spiċċajt mal-poplu komuni, fil-kurituri tal-klinika tal-Furjana. hawnhekk l-iġsma jikkonverġu u jingħaqdu f’silta waħda ta’ wġigħ, qrid, krib u ngħas qawwi. mill-aħħar darba li ġejt għamlu upgrade; bl-AC, saħansitra anki n-niċċa b’Madonna werċa fiha għattew biex jidhru naqr’iktar multikulturali u li jittolleraw reliġjonijiet oħra. fl-istonku tal-poliklinika ssib il-crème de la crème tal-klassi tal-ħaddiema taċ-ċentru, fosthom il-boomers Maltin li fi żmienhom kienu jistennew inqas biex jinqdew, imma xorta ma kinux jinqdew sew. id-dawl abjad jisfuma l-lewn tal-ġilda Maltija wara sajf fix-xemx f’lewn skulurit, naqra mdardar, allura kulħadd jidher iktar marid milli hu. il-ġilda tkanġi f’kulur bejn aħdar u griż, kulur tas-seħer fl-immaġinarju taċ-ċinefantasija, lest biex jisħet lill-avversarju. forsi minn hawn kollha noħorġu sħaħar u mistiċi, bi rkoppa nieqsa imma għall-inqas naqraw il-futur.
wieħed minn sħabi li kellimt għar-riċerka sellifni Macho Sluts. qalli jekk nixtieq naqra iktar dwar il-BDSM minn lenti maqluba u pronisa, għandi nieħu ċans mal-kitba ta’ Pat Califia. qrajt l-introduzzjoni fuq fuq mal-mejda tiegħu, taħt fann tas-sebgħinijiet imkaħħal mas-saqaf, u l-espressjoni onesta u salvaġġa tatni l-mistrieħ. id-dawl ta’ Lulju dakinhar kien gustuż, u f’dik il-kamra l-kliem fuq il-kink kellhom togħma ħelwa, u fl-aħħar bdejt inħossni li qed nitgħallem lingwa tal-ġisem li hi ikbar mill-akkademja. Macho Sluts ilu ġimgħat idur fil-basket, f’borża tal-karti, tħaxwex daqs koxxti taħt id-dublett. Macho Sluts ilu daqshekk fil-basket għax li bdiet bħala kurżità intellettwali evolviet f’perversjoni liberata. fil-poliklinika, bejn il-familji, it-turisti kkripati, u l-boomers Maltin, nintefa’ naqra Macho Sluts għax għalkemm ġejt hawn inħossni mewt, xi mkien fija hemm il-ħajja.
18 ta’ Awwissu 2024
xtaqt nirriċerka fuq il-gost u l-pjaċir mil-lenti li tonora l-prattiki erotiċi għal diversi raġunijiet, mill-bżonn li jinftiehmu modi oħra ta’ kif għandna nħossu lilna nfusna u lil ħaddieħor, u l-bżonn li nirrestawraw il-kunċett ta’ pjaċir fl-akkademja, jew għall-inqas insibuh. għalkemm f’kull interazzjoni soċjali hemm element politiku, faċli jintesa li l-bniedem għandu ħila jieħu gost. m’iniex edonista, imma spiss jinħass il-bżonn li nintefa’ f’oċean kunċettwali li jiżfen mal-melodija tal-pjaċir, tal-libertà fl-hena, li jiftakar li l-ġisem, oltre milli borża sfidi, laħam u lament, huwa wkoll pajsaġġ kapaċi li jfiq u jfejjaq.
il-ġilda, tgħid Jennifer Nedelsky, ma tisseparax, iżda toħloq konnessjoni mit-trufijiet tal-jiena sat-trufijiet tal-ieħor. il-ġilda hija, fuq kollox, apparat li tiftaħ il-bibien għal ħajja barra mill-kapsula tal-ġisem: li tokkupa ġisem ifisser li tkun parti mid-dinja, jew id-dinja parti minnek, fejn il-konfini ta’ fejn tibda u tispiċċa jisfumaw. bejn il-jien u ’l barra minni, hemm pont laħmi li jitfagħni f’nofs id-dinja li l-unika soluzzjoni għaliha hi li nkun fiha, u nħalliha tkun parti minni. meta ngħid hekk, nirrikonoxxi wkoll li kull ġisem li nagħmel kuntatt miegħu huwa parti mill-jien, u li kull jien huwa estensjoni t’iġsma oħra, u li aħna li aħna jintemm f’xifer l-univers, jekk hemm wieħed.
naf nagħmel paċi mal-kunċett tal-multipliċitajiet tal-jien, jew li l-jien sempliċiment farka ta’ dimensjoni minn univers multidimensjonali, imma hemm lingwaġġ fil-qofol tal-uġigħ li jaf inessik mill-abbiltà inerenti li tkun fid-dinja. il-weġgħa timbru, toqba, vakum. tibilgħek u tgħawġek kif trid hi, tiżżerżaq fil-konxju u l-perspettiva u timmanipula l-lenti li biha tkun parti mid-dinja. id-dinja tinqasam fi frammenti u frazzjonijiet, il-mapep tal-aċċessibbiltà jonqsu, u l-għażla tal-postijiet tiċkien. minn dejjem kienet daqshekk ċkejkna d-dinja tiegħi? it-toroq minn hawn ’l isfel jidhru strambi; wiċċ il-ġebla jogħroq taħt ix-xemx t’Awwissu, ileqq, ilsien tul il-bankina jilgħaq l-asfalt. meta ma tkunx tista’ ssib saqajk, kollox qisu jiżloq — mill-ħanek tal-bankina sal-intestini tax-xarabank. il-partijiet l-oħra donnhom jiżolqu wkoll; tul il-ġurnata nitlef idi, il-minkeb, l-istonku, l-aptit. inħossni niżloq mill-konxju tiegħi nnifsi ġol-ħofra tal-weġgħa.
tul dan iż-żmien sirt naf il-kontorn ta’ riġlejja iktar mill-pala t’idi; nervituri, muskoli, ġogi. wirk, kwadriċipite tal-koxxa. qarquċa, menisku. galletta. in-nefħa tippassiġġa sal-għerq, it-tibialis. nittraċċa x-xfar ta’ ġismi, inpinġini f’moħħi. dan il-ġisem kuljum jirxoxta f’ġisem ieħor, kuljum naqr’iktar għajjien. tul dan iż-żmien sirt nafu sew, in-nefħiet f’postijiet fejn m’għandux ikun hemm nefħa, il-qarquċa tisfida l-għadma, toħloq passaġġ fejn m’għandux ikun hemm passaġġ u tgħix hemm.
levothyroxine, u mbagħad belgħa kafè. ibuprofen, probiotics, flucozal. dawn kollha jgħaddu. indawwar faxxa ma’ rkoppti, inlibbsilha l-brace. jien b’saħħti, jien b’saħħti. nerfa’ ħamsin kilo fuq dahri waqt li nibqa’ bilqiegħda nistenna l-muskoli jespandu minn taħt l-ispalel tal-flokk, nistenna s-sħana ta’ spalla li qalgħet wisq piż fuqha, nistenna l-ħruq taħt il-ġilda li jfakkarni: jien b’saħħti, jien b’saħħti. inzappap lura d-dar u nibża’ ndum fil-banju biex ninħasel għax, hemm mod tiżloq u taqa’ barra, imlibbsa, bil-lipstick lewn it-tamal, u hemm mod isibuk fil-banju, bil-warrani fl-arja, nofsok imlaħalħa. agħar mill-ġabra tal-ġisem imwerwer hi l-ġabra ta’ ġisem li nesa li għandu jistħi minnu nnifsu. ma kinitx tuffieħa.
31 ta’ Awwissu 2024
din id-darba nilbes qalziet tal-PVC u nitlob li żaqqi, tonda u minfuħa, ħajr il-menstruwazzjoni, ma tisplodix bl-isforz tal-buttuna. kif għandi nilbes daqshekk imqaċċat meta tul dan iż-żmien, iċ-ċiklu tal-utru jsaqsini għall-ħniena? nixtieq nibqa’ d-dar mal-irkoppa marbuta, mal-folji tal-qoton falz imwaħħlin mal-qalziet ta’ taħt. inċappas balla rtokk m’għajnejja kulur il-fidda u ninduna li għalkemm jistona mal-kulur tal-ġilda — bejn l-istil tax-xagħar, il-qalziet għoli mal-qadd, u l-blazer li ddubbajt mill-uniformi minn ħajja oħra meta kont naħdem f’ħanut tal-ħwejjeġ — nidher qisni omm viċin il-ħamsin, fit-tmeninijiet li għadha kemm għaddiet minn divorzju u beħsiebha tgħabbi l-ġuvnott li joqgħod qrib.
wara ġiex konverżazzjonijiet u avvenimenti, qabadni l-aptit li anki jien nissallab. immaġinajt sidri u spallti maħkumin f’logħba snakes and ladders bil-ħbula. iktar milli għax kurjuża, iktar għax xtaqt nivviżwalizza ġisem mingħajr sider, u għax ukoll forsi b’daqshekk ħabel nirranġa l-qagħda ta’ dahri, dahar li ra wisq imwejjed u siġġijiet tul dawn l-aħħar sentejn u ma jafx fejn ħa jaqbad jagħti l-iskeletru biex jiddritta ftit. jekk il-ħbula jafu jkunu tip ta’ meditazzjoni, mela jistgħu wkoll ikunu tip ta’ terapija. nimmaġina jekk nitkebbeb fil-ħabel tal-ġuta, maġikament ġismi jiftakar kif għandu jlissen lilu nnifsu. imma l-politika taħkimni wisq. hija ovvja li spazji bħal dawn, f’Malta, mhumiex spazji għal iġsma li jidhru bħal tiegħi; la suwed, lanqas kannella, lanqas karnaġġon xi mkien fin-nofs bejn iswed u kannella u abjad, ġisem ta’ xi ħadd bejn Mediterranju, Afrikan jew Għarbi. l-idejn f’dawn l-ispazji, ħafna minnhom, jappartjenu għal iġsma bojod. kif naqbad inħoll il-kumplessità tal-identità f’ġismi, li ħafna drabi tkun fil-frenza f’dan it-tip ta’ soċjabbiltà? x’tiswa l-vulnerabbiltà performattiva jekk hawnhekk, iġsma bħal tiegħi huma vulnerabbli xorta, kemm mingħajr u kemm bit-tekniki lussużi tal-ġisem? insemmi l-kurżità li għandi bil-ħabel ma’ sħabi li qed jgħinuni fir-riċerka, u għalkemm l-ispazji bejnietna huma ikbar mill-istrutturi tal-aljenazzjoni, li tkun fil-pubbliku bħala ġisem mill-marġni, taħt ġisem abjad, irrelevanti l-ġeneru, huwa piż li ma niflaħx għalih.
waħda mit-temi rikorrenti li ħarġet fil-konverżazzjonijiet hija l-bżonn ta’ komunità meta tiġi biex tesplora l-mekkaniżmu erotiku. fin-nuqqas ta’ komunità — għalkemm illum il-ġurnata hemm aċċess kbir għal forums online — huwa faċli li tiżgarra iktar, għax l-ebda bniedem ma jkun hemm biex iħeġġek tmur fit-triq it-tajba, jew iżommok responsabbli tal-kazzati li abbli tkun qed tagħmel. għall-iġsma fil-marġni, għal dawk eżotifikati — jew għax mhux parti mill-binarju, jew għax jiġu minn xi mkien fl-inħawi tal-astratt minħabba l-etniċità jew il-karnaġġon jew ir-razza — il-bżonn ta’ komunità jinħass iktar. jew iktar faċli nasal għal dan it-tip ta’ konklużjoni għax inħoss il-marġni taħt il-ġilda, daqs l-umdità tas-sajf, jgħawwar, ma jħallinix bi kwieti. spiss naħseb kif tinħass li tidħol f’kamra u ma jkunx hemm bżonn tgħodd, ma jkunx hemm bżonn tħossok parti mill-kwota. l-aħħar darba li ġejt hawn, inzertajt bniedem ieħor biss li deher ta’ etniċità ambigwa ta’ tip simili, u kif jagħmlu n-nies f’dan il-pajjiż meta jindunaw li xi ħadd għandu l-istess sfond etniku, kont sellimtlu. illallu, qed nimlew il-kwota. din id-darba, minflok, tfajla li m’għandhiex iktar minn 22 sena, qaltli li jogħġobha xagħri. irrelevanti l-ħbula, is-swat, il-PVC, il-latex, u t-tkaken u ċ-ċineg: infittxu ’l xulxin bla ma rridu bħal kalamiti mill-bogħod. ma nħossx komunità magħquda mill-prattiki erotiċi, imma nħoss il-komunità t’iġsma bħal tiegħi li b’xi mod dejjem jippruvaw isibu lil xulxin. meta Donna Haraway kitbet għala l-ġisem għandu jispiċċa fejn tispiċċa l-ġilda? kienet qed tirreferi għal proċess ta’ ibridità bejn il-magna u l-ġisem, imma jekk insaqsu l-istess mistoqsija fil-kuntest tal-aljenazzjoni, nibdew insaqsu għala l-ġilda għandha tispiċċa fejn jibda l-ġisem. l-Afrika ta’ Fuq tippenetra f’kull spazju li nidħol fih, qabel ma jidħol il-bqija ta’ ġismi; le, ma nitkellimx l-Għarbi. xwejja, xwejja. le, qatt ma mort. le, ma tistax tmissli xagħri. f’kull kamra li nidħol ngħodd jekk hemmx iktar iġsma bħal tiegħi. spiss mhux il-każ. skont Karmen MacKendrick, l-identità magħmula mix-xfar: mix-xfar tal-ġilda sax-xfar ta’ lsieni sax-xfar tal-fishnets sax-xfar tal-iġsma l-oħra, nintemm eżatti fejn tibda l-bqija tad-dinja.
meta nestendi l-formula ta’ Haraway li tikkrea s-cyborg — iċ-ċiborg — ninduna li fil-fond ta’ spazji bħal dawn, ma lħaqniex il-livell taċ-ċiborg, imma hemm l-aptit li tinħoloq din il-kreatura. bejn il-kostumi, il-ħsejjes li jfakkru l-evoluzzjoni fit-teknoloġija u jroddu ħajr lill-invenzjoni tal-elettriku li biddlet il-widna, hemm ix-xewqa li jiġu sospiżi l-istrutturi li hemm barra l-club u tinstab soċjabbiltà differenti, bl-użu tat-teknoloġija u t-teknoloġiji tal-ġisem. iċ-ċiborg bejn uman, annimal u magna, kreatura mingħajr storja — meta nħares madwari u nara l-oġġetti jsiru parti mill-iġsma li qed iżommuhom, jekk hux il-flogger, jew il-ktajjen, jew l-għonq imgeżwer ġo ċinga, jew it-tkaken li jħeġġu forma ġdida tal-ġisem, f’kuntest ta’ spazju maħluq għal parties slavaġ, il-metamorfosi donnha qisha bdiet.
immur il-workshop qabel l-avveniment u ssir wirja ta’ kif wieħed għandu jaġixxi fi ġlieda-logħba, u waqt li wieħed jaqbad għonq l-ieħor, ifakkarna dwar il-kunsens u l-importanza li tipproteġi l-irjus ta’ dawk li ħa tmiegħek mal-art. meta jistidnuna biex nipparteċipaw, ħadd ma jgħolli idu.
biex nilħqu ċ-ċiborg għad fadal ħafna xogħol xi jsir .