L-Għoxx Mera tar-Ruħ

Glorianne Micallef

Tielgħa t-taraġ il-kbir ta’ San Ġakbu b’ċerta kunfidenza u b’pass mgħaġġel, liebsa libsa bluna b’kull spalletta daqs pala tal-id, jekk taraha jaf taħseb li l-mużew miexi fuqha. Imma fil-fatt, dik il-libsa hija uniformi mislufa mis-sinjura, il-qalziet iżżommu magħluq b’labra tas-sarwan, il-kunfidenza għax dan it-taraġ titilgħu tal-inqas darba kuljum meta tkun xogħol, u l-għaġla għax ilha mill-ħamsa tissaporti bewla. Għax meta seħlet issuġġeriet lis-sinjura biex tagħmel imqar sink u loki fuq wara tal-ħanut, ħaditha bi kbira u allura ma reġgħetx semmietha.

It-tfajla ta’ mad-daħla titbissmilha. Anna Maria tistħi minnha. Din taħsibni ’l  ħin kollu npixxi u nkakki, taħseb kull meta taraha. U allura biex turiha, lilha, lill-ħitan swar, lit-turisti jitlajjaw, li hi ma tidħolx biss biex tuża l-loki, meta jkollha ftit minuti x’taħli, iddur dawra mas-swali. U issa li ilha kważi ħames snin b’din ir-rutina kważi ta’ kuljum, saret xi ftit familjari mad-dinja żgħira tal-arti fil-pajjiż, u taf x’jogħġobha u x’ma jogħġobhiex. L-arti figurattiva: togħġobha, speċjalment pitturi bl-akkwarelli għax donnhom ikun xi jkun is-suġġett dejjem jagħtuha sens ta’ paċi u jġegħluha tixtieq li tidħol tgħix fihom; l-arti astratta: ħafna drabi ma togħġobhiex imma ġieli nzertat xi biċċa xogħol li qanqlet xi ħaġa ġo fiha. Il-bibiti fil-ftuħ li rarament tinzerta meta tgħaddi fl-aħħar tal-ġurnata: ġieli jogħġbuha ġieli le, skont x’tinzerta. Illum sabet tilqagħha wirja ġdida, li tassumi tnediet is-Sibt filgħaxija u għalekk tilfet il-bibita għax nhar ta’ Sibt tagħlaq il-ħanut fis-siegħa. Fl-ewwel sala, it-titlu tal-wirja mal-ħajt, kull ittra għolja pied tixgħel roża jgħajjat: v i v a v a ġ i n a.

Fuq il-fuljett tal-wirja, deskritta bħala ċelebrazzjoni tal-għoxx, kura ta’ ____ ___, 8–21 ta’ Ottubru 2011, hemm test twil li beda b’mistoqsija: Kemm-il żejża qatt rajt imdendla ma’ dal-ħitan, minquxa ġo ġebla, irħama, jew imsawra mit-tafal? Ħafna, twieġeb ubbidjentament f’qalbha. Tobsor x’se tkun il-mistoqsija li jmiss — vaġini xejn li tiftakar, lanqas waħda. Tagħti daqqa t’għajnil-bqija tat-test… L-għoxx, sors ta’ pjaċir u ħajja… rari suġġett ta’ xogħlijiet tal-arti… toqba tas-sorm… organi eroġeni… Taqta’ qalbha u terġa’ tqiegħed il-fuljett mal-mazz u tibda miexja bil-mod minn biċċa xogħol għal oħra. Tpinġija diġitali: Madonna b’dirgħajha miftuħin u d-drapp ta’ ħwejjiġha jieħu xeħta ta’ vulva; skultura tat-tafal: pastizz tal-irkotta; installazzjoni: frak ta’ pastizz madwar xafra roża tal-Gillette. Skrin żgħir qed juri video (dawn normalment ma jogħġbuhiex): pastizz tal-irkotta, sausage roll tal-Wudy jidħol fejn hemm l-irkotta, imbagħad il-pastizz isir qassata u minnu joħroġ pastizz party-size, dlam, end credits, dlam, “storja ta’ pastizz” miktuba b’tipa mberfla (kienet qabdet il-video f’nofsu), pastizz bil-ketchup ħiereġ minnu, imbagħad joħroġ kavjar oranġjo minnu, u lura għall-Wudy… Tkemmex xufftejha, ma laqatha xejn, iktar għaġina milli vaġina.

Hi u ħierġa tinduna li qabżet biċċa, li kienet fil-kuritur bħallikieku miżjuda fl-aħħar minuta, kanvas dejjaq forsi pied imma għoli kważi sas-saqaf, ħafna minnu iswed u f’nofsu vulva — vulva proprja, impittra f’dettall immens bis-suf u kollox, imġebbda tokkupa forsi kwart tal-kanvas, kull sufa kannella daqqa ta’ pinzell, tista’ tara ċ-ċapep taż-żebgħa niexfa fejn tibda d-daqqa, il-ġilda roża fil-kannella li ssir roża jgħajjat kważi fuxa iktar ma tidħol ’il  ġewwa, interrott b’xi ċapep ta’ żebgħa bajda, ir-rifless ta’ dawl fuq l-umdu. Anna Maria tiċċassa lejn il-pittura, il-faldi petali, il-ġilda satin, is-suf ġakketta tal-mink. (U tiegħi?) Il-pittura togħġobha, b’mod differenti mill-akkwarelli li s-soltu jogħġbuha. Tħares, imsaħħra, taħseb li l-pittura sabiħa għax is-suġġett sabiħ (u tiegħi?), iġibilha sudizzjoni fis-sbuħija u s-serjetà tiegħu. Ara ż-żobb, iż-żobb tan-nejk, taħseb hi, speċjalment żobb l-eks, tan-nejk bħal sidu. Imma ħabbitu xorta, l-eks tan-nejk biż-żobb tan-nejk tiegħu, anki wara li saret taf li kien qed jaqlibhielha mas-sekonda kuġina tiegħu, xorta ħabbitu, u l-imħabba li ħabbitu mingħajr ma nħabbet lura tant għejjietha u xorbitha li meta ħassru għamlet sena ma toħroġx mid-dar ħlief għax-xogħol, tilfet id-deposit tas-sala tat-tieġ, spiċċat trid tħallas il-flett waħidha, u nfexxet fl-ikel. (Tiegħi sabiħ bħal tal-pittura? Sabiħ daqs tas-sekonda kuġina?)

Tasal id-dar, tinża’ l-ġlekk, u tidħol fil-kamra tal-banju, tinża’ l-qalziet, attenta li ma titniggiżx bil-labra tas-sarwan, tinża’ l-qalziet ta’ taħt ftit imdennes, kieku tarah ommha tagħtiha puplesija, taqbad il-mera li tkabbar, dik li kultant tuża biex tnittef ħuġbejha u s-suf li jisponta minn geddumha qisu nesa li hi, fil-fatt, mara, tpoġġi mal-art fuq it-tapit, sormha barra, riġlejha milwijin, bil-mera bejn saqajha tipponta lejn għoxxha. Suf. Ħafna suf. U riħa t’għaraq, bewl u miżża wara ġurnata maqful ġo qalziet xpakkat tal-polyester.

Imbagħad ferrqet ftit is-suf, biex jidhru l-faldi ta’ ġewwa, mhux tant petali bħal tal-pittura, iktar widnejn l-iljunfant, tal-lemin itwal u iktar imlaħħma qisha lsien qed jgħajjibha. U iktar ’il  ġewwa l-ġilda roża fuxa, kemm kemm umda qisha nfurrata bil-bugħeriewen. Fuq il-fuxa tikka żgħira kannella — nemxa! Żgħira, lixxa, xi mkien fil-periferija bejn l-estern u l-intern. Tiftakar li l-eks kien iħobb jinkiha, jgħajtilha l-Ingliża, għax ġisimha mimli bihom, wiċċha wkoll, imma tiddubita li qatt induna b’din in-nemxa partikolari. Tħoss ftit diqa. Le, tagħha mhux sabiħ bħal tal-pittura. Ma misshiex marret miegħu qabel iżżewġu. Missha marret miegħu iktar drabi anki meta ma kellhiex aptit ħalli ma jkollux għalfejn imur mas-sek — Aaaaa!

Taqbeż pied minn fuq it-tapit, u tinżel b’tisbita li kważi tfekkilha l-ossu sagru. Għax waqt li qed tgħarrex għal iktar nemex, tara ħaġa tfiġġ minn ġo fiha, u din il-ħaġa kienet tiċċaqlaq, għax bħalma ħarġet, f’tebqa t’għajn reġgħet daħlet.

Terġa’ tfettaħ riġlejha, issa qalbha tħabbat tant li tħoss ġisimha joqmos mar-ritmu mgħaġġel tad-demm iħabbat ġol-arterji waqt li qed tofroq u tgħawwar ’il  ġewwa bi swaba’ jitriegħdu. Ratha, żgur ratha, ma kinitx qed timmaġina, xi ħaġa rqiqa u tawwalija, żgħira daqs is-subaż-żgħir, kulur ħadrani, xi insett żgur insett u marelli kif spiċċa hemm ġew, jekk mhux xi marda, żgur xi marda, xi STD li bambalhielha dak il-galantom wara li mar ma’ dik il-jaqq, ma sabx ma’ min mar ukoll, imma forsi xi marda li blajt mis-seat tal-loki ta’ San Ġakbu — 

Ħsadtek?

Reġgħet qomsot. Sinjorina, ibqa’ ċerta li iktar jien qed nibża’ minnek mili int tibża’ minni.

Qamet bilwieqfa bħal biex taħrab, sakemm moħħha pproċessa li l-leħen, għalkemm instema’ qisu ġej mill-ispazju, kien fil-fatt ġej minn ġewwa fiha, u għalhekk biex taħrab minnu kellha b’xi mod taħrab minnha nnifisha, u terġa’ tpoġġi fl-istess pożizzjoni li kienet qabel, issa riġlejha jitriegħdu, m’għandhiex kontroll fuqhom, irkupptejha kultant jaħbtu ma’ xulxin, mal-ħajt, u mal-art, għajnejha fissi fuq il-mera, taħtaf papoċċa tas-sodda, u bi sforz jirnexxilha tlaqlaq, x’int?

Wara ftit sekondi ta’ silenzju, jerġa’ jinstema’ l-leħen. Għedt xi ħaġa? M’iniex nisma’ minn hawn ġew. Erġa’.

X’int? Reġgħet bilkemm instemgħet. X’INT? Issa toħroġ bi twerżiqa li taħsad lilha stess.

Joħroġ ħoss, li għall-bidu taħsbu tqaħqiħa, imbagħad tirrealizza li kienet daħqa.

X’jien? Tajba din. Se nibdew bil-mistoqsijiet tqal mill-ewwel qisu. Ismagħni ftit. Ħa noħroġ, ħalli nitkellmu sew, għax bilkemm qed nisimgħek minn hawn ġew. Ma rridx bużullotti, nerġa’ ngħidlek li jekk int qed tibża’ minni, jien qed nibża’ iktar. Ma rridlekx deni u mhux se nweġġgħek.

U tgħidlu, orrajt, oħroġ. Tneħħi l-papoċċa minn idha imma żżommha fil-qrib għal li jista’ jkun, għajnejha fissi fuq il-mera, s’issa xejn, s’issa l-għoxx biss, u wara ftit sekondi tara l-istess ħaġa li rat qabel. Qed tara kif ma kinitx qed tiġġennen. Ħaġa ħadranija fiha forsi daqs werqa nagħniegħa, imma fil-quċċata ħaġa sewda. Żomm — il-ħaġa sewda hija ras, l-iswed huwa xagħar u forsi xi suf ta’ daqna, l-aħdar huwa lbies. Ir-ras għandha wiċċ, il-wiċċ għandu għajnejn, l-għajnejn donnhom qed iħarsu lejn il-mera, fejn tassumi li hu kien qed jara xi parti minnha. Anna Maria tpeċpeċ għajnejha, tipprova tagħmel sens minn dan li qed jidher fir-rifless tal-mera li tkabbar, driegħ iżomm ma’ falda u l-ieħor mal-oħra, u għalkemm diffiċli tagħraf xbieha f’dan iċ-ċokon, tinduna li din ix-xbieha, din il-ħaġa, ratha qabel, ratu qabel, fi tfulitha fuq kartolina fil-vetrina tan-nanna, fuq xi skrin tat-televixin, iktar u iktar f’dawn l-aħħar xhur minħabba l-gwerra. Int Gaddafi?

Jien hu.

X’inhu jiġri, tistaqsi Anna Maria, iktar lilha nnifisha milli lilu.

Nista’ nimmaġina li ħadt qatgħa Anna Maria, jekk tippermettili nsejjaħlek b’ismek. Għandek raġun tistaqsi. Dan arranġament temporanju, ftit mistrieħ, dak kollox.

Kif spiċċa ġo fiha Gaddafi? Kif Gaddafi sar daqshekk ċkejken? Għax veru li hi dejjem ratu fuq it-televixin jew f’xi stampa, imma kienet ċerta li fil-verità kien raġel ta’ daqs normali, mhux qisu figurin. Kemm ilu ġo fiha? Kif se tneħħih? Anna Maria tħoss li moħħha qatt ma kien mirkub b’tant ħsibijiet, u kulma joħroġ minn ħalqha huwa — kif?

Ċert li għandek elf mistoqsija, Anna Maria. Kollox jasal waqtu. Jaħasra, kieku ma ħriġtx dik il-mera ma kontx tinduna bija, imma issa hawn qegħdin. U forsi mnalla. Ħaġa waħda ħa ngħidlek — il-pjan tiegħi hu li nroddulek lura elf darba, inħallsek il-kera, ejja npoġġuha hekk.

Tħallasni? Tirrealizza li tinstema’ mbaħanħa, qisu l-kliem li qed jgħid tqil wisq biex tifhmu.

X’taħseb, Anna Maria, jekk nistrieħu daqsxejn, u nkomplu nitkellmu għada. Tidher għajjiena.

Jien ma rridx inkwiet, tixtieq tgħidlu, issa li moħħha beda jirreġistra xi ftit l-assurdità tas-sitwazzjoni. Għax x’jista’ jġib miegħu dan it-tali, jekk mhux salt inkwiet milli hemm f’pajjiżu?

Imma sakemm il-kliem jasal f’ħalqha tisimgħu jsellmilha, ħallejtek għalissa, il-lejl it-tajjeb. U baħħ, f’tebqa t’għajn, filli hemm filli le. Anna Maria baqgħet bilqiegħda hemm għal ftit minuti, sormha barra fuq it-tapit, tiċċassa fil-mera, taħseb, x’se tagħmel? Tmur l-isptar? U jekk jitfgħuha frankuni? Imma qal li se jħallasni, tajjeb kieku. Qed niġġennen? Din marda? Imma marda tal-moħħ? Jew STD? Jew vera? Imma jekk vera, li għandha lil Gaddafi ġo fiha, hija aħjar jew agħar milli kieku għandha marda?

Wara ftit tqum minn mal-art, tilbes il-piġama u tidħol fis-sodda. Tħossha mkissra, kemm ġisimha u kemm moħħha, u ma ddumx ma tmur għajnha biha.

Tqum u jgħaddu ftit sekondi sa ma moħħha jfakkarha fl-episodju tal-lejl ta’ qabel, u xħin tiftakar, tħoss nostalġija għal dawk il-ftit sekondi fejn kienet għadha ma ftakritx, imbagħad farka tama li jaf kienet ħolma stramba, imma fil-fond ta’ qalbha taf li le, ma kinitx ħolma stramba, għax il-ħolm tagħha jkun fjakk u kwotidjan daqs il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitha.

Fil-kamra tal-banju ssib il-mera għadha mal-art, u tpoġġiha f’postha maġenb is-sink. Illum taqbeż il-kafè u l-krustini għax m’għandhiex aptit, u taf għala m’għandhiex aptit, tidħol tinħasel, waqt li qed taħsel ġisimha taħseb fuq x’hemm ġo fiha, u togħrok is-sapun sew ma’ kullimkien iktar mis-soltu. Tilbes, timxi sal-pjazza, titla’ fuq tal-linja, tinżel il-venda, timxiha sal-ħanut, ittella’ x-shutter, tagħti kinsa, tiftaħ il-cash, tiftaħ il-bieb u ddawwar is-sinjal minn magħluq għal miftuħ. Ħolma, mhix ħolma. Għandha marda, m’għandhiex marda, x’marda? Marida minn moħħha, le mhix marida minn moħħha, mhux b’dak il-mod. Tmur l-isptar, aħjar ma tmurx. Jidħol raġel — mhux l-ewwel darba li ġie l-ħanut — illum ma’ ġuvni m’għandux iktar minn tmintax, tassumi li ibnu għax jixbhu — il-faqma, tpenġija simili mal-għonq, il-mod kif jimxu sidirhom ippuppat u dirgħajhom ’il  barra. Imorru dritt għall-istand tal-ingravati tal-offerta, wesgħin u b’disinji kaotiċi. Il-missier jaħtaf l-ewwel tnejn li jiġu għal idejh u jgħaddihom lit-tifel, li jlibbes waħda lil missieru mbagħad jilbes hu, il-missier jagħti daqqa t’għajn fil-mera u jgħidlu, kemm aħna sbieħ bil-vavalor. U tqattagħha hekk l-għodwa, tbigħ l-ingravati. Ċerta li s-sinjura għandha maħżen mimli bihom, dawn l-ingravajjet ta’ żmien żemżem. Bejn tranżazzjoni u oħra moħħha jerġa’ jintrikeb mill-ħsibijiet — tgħid ’l  ommha, ma tgħidx ’l  ommha, lil min tista’ tgħid? Tgħid lis-sinjura — le, lis-sinjura żgur li le, jekk għandha tgħid lil xi ħadd tgħid ’l  ommha, avolja… Jidħol raġel xiħ u tbigħ ingravata u ġlekk. Tipprova tbigħlu l-qalziet miegħu u ma jirnexxilhiex, anzi taqla’ ħarsa. Is-sinjura se tagħmel għaliha għax farrdet libsa. Igergrilha l-istonku, jiddispjaċiha li ma kielet xejn qabel ħarġet, u tiftakar għaliex ma kielet xejn, x’għandi, x’inhu jiġri, għaliex? Jitfaċċa l-avukat — id-dottore! Anna Maria ġenwinament kuntenta li tarah, imbagħad b’ton drammatiku qisha għadha kif ġrat l-akbar traġedja, marelli rġajt insejtha, dottore? Hu jtektek fuq il-BlackBerry, jinjoraha, imur direttament lejn l-istand tal-ingravati ftit iktar fini, jgħidilha, ejja, Lily, u tqabbillu waħda dejqa lewn demm il-barri, turihielu, jaqla’ għajnejh kemm kemm minn fuq il-BlackBerry, jegħmżilha, tgħollilu l-kullar tal-qmis u tlibbishielu, m’hawnx għalik sweet. Hu u ħiereġ igerger kemm m’għandux aptit jaħdem illum, aħjar qiegħed Kemmuna jixxemmex — anki jien imma x’tagħmel, dottore? Kollox irid ikun. Sewwa qed tgħid, Lily, sewwa qed tgħid.

Tgħaddi l-għodwa, Anna Maria tagħlaq il-ħanut, tixtri ftira, tmur tikolha l-Barrakka, tarmi kważi nofsha għax tħossha mdardra, titla’ San Ġakbu tuża t-tojlit, xħin toħroġ mil-latrina tara d-daħla għall-wirja, dawk l-ittri jixegħlu, u timtela dwejjaq u ftit rabja, bħallikieku l-għajb li qed iġġarrab tort tal-wirja. Terġa’ tiftaħ il-ħanut, il-waranofsinharijiet ibsin għax jgħaddu iktar bil-mod. Inqas nies. Iktar ħin għall-ħsieb. Gaddafi ġo fiha. X’ġenn. Tagħlaq għajnejha u tiffoka, tiffoka s-sensi kollha tagħha hemm isfel, tara tħossx xi ħaġa, xi ħaġa titħarrek. Xejn. Ma tħoss xejn. M’hemm xejn. Isserraħ ftit rasha li forsi qed tiġġennen. Iċċempel ’l  ommha, u wara s-soltu kif intijiet u mhux ħażinijiet: ma, tiftakar in-Nanna Mer kellha kartolina fil-vetrina — eh, ta’ Mintoff — le mhux l-inkwatru, kartolina kienet isserraħ mat-tazzi tal-butir, naħseb ritratt ta’ Gaddafi liebes ta’ suldat — eh ija, għandu jkun kellha xi ritratt — eh, ma, dak minn fejn inqala’? — Jien naf, mid-deżert jgħidu, għandu jkun — le, le, ir-ritratt, ma, mhux hu, minn fejn ġabitu n-nanna — mhux in-nannu tgħid, tahulu xi ħadd il-każin, u dan x’tak għar-ritratt ta’ dak illum? Dak il-ħin tgħaddi s-sinjura, saret tħobb tagħmilhom dawn is-surprise visits, tant tħobb tagħmilhom li Anna Maria saret tistenniehom. Tistaqsiha x’biegħet, tgerger li n-nies m’għadhomx jafu jilbsu u l-qorti jmissha tinforza d-dress code b’aktar serjetà, li meta kienet tkun hi fil-ħanut kienet tbattlu f’ġimgħa, u Anna Maria tkun trid tgħidilha li n-nies li jafu jilbsu ma jixtrux l-ilbiesi mingħand il-Power Suit. Is-sinjura tirrakkuntalha li nhar il-Ħadd ħarġu bid-dgħajsa u raw par dniefel. Ħelwin ma ngħidlekx kemm, Ann Marie, għamlu kwarta jaqbżu maġenb il-boat, imbagħad Marija Santa wieħed minnhom niżel taħt il-boat u daħal dritt għal ġol-iskrun! Lanqas kont naf li jkollhom id-demm! U l-iskrun tgħidx x’daqqa ħa. Ma ngħidlekx xi spiża blajna. Ma kienx denfil, imbasta jgħidu li intelliġenti ħafna!

Anna Maria tagħmel l-espressjonijiet u l-ħsejjes li tkun qed tistenna s-sinjura, imma qajla jqanqluha d-dniefel, il-boat, u l-iskrun, u s-sinjura tinduna. Kemm inti bil-geddum illum, xi nqalagħlek? Jaqaw qed taħseb fuq dak il-maħmuġ? Għadu mal-kuġina jew? Dawk iridu jitolbu l-permessil-Papa biex jiżżewġu, issa tara.

Anna Maria timmaġina l-Papa b’lista twila ta’ koppji minn madwar id-dinja, jiddeċiedi x’inhu inċest u x’mhux. Sekonda kuġina, tikkoreġiha, u ma nafx, m’għadnix inkellmu. Din il-konverżazzjoni tirrepeti ruħha tal-inqas darba fil-ġimgħa. Huwa l-uniku dettall mill-ħajja ta’ Anna Maria li s-sinjura tiftakar u tagħmel mezz biex tistaqsi dwaru, anki jekk, jew forsi għax, tkun qed tiftaħ ferita.

Hi u ħierġa jidħol l-avukat, is-sinjura tinħall, Francisss, jitbewsu fuq il-ħaddejn. L-avukat iżomm l-ingravata mkebba bebbuxu f’idejh, u jpoġġiha f’idejn Anna Maria, li terġa’ ddendilha mal-oħrajn. Jgħid lis-sinjura li rebaħ xi kawża importanti, tgħidlu li l-ebda avukat ieħor ma kien jirbaħha, Anna Maria ċerta li s-sinjura jaqgħalha għal dal-avukat, imbasta — dak il-ħin jinstema’ tvenvin li jriegħed il-ħanut, it-tlieta li huma jieqfu jitkellmu, u l-avukat, li kien l-iktar wieħed qrib il-bieb, joħroġ jittawwal, iħares lejn is-sema, ajruplan tal-gwerra, tnejn, tlieta. Is-sinjura tistaqsih humiex Ingliżi. Ma nafx, jgħidilha, naħseb Franċiżi. Huma min huma, Francis, jalla jordmuh illum qabel għada. L-avukat jibda miexi lejn il-bieb imbagħad jgħidilha, sakemm ma jerġax isalvah Karmenu! Is-sinjura tonfoħ b’mod drammatiku, uff jaqq, Francis, issemmihulix! L-avukat jisserja. Gaddafi kien tah rigal sabiħ lill-KMB talli salvah dik id-darba, tafha din, Gladys? Eħe, Francis? Mela x’inhu, kien tah ġemel. Is-sinjura u Anna Maria jiċċassaw lejh. Anna Maria ma tafx biex ħiereġ l-avukat, imma tridu jitlaq ħalli titlaq is-sinjura wkoll. Mela, il-KMB mar Tripli u ġie lura Malta b’ġemel, u Mintoff beda jistaqsih fuq il-ġemel, bħal x’razza hu, x’jiekol, xi jkollu bżonn, u l-KMB ma kien jaf xejn. Mintoff qabżitlu. Qallu, iwa mela xejn ma taf, Karm?! Għall-inqas taf hux mara jew ragel dal-ġemel? Il-KMB ferħan ferħan qallu, iva, Dumink — mara! Għax meta kont għaddej fit-toroq ta’ Tripli fuq il-ġemel smajt in-nies jgħidu, ara x’għoxx dak!

Anna Maria titbissem ftit għax m’għandhiex moħħ ċajt, u KMB idea vaga biss għandha tiegħu.

Is-sinjura togħxa, id-daħq ħiereġ minn ħalqha u mneħirha, l-avukat jitlaq, is-sinjura titlaq ftit warajh, għadha tidħaq, skont Anna Maria qisha l-belha.

Meta tasal id-dar, issib kaxxa kbira tal-kartun timblokka l-bieb tal-flett. Tagħmel sekonda jew tnejn tħares lejha, imbagħad tiġġebbed biex tiftaħ il-bieb u tipprova timbuttaha ’l  ġewwa bl-irkoppa u l-pexxul imma bilkemm titħarrek, allura tqiegħed il-basket fuq il-kaxxa u timbotta ’l  ġewwa b’kemm għandha saħħa f’dirgħajha. Tittama li ma raha ħadd mill-blokk dil-kaxxa. Tagħlaq il-bieb, tispezzjona l-ħames uċuħ tagħha, magħluqin bit-tejp, u ma tara l-ebda marka. X’jista’ fiha?

Armi.

Pistoli, hand grenades, machine guns.

Bomba — pumm — toqtol lilu, toqtol lilha.

Katavru.

Ommha, imqattgħa biċċiet.

Libjan ħaj, lest biex iħebb għaliha b’sikkina kif tiftaħlu.

Iftaħha, x’int tistenna? Ma kellhiex dubju li l-wasla tal-kaxxa kellha x’taqsam mal-inkontru tal-lejl ta’ qabel, u għalhekk kienet qed tistenna li se jkun hemm xi intervent mingħandu. Imma xorta tieħu qatgħa. U forsi għax iħossha taqbeż, u l-polz tad-demm iħabbat jgħaġġel ġol-arterji tal-utru, iserrħilha rasha. Ikel kulma fiha, affarijiet żgħar, kemm inkun iktar komdu, inkunu iktar komdi. Hi ġġib sikkina mill-kċina, tqatta’ t-tejp u tiftaħ — 

Il-kaxxa mimlija sa ruħ ommha. Fil-wiċċ speċi ta’ qoffa mimlija ħaxix — xi tliet tipi differenti ta’ tadam, bżar, felfel… poġġihom fil-friġġ. Kaxxa tal-kartun mimlija kaxxi żgħar tal-ħadid issiġillati imma b’xi mod xorta jrejħu bil-ħwawar ta’ ġo fihom. Borma kbira, bilkemm tiflaħ terfagħha — ah, dik l-iktar li kont qed nistenna, naqra stuffat tajjeb. Tqandilha għal fuq il-wiċċ tal-kċina, jgħidilha ssaħħan ftit, u tkessaħ li jifdal. Xi jfuħ, tgħidlu. Vera xammitu jfuħ. U żġur li jfuħ, iweġibha, miegħi tiekol sew, issa tara, il-ħbieb tiegħi jmorru tajjeb. Suppost hemm xi ħaġa oħra. Fil-qiegħ tal-kaxxa, kaxxa oħra, din bajda, kbira imma mhux fonda. X’inhi? tistaqsi. Iftaħ ħa tara. Tneħħi l-għatu, u taħt saff karta strazza bajda ssib libsa, bħalma tilbes għax-xogħol, ġlekk u qalziet bluni, imma bla dubju ħafna iktar fini minn dawk li kienet sellfitha s-sinjura. Tipprova l-ġlekk, tmur quddiem il-mera, iddur ’l  hawn, iddur ’l  hemm, il-materjal ħafif, sajfi, imma xorta ġlekk pulit, il-qatgħa kif suppost, għal mument tħossha kważi attraenti. Tgħidlu, xi ngħidlek? Ibżax, jgħidilha, vera li mhux sħana daqs il-Libja, imma ma nafx kif tiflaħ dawk il-ħwejjeġ tal-plastik. Imma issa ejja nieklu, u kif jismagħha ċċekċek is-siġġijiet u l-platti jgħajjat, le, mal-art fuq it-tapit!

Tiftakar li darba xi ħadd kien qalilha li l-Għarab jieklu mal-art mingħajr frieket u skieken, u li jkakku ġo tobqa u ma jużawx karta tal-loki, li l-irġiel ikollhom iktar minn mara waħda u moħħhom biex jaħxu. Nippreferi niekol fuq il-mejda, tgħidlu. Fuq it-tapit, jirrepeti, u tħoss li m’għandhiex għażla, tiftaħ dvalja fuq it-tapit għax ma tridx tħammġu. Imbagħad tiskuża ruħha, tidħol f’kamritha u tagħlaq il-bieb qisu l-istranġier ġewwa darha ma kienx qiegħed ġo fiha, tinża’ l-qalziet tax-xogħol, tinża’ l-qalziet ta’ taħt, tilbes dublett biċ-ċinta tal-lasktu, kemm kemm jgħattilha rkupptejha. Terġa’ lura fil-kċina, il-borma issa saħnet sew, toħodha fuq id-dvalja mal-art, tpoġġi mal-art, titfettaħ, tħoss tagħrixa żgħira hu u joħroġ, u jimxi bil-mod sakemm ipoġġi mal-art hu wkoll faċċata tagħha. Mingħajr il-mera li tkabbar kien jerġa’ iċken, għajnejha bilkemm setgħu jiffukaw fuqu.

Ejja ħa nieklu, jerġa’ jgħidilha. Int qisek waħda minn ta’ ġewwa issa, u la jgħaddi kollox, naraw x’nagħmlu biex tidħol jerġa’ iktar ’il  ġewwa. Hux inti m’intix miżżewġa?

Le. Wiċċha jiħmar ftit, il-mistoqsija tħossha wisq intima.

Kul, jgħidilha, tiddejjaq xejn, kul. Ċarrat biċċa ħobż, hekk, u tella’ naqra laħam u zalza.

Tagħmel kif qalilha. Biċċa ħobż ażżmu, biċċa laħam tidher tarija f’zalza magħquda kannella. Ħaruf? tistaqsih.

Le, ġemel.

U, forsi għax jara għajnejha jitberrqu u idha terġa’ lura kemm kemm lejn il-borma, kompla bi ħjiel ta’ nervi f’leħnu. L-annimali li ma jgħixux fl-Ewropa jittieklu wkoll tafx, u jekk għandkom l-istonku tieklu ħanżir, ma nafx għala titqażżuh il-ġemel. Tiekol ta’ jdejha, wiċċha jirrilassa, tgħidlu li tajjeb.

Hux, kemm hu tajjeb? Togħma ta’ tiġieġ? Għax hekk kien qalli Tony Blair. Jidħaq ftit u jgħid xi ħaġa bl-Għarbi li ma tifhimx.

Wara ftit tarah jaqta’ biċċa ħobż ażżmu hu wkoll, kważi kbira daqsu, ibillha fl-istuffat, imbagħad ftit wara tisparixxi, għajnejha jitwerrċu bl-isforz. Mhix imdorrija tifli f’dan iċ-ċokon immens, ħlief xi tikketta tal-ħwejjeġ jew in-numri fuq l-irċevuti.

Kul, jerġa’ jgħidilha, bejn gidma u oħra. Kul, kif tispiċċa jġibuli borma oħra.

U huma u jlaqqtu l-borma fil-kwiet, jgħidilha kemm hi antipatka dik il-mara li taħdem magħha.

Dik is-sinjura, il-ħanut tagħha, tispjegalu. Għandha ħafna sinifiteti imma l-bqija mhix mara ħażina.

Hix mara ħażina jew le, jarah Alla, mhux int, jgħidilha, u jkompli jiekol u wara ftit ikompli, imma li hi antipatka, antipatka, u l-ħajja qasira, jekk tista’ tagħżel ma’ min tqattagħha, m’għandekx tqattagħha ma’ nies kollhom ħara.

Kultant… mhux dejjem tkun tista’ tagħżel, twieġeb u jgħaddilha minn moħħha li issa jaf jaħseb li qed tirreferi għalih, u forsi hekk kienet qed tagħmel, allura tkompli biex taparsi tiġbor ġieħha, mhux daqstant faċli nsib xogħol ieħor bħalissa, il-flett irrid inħallsu b’xi mod.

Il-flus jiġu u jitilqu, nagħmlek sinjura daqsha għaxar darbiet, ħa tgħaddi dil-burraxka, jgħidilha, imbagħad ikompli jiekol, jixrob ftit ilma li ferrgħatlu f’bikkjerin, jgħidilha li dieħel jistrieħ, hi titfettaħ, tarah miexi lejha, tiddarras tarah se jidħol fiha allura tgħolli ħarsitha lejn il-linfa, u xħin terġa’ tħares ’l  isfel wara ftit sekondi, ma tarahx hemm.

Tnaddaf u tiżbarazza, imbagħad tidħol torqod hi wkoll. Kollox ma’ kollox, taħseb qabel ma tmur għajnha biha, dan l-arranġament mhux skabruż daqskemm ħasbet li se jkun, u jekk vera se jagħtiha xi flus, jaf vallapena.

L-għada, ftit wara li tiftaħ il-ħanut, tisma’ ħoss, li għal xi ħin assumiet kien ġej minn barra, sakemm tirrealizza li kien hu, qed jipprova jiġbdilha l-attenzjoni. Anna Maria, Anna Maria, Anna Maria, agħlaq il-ħanut ħa nkellmek. Inzerta ma kien hemm ħadd fil-ħanut, imma xorta, Kurunell, ma nistax naqbad u nagħlaq il-ħanut hekk, għadni niftaħ. Għedtlek agħlaq, u tagħlaq ikollha, iddawwar is-sinjal u ssakkar il-bieb. Xi trid?

Xi rrid? Kif m’intix liebsa l-ħwejjeġ li tajtek? Ma kienx hemm dubju li kien irrabjat.

Ħadt għalik? Ippruvat tieħdu bil-ħlewwa. Libsa pulita bħal dik, ma rridx nużaha għax-xogħol.

Għaliex taħseb li tajthielek? Biex tidher sabiħa? Taf x’foga hawn hawn ġew? Dal-qalziet minsuġ mill-boroż taż-żibel, naħlef!

Anna Maria tirrealizza li dik li taha kienet uniformi wkoll, mhux rigal per se. Għada nilbisha, ma bsartx li kelli nilbisha bilfors.

Tqatta’ l-ġurnata mħawda, bi ftit nervi, ħassitha li qalgħet għajta għalxejn, jekk riedha tilbisha missu għamilha iktar ċara. Meta tasal lura d-dar, ittella’ u tniżżel jekk tkellmux jew le. Imma tirbaħ in-natura servili tagħha, u tistaqsih jekk iridx li ssaħħanlu ftit mill-istuffat tal-ġurnata ta’ qabel.

Daqsxejn xakxuka għandi aptit, iweġibha minn ġo fiha.

Daqsxejn xiex?

Għedtlek daqsxejn xakxuka.

Dik xi tkun, Kurunell?

Ejja, ħa ngħidlek kif tagħmilha, ma fihiex għerf. Kollox għandek fil-kaxxa tal-bieraħ. Għandek xi borma baxxa? Hi u toħroġ il-borma, jordnalha tqatta’ basla rqiqa rqiqa rqiqa (irqaq! Irrid inħoss għajnejja jdemmgħu minn hawn ġew!), tisħaq it-tewm, tqatta’ l-laħam imqadded strixxi rqaq, tfellel il-felfel, tħokk it-tadam ġo skutella bil-qoxra u l-meraq b’kollox. Tqalli fiż-żejt taż-żebbuġa — il-basla, imbagħad it-tewm u l-felfel, il-laħam imqadded.

U għalkemm l-ebda minn dawn l-istruzzjonijiet ma jingħadu b’ton ta’ theddid, anzi jekk xejn jinstema’ burdata aħjar minn ta’ dalgħodu, Anna Maria tagħmel kollox li jgħidilha b’qalbha tħabbat u ftit rogħda f’idejha. Bħal meta tkun qed tagħmel xi ħaġa xi ftit delikata fil-ħanut, bħal tlibbes il-manikin, u jkun hemm is-sinjura tgħassilha, għid li l-manikin se jispiċċa sieq ’l  hawn u sieq ’l  hemm. Imma Gaddafi mhux is-sinjura. Gaddafi ma jagħtihiex il-paga. Għalkemm dik il-libsa li taha probabbli tiswa iktar minn xahrejn paga. Gaddafi qed jgħidu li mhux ħelu. Inqas ħelu mis-sinjura. Dakinhar stess hi u tiekol il-ftira fil-Barrakka semgħet żewġt irġiel jitkellmu. Wieħed qal kemm għamel ġid, l-ieħor qallu li aħdar u li jaħra b’sorm ħaddieħor. Hi marret fuq bank ieħor biex ma tismax.

Jinterrompilha l-ħsibijiet, forsi għax iħoss l-ansjetà tagħha, jistaqsiha jekk tafx issajjar, jekk ommha għallmithiex, ma jagħtihiex ċans twieġeb u jkompli jirrieċpa li l-Maltin suppost jafu jsajru għax il-klima u l-ġeografija favurihom, u jekk nesew kif isajru tort tal-ħakkiem, speċjalment l-aħħar wieħed. Kemm jieklu ħażin l-Ingliżi! semgħet jirbombja ġo fiha. Ibżax, kompla, issa qed ngħallmek jien. Mara trid tkun taf issajjar. Anki jekk taf tagħmel affarijiet oħra, anki jekk għandek min isajjarlek, importanti tkun taf tagħmel borma xakxuka.

Hi tkun se tgħidlu li fil-fatt taf issajjar, li tgħallmet m’għand ommha, kellha l-home economics għal ħames snin sħaħ u kien wieħed mill-ftit O-levels li ġabet. Li tħajret tmur tistudja għal koka l-ITS imma ommha u l-kunjata qalulha li mhux xogħol ta’ mara, għax ċertu ħaxix jitħassar dritt kif tmissu jekk tkun qiegħda bih. Jekk qed tgerfex u teċita ruħha kien minħabba fih. Imma ma tgħidlux.

Jgħidilha titfa’ mgħarfa sew ħwawar imħallta, ftit wara t-tadam maħkuk, tħalli kollox itektek. Waqt li qed tnaddaf jgħidilha li se joħroġ, u tgħidlu orrajt, imbagħad tirrealizza li waqt li hi bilwieqfa ma jistax joħroġ mingħajr l-għajnuna tagħha, u tpoġġi kokka. Jgħidilha, ilqagħni, leħnu jinstema’ iktar ċar għax qorob lejn barra, hi toħroġ il-pala t’idha, tagħmilha taħtha, u plopp — hemm hu, f’idha qisu ferħ ta’ qattus. Imbagħad jitlobha tressqu lejn il-borma ttektek hekk kif għadu fil-pala t’idha. Oj! Mhux daqsekk qrib! kważi jwerżaq, kif idha tasal maġenb il-fwar ħiereġ mill-borma. Tressaq idha lura, u tarah itawwal għonqu, jipponta mnieħru ’l  fuq, tajjeb, tajjeb, jgħidilha, issa ħallih itektek daqsxejn. Hi tniżżlu fuq it-tapit fejn kielu l-jum ta’ qabel, tferragħlu bikkjerin ħalib li kienet sabet fi flixkun tal-ħġieġ xħin waslet mix-xogħol. Wara ftit jgħidilha taqbad mgħarfa tal-għuda u tagħmel nofs tużżana ħofor fiz-zalza, li bil-mod il-mod kienet qed tagħqad, u f’kull ħofra tofsoq bajda. Tagħmel dan, issa iktar kalma għax m’għadux ġo fiha, imbagħad tgħatti l-borma, tibda tipprepara l-ħobż, ftit imkatar tal-idejn. Anna Maria, mur ittawwal li ma jmurx jagħqad l-isfar, irid jibqa’ maħlul, ħalli jnixxi fit-tadam.

Waqt li tosservah jiekol, tinnota li jiekol ammont kbir, ikbar mill-volum ta’ ġismu, kien diġà kiel żewġ bajdiet u kien ħa jibda t-tielet waħda, ma tagħmilx sens, imma xejn minn dan ma jagħmel sens. Hi tidħlilha wkoll ’ix-xakxuka, issa fehmet li hija varjant tal-barbuljata, jew il-barbuljata varjant tagħha. Tippreferi l-barbuljata, il-laħam imqadded ma jdoqqilhiex tant. Tistaqsih hix togħġbu u jweġibha, iva, qed togħġbu, imbagħad ikompli, sabiħa din il-ħajja, u hi ma tafx jekk hux jirreferi għal ħajtu, jew ħajjitha, jew il-ħajja inġenerali, imma tħossha kuntenta li donnu m’għadux irrabjat magħha. Sabiħa wisq il-ħajja, jerġa’ jgħid. U hi ma tgħid xejn għax ma tafx x’tista’ tgħid, imbagħad jistaqsiha għaliex m’għandhiex televixin, u tgħidlu li kellhom wieħed imma meta l-eks telaq ħadu hu, u hi żammet il-magna tal-ħasil, u baqgħet tittrateni u għadha ma xtratx wieħed. Din l-ewwel darba li semmietlu l-eks. Ibqa’ kif int, iddaħħalx televixin ieħor, jgħidilha wara ftit, kollu ħrejjef u gideb, kulħadd jara x’se jivvinta biex iservi l-aġenda tiegħu. Taħseb? tgħidlu hi, mhux biex tikkuntradixxih, imma biex tgħid xi ħaġa. Naħseb? Hekk hu! Jaħsadha t-ton difensiv u rrabjat tiegħu, u ma tgħidlu xejn iktar wara monologu fuq il-ħażen tal-media.

L-għada, malli tidħol is-sinjura fil-ħanut, tikkummenta li mhix liebsa l-uniformi. U Anna Maria stennietha din, ovvja li s-sinjura ħa tinduna li mhix liebsa l-biċċa imbarazz li kienet tatha hi, u għalhekk qattgħet il-vjaġġ fuq tal-linja tipprepara gidba. Tathieli z-zija, m’għadhiex tiġiha u tathieli, jaħasra għadha kważi ġdida. Is-sinjura tifliha, xi ħaġa mhix iddoqqilha. Fuq wiċċha espressjoni li Anna Maria f’qalbha ssejħilha, qisha xammet il-ħara. Issa jekk xi klijenta tistaqsik biex tixtri waħda bħalha? Mhux sew tilbes affarijiet li mhux minn tagħna.

Imma sinjura, aħna m’għadniex inbigħu lbiesi tan-nisa, tweġibha Anna Maria, u taħseb li għalqitilha ħalqha. Tibgħatha tħott kaxxa ngravati mill-bagoll tal-Volvo pparkjata quddiem il-ħanut. Imbagħad hi u toħroġ l-ingravati minn żmien Żemżem, u ddendilhom waħda waħda mal-istand, is-sinjura tobżoqha, ma kontx naf li għandek zija tal-flus, Anna Maria, u toħroġ idha u taqbdilha l-komma tal-ġlekk, togħrok id-drapp u l-buttuni tal-madreperla bejn is-swaba. Fina din is-suit, dan id-drapp mhux taċ-ċajt…

Kif teħles mill-komma, Anna Maria tiġbed idha lura, iva z-zija mhix ħafja, ir-raġel tagħha kien jaħdem fuq rig il-Libja.

U kif minn ħalqha toħroġ din il-gidba, spirtu pront u mhux ippreparata, għax l-unika zija li għandha Anna Maria kienet tal-mużew, tixtieq titfa’ l-ponn f’ħalqha ħalli ma joħroġx aktar kliem minnu.

Issa l-espressjoni fuq wiċċ is-sinjura mhux biss qisha xammet il-ħara, imma ħara li ilu jiffermenta mill-preistorja. Ah, zijuk wieħed minn dawk. Darba lil Edward offrewlu li jidħol sħab f’xi negozju hemm isfel, għedtlu Ed, anki jekk jagħtuna l-flejjes kollha tad-dinja, ma’ dawn in-nies se nitħalltu? Skużani, imma mhumiex ċivilizzati, tarahom fuq l-aħbarijiet, joqtlu ’l  xulxin, lanqas il-bhejjem. Ma’ nies hekk qatt ma tkun taf fejn inti, u qatt ma tista’ tmur minn fuq. Nirringrazzja ’l  Alla li kien sema’ minni, għax bit-taħwid li hemm bħalissa suf kienu jsiru l-flus, ħa ngħidlek. U ħa ngħidlek, Ann Marie, qed nerġgħu nimtlew bihom.

Anna Maria tikkuntentaha b’interġezzjonijiet u xengil tar-ras, grata li s-sinjura mhix tistennieha titkellem. Diġà tkellmet iżżejjed. Kollox ikun qed jisma’. Mhux se jieħu gost, u llejla jkollu koċċ nervi. Waqt li s-sinjura qed tgħid fuq l-Għarab li jgħixu qribha, li xejn ma jdoqqulha, anki t-tfal tagħhom, u li minħabba fihom ikollha tgħid lil Edward joħroġha hu l-borża taż-żibel filgħaxija, Anna Maria xxomm riħa ta’ sigaretti taqsam qisu xi ħadd qed ipejjep ġewwa l-ħanut, u tagħti titwila madwarha. Il-ħanut vojt ħliefhom it-tnejn, u ma kien hemm ħadd barra d-daħla lanqas. Is-sinjura tieqaf ħesrem u tibda tkemmex imneħirha, maaa x’riħa tinten jaqq! Marija Santa minn fejn gejja? Anna Maria ma ddumx ma tirrealizza li r-riħa kienet ġejja minn ġo fiha, eżattament minn bejn saqajha, u jaqbadha paniku. Is-sinjura tibda tħuf madwar il-ħanut, Anna Maria tagħmel bħalha imma toqgħod kemm jista’ jkun ’il  bogħod mis-sinjura forsi din tieqaf ixxomm u titlaq ’l  hemm. Imma l-ħanut żgħir wisq biex jaħdem dan il-pjan, u hi u xxammem qisha kelb tal-pulizija, is-sinjura tersaq qribha, tieqaf ħdejha u twerżaq, int qed tinten, Ann Marie! Imbagħad tidħaq daħqa kattiva, tpejjep din iz-zija, le le le qis li toħodha għad-dry cleaning din il-libsa jekk beħsiebek terġa’ tilbisha. Mintna, Ann Marie! Sa tgerrex in-nies, mhux aċċettabbli, ma nafx jien x’sigaretti pejpet din zitek.

Anna Maria tissomma. Sa ċertu punt tieħu r-ruħ li weħlet iz-zija li ma teżistix, imma xorta tħossha imbarazzata. Kif titlaq is-sinjura tgħajjatlu, għal darba tnejn tlieta, Kurunell, naf li qed tismagħni, kellimni.

Ma jweġibhiex u tkompli tgħajjatlu sa ma tisimgħu jweġibha, xi trid?

Qed tpejjep, hux?

U?

Mhux sew, hux! Issa jekk tqabbadni xi kanċer? Taf kif imlejt kulm’hawn intiena? Stajt ġibtni fl-inkwiet ukoll.

X’kanċer? Ħallini trid, moħħok għandi bħalissa. Tfejtu, ħa, la dejqek tant. Ġejja bil-kanċer. Issa anki l-kanċer, jien ħa neħel.

Tagħmel il-bqija tal-ġurnata rrabjata. Lura d-dar ma tkellmux, ma toffrilux x’jiekol. Jekk irid jiekol, jitlaq, tgħid lilha nnifisha, tiġġustifika magħha nnifisha. Għax xorta ħasset ċerta ħtija li qed toqtlu bil-ġuħ dar-raġel fetu ta’ ġo fiha.

Jgħidu li kull relazzjoni fiha t-tlugħ u l-inżul tagħha, u din ta’ bejn dawn it-tnejn l-istess. Ma jinteraġixxux wisq ma’ xulxin, u din tgħin biex ir-relazzjoni jew konoxxenza ma tiqrasx daqstant malajr. Imma peress li hu jgħix ġo fiha, anki meta jagħmlu iktar minn jum ma jarawx u ma jkellmux lil xulxin, diffiċli biex ma taħsibx dwar, aħseb u ara tinsa, l-eżistenza tiegħu.

Il-ħsejjes l-iktar li jagħtuha f’għajnha lilha. Issa daħħal radju, wasallu f’waħda mill-kaxxi li saret tistenna li ssib wara l-bieb ta’ kuljum. Iżommu mixgħul tista’ tgħid il-ħin kollu, u għalkemm bilkemm jinstema’, f’mumenti kwieti tisma’ t-tħaxwix, id-diskors qisu ġej minn taħt l-ilma, kultant xi mużika, qatt ma tista’ tagħraf eżatt x’qed jingħad u jitkanta fuq dar-radju, tiffoka kemm tiffoka, u mhux għax ikun bl-Għarbi, għalkemm dik forsi parti minnha. Imma jirritaha kemm jirritaha, ma tgħidlu xejn, għax timmaġina li dan b’xi ħaġa jrid jedha hemm ġew. Kultant ixxomm is-sigaretti, imma għall-inqas dara ma jpejjipx meta tkun ix-xogħol, u ma tgħidlu xejn. Hekk jew b’hekk imdorrija. Missierha kien ipejjep daqs ċumnija, l-eks ukoll.

Imbagħad ġieli tisma’ d-diskors, għall-bidu taħseb li r-radju tas-soltu, imbagħad tinduna li hu leħnu, mingħajr it-tħaxwixa tar-radju. Qed jitkellem waħdu, taħseb hi, li mhix xi ħaġa tal-għaġeb għax anki hi titkellem waħidha kultant. Darba ma’ leħnu tisma’ leħen ieħor, għall-bidu lanqas tinduna li leħen differenti imma iktar ma tissemma’ iktar tkun ċerta li hemm tnejn min-nies jitkellmu. Għajr xi kelma ’l  hemm u ’l  hawn — xi le (la), xi alla, inxallah, walla jew jalla — ma tifhimx biżżejjed biex tagħmel sens ta’ x’qed jintqal. Dakinhar huma hu jieklu flimkien tistaqsih ma’ min kien qed jitkellem, u hu ma jweġibhiex mill-ewwel. M’għandekx għalfejn tkun taf, tkun it-tweġiba xħin tasal.

Min kien, kien ġewwa fija imma, kien ħdejk? Tkompli tistaqsih, mhix kuntenta b’kif ipprova jeħles minnha. Hu jweġibha li kienu qed jitkellmu fuq it-telefown, u għalkemm mhix konvinta mit-tweġiba, it-ton tiegħu jagħtiha x’tifhem li aħjar ma tistaqsix iktar.

Għajr mumenti hekk, huma u jieklu ħafna drabi saru joqogħdu fil-kwiet, u mhux kwiet skomdu għall-aħħar. Kultant xi kumment fuq it-temp, fuq l-ikel li jkunu qed jieklu, ħafna drabi jasal lest fil-kaxxa, iktar stuffat, daqqa ġemel, daqqa ħaruf, daqqa jikluh bil-ħobż, daqqa bl-għasida, li lilha ma tantx togħġobha, imma tikolha xorta.

Jisbaħ jum ġdid, u fil-ħanut jidħlu l-missier u l-preżunt iben li rat xi ġimagħtejn qabel, il-missier jerġa’ jieħu żewġ ingravati, it-tifel jerġa’ jlibbes lil missieru, hi tikkontempla l-monotonija ta’ ħajjitha, l-assurdità tar-repetizzjoni jum wara jum, dejjem l-istess, imbagħad tiftakar li bħalissa ħajjitha qajla tista’ ssejħilha monotona, u ssib ruħha tixtieq iktar monotonija. Mal-missier u l-iben jidħol ieħor, għall-ewwel taħseb li qiegħed magħom. Forsi xi membru ieħor tal-familja. Imma joħorġu l-missier u l-iben, u hu jibqa’ hemm, iqalleb l-ingravati, hi tiflih minn taħt il-għajn, u tiddeċiedi li x’aktarx ma kienx Malti. Għax twil, godli, u l-fattizzi mhux eżattament Maltin. Il-kisra tal-għajnejn, il-qatgħa tal-leħja, il-ħaddejn mixruba. Kif tiddeċiedi li hu Għarbi, proprjament Libjan, jaqbadha paniku. Waslet tagħha. Għaxxqitha, lagħbet man-nar, hemm aħna. Qalbha tħabbat, qiegħed wisq qrib il-bieb, ma tistax taħrab, m’hemmx fejn tmur. Iħares lejha, hi tħares ’l  isfel, ma tridx li għajnejhom jiltaqgħu. Jersaq lejn il-bank, bi ngravata f’idu, tiċċassa lejn l-ingravata, ħadra biex tgħaxxaqha, lejn l-id samra bi swaba’ twal li għadha fuq il-bank. Wara silenzju skomdu, kemm, jistaqsiha, ħames ewro, twieġbu mbaħanħa, tarah idaħħal idu fil-but tal-qalziet tat-tracksuit iswed, trid taħrab imma saqajha mwaħħlin mal-art, joħroġ il-kartiera, iħallas, jitlaq. Tagħlaq warajh, issakkar il-bieb, tpoġġi mal-art wara l-bank, u tħalli ftit minuti jgħaddu sakemm tiġi f’tagħha. Iċċempel lis-sinjura, se jkolli mmur id-dar, ma niflaħx. Dik ma tiħux gost, imma m’hemmx x’tagħmel, tinstema’ li m’intix sew, qis li għada tkun tajba.

Issakkar il-bieb tad-dar, iċ-ċavetta ddawwarha sakemm ma tkunx tista’ tibqa’ ddur, u tagħlaq it-twieqi flok tħallihom fuq ix-xibka. Ma tħosshiex sew, moħħha mirkub bil-ħsibijiet, imħeddel bil-foga tas-sħana, jaf anki għandha ħajta deni. Tmur għajnha biha waqt li qiegħda mitluqa fuq is-sufan, u xħin tqum ikun dalam. Tieħu qatgħa, mill-ewwel tixgħel id-dawl, mhux tas-salott biss, tixgħel kull bozza li għandha fil-flett. Tixtieq li għandha televixin, ħalli tedha u jagħmel l-istorbju, għax is-skiet mhux jgħin lill-biża.

Biex tedha tintefa’ tagħmel kejk taċ-ċikkulata, tifqa’ flett bir-riħa tfuħ waqt li qed jinħema fil-forn. Tirrilassa xi ftit. Iddellku bil-krema, u l-krema tgħattiha b’iktar krema li tippajpjaha forma ta’ fjuri żgħar, mijiet minnhom, waħda ħdejn l-oħra. Dak ir-raġel ġie jixtri ngravata, dak kollox, qagħdet tinkwieta għalxejn. Tħares fil-mera, ġisimha m’għadux ġisimha, u issa lanqas wiċċha mhu wiċċha, isfar u donnu mgħaffeġ bl-għeja u l-inkwiet. Ġbinha miksi linji qisu karta tal-pitazz, bejn ħuġbejha wkoll, tikmixa fonda daqs trinka għaddejja bejniethom. Tibda tolfoq, hi u tħares fil-mera, tipprova tolfoq mingħajr ħoss, id-dmugħ iġelben ma’ wiċċha aħmar u kontort qisu maskra grotteska.

Ħabat tajjeb, għax illum it-Tlieta, bħal-lum żgur ma tmurx il-ħanut is-sinjura għax ikollha ż-żumba. Anna Maria tħossha għajjiena mejta, il-ġurnata ta’ qabel ħarbtet l-arloġġ ta’ moħħha, u spiċċat reġgħet marret għajnha biha fil-ħamsa ta’ filgħodu, siegħa qabel ma jdoqqilha l-iżveljarin.

Kif joqrob nofsinhar issakkar il-bieb tal-ħanut, tmur tistaħba wara l-ġlekkijiet u tneħħi l-qalziet tal-libsa, tilbes panċiera tal-ispandex imbagħad il-qalziet l-ieħor, tas-sinjura. Toħroġ, tixtri ftira avolja taf li mhix se tikolha, tmur il-Barrakka, issib l-iktar bank fix-xemx, xħin tpoġġi fuqu l-ħadid kważi jaħraqha. Imma tissaporti għal għaxar minuti sħaħ, tħoss l-għaraq ħiereġ minn kuxxtejha, minn bejn saqajha, il-panċiera teħel magħha. Il-Barrakka bħas-soltu mimlija nies, turisti li jmorru jaraw is-salut imbagħad jibqgħu jitlajjaw u jieħdu r-ritratti, Maltin bħalha li jmorru jieklu u jgawdu l-veduta, kulħadd ipaċpaċ u hi taħseb, tgħid qed jipprova jkellimha? Hawnhekk ma tisimgħux żgur.

Issibha diffiċli biex tqum minn fuq il-bank. Tħoss qalbha tħabbat iżżejjed, wasal il-ħin li twettaq il-pjan li fasslet il-lejl ta’ qabel wara l-bikja, hi u tiekol biċċa wara biċċa mill-kejk sa ma taħnet nofsu. Taf li ma tistax tibqa’ bilqiegħda hemm għal dejjem. Taf li din il-bawxata, avolja daħlet fiha intortament, ħadd ma jista’ jgħinha toħroġ minnha ħlief hi. Isa, Anna Maria, kuraġġ. Allura tinqala’ minn fuq il-bank u tibda miexja, barra l-ġnien, minn maġenb iż-żwiemel tal-karozzini jilhġu u jintnu fis-sħana ta’ nofsinhar, lejn San Ġakbu, bħalma tagħmel kuljum, u kif tkun ħa tibda tielgħa t-taraġ tħares ’il  fuq u tinduna li l-bieb magħluq, b’karta mwaħħla, the museum is closed for upkeep and will be re-opening tomorrow. Trid terġa’ tibda tolfoq, kemm jiena xortija ħażina, kemm jiena xortija ħażina, imma fil-verità tieħu r-ruħ li għandha skuża biex ma twettaqx il-pjan, li ilha minn xħin fasslitu tipprova ma taħsibx fil-ħafna modi kif jista’ jmur żmerċ, ħlief dan, għax qatt ma sabitu magħluq. Imma llum magħluq u ma tistax tidħol tuża l-latrina. Ma tistax toqgħod kokka fuq il-loki miftuħ, tistennieh igerger fuq is-sħana li bla dubju qed iħoss hemm ġew taħt l-ispandex u l-polyester. Ma tistax tgħidlu joħroġ għall-arja, b’idha taħtha ħalli tilqgħu, imbagħad tneħħiha fl-aħħar sekonda ħalli jaqa’ fl-ilma tal-loki, imbagħad tifflaxxja, għal darba tnejn tlieta.

Kif ibatti x-xokk tal-bieb magħluq tirrealizza li xorta għandha bżonn tpixxi urġentament, u ma tafx fejn se taqbad tmur. Taħrab b’pass mgħaġġel lejn il-bank ċentrali u ssib siġra kbira taż-żebbuġ wara ringiela karozzi pparkjati, tinżel kokka taħtha, tniżżel il-qalziet, il-panċiera, u tieħu r-ruħ hi u tħoss il-ftit żiffa ma’ ġildtha umda bl-għaraq, u l-bewl ħiereġ qisu dulluvju bibliku għal ġol-ħamrija niexfa ta’ taħtha. Fl-aħħar, ftit arja, tisimgħu jgħid. Tilbes u tqum, u tmur lura fil-ħanut, u tqatta’ l-bqija tal-ġurnata eżawsta wisq biex taħdem, jew biex tħoss xi tip ta’ emozzjoni. Il-ġurnata twila imma tgħaddi wkoll, u tmur id-dar, bit-tir li tinħasel u tidħol torqod mill-ewwel.

Imma kif tasal tisimgħu jiġbdilha l-attenzjoni. Anna Maria, Anna Maria. Tirrombla għajnejha, m’għandhiex aptitu. Anna Maria, ilbieraħ ħmejt xi ħaġa tajba u lanqas offrejtli biċċa. Tinħasad għax ma tobsorx li għalhekk riedha. Fadal fadal, ibżax, ħa naqtagħlek biċċa, Kurunell. U hekk tagħmel, qisha ma kinitx ippjanat li tgħarrqu fl-ilma tal-loki ftit sigħat qabel, taqta’ biċċa għaliha wkoll, imbagħad tpoġġihom fuq it-tapit, tinża’, u joħroġ. Jidħollu sew il-kejk qabel ma jibda jitkellem.

Dalwaqt tiġik id-dawra.

Hi tikkonfondi. X’inhu? X’sa jiġi?

Id-dawra, ma nafx x’tgħidulha intom, se tara d-demm, id-demm tax-xahar.

Eh, il-period, orrajt. Hi kemm kemm imbarazzata, għax dawn l-affarijiet mhix imdorrija titkellem fuqhom mal-irġiel.

Ovvjament se jkolli nitlaq, jekk nibqa’ ħaram, u mhux iġjene, irejjaħ, ma nistax noqgħod inċaflas fid-demm. Din ma kinitx qed tistennieha, u mingħajr ma trid għajnejha tberrqu u ħuġbejha għolew pulzier. Tagħmel sforz biex taħbi l-pjaċir li tatha din l-aħbar. Vera, Kurunell? Issa fejn se tmur?

M’għandekx għalfejn tkun taf. Dan it-tip ta’ risposti s-soltu jirritaha, did-darba interessata biss mit-tluq tiegħu, apparentament mingħajr il-bżonn ta’ ebda intervent mingħandha. Imbagħad mingħajr ma saqsietu xejn, jgħidilha, dawk il-bgħula qed jeqirduli kollox. Oqgħod iddedika ħajtek kollha biex il-pajjiż jiżviluppa, hemm hi l-grazzi, minn kollox qed jgħidu u jivvintaw. Perfett m’iniex, imma min hu? M’hemmx nies tajba u ħżiena, morali u immorali, bil-valuri u mingħajrhom. Kulm’hemm min jasal u min ma jasalx. Mela allura noqogħdu nillapazzaw bil-ġwejjef, kif iridu huma, ħalli jikluna l-iljuni. U kieku qed tagħti kasu jaf taħseb li qed jgħaddilha botta, imma fil-fatt moħħha mimli wisq murtali u marċi brijużi biex tagħmel sens mill-monologu. Kif ilesti mill-kejk, jistaqsiha biex jerġa’ jidħol, tal-aħħar, iżid. Hi tipprova taħseb f’xi ħaġa x’tgħidlu, toħroġ b’il-lejl it-tajjeb, imma jilħaq jidħol.

Illum, il-ġurnata tinħass itwal, għaddiet l-għodwa u għadha ma biegħet xejn, lanqas ingravata tal-qorti. Tidħol is-sinjura b’kaxxa ngravati u, ftit minuti warajha, l-avukat. In-nisa jifirħu bih, għax dejjem joħroġ b’xi waħda, imma hu jidher imferfex ixejjer il-mobile f’idejh u jfesfes, rajtuh rajtuh? Xtrajt telecell ġdid, dottore? tistaqsih Anna Maria. Itektek fuq l-iskrin imbagħad jippuntah lejn is-sinjura, li għal żewġ sekondi qisha ma kinitx taf x’qed tara, tersaq pass lura mill-iskrin għax qiegħda mingħajr in-nuċċali tal-qari, imbagħad tgħajjat, ejja għamlu waħda tajba, f’ħajjet Alla! Anna Maria tittawwal minn warajha, kurjuża, titberraq, tħoss rasha ddur biha xi ftit, taqla’ għajnejha minn fuq l-iskrin, u tistaqsi lill-avukat jekk għadux ħaj. Għax fil-video ħaj kien, imdemmi, imbeżża’, jitkarrab, imma ħaj.

X’ħaj ħaj, iweġibha. Issa qiegħed ġo friġġ, ħa nurik.

Le le, turini xejn, tgħajjat Anna Maria, jien lanqas lin-nanna fil-kamra tal-mejtin ma mort nara.

Is-sinjura tkompli tifraħ u tagħmel ħsejjes li s-soltu jirritaw lil Anna Maria, imma issa m’għandhiex moħħ tirrita ruħha bl-antipatiji tas-sinjura. L-avukat qisu jiggustaha, rajtx, Gladys, ma salvahx l-għoxx din id-darba! Anna Maria terġa’ tħoss rasha ddur biha, iżżomm mal-bank tal-cash, jgħaddu żewġ sekondi twal sa ma tinduna li qed jirreferi għal KMB.

Ma ddumx ma tirkupra mill-orrur tax-xbieha tiegħu b’wiċċu mdemmi jitkarrab għal ħajtu, mill-ftit diqa li ġġib magħha l-mewt tkun ta’ min tkun, u warajhom iħallu sens kbir ta’ solliev. Ftit wara li jitilqu s-sinjura u l-avukat tiġi għala biebha u tagħlaq il-ħanut kmieni. Illum ħaqqha. Tmur tieħu tazza nbid ġo bar daqsxejn qżież tal-avukati. Tħossha stramba, tirrealizza li dak li qed tħoss hu ferħ. Mhux ferħana ttir, imma ferħana. Mhux imbeżżgħa, mhux inkwetata, mhux anzjuża. Fil-latrina żgħira tal-bar il-ferħ jiżdied meta tara d-demm fil-qalziet ta’ taħt, imħallat mal-bewl, imċappas mal-karta tal-loki, u l-kmajra timtela bir-riħa metallika tiegħu, tant qawwija li tgħatti r-riħa sottili ta’ ħwawar u sigaretti li ħalla warajh .

Dekorazzjoni art-nouveau