex nuriha li nemmnu dan. Imma hi riedet tkun taf jekk il-mejtin, meta jaslu lil hinn, isirux jafu dak kollu li ġara hawn isfel meta huma kienu għadhom ħajjin.
Għal mument il-mistoqsija fixlitni. Biex tagħqad kienet poġġietha b’leħen dejjem iktar kwiet għax, biex ma jisimgħuhiex il-mejtin, Giovanna kienet baxxietu.
— Jiġifieri, mela, għedtilha, int lir-raġel qlibthielu.
Qaltli biex ma ngħajjatx imbagħad qerret miegħi li kienet qalbithielu, imma biss fl-ewwel xhur taż-żwieġ tagħhom. Imbagħad drathom id-daqqiet u kienet ħabbitu lir-raġel.
Biex inħalliha għaddejja l-konverżazzjoni staqsejtha:
— Allura l-ewwel tifla tiegħek ġiet fid-dinja permezz ta’ dal-ieħor?
Dejjem b’leħinha baxx ammettiet li hekk taħseb anki minħabba ċertu xebh. Jiddispjaċiha ħafna li qalbitha lir-raġel. Kienet qed tgħid hekk, imma dejjem bid-daħqa għax dawn affarijiet tad-daħq anki meta jkun jiddispjaċik. Imma biss kemm ilu li miet, għax qabel, peress li ma kienx jaf, il-biċċa ma setgħetx kienet importanti.
Immexxi minn ċertu simpatija fraterna, ippruvajt intaffilha d-dispjaċir u għedtilha li l-mejtin kienu jafu kollox, imma li minn ċertu affarijiet ma jimpurtahomx.
— Il-ħajjin biss isofru! esklamajt, jien u nagħti bil-ponn fuq il-mejda.
Kelli tbenġila f’idi u m’hemm xejn aħjar minn uġigħ fiżiku biex iqajjem fik ideat ġodda. Ilmaħt il-possibbiltà li waqt li kont sallabt lili nnifsi mal-idea li l-mara kienet qiegħda tapprofitta ruħha mir-reklużjoni tiegħi biex taqlibhieli, jista’ jkun li t-tabib kien il-ħin kollu fid-dar tal-kura, u f’dak il-każ jien stajt nerġa’ nkun trankwill. Tlabt lil Giovanna biex tmur tara, għedtilha li kelli bżonn ngħidlu xi ħaġa lit-tabib u wegħedtha bħala rigal il-flixkun sħiħ. Hija pprotestat li ma kinitx tħobb tixrob daqshekk, imma mill-ewwel qagħdet u smajtha ssabbat saqajha tielgħa titbandal it-taraġ tal-injam sat-tieni sular biex toħroġ mill-klawsura tagħna. Imbagħad reġgħet niżlet, imma waqgħet b’ħafna storbju u għajjat.
— Nirra jieħdok ix-xitan! għedtilha jien, imbaqbaq, minn taħt l-ilsien. Kieku kisret għonqha s-sitwazzjoni tiegħi kienet issir ħafna iktar sempliċi.
Minflok, waslet lura titbissem għax kienet tinstab f’dak l-istat li fih il-weġgħat ma tantx iweġġgħuk. Irrakkuntatli li kienet tkellmet mal-infermier li kien daħal fis-sodda, imma li se jibqa’ għad-dispożizzjoni tagħha, f’każ li nġib ruħi ħażin. Għolliet idha u bis-suba’ l-werrej ippuntat akkumpanjat dak il-kliem b’ġest ta’ theddida mtaffi bi tbissima. Imbagħad, xott xott, żiedet li t-tabib ma reġax ġie lura minn mindu ħareġ ma’ marti. Proprju minn dak il-ħin! Anzi, għal xi ftit sigħat l-infermier kien qed jispera li jiġi lura għax kien hemm marid li kellu bżonn li jarah hu. Issa kien qata’ qalbu.
Jien ħarist lejha biex nitkixxef jekk it-tbissima mifruxa fuq wiċċha kinitx falza jew kinitx ġdida għalkollox u ġejja mill-fatt li t-tabib kien qiegħed ma’ marti minflok miegħi, li kont il-pazjent tiegħu. Rasi bdiet iddur bir-rabja li qabditni. Ikolli nammetti li, bħal dejjem, f’ruħi kienu qed jissieltu żewġ persuni li minnhom waħda, l-iktar waħda raġjonevoli, kienet qiegħda tgħidli: “Imbeċilli! Għax taħseb li l-mara qiegħda taqlibhielek? Hi m’għandhiex bżonn taqflek biex ikollha l-opportunità.” L-oħra, u kienet żgur dik li riedet tpejjep, kienet ukoll qiegħda tgħajjarni imbeċilli, imma biex tgħajjat: “Ma tiftakarhiex il-kumdità li ġġib magħha l-assenza tar-raġel? Mat-tabib li issa mħallas minnek!”
Giovanna, waqt li kompliet tixrob, qalet:
— Insejt nagħlaq il-bieb tat-tieni sular. Imma ma rridx nerġa’ nagħmel dawk iż-żewġ sulari. Hemm fuq dejjem ikun hemm in-nies u min jaf x’figura taqta’ jekk tipprova taħrab.
— Hekk hu! għedt jien b’dak il-minimu t’ipokrezija li issa kien hemm bżonn biex ninganna l-povra mara. Imbagħad niżżilt ftit cognac jien ukoll u ddikjarajt li issa li għandi tant minn dak l-ispirtu għad-dispożizzjoni tiegħi, mis-sigaretti m’għadu jimpurtani xejn. Hi emmnitni mill-ewwel u allura ħarriftilha li ma kontx verament jien li ridt naqtgħu l-vizzju tat-tipjip. Il-mara riditni. Tajjeb li tkun taf li meta nkun pejjipt għaxar sigaretti nsir terribbli. Kwalunkwe mara li kienet tinzerta qribi kienet issib ruħha fil-periklu.
Giovanna bdiet tidħaq tgħajjat, mitluqa fuq is-siġġu:
— U tkun il-mara li żżommok milli tpejjiphom l-għaxar sigaretti li hemm bżonn?
— Proprju hekk! Għall-inqas lili hi kienet twaqqafni.
Ma kinitx injuranta sa barra Giovanna meta jkollha daqshekk cognac ġo fiha. Qabditha d-daqquqa u kważi waqgħet mis-siġġu bid-daħq, imma meta n-nifs kien jippermettilha, bi kliem miksur, bdiet tpinġi immaġni ta’ barra minn hawn imnebbħa mill-marda tiegħi: għaxar sigaretti… nofs siegħa… idoqq l-iżveljarin… imbagħad…
Ikkoreġejtha:
— Għal għaxar sigaretti jien għandi bżonn madwar siegħa. Imbagħad biex nistenna l-effett sħiħ għandi bżonn siegħa oħra, għaxar minuti ’l hawn u ’l hemm…
F’daqqa waħda Giovanna sserjat u qamet mingħajr wisq tbatija mis-siġġu tagħha. Qalet li dieħla fis-sodda għax kienet qiegħda tħoss ftit rasha tuġagħha. Offrejtilha li tieħu l-flixkun magħha, għax jien kont ħadt biżżejjed minn dak l-ispirtu. Ipokritament għedtilha li l-ġurnata ta’ wara ridtha ġġibli xi nbid tajjeb.
Imma hi mhux fuq l-inbid kienet qiegħda taħseb. Qabel ħarġet bil-flixkun taħt abtha tatni ħarsa li beżżgħatni.
Kienet ħalliet il-bieb miftuħ u wara ftit waqa’ f’nofs il-kamra pakkett li ġbart mill-ewwel: kien fih eżatt ħdax-il sigarett bil-għadd. Biex tkun ċerta, il-povra Giovanna riedet tifqagħni. Sigaretti ordinarji, Ungeriżi. Imma l-ewwel wieħed li xgħelt kien tajjeb ħafna. Verament ħassejtni ħadt ir-ruħ. Għall-ewwel ħassejtni bravu għax kont pattejthielha ’l dik id-dar li kienet tajba biex issakkar it-tfal, imma mhux lili. Imbagħad skoprejt li kont pattejtha anki lill-mara u deherli li kont ħallastha bl-istess munita. Għaliex, inkella, l-għira tiegħi kienet trażmutat ruħha f’kurżità tant sapportabbli? Qgħadt hemm trankwill inpejjep dawk is-sigaretti jqallgħuk.
Wara xi nofs siegħa ftakart li kelli bżonn naħrab minn dik id-dar fejn Giovanna kienet qed tistenna li titħallas. Ġbart iż-żarbun u ħriġt fil-kuritur. Il-bieb tal-kamra ta’ Giovanna kien imbexxaq u, minn nifisha qawwi u regolari, deherli li kienet rieqda. Tlajt bil-galbu sat-tieni sular fejn wara dak il-bieb — li kien tant kburi bih it-Tabib Muli — deffist iż-żraben. Ħriġt fuq mezzanin u bdejt nieżel it-taraġ, bil-mod biex ma nqajjimx suspett.
Kont wasalt fil-mezzanin tal-ewwel sular, meta sinjorina liebsa b’ċertu eleganza ta’ infermiera, segwietni biex tistaqsini bil-pulit:
— Qed tfittex lil xi ħadd?
Kienet ħelwa u ma kienx jiddispjaċini nispiċċahom ħdejha l-għaxar sigaretti. Tbissimtilha ftit aggressivament:
— It-Tabib Muli mhux hawn?
Berrqet għajnejha:
— Dal-ħin qatt ma jkun hawn.
— Ma tafx tgħidli fejn nista’ nsibu bħalissa? Id-dar għandi marid li għandu bżonnu. Kollha korteżija tatni l-indirizz tat-tabib u jien irrepetejtu iktar minn darba biex inġegħelha taħseb li ridt niftakru. Ma tantx kelli għaġla li nitlaq, imma hi, xott xott, tatni daharha. Verament ġejt imkeċċi mill-ħabs tiegħi.
Minn isfel kien hemm mara lesta biex tiftaħli l-bieb. Ma kellix sold fuqi u għedtilha minn taħt l-ilsien:
— Narak darb’oħra.
Il-ġejjieni qatt ma tista’ tkun tafu. Fejn nidħol jien l-affarijiet jirrepetu ruħhom: dejjem seta’ jagħti l-każ li nerġa’ ngħaddi minn hawn.
Il-lejl kien ċar u sħun. Għollejt il-kappell biex inħoss aħjar iż-żiffa tal-libertà. Ħarist lejn l-istilel b’ammirazzjoni qisni kont għadni kif għamilthom tiegħi. Il-ġurnata ta’ wara, ’il bogħod mid-dar tal-kura, kont se nkun waqaft inpejjep. Intant f’ħanut tal-kafè għadu miftuħ xtrajt sigaretti tajbin għax ma stajtx intemm il-karriera tiegħi tat-tipjip b’wieħed minn dawk is-sigaretti tal-povra Giovanna. Il-wejter li tahomli kien jafni u fdani nħallas wara.
Meta wasalt il-villa tiegħi daqqejt il-qanpiena b’ferneżija. L-ewwel feġġet fit-tieqa s-seftura mbagħad, wara ċertu ħin mhux wisq qasir, il-mara. Jien stennejtha waqt li kollni biered kont qed naħseb: “Mid-dehra hemm it-Tabib Muli.” Imma, meta għarfitni, marti bdiet tfaqqa’ d-daħq li rbombja fit-triq vojta u li kien tant sinċier li kellu jkun biżżejjed biex iħassar kull dubju.
Id-dar domt ma mmur norqod biex nagħmilha tal-inkwiżitur. Il-mara, li wegħedtha li nirrakkuntalha l-avventuri tiegħi tal-ġurnata ta’ qabel, li hi mingħaliha kienet taf, staqsietni:
— Imma għax ma tmurx fis-sodda?
Biex insib skuża għedt:
— Jidhirli li int approfittajt mill-assenza tiegħi biex tibdel il-post ta’ dak l-armarju.
Veru li nemmen li l-affarijiet, fid-dar, dejjem jibdlu posthom u huwa veru wkoll li marti ħafna drabi ċċaqlaqhom, imma dak il-ħin jien flejt kull kantuniera biex nara jekk kienx hemm moħbi l-ġisem żgħir, eleganti tat-Tabib Muli.
Minn marti ħadt aħbar tajba. Hi u ġejja lura mid-dar tal-kura nzertat iltaqgħet mat-tifel ta’ Olivi li qalilha li x-xiħ kien għadda għall-aħjar wara li ħa mediċina li kitiblu tabib ġdid li kellu.
Meta ġejt biex norqod ħsibt li kont għamilt tajjeb li tlaqt mid-dar tal-kura għax b’hekk kelli l-ħin kollu biex infejjaq lili nnifsi bil-mod. U wkoll, it-tifel, li kien rieqed fil-kamra ta’ ħdejna, żgur li kien għadu mhux qed ilesti biex jiġġudikani jew jimitani. Assolutament ma kien hemm għaġla ta’ xejn .