il-bankina qatt ma tispiċċa fejn tistennieha li tispiċċa. ma’ kull kantuniera titbewwaq, tixpakka ċ-ċirkonferenza u b’xi mod issib estensjoni mibnija ta’ malajr. bejn storja ta’ tetris raffa, bejn logħba jenga li qatt ma ntrebħet. is-soluzzjoni moderna ferm dejjem immarkata b’linja ħafifa tal-metall, li tissepara l-istorja tal-art mill-futur tagħha, imma l-għaksa taf tintrewa sa ma toħroġ minn dan l-univers t’asfalt u tlaqqit. fejn tintefaħ u ddur jitpoġġew l-imwejjed u s-siġġijiet, imlaqqtin daqs il-bankina. spiss il-piż taż-żibel li jinġema’ mal-kisra jsir riflessjoni perfetta tal-piż fuq kull siġġu tal-plastik, joqtor l-għaraq minn fuqu, u jekk tħeġġeġ il-ħarsa ssegwih, tiskopri li n-nixxiegħa nieżla mill-wara tal-għonq ta’ turist. x’aktarx abjad. x’aktarx għajjien u mxebba’, għax xtaq cheap holiday u xi ħaġa familjari imma ħadd ma qallu li l-pastizzi tqal wisq għall-klima ta’ forn f’nofs il-Mediterran. ’qas ħadd qallu li teknikament mhux f’nofs il-Mediterran, u li l-pajjiż m’għadux daqshekk irħis, u li dawn in-nies ċkejkna għandhom lingwa tagħhom. allura jibqa’ jogħroq. ma kienx pastizz. newlulu Cisk.
faċċata tpoġġi parrukkiera min-Niġerja li tfaqqa’ ċ-chewing gum f’widnejk ma’ kull malju li twaħħallek ma’ rasek. imma hi u sħabha jippranzaw f’nofs il-ħanut meta jkun sar il-ħin tal-ikla ta’ waranofsinhar, allura ma jimpurtax għax dejjem joffrulek ftit u meta tispjegalhom li ma tikolx laħam taqsmilhom qalbhom. ħasbuk cool u interessanti għax bejn sewda u bejn bajda, b’aċċent stramb li kważi tat-turist l-abjad, imma ismek Musulman u forsi qisek xi tip ta’ Afrikana imma anka int sirt vittma tal-Ewropa. ixgħel l-istazzjon li jdoqq l-Afrobeats. meta tqum biex tfarfar ġismek u testendi x-xewka ta’ dahrek, forsi tagħti l-ħajja bejn rukkell u ieħor, ikollok aptit tiżfen. imma ma tazzardax. anka int vittma tal-Ewropa.
minn hawn tisma’ l-fdalijiet tal-karaoke tal-bar Ingliż, l-ikbar wieħed f’dik it-triq, imġenġel u ħerqan, imdeffes bejn bar Irlandiż, ħanut tal-ikel Maċedonjan u ieħor Niġerjan mal-kantuniera, li faċċata tiegħu ssib kafetterija Taljana. hawnhekk il-bankina ma tiqafx bil-mod li tistennieha tieqaf, lanqas. jekk tgħaddi minn hemm qabel l-għaxra ta’ filgħodu, taf issib ir-rimi tal-istonku ta’ xi bravu li ħaseb li jiflaħ il-lejl ta’ qabel, jew biċċa pizza mirwija, envelopp t’ikla li ma seħħitx. fil-vini ta’ din il-belt ma ssibx għasafar iduru man-niċeċ u s-saqajn ta’ dawk mixjin fit-triq, mhux bħall-Belt jew Tas-Sliema, allura jibqgħu jinġemgħu l-fdalijiet tal-ikel minsi. jistenna lil taż-żibel. mhux għax post maħmuġ u mitluq, imma għax għandu l-ħajja, ħajja urbana li ma tantx hemm kliem għaliha, sakemm ma ssirx tafha b’mod intimu.
kantuniera ’l bogħod ġiex nisa Serbjani jbigħu l-burek, spiss ma jifhmukx meta tordna u rari jtuk l-ammont ta’ biċċiet li staqsejt għalihom. imma ma jimpurtax, għax fiha t-triplu ta’ qassata u biżżejjed żejt biex tfiq minn kull tip ta’ ġilda jew predispożizzjoni xotta. taf tiżloqlok minn idek sa ma tasal fuq l-għatba, għalhekk jaqbel li tikolha qabel ma tinħataf mill-art. jekk titla’ naqr’iktar ’il fuq taf issib lit-Tuneżin li suppost ibigħ il-laħam imma l-ħanut biċċa niċċa li tikkommemora s-snin kollha li ilu Malta. bejn il-Malti u l-Għarbi jurini fejn hu ż-żagħtar, u meta naqbdu mkebbeb f’sigarett, jistrieħ mal-ħanek taċ-ċint tal-bitħa, jgħidli l-istejjer tat-triq. inħarbex tnejn bejn is-salaam u x-xukran u għalkemm m’għandi l-ebda interess fil-katavri, nitlob li ma jinbeniex Convenience ieħor minfloku.
l-ewwel darba li qfilt ġidi f’erba’ boroż taż-żibel u żewġ bagalji kotba u rħejtilha lejn il-Grigal ta’ Malta, ’il bogħod mill-Imsida, mill-Birgu, minn Ħal Qormi u mill-Belt, ommi qarrset wiċċha u kixfet snienha u bejn daħka werċa u ħuġbejn mgħollija qaltli, “e, sejrin Buġibba issa? għal mal-Ingliżi? x’toma-tow sos.” mur għidilha li t-tomato sauce ta’ dawn l-inħawi huma bibien imsakkrin imma marbutin mal-idea li jkunu mbexxqin, li l-erwieħ li jiffrekwentaw dan il-bini goff u ċass jgħixu minn bagalja għall-oħra. it-tomato sauce ta’ Buġibba kontemporanja huma l-immigranti jistennew mill-Identità għal permess għal sena jew tnejn oħra, l-aċċess iferfer f’wiċċhom, fejn b’firma waħda nieqsa, minn ġirien isiru persuni “illegali”. li tal-pastizzi ma jitkellimx Malti. u bilkemm Ingliż. imma t-tomato sauce tiegħu hu li ma jaċċettax iċ-ċenteżmi tal-wieħed, għax qabżitlu. it-tomato sauce ta’ Buġibba hija tal-linja li dejjem mifqugħa sa ruħ min għamilha għax il-ħaddiema jħufu dawn it-toroq, il-qalza dejjem mikula bit-trab, imma fuq daharhom inbnew istituzzjonijiet ġodda, moderni, Ewropej.
it-tomato sauce ta’ dawn l-inħawi qiegħed fil-bankina, li la hi lixxa, lanqas qadima wisq, imma mfettna, tgħaqqad it-trufijiet tal-istejjer b’metall irqiq u mgħawweġ, li jekk ma tevitahx, jaf jirwilek l-għaksa .