Qed illesti biex nagħmel ftit sens mill-qari tas-sajf u mix-xitwa u r-rebbiegħa ta’ qablu, indur in-noti, nara fejn se joħduni u ma’ min se jlaqqgħuni. Se nħallihom ilaqqgħuni ma’ xi ħadd? Bħalissa ma tantx għandi aptit nies, la madwari u lanqas f’kitbieti. Jew aħjar, nixtieqhom — jekk ikunu hemm — jibqgħu anonimi; avolja, meta sibt karattri anonimi quddiemi f’Portrait d’un inconnu ta’ Nathalie Sarraute tfixkilt u mhux dejjem għaraft persunaġġ minn ieħor. Teoretikament, nixtieqhom bla isem, nixtieqhom imċajprin, bil-fattizzi mżellġin, it-tip li jħalluk fl-għama dwar x’hemm fil-fond ta’ qalbhom, juruk biċ-ċar li qed jaħsbu ħafna iktar milli qed juruk. Imma fil-kitba tiegħi ma nafx nixtiqhomx hekk. Ma rridx niffrustra lil min jaqrani; mhux iżżejjed, għall-inqas. Imma jintrigawni l-persunaġġi anonimi li donnok qatt ma ssir tafhom sew. Però l-ħsieb oriġinali tiegħi kien li lanqas biss ikun hemm nies. Ir-rumanz tal-oġġetti, forsi? Bħal, ngħidu aħna, La Vie mode d’emploi ta’ Perec? Jew ix-chosisme ta’ Alain Robbe-Grillet?