Djarju #1
Ira Melkoyan ma’ Noah Fabri

Id-djarji tad-demm

Ira Melkonyan ma’ Noah Fabri

Iddeċidejt li ma mmurx Odesa għalissa.Noah: Kemm togħġobni l-ewwel sentenza! “Iddeċidejt li ma mmurx Odesa għalissa. Qisha l-ewwel sentenza ta’ rumanz klassiku, u tqiegħdek fl-atmosfera tal-kitba li ġejja. Fil-fatt din l-ewwel entrata kollha tindika dak kollu li hu importanti fl-entrati li ġejjin — il-porożità tal-fruntieri, ir-relazzjoni ta’ Ira m’ommha, ix-xogħol fil-laboratorju, u l-gwerra fl-Ukrajna fl-isfond. Semmejtha lil Ira din, meta ltqajna biex induru l-ewwel parti tat-traduzzjoni, u qablet li din l-ewwel entrata importanti biex tissedimenta l-kunċetti li ħa jidhru iktar ’il  quddiem. Vera nixtieq, qed nixxennaq biex immur. Imma ommi qed tkun isterikament imbeżżgħa għalija. U jien bdejt nittieħed ukoll mill-inkwiet tagħha. Fejn tibda hi u fejn nibda jien qed jisfumaw.L-immaġni ta’ “our boundaries are blurry” togħġobni ħafna u naħseb li ħa jkun kunċett importanti f’dak li ġej — m’iniex daqshekk sodisfatt b’din it-traduzzjoni, tinħass daqsxejn sfurzata jew poetika żżejjed forsi? Qed naħseb f’alternattivi oħrajn li forsi jġebbdu ftit is-sens tal-oriġinal — “Minn dejjem konna nittieħdu minn xulxin. (tkompli ma’ ta’ qabilha) “M’iniex ċerta fejn tispiċċa hi u fejn nibda jien” (titlef l-idea tal-isfumar). Issa rrid nirritorna l-biljetti tal-ajru li qtajna għal Chișinău. Kieku ntiru sal-Moldova u naqbdu coach biex naqsmu l-fruntiera Ukrena għal Odesa. Jimmy kien qed jibża’ imma kien eċitat ukoll. Wara dawn is-snin kollha li ilu jafni, għadu qatt ma mar. Nixtieq nemmen li se nkun nista’ mmur hemm fl-2023. Mank! Imma did-darba, iddeċidejt li ma mmurx. U issa, f’daqqa waħda, minħabba li biddilna l-pjanijiet, għandi tliet ġimgħat liberi qabel ma nibda xogħol ġdid fil-laboratorju. X’ħa naqbad nagħmel? Qiegħda naqra mifxula. Ħa nikteb dak kollu li jiġi f’moħħi, imbagħad naraw.Noah: Kemm togħġobni l-ewwel sentenza! “Iddeċidejt li ma mmurx Odesa għalissa. Qisha l-ewwel sentenza ta’ rumanz klassiku, u tqiegħdek fl-atmosfera tal-kitba li ġejja. Fil-fatt din l-ewwel entrata kollha tindika dak kollu li hu importanti fl-entrati li ġejjin — il-porożità tal-fruntieri, ir-relazzjoni ta’ Ira m’ommha, ix-xogħol fil-laboratorju, u l-gwerra fl-Ukrajna fl-isfond. Semmejtha lil Ira din, meta ltqajna biex induru l-ewwel parti tat-traduzzjoni, u qablet li din l-ewwel entrata importanti biex tissedimenta l-kunċetti li ħa jidhru iktar ’il  quddiem. L-immaġni ta’ “our boundaries are blurry” togħġobni ħafna u naħseb li ħa jkun kunċett importanti f’dak li ġej — m’iniex daqshekk sodisfatt b’din it-traduzzjoni, tinħass daqsxejn sfurzata jew poetika żżejjed forsi? Qed naħseb f’alternattivi oħrajn li forsi jġebbdu ftit is-sens tal-oriġinal — “Minn dejjem konna nittieħdu minn xulxin. (tkompli ma’ ta’ qabilha) “M’iniex ċerta fejn tispiċċa hi u fejn nibda jien” (titlef l-idea tal-isfumar).

Niżfen

Ngħum

Mixjiet twal fix-xemx

Niltaqa’ ma’ sħabi nisa

Nivvjaġġa s’għand Liza D

Nivvjaġġa s’għand Clara G-F

Noqgħod mal-baby ta’ AliceNixtieq nikteb “tarbija” imma nħossha sfurzata fil-kuntest ta’ djarju, fis-sens fil-ħajja ta’ kuljum “baby” ngħidu… diskutibbli. Għażla oħra — tifel/tifla, żgħir/żgħira.

Norganizza l-istudio mill-ġdid

Mużajk

Insir inħobb ’l  Amsterdam u l-imkejjen misturi tagħha

Ikliet mal-ħbieb

Inċempel lin-nanna iktar spiss

Naqra x-xogħol ta’ Lesya Ukrainka (ili biex)

Pikniks

Inpinġi komiks dwar futuri possibbli

Nerġa’ ngħaqqad l-albums tal-bijoloġija u l-botanika minn żmien l-università

Kapaċi noqgħod mingħajr midja soċjali għal dawn il-ġimgħat?

Stramba dil-lista, naqra ferriħija żżejjed għall-gosti tiegħi.

L-għażla rebbieħa hi — ħa mmur vjaġġ inżur ’il  sħabi nisa.


It-Tlieta, 20 ta’ Settembru 2022

Qed naħseb fuq l-inerzja, l-apatija u l-biża. U kif il-biżgħat tal-oħrajn jaqbżu fuqek u jżidulek tiegħek. Qed naħseb fuq il-kollegi tiegħi artisti — fuq ix-xewqa u l-passjoni li għandhom għas-suċċess (ħafna minnhom li naf, għall-inqas). B’xi mod qed insibni miexja kontra l-imħabba tiegħi lejn l-umiltà. Nammiraha u ngħir għaliha dil-forza kruda kollha passjoni.Ira qaltli li kellha kurżità fuq kif se nittraduċi t-termini iktar spiritwali. Fil-verità, ħafna minnhom jinstemgħu pjuttost friski u neoloġiċi għalija bl-Ingliż ukoll, jiġifieri ma ddejjaqtx nivvinta bil-Malti. Iktar sibtha diffiċli nittraduċi kliem dwar is-saħħa mentali, bħal “inertia” jew “depressed”, mingħajr ma nuża ħafna “waqajt ħażin”, li qisu t-terminu ppreferut tal-ġenerazzjoni tiegħi u ftit ikbar minni għal kull tip ta’ skumdità tal-moħħ. Togħġobni bħala frażi, “waqajt ħażin”, għax miftuħa u tista’ tapplikaha fuq skali differenti, u ttik sens ta’ ċaqliq orizzontali. Imma ma tfissirx “depressed” eżatt. Qed niddubitaha; ma nistax insibha fija. Din inerzja? Apatija? Fejn hi l-passjoni tiegħi? Ilni f’dal-istat illajmat, nofsni rieqda (depressa?) dawn l-aħħar għaxart ijiem. Bla motivazzjoni.

Naħseb li kultant tajjeb tkun f’dal-istat. Kwistjoni tal-perspettiva li minnha nħarsu lejha l-biċċa. Xorta għadni nċekċek ftit; qattajt naqra ħin ma’ Alice, Katya, iz-zija Yulya, u Ira B. Ġibt ir-rota lura minn Leiden għal Amsterdam u għalaqt il-kapitlu ta’ ħajti f’dak il-laboratorju. Ovvjament, għaddejja minn żmien ta’ niket; hemm gwerra, u n-niket jieħu x-xogħol. Naħseb li qed jiġru affarijiet żgħar u viżibbli; il-ħajja mhix staġnata, imma lanqas mhi xi funtana ta’ attività u avvenimenti. Għala tinħass iktar faċli funtana ta’ attività? Qisu, “Jien qed nagħmel hekk, hekk u hekk”Togħġobni “I am doing” waħedha, imma “jien qed nagħmel” ma daqqitlix. Però jista’ jkun li rridu nintroduċuha. huwa stat superjuri, aħjar. Il-verżjoni tiegħi ta’ bħalissa kieku twieġeb, “Qed nagħmel ħafna, ta. Minn ġewwa. Ħafna xogħol minn ġewwa. (Niktibha u lanqas jien stess ma naċċettaha għalkollox din; hemm suspett inerenti dwar ix-“xogħol minn ġewwa” bħala xogħol; mhux għażż jiġi dan?).

Hemm ħafna proċessi għaddejjin f’ħajti bħalissa. Għaddejjin. Naf li qed tinbidel xi ħaġa b’mod introvers. M’iniex kapaċi għalkollox nifformula b’mod intelliġenti dawn il-proċessi fi kliem. Wieħed minn dawn il-proċessi għandu x’jaqsam mal-identifikazzjoni tiegħi nnifsi, in-nazzjonalità, il-ħsibijiet tiegħi fuq il-fruntieri, il-kultura Ukrena, ir-relazzjoni mill-bogħod imma profonda li għandi man-nies u l-ħajja t’hemm, mingħajr ma “nagħmel” dik il-ħajja hemm.Hawn togħġobni “doing” bħala verb, bħala “doing a life”, forsi jagħmel tajjeb li l-idjosinkrasija tibqa’ kif inhi. Ikkunsidrajt “ngħix il-ħajja t’hemm”, “nipparteċipa fil-ħajja t’hemm” imma l-ebda minn dawn m’għandhom l-istess forza aġentiva. Qed nitgħallem dwarha u dwari fiha/f’relazzjoni magħha. Proċess ieħor huwa r-relazzjoni m’ommi: li naċċettaha ta’ li hi, u li niddakkar minn dir-relazzjoni minkejja l-biża’ (il-biżgħat tagħha, u l-biża’ tiegħi mill-biżgħat tagħha). Il-mumenti meta nidħqu kollha flimkien — ommi, missieri, Sasha u jien — huma prezzjużi wisq. Dis-sena ta’ gwerra hija ħafna dwar il-familja.

Ukoll, dwar il-familja Maltija tiegħi. Huma inkredibbli u jappoġġjawni ħafna. Iktar kmieni dis-sena tfajna l-applikazzjoni għall-passaport. Xi darba, ħa nkun Ukrena-Maltija.

Kont qed naqra dwar ir-reġjuni etnografiċi tal-Ukrajna u ħsibt fuq kemm huma fluwidi u interessanti dawn il-mapep, u li vera hemm xi tip ta’ għaqda bejn dawn il-fruntieri porużi.Tħassibt sew fuq il-kunċetti tal-porożità u l-fluwidità kif tippreżentahom Ira f’dan id-djarju. Huma kunċetti importanti li joħolqu bażi għall-ħsieb tagħha u kelli bżonn insib mod konsistenti u ċar kif se nittraduċihom għall-Malti. L-iġsma li jnixxu huma dwar il-fruntieri porużi, u l-vjolenza u s-solidifikazzjoni ta’ dawn il-fruntieri huma direttament relatati.Pereżempju, qed titkellem dwar ommha meta tgħid “our boundaries are blurry”. Veru kien importanti li naqbad ma’ dan is-sens fluwidu ta’ bejn l-iġsma u l-“fruntieri” tagħhom. Ippruvajt dawn il-verżjonijiet — “fejn nibda jien u fejn tibda hi qed jisfuma”, “minn dejjem konna nittieħdu minn xulxin”, li tkompli ma’ kif ittraduċejt “jien bdejt nittieħed mill-inkwiet tagħha” fil-vers ta’ qabel, jew inkella “m’iniex ċerta fejn tispiċċa hi u fejn nibda jien. Naħseb li l-ebda minnhom ma taqbad sew dak is-sens fejn l-ispazju bejn l-iġsma u l-imħuħ jisfuma, avolja l-iktar li tasal viċin forsi hi l-verżjoni fejn użajt il-verb “nittieħed”.

Kif se nasal għal dik il-passjoni tal-artist (Latin Amerikan) fil-jien (mix-Xlokk tal-Ewropa) apatetiku tiegħi nnifsi? L-arti għalfejn għandha bżonn il-pubbliku? L-arti tiegħi għalfejn għandha bżonn il-pubbliku? Għax ma nagħmilhiex privatament, bħala prassi ta’ awtoespressjoni ta’ fejqan. Żgur ma rridx li sempliċiment noħloq ix-xogħol performattiv tiegħi fir-rokna tal-kamra tas-sodda; irrid ikolli udjenza preżenti. Imma x’fih dak il-proċess li jkollok ix-xhieda għal dak li qed tagħmel? X’tip ta’ maġija hi dik li sseħħ meta jkollok xhieda għal dak li qed tagħmel?

Ħlomt b’lukanda l-lejl li għadda. Kienet lussuża, b’ħafna sulari, u probabbli konna hemm għal xi festival jew avveniment tal-arti. Il-biljetti ngħataw u tqassmu. Kien hemm Elioa, Gabino, ommi u oħti, u ħafna nies oħra. Żewġt irġiel urewni ġildithom bħallikieku kelli ntihom xi parir mediku.

Żgur, dil-bidla fil-pjan u li mhux sejra l-Ukrajna, kellhom impatt fuqi. Ridt insib l-albums tad-disinn tax-xjenza mis-snin tal-università; nixtri kotba ta’ Lesya Ukrainka; nieħu r-ritratti u niddokumenta l-vjaġġ. Kont qed insegwi xenqa mqanqla li mmur f’pajjiż twelidi; kien hemm ċerta tfittxija eżistenzjali għas-sens, bħal dak ta’ minn fejn jien u kif nirrelata mal-post fejn twelidt, li issa hemm it-theddida li jinqered, li jisparixxi. Dan kien differenti mill-iffilosofizzar dwar it-traxxendenza mir-rokna favorita tas-sufan komdu tiegħi. U għalhekk (għal darb’oħra) ma smajtx minn qalbi (erġajt). Imma, jekk nevitaw li naħsbu b’mod duwalistiku, iswed u abjad, ma smajtx minn qalbi b’rispett ta’ emozzjoni. B’rispett tal-konnessjoni u b’rispett tal-biża. Biex tqum kontra l-biża, trid tkun b’saħħtek. Bħalissa, inħossni mkissra u vulnerabbli, u qed nieħu ħsieb saħħti.

Jista’ jkun li proċess ieħor li għaddej bħalissa huwa li naċċetta l-ħażen, il-qerda u l-vjolenza bħala parti mill-proċessi li jagħmlu d-dinja u l-kosmoloġija. Kull min għallimni li l-ħajja hija biss unikorni f’armonija jiġġerrew fil-witat xemxija, gidibli.


21 ta’ Settembru 2022

Merħba bik, ekwinozju! Merħba bik, l-isbaħ żmien biex issaqsi l-mistoqsijiet fl-irqad!Jien u Ira ltqajna Għawdex l-ewwel darba biex nitkellmu fuq dan il-proġett. Kien is-sajf, u l-pjazza tan-Nadur kienet imdawla xemx safranija waqt li tkellimna fuq il-kitba, il-fluwidità bejn il-lingwi, il-ħoloq bejn Malta, l-Olanda u l-Ukrajna, u qabbilna x-xogħol l-università, anke jekk fi żminijiet u fakultajiet differenti. Minn laqgħat bħal dawn dejjem noħroġ b’sens ta’ entużjażmu għal proġett u għall-kitba, u nkun irrid inżomm il-fergħat u l-mogħdijiet kollha tal-konverżazzjoni f’moħħi.

Kelli ġurnata bellezza, u qattajt il-maġġorparti tagħha niżbarazza l-ispazju ta’ madwari — naħsel, innaddaf, inneħħi l-weraq mejjet mill-pjanti fil-gallarija. Nieħu pjaċir intektek b’dan ix-xogħol tad-dar; moħħi jaħseb iktar ċar. Meta Jimmy ġie lura mill-“ewwel ġurnata xogħol” għand DAS, ħawwarna flimkien it-taħlita tal-pulpetti tal-ħut t’ommu Doris. M’għandix dubju li Doris qiegħda l-ġenna, teżisti jew ma teżistix il-ġenna; hi kienet temmen li teżisti, allura jistħoqqilha tistrieħ hemm għall-eternità.

Is-sessjoni tat-terapija ma’ Anna ta’ filgħodu marret tajjeb. Indunajt li mxejt ftit ’il  quddiem fir-relazzjoni m’ommi. Xorta għadha tqila u kumplessa, imma nieħu gost ninduna bi xquq żgħar iħallu d-dawl jgħaddi. Ommi mara b’saħħitha, u tkun trid li l-affarijiet jiġru, u li n-nies iġibu ruħhom, skont kif tixtieq hi. Jien qed infittex il-fluwidità u l-fehim reċiproku fir-relazzjoni tagħna. Jgħidu li l-ommijiet u l-bniet ħafna drabi jkollhom relazzjonijiet kumplessi.

Għandi mistoqsija għall-irqad tiegħi, u għal Merkurju! Għażiż Merkurju Każimi, għandi bżonn il-gwida u l-parir tiegħek. Ħa nkun miftuħa għall-ġestiMhumiex kliem! “gestures” — ma rridx nirrepeti “pariri” tiegħek ta’ kunsill u se nipprova ninterpretahom bl-akbar integrità. Għażiż Merkurju, tista’ turini kif nerġa’ nkebbes in-nar tal-passjoni li kelli biex nibni karriera f’li nagħmel l-arti? Għajejt b’dil-letarġija (biża’?) li qed tissedimenta fija.

Grazzi. Iddi bil-qawwa.


22 ta’ Settembru 2022

Il-lejl kien kollu dwar l-Ukrajna — aħbarijiet, diskussjonijiet, opinjonijiet, Putin u suldati.

Tant hi fil-fond tal-psike tiegħi…

Ma nafx kif għandi ninterpretahom dawn għall-mistoqsija tiegħi.

Kelli d-dwejjaq dalgħodu kif indunajt kemm daħalli fil-fond tal-psike l-inkwiet dwar il-gwerra fl-Ukrajna. Probabbli aħjar ma niġġilidlux. Inċedilu u nintelaq mas-subkonxju tiegħi.


23 ta’ Settembru 2022

Dal-lejl kien dwar il-ħbieb. Ħlomt li kont insejt il-birthday ta’ Lisa S.“għeluq snin” imma tinħass falza Ħaġa stramba li ħa tagħlaq sninha ġimgħa oħra, fl-ewwel ta’ Ottubru! Ma kontx naf. Sirt naf biss meta qomt u kellimtha. Fil-ħolma konna qegħdin xi mkien medjevali, bħal xi mkejjen ta’ Malta. Iżda kien hemm tensjoni bejn Malta u Amsterdam. Ukoll, kollox kien fluwidu — iż-żewġ postijiet fil-ħolma tiegħi saru wieħed; il-ħbieb, l-arkitettura u l-ikel inħallu f’xulxin.Ilbieraħ ġew jieklu għandi sħabi u kellna burdati differenti. Min ried jaħraq kulm’haw għax kienet qed tħoss li l-attiviżmu mhux biżżejjed, min bdiet tgħid li n-nuqqas ta’ ingaġġament mal-istituzzjonijiet żammha milli tikkrolla fid-dwejjaq jew li tħossha inutli. Ftakart fis-sens fid-djarju ta’ Ira ta’ xi ħaġa enormi tidħollok taħt il-ġilda u tpittirlek l-emozzjonijiet kollha li tesperjenza fil-ħajja ta’ kuljum. Tikteb b’mod dirett ħafna fuqu dan l-affett, Ira, u joħroġ kważi minn bejn il-vrus tad-djarju, das-sens ta’ toqol kbir, assurdità u inċertezza fuq kif tista’ twieġeb għaliha — il-vjolenza u l-poter fuq skali minn internazzjonali, għal dawk fix-xogħol, għal dawk bejn il-familja. Fakkarni daqsxejn f’dak il-paragrafu kbir fil-memoir ta’ Mourid Barghouti, fejn jibda minn kuċċarina fuq mejda u jgħid li l-politika hija kollox. Naħseb li jekk induru lejn kitba minn awturi Palestinjani għandna arkivju sħiħ ta’ kif nindirizzaw dan l-affett; tal-qtugħ mill-vjolenza strutturali u internazzjonali li tkompli tkattar il-kolonjaliżmu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Imma fl-istess ħin, kif bdejna ngħidu waqt l-ikla, għalxejn tipprova tiddjaloga ma’ rappreżentant ta’ sistema li ħa ddawwarlek kull kelma u verità f’sors ta’ profitt jew sfruttar. Trid tmur taħraq. U mhux tkisser, għax mit-tiġrif kważi dejjem l-istess ħaġa ħa tispiċċa tibni. Le, taħraq trid — tagħti n-nar u tibda mill-ġdid. Għamilt naqra mqarrun u qarabagħli l-forn.


27 ta’ Settembru 2022

Qiegħda l-ajruport ta’ Madrid; grandjuż. Fi triqti biex inżur ’il  Clara u xi ħbieb oħra. Biljana ġa qiegħda hemm, Erin ħa tasal mill-Kanada, u Catarina ħa ssuq mill-Portugall. Lestejt il-ktieb dwar films offensivi. Huwa disturbanti u jbiddilli l-perċezzjoni tiegħi dwar films tal-biża’ u B-movies.

Qed naħseb dwar xiex inhi l-performance, Leaking Bodies. Kif iżżommha msaħħra l-udjenza, fi spazju ta’ kontemplazzjoni, dil-performance? X’mistoqsijiet għandhom jiġu mistoqsija? Il-bidu idilliku — morbidu, kuluri tal-pastell, roża u blu, unikorni, dik l-estetika ekofemminista li qed insib madwar il-kotba li qed naqra. Imbagħad nisa ta’ mezza età (ma jinteressawnix performers żgħar ħafna) jibdew jagħmlu azzjonijiet performattivi fuq iġsma-blalen u fuq xulxin. Bil-mod, l-iġsma kollha animati u mhux jibdew jerħu likwidi ħodor-kannella-ħomor skuri. Trid tidher qisha orġa-massakru; hemm il-vjolenza, u hemm is-saħħa. Bħal meta jiġini l-period; straġi, uġigħ, imma jtini l-ħajja. Inħossni b’saħħti.


3 ta’ Ottubru 2022

Qiegħda fuq il-ferrovija minn Zamora għal Madrid. Merkurju dirett. Bdiet fażi ġdida għalija tal-Ass tax-Xwabel — Erin qratli l-karti tax-xorti. Eċitata, kurjuża u ansjuża, ħerqana għal dan il-kapitlu l-ġdid.

Dis-safra wkoll ġabitni f’tiegħi u sostnietni! Kienet veru tajba! Il-ħbiberiji mitqlu deheb. Kemm huma neċessarji u importanti. Qisni ħadt banju sustanzjuż fil-ħalib u l-għasel.

Indunajt b’ħafna affarijiet waqt din is-safra.

Ħafna affarijiet u realizzazzjonijiet dwar l-Ukrajna: ir-relazzjoni tiegħi magħha hija mwaħħla fil-parti tal-identità tiegħi li għadha tifla, u għandi bżonn nemanċipaha lil dit-tifla. Inħossni skomda u insikura meta jkolli nitkellem dwar il-politika, il-gwerra u l-Ukrajna u m’għandix pożizzjoni artikolata sew, opinjoni maħsuba fil-fond li lesta nipproteġi u niddefendi; inħossni immatura. Ma nafx nirrakkonta l-istorja Ukrena li tfisser xi ħaġa. Ma nafx lili nnifsi biżżejjed dwarha; jien prodott tal-istat kolonizzat. Kif nista’ nispjega s-Sič ta’ Zaporižžja u l-Kosakki?!

Kelli ħolma vera kerha l-lejl li għadda. Gwerra fl-eqqel tagħha, rokits fis-sema, u suldati. Kont man-nanna, li għadha Odesa bħalissa. Xi ħadd tana biċċa niedja — “biex inkunu nistgħu nieħdu n-nifs” bejn it-terrapien u l-partiċelli li jtiru fl-arja wara l-isplużjonijiet. Sħabi Clara G.-F. u Liza D. salvawna billi ħbewna f’taksi.

Ħerqana għaż-żmien li ġej. Għandi mnejn ikolli bżonn inrawwem naqra patrijottiżmu Ukren. Forsi minn hemm tibda d-dekolonizzazzjoni tiegħi nnifsi u l-emanċipazzjoni.


4 ta’ Ottubru 2022

L-ewwel ġurnata minn 96 (16 x 6)

Ma bdejtx bit-tajjeb. Ħadt triq kompletament b’oħra. Intlift.Mingħajr ma ridt, jien u nittraduċi bdejt niftakar fejn kont jien fil-ġranet li ssemmi Ira fid-djarju. Fl-4 ta’ Ottubru 2022, pereżempju, għalaqt 23 sena. Kont għadni nibda naħdem l-università u kelli frenza dritta qasira; dakinhar kont ġbidt xagħri ’l  fuq. Kienet għadha s-sħana għal Ottubru; kont bil-komma qasira. Konna morna għand ommi filgħaxija u meta fittixt ritratt minn dakinhar ħadt qatgħa. Dirgħajja għadma u ġilda. Indunajt kemm kont ma niflaħx, kemm sirt iktar b’saħħti dan l-aħħar, kemm għaddejt minn affarijiet u kemm għadda żmien minn dakinhar, u fl-istess ħin, kemm jaf ikun kwiet u kalm il-mard u l-uġigħ waqt li l-ħajja ta’ kuljum tkompli ċċekċek. Ħassejt sens ta’ paċi. Traffiku ta’ filgħodu; roti waħda f’waħda ma jċedulix. Ridt nibki, naħrab xi mkien. Meta wasalt, fl-aħħar, waħda mill-affarijiet li għamilt f’dil-ġurnata fejn suppost nidra kollox kienet li nidħol għal interview ta’ kollega ġdid. Lil dan il-kollega prospettiv, xjenzat mill-Iżlanda, staqsejtu mistoqsija, “Għala hawn? Għala tixtieq taħdem f’bank tad-demm?” U kważi nfaqa’ jibki. Ħassejtni żibel, li ma kontx qed inkun ta’ appoġġ għal xi ħadd qed iħossu vulnerabbli waqt interview. Mhux apposta. Mid-dehra għandu xi storja fil-familja li għandha x’taqsam mat-trasfużjoni tad-demm.

Hemm ħafna pressjoni fl-arja.

Qed insibha diffiċli li jkolli nitkellem bl-Olandiż.

Kont qed naqra fuq “is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol”, fuq il-perikli li jkun hemm twaqqigħ tad-demm. Kemm hu potenti dal-likwidu bijoloġiku! U dal-post hawnhekk hu kollu dwar fruntieri, kontroll, konteniment. Fruntieri li d-demm ma jistax jaqsam.

Għedt lili nnifsi li ħa naħdem hawn għal 96 ġurnata — erbat ijiem fil-ġimgħa, erba’ ġimgħat fix-xahar, għal sitt xhur. Ħa nikteb hawn kuljum.

Għandi l-ħanek ftit iffjammat. Is-sistema immunitarja baxxa.

Il-ħarifa. Wasal iż-żmien għall-vitamina Ċ.


5 ta’ Ottubru 2022

It-tieni ġurnata minn 96

Bdejt bl-għaraq. Naqra ’l  bogħod bir-rota. U r-riħ kien kontrija. L-ikla tiegħi ta’ nofsinhar ġiet osservata u analizzata. Stħajt niekol il-ħobż iqattar biż-żejt.

Tgħallimt dwar il-protokoll ISO15189 għal-laboratorji mediċi. Missejt id-demm! Regoli, regoli, regoli. Ħafna regoli. Daħħalt ma nafx kemm-il kampjun. U Radha (l-istil ta’ xagħarha impressjonanti, miġbud ’il  fuq) urietni kif nittrasferixxi d-demm mill-kunjett tal-isptardin kienet “mother vial” fl-oriġinal għall-kunjett tal-laboratorju. It-trabi ftit li xejn għandhom plażma; qatra żgħira biss.

Rajt ukoll il-protokoll li juri liem materjal jittieħed għal liem analiżi: meta jintuża s-serum, meta jintuża d-demm sħiħ biċ-ċelloli ħomor, meta jiġi miżjud l-EDTA, eċċ. Wieħed mill-għanijiet tiegħi għala qiegħda hawn huwa biex nipprova nara kif tista’ toħloq kit DIY biex tanalizza l-ormoni d-dar, speċjalment it-testosteron, l-estroġen u l-proġesteron. Għalissa, għadni ma sibtx informazzjoni jew testijiet relevanti. Nissuspetta li ħa tkun waħda mill-ELISAjiet.


6 ta’ Ottubru 2022

It-tielet ġurnata minn 96

Il-magni bijofiżjoloġiċi għandhom ir-rieda tagħhom?

Kont qed nisma’ ’l  Anne Baring. Tkellmet dwar l-Ukrajna u Malta fl-istess lekċer! Kienet qed titkellem dwar kultura preistorika tan-Neolitiku fix-Xlokk tal-Ewropa tal-Qedem u l-Mediterran (l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Moldova, l-Awstrija tal-Lvant, il-Polonja tan-Nofsinhar, l-Italja, il-Greċja, il-gżejjer tal-Eġew, parti mit-Turkija, l-Ukrajna u Malta). Tkellmet dwar il-gwerra minn perspettiva spiritwali. Kienet xi ħaġa straordinarja għalija li ż-żewġ pajjiżi li nsejħilhom dari ssemmew f’daqqa f’teorija, f’ipoteżi. Rari jissemmew fl-istess sentenza l-Ukrajna u Malta. Kull darba li nispjega l-ġeografija personali tiegħi, ikolli nirrimarka li hija tagħqida pjuttost partikolari ta’ postijiet.

Kif nista’ nġib-naħseb-nattiva stat ta’ ħajja sagru, spiritwali u iktar-minn-uman f’bank tad-demm? (Jane Bennett tkun diżappuntata li tfajt “spiritwali” u “iktar-minn-umanfl-istess sentenza, ħeħe)

Xogħli kien tedjanti llum…

U li kieku d-demm għandu kuxjenza?

Qbiżt laqgħa tax-xjenzati li kelli nattendi. Minflok, mort mixja twila f’Hondenpark, il-park tal-klieb.

Il-kampjuni tad-demm huma mostri! Il-kelma għal “kampjuni” bl-Olandiż tiġi “monsters”.Bil-Malti kampjuni tad-drapp ngħidulhom mostri.


7 ta’ Ottubru 2022

Ir-raba’ ġurnata minn 96

Inħobbu nhar ta’ Ġimgħa. Mort bir-rota. Domt inqas mis-soltu, għal xi raġuni 35 minuta. Forsi llum ir-riħ kien favurija. Sirt naf li Yvonne tippjana x-xogħol fid-dipartiment ukoll. L-isbaħ parti tal-ġurnata tiegħi kienet laqgħa ma’ Kyra, kors intensiv fir-risponsi immunitarji kaskati, u l-ewwel biċċa xogħol ta’ veru li tawni. Ħa nitgħallem nagħmel it-test tan-nefelometrija, u ELISA. Togħġobni l-idea li nitgħallem ħiliet ġodda, jistimulawni ħafna. Onestament vera eċitanti li qed immiss il-kampjuni tad-demm u nitgħallem affarijiet ġodda.

L-ekoloġija kumplessa tal-ġisem uman tagħmel neċessarju li nifhmu x’jiġifieri tkun komunitajiet b’diversi speċijiet. — Sex Ecologies, p.65.


9 ta’ Ottubru 2022

Ħolma Taħt Qamar Kwinta (Wott). Għomt — proprjament niżżilni raġel fl-ilma bil-ħwejjeġ b’kollox — fl-ilma baxx imma ċar tal-Baħar l-Iswed. Tfuliti, żgur. Il-verżjoni adulta tiegħi żaret lil tfuliti. Odesa, l-Ukrajna. Dak il-baħar li nafu sew. Ir-raġel kien il-maħbub tiegħi, konna qed nitbewsu, żammni waqt li ntlaqt f’wiċċ l-ilma u xxarrbuli ħwejġi u l-ġilda. Kien mument sabiħ, ta’ wens u speċjali fil-ħolma. Ma niftakrux wiċċu. Kellu libsa u tip ta’ hoodie. Kien hemm xi ħaġa bid-demm — qatgħa, forsi fuq idi — id-demm kien qed jinġabar imma mingħajr ma jnixxi, u hu niggiżha, u beda ħiereġ. Kont qed nibża’, imma meta beda ħiereġ id-demm ħassejtu mument ta’ paċi u liberazzjoni, ma kien tal-biża’ xejn. Ma tantx ħareġ demm, nixxija żgħira u kalma biss. Naħseb qabel kien hemm xi dar u ġraw xi affarijiet oħra, imma ma tantx nista’ niftakarha dik il-parti tal-ħolma.


11 ta’ Ottubru 2022

Il-ħames ġurnata minn 96

Illum tgħallimt kif nuża l-Atellica. Ħadt gost. Ġurnata mimlija. Jogħġbuni l-ġranet mimlijin; inqas ħin niddubita lili nnifsi. L-Atellica huwa tip ta’ tagħmir robotiku li janalizza d-demm.

Il-lavranti bnedmin tal-laboratorju jservu lir-robot biex ikun jista’ jaħdem.

Waranofsinhar, kellna laqgħa tax-xjenzati. Ma nifhem xejn f’dawn il-laqgħat tax-xjenzati. Jgħidu kollox f’tip ta’ “lingwa-kodiċi”. Nieħu gost nagħmel ħarsa intelliġenti fuq wiċċi meta fil-verità nkun qed naħseb li dil-laqgħa kollha hija xi tip ta’ grada elaborata biex lilna jibqgħu jżommuna fuq barra.

Għaddejt mill-grada, b’xi mod.


17 ta’ Ottubru 2022

Id-disa’ ġurnata minn 96

Ir-rutina tedjanti. Inħossni griża. Iż-żerniq kien spettakolari! Dalgħodu rġajt mort bil-metrò; illum mexa kollox sew. Bil-mod qed nitjieb fl-“overschenken” [it-trasferiment tad-demm], u fil-kompiti ta’ wara — l-immaniġġjar tal-kampjuni li nirċievi u d-dokumentazzjoni tagħhom. Id-demm fih innifsu għadu daqsxejn tal-biża. Qed naqra artiklu dwar id-demm u l-prossimità mal-viruses; dan l-awtur qed jikteb speċifikament fuq l-Epatite Ċ.

Jimmy qalli li qara dwar il-mostri tal-baħar — togħġobni ħafna li kemm id-demm u kemm il-baħar għandhom il-mostri tagħhom!


18 ta’ Ottubru 2022

L-għaxar ġurnata minn 96

Fliexken li fihom likwidu ikħal skjerati fuq bank. Kollha għandhom tubu dejjaq ħiereġ minnhom.

Illum kienet ġurnata intensa. Ħafna laqgħat. Kull darba li ninzerta lil Kyra (ta’ fuqi) u ttini x-xogħol, nitferfex. Għala dir-reazzjoni ta’ biża’? Kull darba li naraha qisni qed ngħum fl-awra tal-istress tagħha. Mhijiex persuna wisq chill, xjenzata kif tistennieha li tkun, ambizzjuża ħafna. U mara, jiġifieri wisq probabbli f’ħajjitha kellha tagħti iktar prova tal-kapaċitajiet tagħha minn xjenzat raġel kwalunkwe.

Tatni biċċa xogħol x’nagħmel. Irrid nipprepara protokoll għaċ-ċikli tal-iffriżar u t-taħlil.“ittowjar”?… fil-kċina ma’ doris vibes! Faċli. Hemm spirtu ta’ kompetizzjoni u perfezzjoniżmu fl-arja. Ikolli nammetti li jittieħed.

Fil-laqgħa tal-bijoanaliżi, użaw ritratt tal-artropodi Lumilidae.“Horseshoe Crab” tiġi Granċ tan-Nagħal? Ivvintajtha jien din imma sabiħa naħseb. Ma stajtx insib traduzzjoni bil-Malti. Bit-Taljan “grancio reale”. Inkella bil-Latin, “Lumilidae”. Inzertajt dar-ritratt ftit ilu, jien u nirriċerka l-kuluri tad-demm ta’ annimali differenti, fl-istudio. Ix-xjenzat kien qed jgħid kif “annimali żgħar” (firien, ġrieden, fniek) għadhom jintużaw għar-riċerka dwar ir-reattoġeniċità.

Għaddieli l-ħsieb li r-riċerka ta’ Jimmy dwar in-nassaba qed tittratta affarijiet simili. Dawn in-nies “edukati u ta’ klassi ogħla” (ix-xjenzati) huma involuti sew f’dak li tista’ tqis bħala mġiba nonekoloġika. Imma meta din l-imġiba ġġib magħha wkoll profitti kbar, naħfrulha iktar malajr…

Eh! Innutajt ħaġa wkoll dwar l-iskala tar-robotika fil-laboratorji — kull proċedura analitika u teknika hija mekkanizzata, u r-robots jieħdu prijorità fuq il-prestazzjoni umana. Sibt website għall-bijoanaliżi tal-proġesteron, bħala parti mill-attentat tiegħi biex noħloq analiżi tal-ormoni DIY li n-nies jistgħu jagħmluha d-dar (tkun tista’ tgħin lin-nies trans jew lin-nisa cis biex iżommu kont tas-saħħa menstruwali tagħhom). Imma anke jekk niħħekkjaw il-kompożizzjoni tar-reaġenti — dawn jinħolqu għal magna speċifika. Jiġifieri rrid insib mod kif nimita manwalment dak li jagħmel robot.

Dawn huma n-noti u l-iskoperti tiegħi tal-lum:

Il-konferenza NVML — l-Assoċjazzjoni Olandiża tal-Impjegati fil-Laboratorji Bijomediċi

Id-demm tal-Lumilidae (LAL/TAL) — 15% mortalità

Sinerġija tat-test tal-endotossina. Reattoġeniċità

bio-rad-antibodies.com

Riċevitur tal-proġesteron = PGR

Immunokumpless IgG = tip ta’ antikorpi, ċelloli plażma B

ilexmedical.com (pdf) Robotika 🙁

Endokrinoloġija għal nies trans: genderclinic.nl

Ċentru mediku VU solutionclinic.nl

transunitedeurope.eu

transvisie.nl

stopgatekeeping.nl


19 ta’ Ottubru 2022

Il-ħdax-il ġurnata minn 96

Illum għajjiena u stressjata. Ma rqadtx tajjeb. Ħlomt b’JaHa. Kien qed jaqrali ktieb. Qed naħseb fuq il-perfezzjoniżmu u l-vibe kompetittiva — “kun l-aqwa” — fuq ix-xogħol. Kyra tbeżżagħni, jew forsi s-sindromu tiegħi tal-aħjar studenta tal-klassi. Ġurnata orribbli oħra fl-Ukrajna, massakru .

Ir-ritratti li qed jintużaw għall-pubbliċità ta’ dan id-djarju huma meħudin mill-performances WIP li tellgħet Ira, bħala parti mir-Rubberbodies Collective, waqt il-festival SPRING f’Utrecht (27.05.2024) u One More Drop waqt il-festival CurieCity fi Brussell (30.11.2024).

Dekorazzjoni art-nouveau