•  

Gwida tal-istil

 

Nixtiequ noħolqu għal dal-ġurnal ton ta’ Malti intelliġenti, mhux pedantiku u lanqas akkademiku. Irridu livell għoli ta’ professjonalità fil-fażijiet kollha tal-proċess ta’ kitba u dak editorjali sabiex niżguraw xogħol letterarju ta’ kwalità għolja. Għaldaqstant, qed niddokumentaw il-ħsibijiet kollha tagħna dwar dan biex niżguraw il-konsistenza u qed nippubblikaw dil-gwida tal-istil, li qed tiġi aġġornata regolarment, biex tkun tista’ tintuża minn ħaddieħor. Dawn huma d-deċiżjonijiet li nieħdu waqt il-proċess editorjali, fejn rilevanti f’diskussjoni mal-kittieba u l-qarrejja tal-provi. Kull deċiżjoni mniżżla hawn hija, kważi dejjem, għażla suġġettiva tagħna.

  1. abbundanza

    U abbundanti. Mhux abbondanza jew abbondanti.

  2. aċċessibbiltà

    Mhux aċċessibbiltà jew aċċessibiltà.

  3. alla

    Nużaw alla b’a żgħira ħlief meta l-awtur qiegħed jirreferi — b’qima jew b’disprezz — speċifikament għal alla li jemmen fih.

  4. Amerka

    Mhux Amerika. Iżda Amerika Ċentrali, Amerika Latina.

  5. anki

    Nippreferu anki minflok anka jew anke. Imma ara iktar.

  6. ansjetà

    Mhux anzjetà.

  7. antimperjalista

    Niktbu antimperjalista mhux antiimperjalista.

  8. Aphroconfuso

    Niktbu Aphroconfuso dejjem b’a kbira, ħlief meta tkun fl-indirizz tal-website. Ma nużawx il-korsiv. U ngħidu f’Aphroconfuso, mhux fuq Aphroconfuso; imma fuq aphroconfuso.mt.

  9. apprendist

    Mhux apprentist.

  10. bassoriljev

    Mhux bas relief. Il-knejjes, il-festi u l-kultura ta’ madwarhom jagħtuna terminoloġija speċjalizzata u vasta. 

  11. bliet

    Niktbu bliet / il-bliet mhux ibliet / l-ibliet.

  12. block quotes

    Nistgħu nużaw block quotes, imma jekk jista’ jkun nevitaw li jkollna ħafna f’esej wieħed, u naraw li ma jkunux twal wisq.

  13. buċċ

    Mhux butch.

  14. buz

    Mhux boots. Ara kliem mill-Ingliż.

  15. cafilsu

    Mhux ċafalsu.

  16. ċirkostanza

    Mhux ċirkustanza.

  17. ċjoè

    Mhux ċoè.

  18. cupboard

    Niktbu cupboard, mhux kabord. Ara kliem mill-Ingliż.

  19. daħq

    Nippreferu daħq, mhux daħk.

  20. data

    Id-dati ġeneralment niktbuhom f’dal-format 29 ta’ Mejju 1962.

  21. dikolonizzazzjoni

    Niktbu dikolonizzazzjoni, dikolonjali mhux dekolonjali.

  22. dikostruzzjoni

    Mhux dekostruzzjoni.

  23. eċitanti

    Mhux eċċitanti.

  24. eh

    Mhux e. Ara oh.

  25. EK / QEK

    Nużaw EK (Era Komuni) u QEK (Qabel l-Era Komuni), mhux BC, BCE, CE jew AD.

  26. endnotes

    Ara noti.

  27. esej

    Nippreferu t-terminu esej minn saġġ. Nirreferu għal esej fil-maskil. It-terminu esej-reċensjoni jieħu l-maskil ukoll.

  28. esibizzjoni

    Mhux esebizzjoni jew eżebizzjoni jew eżibizzjoni.

  29. favurit

    Mhux favorit.

  30. filosfu

    Mhux filosofu.

  31. fjuwil

    Mhux fuel. Ara kliem mill-Ingliż.

  32. footnotes

    Ara noti.

  33. fufu

    Niktbu fufu mhux foufou. Ara kliem barrani mhux Ewropew.

  34. futbol

    Niktbu futbol mhux football. Ara kliem mill-Ingliż.

  35. gallarija / gallerija

    Niktbu gallarija meta qed nirreferu għall-bini, u gallerija fil-każ ta’ spazju tal-arti.

  36. ġeneru

    Fil-kitba, meta nkunu qed nirreferuu għal persuna mhux speċifika, ma nużawx biss il-ġeneru maskil bħala l-persuna universali. Inħalltu: daqqa niktbu qarrej, daqqa qarrejja; daqqa kittieba, daqqa kittieb. Madankollu, nistgħu nużaw kliem bħal awtur, kittieb, traduttur segwit minn verb ikkonjugat fil-femminil u aġġettiv fil-femminil, eżempju “l-awtur kitbet”.

  37. grawnd

    Niktbu grawnd mhux ground. Ara kliem mill-Ingliż.

  38. Grieg il-Lvant

    Mhux Grigal il-Lvant.

  39. ħiġab

    Niktbu ħiġab mhux hijab. Ara kliem barrani mhux Ewropew.

  40. ħin

    Hemm ħafna każijiet fejn niktbu l-ħin bil-kliem mhux biċ-ċifri, pereżempju fl-erbgħa ta’ filgħodu. Meta nagħtu ħin preċiż niktbuh fil-formatfit-7.45pm” jew “fit-19:45”. Imbagħad hemm każijiet fejn għal raġunijiet ta’ kuntest, l-awtur juża format ieħor, pereżempju fid-9h.

  41. iddeskriva

    Mhux iddiskriva.

  42. iġene

    Mhux iġjene.

  43. iktar

    Nippreferu iktar. Imma niktbu x’aktarx. Aktar mhix ħażina u ġieli l-kittieba tagħżilha għall-ħoss tagħha. F’dawn il-każijiet nippermettuha. Nippruvaw li fl-istess xogħol nużaw varjant wieħed. Imma ara kwotazzjonijiet.

  44. immaġni

    Mhux immaġini.

  45. immaniġġjar

    Mhux immaniġġjar.

  46. indukrar

    Nippreferu indukrar, mhux indokrar. Iżda nindokra.

  47. Ingliżi

    Għalkemm ħafna drabi iktar korett li ngħidu “il-Gran Brittanja” jew “ir-Renju Unit”, fil-kuntest tal-istorja kolonjali speċjalment dik ta’ Malta, nużaw Ingliżi, kif hini d-drawwa f’Malta (u f’xi pajjiżi oħrajn tal-Commonwealth).

  48. injam / njam

    Inħallu l-i taqa’ meta l-kelma tiġi wara vokala.

  49. ismijiet mill-Grieg Antik

    Minn diskussjoni dwar l-ortografija ta’ ismijiet bil-Malti mill-Grieg Antik ma’ Warren Bartolo ddeċidejna li bħalu nimxu fuq ir-riċerka ta’ Maria Giuliana Fenech u nużaw is-sistemamill-Latin”. Ara “Methodologies for the transliteration of Ancient Greek names into Maltese” f’Ardet Amans: Essays in Honour of Horatio Caesar Roger Vella, ed. Carmel Serracino, pubblikazzjoni Midsea Books, 2022. Kultant, jekk hemm alternattiva iktar familjari, bħal fil-każ ta’ “Saffo”, nagħżlu li ma nżommux mas-sistema. Dawn huma l-ismijiet Griegi kif diġà ntużaw f’dan il-ġurnal:

    Ade, Afroditi, Ajun, Akrisju, Apollun, Atena, Ċiklopi, Danae, Edipu, Ermes, Ewrjali, Faetont, Fedru, Foriku, Ippokrati, Ippolitu, Keto, Kronidi, Medusa, Oxirinku, Persew, Polidekti, Pusejdun, Stenun, Żenofani ta’ Kolofun, Żews.

  50. issimplifika

    Mhux issemplifika.

  51. jaqilgħu

    Nippreferu jaqilgħu.

  52. il-kanal ta’ Swejż

    Hekk nispelluh.

  53. kapitalizzazzjoni

    Gvern jew gvern

  54. kewba

    Niktbu kewba mhux kawba.

  55. kinitx

    Mhux kinetx.

  56. kliem barrani mhux Ewropew

    Kliem ta’ kulturi mhux Ewropej, speċjalment dawk li sar għandhom rappreżentanza sostanzjali Malta, għandna nħarsu lejh direttament mingħajr ma niddependu fuq lenti, sikwit orjentalista, ta’ lingwa oħra. Dan speċjalment meta l-kliem jinħass iktar komdu fil-Malti. Eżempji ta’ dan huma ħiġab, fufu, żagħtar. Ara wkoll kliem barrani: Semitiku.

  57. kliem barrani: immarkar

    Kliem barrani ma nimmarkawhx, la b’virgoletti u lanqas bil-korsiv. Madankollu, hemm dixxiplini li għandhom konvenzjonijiet stabbiliti dwar jekk jintużax korsiv, eċċ. Pereżempju, il-lingwi qodma fl-arkeoloġija, it-tassonomija fil-bijoloġija. Ara wkoll kliem barrani: Latin.

  58. kliem barrani: Latin

    Fil-Latin, nassumu pronunzja klassika meta jkollna bżonn niddeċiedu dwar artikli eċċ., ħlief fil-każ ta’ termini li għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon Nisranija jew Kattolika. Allura niktbu “tal-Cervus elaphus” mhux “taċ-Cervus elaphus”. Rigward immarkar tal-kliem Latin ara kliem barrani: immarkar.

  59. kliem barrani: Semitiku

    Fil-każ ta’ kliem minn lingwi Semitiċi li għandna d-drawwa nerġgħu nissellfuhom mill-Ingliż għandna naraw jekk jaqblilniex nissellfuhom direttament. Pereżempju, fil-każ tal-arkeoloġija u l-istorja hemm ħafna kliem u ismijiet li għandna nikkunsidraw ortografija Maltija għalihom. Fil-każ ta’ ismijiet ta’ nies kontemporanji li għandhom isem stabbilit fi trażliterazzjoni għal lingwa Ewropea nużaw dejjem l-istil li jużaw huma. Ara wkoll kliem barrani mhux Ewropew.

  60. kliem mill-Ingliż

    Nevitaw li nużaw kliem bl-Ingliż, imma aħjar bl-Ingliż milli neoloġiżmi mqanżħa. Bosta drabi, jekk nieqfu naħsbu minuta, insibu kelma isbaħ, iktar idjomatika, u ma tagħtix wisq fil-għajn.

    Hemm ħafna każijiet fejn ikollna nagħżlu bejn żewġ modi kif niktbu kelma mill-Ingliż, pereżempju boots jew buz, cooker jew kuker, ners jew nurse, ground jew grawnd, shorts jew xorz, eċċ. Ġeneralment nippreferu l-ortografija Maltija, imma ġieli l-effett jinħass sfurzat jew parodiku.

    Nipruvaw inżommu konsistenza fl-użu tal-istess kelma iżda m’għandniex prinċipju wieħed fuqhiex naħdmu. Ngħidu mobile u mhux mowbajl, website u mhux websajt. Imma niktbu friġġ, friġis u friġġijiet mhux fridge u fridges, wajers mhux wires, għalkemm imbagħad niktbu strajk u mhux strike, chicken wire mhux chicken wajer, general strike mhux general strajk.

    Mill-banda l-oħra, kelma tibqa’ tidher stramba għas-sempliċi raġuni li m’aħniex imdorrijin narawha. Li qed ngħidu hawn jista’ jinstema’ kontradittorju, imma mhux dejjem se nsibu soluzzjoni faċli. Tajjeb li, fejn hemm bżonn, id-diffikultà nuruha.

  61. kontradittorju

    Mhux kuntradittorju.

  62. kuker

    Niktbu kuker u mhux cooker. Ara kliem mill-Ingliż.

  63. kuritur

    Mhux kurutur.

  64. kutrabandu

    Mhux kuntrabandu.

  65. kwotazzjonijiet

    Naġġornaw l-ortografija tal-kwotazzjonijiet meħudin minn testi bil-Malti, sakemm mhux qed nużawhom għall-effett arkajku tagħhom. Fil-kwotazzjonijiet minn diskors ma nistandardizzawx, ma nbiddlux kliem jekk jaffettwa l-pronunzja. Però ma nħallux kwotazzjoni twaqqa’ lill-persuna għaċ-ċajt (sakemm ma rridux inwaqqgħuha għaċ-ċajt). Ara il-vuċi ta’ Aphroconfuso.

  66. lebsin

    Nippreferu lebsin minn libsin.

  67. marki ta’ kwotazzjoni

    Ara virgoletti.

  68. melankonija

    Mhux melankolija.

  69. mexjin

    Nippreferu mexjin minn mixjin.

  70. mobile

    Niktbu mobile mhux mowbajl. Ara kliem mill-Ingliż.

  71. naïve

    Niktbu naïve u mhux naive. Kliem mil-lingwi Rumanzi, speċjalment meta huma minn lingwa familjari bħall-Franċiż jew it-Taljan, nippruvaw ma ngħadduhomx mill-priżma tal-Ingliż.

  72. nexfin

    Nippreferu nexfin minn nixfin.

  73. niħilist

    Mhux nikilist.

  74. nippanikkja

    Niktbu nippanikkja mhux nippanikja. Ara kliem mill-Ingliż.

  75. noti

    Annotazzjonijiet ma nużawx iżda niġbru r-referenzi kollha flimkien bħala nota waħda fil-qiegħ.  Din tista’ tinkludi ħajr lil nies li għenu lill-awtur fir-riċerka, dettalji dwar pubblikazzjonijiet u riżorsi oħra użati, b’links għal barra mis-sit, u wkoll kultant xi tagħrif  jew anedotti marġinali. F’din in-nota, ġeneralment, l-awtur titkellem fl-ewwel persuna, u t-ton jinżamm informali u konċiż.  

    Fil-każ ta’ reċensjoni, fil-bidu tal-paġna nagħtu informazzjoni dwar il-kotba li se nsemmu; jekk hemm bżonn iktar informazzjoni, nistgħu nżiduha finnota fil-qiegħ. Nużaw il-konvenzjoni li nsemmu l-volum li użat il-kittieba. Imma nagħtu wkoll l-isem tal-ktieb fl-oriġinal.

    Il-links tal-kotba għandhom iwasslu għall-paġna dwarhom fuq worldcat.org. Minbarra t-titlu u l-awturi, nagħtu wkoll il-pubblikatur u s-sena, u t-traduttur fejn applikabbli. Links ta’ artikli akkademiċi għandhom imorru fid-destinazzjoni DOI tal-artiklu.

  76. numri

    Niktbu n-numri bħala kliem minn wieħed sa għoxrin, imbagħad tletin, erbgħin, eċċ., u mija, mitejn, tliet mija, elf, miljun, eċċ. Imma niktbu 21, 22, 32, 101, eċċ. Sa eluf niktbuhom figuri, eż. 38 000, iżda fil-każ ta’ ċifri kbar u għad-dritt, bħal 21 000,000, niktbu 21 miljun. Għan-numru ta’ qabel il-miljuni jew biljuni, nużaw l-istess regola bħal ma nużaw għan-numri żgħar, kliem minn wieħed sa għoxrin, imbagħad tletin, eċċ. F’każ ta’ użu figurattiv, kważi qatt ma nużaw figuri, eż. “ġabli għaxart elef skuża”. Ara wkoll data u ħin.

  77. oh

    Mhux o. Ara eh.

  78. online

    Niktbu online u mhux onlajn.

  79. pawża

    Mhux pawsa. Imma menopawsa.

  80. persunaġġ

    Mhux personaġġ.

  81. plejer

    Niktbu plejer mhux player fil-każ ta’ plejer tal-futbol. Imma niktbu CD player. Ara kliem mill-Ingliż.

  82. podcast / poddata

    Niktbu podcast għal sensiela u poddata jew podcast għal episodju.

  83. possibbiltà

    Niktbu possibbiltà mhux possibbilità. Ukoll, abbiltà, responsabbiltà, eċċ.

  84. pronomi

    Jekk nafuhom, dejjem nużaw il-pronomi preferuti mill-persuna li qed nirreferu għaliha.

  85. psikanaliżi

    Mhux psikoanaliżi.

  86. punteġġatura

    Inkunu minimalisti fil-punteġġatura.

  87. queer / kwir

    Il-kelma queer tintuża hekk internazzjonalment anki biex it-terminu jingħaraf mill-ewwel u jkun hemm sens ta’ sjieda u ta’ safespace lessikali mill-komunità queer innifisha. Min-naħa tagħna, aħna ħsibna jekk hux possibbli li t-terminu jiġi ddomestikat fil-lingwa Maltija għax nemmnu li huwa att politiku li ċerti termini ma jitħallewx barranin. Għaldaqstant, fil-każ fejn il-kittieba jħossu li jidentifikaw iktar mat-terminu “kwir”, għall-finijiet tal-ġurnal jistgħu jużaw it-terminu miktub hekk. Dan it-terminu qed jiġi diskuss fil-Kliem fit-Teorija.

  88. rċevih

    Nippreferu rċevih minn rċivih jew rċevieh.

  89. referenzi

    Ma nispjegawx iżżejjed. Ngħidu Ludwig Wittgenstein mhux il-filosfu Awstrijaku Ludwig Wittgenstein. Naturalment, xi mkien qed inpinġu linja ta’ x’nassumu li jaf il-qarrej imma aħjar inħalluh ifittex milli nippatronizzawh.

  90. relevanti

    Mhux rilevanti.

  91. retorika

    Mhux rettorika.

  92. ristorant

    Mhux ristorant.

  93. rivisti u ġurnali oħrajn

    Nippruvaw inkunu familjari ma’ dak li nkiteb f’rivisti u ġurnali letterarji oħrajn Maltin u nirreferu għalihom meta relevanti; inkunu ġirien tajbin. Qed nippruvaw noħolqu momentum, diskors.

  94. rivoluzzjoni

    Mhux revoluzzjoni.

  95. rwol / ir-rwol

    Niktbu rwol / ir-rwol u mhux irwol / l-irwol.

  96. salvaġġ

    Mhux selvaġġ.

  97. se

    Mhux ser.

  98. se / ser

    [bħal iktar/aktar eċċ]

  99. sekli

    Is-sekli jinkitbu b’ittra żgħira: eż. is-seklu dsatax (sa s-seklu għoxrin, imbagħad is-seklu 21 eċċ.). Ara numri.

  100. sempliċiment

    Mhux sempliċement.

  101. show

    Mhux xow.

  102. shower

    Mhux xawer.

  103. sinifikanti

    Niktbu sinifikanti mhux sinjifikanti.

  104. sinjur / Sinjur

    Meta għandna Sinjur/a/i, fis-sens ta’ indirizz, niktbuha b’s kbira biex niddistingwuha minn sinjur fis-sens ta’ għani.

  105. soċjoekonomiku / soċjopolitiku

    Niktbu soċjopolitiku jew soċjoekonomiku u mhux soċjo-politiku jew soċjo-ekonomiku.

  106. sprej

    Mhux spray. Ara kliem mill-Ingliż.

  107. studio / l-istudio

    Niktbu studio / l-istudio u mhux studjow / l-istudjow u lanqas studjo / l-istudjo. Ara kliem mill-Ingliż.

  108. tajers

    Niktbu tajers u mhux tyres u lanqas tires. Ara kliem mill-Ingliż.

  109. televixin

    Mhux televiżjoni jew television. Ara kliem mill-Ingliż.

  110. titli

    Nużaw virgoletti doppji meta nsemmu diska jew artiklu. Jekk it-titlu jkun illinkjat, il-virgoletti jidħlu fil-link.

    Nużaw il-korsiv meta nsemmu rumanz, ktieb, film, jew sensiela. Għall-kliem xjentifiku nużaw il-korsiv mhux virgoletti. F’każ li s-sentenza tkun diġa kollha fil-korsiv (eż. fin-noti tal-aħħar) it-titlu ma jkunx immarkat mod ieħor.

    Fil-każ ta’ titlu ta’ ktieb bil-Malti niktbu Dar Imħawra mhux Dar imħawra. F’lingwi oħrajn insegwu l-konvenzjoni ta’ dik il-lingwa, eż. La coscienza di Zeno jew Les Guérillères.

    Aphroconfuso tinkiteb hekk, mingħajr virgoletti jew korsiv.

    Prepożizzjonijiet jieħdu ittra żgħira: Għalhekk Qed Nivvjaġġa bil-Mod

  111. tqassir

    Bħala regola nevitaw il-punt. Niktbu Mr mhux Mr., NATO mhux N.A.T.O., u niktbu am, pm, lol, Dr, USA, nru, is-Sa, eċċ. Iżda nagħmlu punt f’każijiet bħal ismijiet, eż. F. Calleja mhux F Calleja, J.G. Vance (mingħajr spazju), u mhux dott imma dott. bil-punt.

  112. traduzzjonijiet

    Meta nsemmu kotba barranin li ġew maqluba għall-Malti, għandna nsemmu dil-verżjoni bil-Malti u jekk nikkwotaw, nikkwotaw minnha. Jekk it-traduzzjoni ma nsibuhiex sodisfaċenti u għalhekk ma rridux nużawha dan għandna ngħiduh.

  113. trasmetta

    Mhux trażmetta. Ukoll, trasmissjoni mhux trażmissjoni.

  114. trigger warnings

    Aphroconfuso huwa mmirat lejn il-qarrej matur, però jibqa’ l-fatt li l-esperjenza individwali tiegħu tista’ tagħmel differenza kbira fil-mod kif ċerti temi jaffetwawh. Dan huwa l-każ partikolarment fit-tip ta’ trawmi li wieħed jista’ għal żmien twil jiffaċċja waħdu. Minħabba n-natura online tal-ġurnal, u l-fatt li l-qarrej jista’ jsib ruħu jaqra l-kitba tagħna għal għarrieda — ngħidu aħna fuq smartphone wara li jsegwi link mill-midja soċjali — meta l-kitba tagħna tittratta b’mod ċentrali dawn it-temi, għandna nwissu lill-qarrej permezz ta’ trigger warnings.

    Il-lingwaġġ ta’ dawn it-twissijiet għandu jkun ċar mingħajr ma jkun fih innifsu grafiku. Fis-sistema tagħna dawn it-twissijiet jistgħu jingħalqu mill-qarrej, u ma jerġgħux jidhru għal tlett ijiem. 

    Min-naħa l-oħra, trigger warnings m’għandhom jidhru qatt fil-pubbliċità jew xi mkien ieħor ħlief fuq l-istess paġna fejn tidher il-kitba. Inkella nkunu qisna qed nużawhom, flok biex inwissu lil min jista’ jkun affetwat ħażin, biex inħajru lill-oħrajn.

  115. ttiħdilhom

    Mhux tteħdilhom.

  116. virgoletti

    Il-virgoletti niktbuhom doppji dejjem. Dan partikolarment peress li fil-Malti hemm ħafna kliem li jispiċċaw b’apostrofu (meta juri l-post tal-għajn) u dan jagħti indikazzjoni falza tat-tmiem tas-sentenza. Niktbu virgoletti singli biss f’każ li jkun hemm virgoletti ġo virgoletti, jiġifieri meta t-test diġà jinsab f’test itwal li qiegħed bejn virgoletti doppji. Il-punteġġatura dejjem tiġi barra, sakemm mhix parti mill-kwotazzjoni nnifisha jew f’każijiet fejn hemm konvenzjoni stabbilita; eż. “Ejja, qal Michael.

  117. il-vuċi ta’ Aphroconfuso

    Il-vuċi ta’ Aphroconfuso hija leġġera imma mhux frivola, serja imma mhux bla gost. Mhux dejqa, jew formali, jew pedantika. Niktbu qisna qed nitkellmu mal-aktar ħabiba intelliġenti li għandna. Il-qarrej ta’ Aphroconfuso qed jaqra għall-pjaċir mhux għad-dover — pjaċir letterarju u intellettwali imma xorta pjaċir. Inkunu ċari fil-kitba. Inkunu interessanti u mhux iktar ikkumplikati milli hemm bżonn, imma nistgħu nassumu li l-qarrejja interessata fis-suġġett. M’hemmx għalfejn ħafna żegħil u rassikurazzjoni biex il-qarrej ma jitlifx interess.

    Kultant, għax ikollna l-impressjoni — forsi bir-raġun — li qed niktbu għall-ewwel darba bil-Malti dwar xi suġġett, ikollna t-tentazzjoni li kulma niktbu bil-Malti jieħu l-forma ta’ gwida għall-prinċipjanti. Nirreżistuha.

    Ma ninsewx li Aphroconfuso huwa, l-ewwel nett, ġurnal letterarju. Allura, kull opportunità biex norbtu dak li qed ngħidu ma’ xi ktieb partikolari — speċjalment ktieb Malti, jew ktieb bil-Malti — għandna noħduha. Tajbin ukoll reċensjonijiet li jiftħu f’esejs, jew esejs li jsemmu iktar minn ktieb wieħed.

    Għandna nisfidaw il-kanonu, kemm dak Malti kif ukoll dak barrani. Nagħmlu sforz konxju biex inferrxu l-attenzjoni tagħna fuq kittieba u artisti li fil-passat ġew imwarrba għal raġunijiet ta’ ġeneru, klassi, razza, eċċ. Ma nżidux mal-kult ta’ adorazzjoni għall-istess erbat irġiel.

    Ma nżommux lura milli ninvolvu lilna nfusna fl-istorja permezz ta’ aneddoti, u tal-esperjenzi tagħna ma’ dan is-suġġett. Ma nibżgħux nuru l-proċess tal-kitba, tal-fehim tagħna. Ma nibżgħux nuru li qed nitgħallmu mal-qarrej.

    Tajjeb ukoll li, jekk ikun hemm bżonn, insemmu d-diffikultajiet li qed niltaqgħu magħhom bħala kittieba biex nesprimu dak li qed nippruvaw ngħidu bil-Malti

    Nippreferu l-ideat milli l-opinjonijiet.

    Ma ninħbewx wara subgħajna. Dak li għandna ngħidu ngħiduh, mingħajr tgħajjir. Jekk dak li rridu ngħidu għandu bżonn fiduċja kbira mill-qarrej — għax forsi nistgħu ninftiehmu ħażin jew inweġġgħu — l-ewwel irridu nkunu ċerti li rbaħnieha l-fiduċja. M’hemmx għalfejn ħniena ma’ min hu iktar qawwi minna; dik il-ħniena nrodduha lil min hu iktar dgħajjef.

  118. vulnerabbiltà

    Mhux vulnerabbilità jew vulnerabiltà.

  119. waħedna

    Nippreferu waħedna.

  120. weqfin

    Mhux wiqfin.

  121. xorz

    Mhux shorts. Ara kliem mill-Ingliż.

  122. żagħtar

    Mhux za’tar. Ara kliem barrani mhux Ewropew.

  123. żewġ punti (colon)

    Wara ż-żewġ punti: inkomplu b’ittra żgħira.

Dekorazzjoni art-nouveau