Qatt ma skoprejna x’jiġri li kellna nittardjaw. Dejjem naslu eżatt fil-ħin, naqbżu ’l barra mill-vann, ngħaddu mill-kanċell il-kbir tal-ħadid, u nitilgħu t-taraġ sparati. Kull ġurnata hi l-istess ġurnata. Inħeġġeġ ’il ġismi jħaffef, daqslikieku kien annimal apparti minni nnifsi, imma t-toqol tal-basket mimli kotba jillajmani. Kważi niżloq quddiem ir-reception, nisprintja għal ġos-sala tal-assembly, nilheġ, bla nifs. Sister Anthony, deo gratias, għadha mhix hawn. Qalbi tant qed tgħaġġel, qed nara l-istilel iduru bija. Inżomm mal-ħajt biex nieħu n-nifs u niffoka għajnejja fuq il-madum maqsum u safrani tal-iskola tal-kunvent ta’ Sant’Anjeże. Ngħaddi minn qalb ix-xebbiet, wiċċhom għadu mkemmex mill-imħaded, u nasal fejn qed jistennew sħabi tal-Form 4B, f’serbut kważi dritt. Xi ħadd jaqbadli idi. Indur. Alice, l-akbar ħabiba tiegħi. Għajnejha miftuħin beraħ.
“Fej’ iż-żobb kont?” tfesfisli.
Nixħet il-basket mal-art u nonfoħ bil-qawwi. “F’għoxx Geraldine, reġgħet baqgħet rieqda.”
“F’għoxx Geraldine,” tgħid Alice, u nidħku.
“Tgħid x’tagħmlilhom lil dawk li jaslu tard, is-soru?”
“Tagħmilhom maxx, taqlihom u tagħmilhom stuffat!”
Is-silenzju jġelġel bil-mod minn ġo nofs is-sala, imerżaq ’il barra lejn il-ħitan. Induru lkoll inħarsu ’l quddiem. Is-sniesel jibbiesu, id-daħk jinbidel f’serjetà. Wara dawk l-għajnejn żoroq ta’ Sister Anthony, hekk kif tieqaf f’nofs il-palk, hemm xi ħaġa tbaqbaq.
“Good morning, girls.” M’għandhiex bżonnu l-mikrofonu.
“Good morning, Sister Anthony.” Kantaliena solenni.
Trodd is-salib. Nagħmlu bħalha. It-talb ta’ filgħodu twil, ma jintemm qatt. Is-sala tvenven bil-litanija ta’ elf vuċi żagħżugħa.
Xi ħadd qed isajrilhom l-ikla ’s-sorijiet: ir-riħa tal-basal u l-kurrat jinqlew tinxtered mal-kurituri. Lil hinn mill-bitħa tal-iskola, lil hinn miċ-ċimiterju, iċ-ċmieni industrijali jippumpjaw is-sema bid-duħħan iswed. Nisimgħu l-għasafar isejħu ’l xulxin, iż-żanżin ta’ jackhammer fil-bogħod, l-istorbju tat-traffiku lil hinn mill-kanċell. Jien u Alice nerfgħu l-basktijiet fuq spallejna u mal-bqija tal-klassi ninżlu t-taraġ għall-foyer. Waħda mill-bniet mis-sena ta’ qabilna, Lydia, insibuha bilqiegħda fir-reception. Mgħawġa, b’espressjoni mdarrsa. Dik tbenġila hemm, fuq wiċċha?
Alice tkemmex xufftejha u tagħmilli sinjal b’rasha. “Missierha,” tgħidli, minn taħt l-ilsien.
Kull fejn tħares tara kurċifiss: Kristu tal-ġibs fl-agunija divina. Fuq il-ħitan hemm inkwatri bir-ritratti tal-uċuħ imwerwra tal-bniet li ġew qabilna. Is-sorijiet għaddejjin bit-tonka u l-velu iswed qishom fuq wiċċ l-ilma. Insejħulhom “The Sisterhood”, imma mhux f’wiċċhom. Diffiċli taqta’ kemm għandhom żmien; diffiċli tqishom bħala nisa, bħal ommijietna u z-zijiet li jagħmlu l-lipstick u l-powder u l-fwieħa. Hemm minnhom iktar henjin; hemm min jitkerrah u jirrabja. Kultant, tisparixxi xi waħda minnhom. Tmut, jew tiġi trasferita. Is-soru li kienet tgħallimna l-Franċiż sparixxiet u bla kliem ġiet oħra flokha. Hemm qlajjiet li spiċċat il-manikomju, jew li sabet wieħed. Dawn l-istejjer it-tnejn affaxxinanti u nemmnuhom.
Għassa mal-kuritur hemm statwa kbira ta’ Sant’Anjeże, għajnejha kannella jħarsu ’l fuq, b’girlanda fjuri ma’ rasha. Liebsa l-abjad u xalla turkważ fuq spallejha, kollha tal-ġibs, kull tikmixa u kull tinja ffurmata bir-reqqa. F’idha l-leminija qed iżżomm palma, u bl-id l-oħra terfa’ ħaruf żgħir. Tidher dħulija, qisha setgħet kienet waħda minna.
Fil-klassi hawn il-bard. It-twieqi ilhom miftuħin il-lejl kollu biex tiċċirkola l-arja li kuljum tisfieq bl-irwejjaħ t’iġsma adolexxenti: għaraq, demm, deodorant u xampù. Inpoġġu tnejn tnejn fuq imwejjed li ilhom hemm minn żmien żemżem. L-injam miksi b’deċennji ta’ marki. Jien u Alice nisperaw dejjem li ma jifirduniex. Qegħdin tletin f’dil-klassi. Ilna flimkien mindu kellna erba’ snin, tlajna flimkien. Lil dax-xebbiet inħobbhom daqskemm nobgħodhom.
Jien u Alice qed niffurmaw xirka li fiha hemm aħna biss. Alice għandha għajnejha lewn l-ambra illustrata, u xagħar iswed folt li jinżel għall-ponta fuq moħħha. Tajba fl-isports, u moħħha jilħqilha għall-matematika. Meta tkun waħedha, timmarka dirgħajha bl-iskieken ta’ missierha. Il-feriti tgħattihom taħt kmiem twal. Billejl, meta norqod għandha, nagħfas ġismi ma’ tagħha u bil-ponot ta’ subgħajja mmiss il-ġeometrija tal-marki. Norqdu mgħannqin. Lil Alice nħobbha wisq. Mhux l-imħabba diżinteressata li għandi għal familti, lanqas il-ġenn li nħoss għal dawk l-idoli li l-ħitan ta’ kamarti miksijin b’ritratti ta’ wiċċhom. Din imħabba qadima, elementali: l-imħabba li għandha s-siġra għall-ħamrija. Meta nkun magħha, moħħi jiskot.
Darba minnhom, omm u missier Alice ħarġu u ħallewna waħidna d-dar filgħaxija, u qtajna l-pali t’idejna b’sikkina tal-ġobon u għafasniehom flimkien biex nagħmlu patt. Bżajt minnu d-demm meta beda jqattar. Idejna mgeżwrin bit-toilet paper, għamilna seħer tal-imħabba, ktibna xewqatna fuq biċċa karta, twejnieha u rġajna twejnieha. Fil-ġnien, taħt is-siġar taż-żebbuġ, xrobna l-inbid li sraqna mill-kċina u ħraqna l-karta f’bomblu tal-fuħħar, flimkien ma’ xi offerti oħra: qoxra tal-mandolin, ċana tal-lapsijiet, fjuri tal-istefanotis. Iċċassajna lejhom dawn l-oġġetti, jitgħawġu u jiswiedu qalb in-nar, u tlabna li d-duħħan jirċivih bħal sagrifiċċju l-univers. Stennejna xi buffura riħ, jew xi qniepen fil-bogħod, imma kollox baqa’ qiegħed u sieket.
“Tgħid ngħidu xi ħaġa,” għedt jien, “biex is-seħer ikun iktar b’saħħtu?”
“Forsi. Ħa naħseb.” Alice legilget mill-flixkun. “U l-Kelma saret ġisem,” tgħidli.
“U għammret fostna,” inweġibha.
Kif inkun sejra t-tojlit nara lil Lydia. Tidher imbikkma, u noffrilha tbissima li nispera li tilqagħha bħala ġest ta’ simpatija. Ma titbissimx, tibqa’ miexja. Bejn lezzjoni u oħra jien u Alice u x-xebbiet l-oħra ninġabru fit-tojlits, biex inbulu, biex inzekzku fuq in-nies, jew sempliċiment biex inħarsu fil-mera. Huwa ritwal ta’ awtotmaqdir, kull kelma, kull parti tal-ġisem li nsemmu, bħal evokazzjoni — nelenkaw l-affarijiet li jnikktuna bħal atti tal-indiema. Myra tobgħod imneħirha. Fran ma taħmilx geddumha. Val tistkerrah saqajha, Jemma dirgħajha, Tasha sidirha, Zana xagħarha, ħalqha, il-ġilda. Jien nobgħod dal-ponot fuq wiċċi. Ġenbejja. Nobgħod leħni. Hekk insemmu kull parti. L-eku ta’ dal-kliem jitnikker, jirbombja mal-madum ikħal tal-kamra tal-banju.
“Xi ġralha Lydia?”
“Rajtuha wara l-assembly?”
“Dik kellha black eye?” nistaqsi jien.
“Simone tal-5A — ”
“Dik ta’ xagħarha qasir?”
“Ija. Qaltli li Naomi qaltilha li missier Lydia taha xebgħa għax qabadha taħxi.”
“Qaħba.”
“Jien smajt li għax daħlet id-dar tard.”
“Din min qalhielek?”
“Tina. U dik suppost taf għax tpoġġi maġenb Lydia.”
“Boqq. Jien Katya qaltli li għax m’għaddietx mill-maths sawwatha.”
Kif idoqq nofsinhar, inqumu bilwieqfa u ngħidu l-Angelus flimkien. L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija / U hija saret omm mill-Ispirtu s-Santu. Tibda l-kantaliena, Sliem għalik Marija, bil-grazzja mimlija. Alice taqbadli ħarsti u tintefa’ tkerrah wiċċha, bis-snien ta’ quddiem jagħfsu fuq ix-xoffa t’isfel u mnifsejha miftuħin beraħ. Taħrabli tinħira u taparsi tatni xerqa. Sister Hilda tħarisli bl-ikrah.
Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej.
Ikun minni skont kelmtek.
Il-Ħadd li għadda, jien u Alice morna l-park. Mhux xi park kbir, imma hemm ftit bankijiet, ftit siġar, u funtana mdaqqsa. Xi kultant anki kwiet ikun hemm. Kilna l-ġuġù minn ġo basket tal-karti u qgħadna nagħtu b’saqajna maċ-ċint. Kien sabiħ li qegħdin waħedna flimkien. Kien il-bard. Tgeddisna flimkien. Serraħt rasi fuq spallitha. Faċċata kien hemm grupp subien jilagħbu bil-ballun. Kienu forsi sena, sentejn akbar minna.
“Kemm jidhru strambi,” għedt jien, għax dehru vera angolari, qishom skieken jaqtgħu. Ma tantx inqattgħu ħin magħhom is-subien — is-soltu l-uniċi rġiel li nara huma missieri, id-driver tal-vann tal-iskola, u Ġanni l-purtinar.
Alice tbissmet. “Kemm nixtieq nikolhom,” qaltli, u nfqajt nidħak. “Bis-serjetà qed ngħid. Qisni rrid nigdimhom. Qisni nxommhom, u jaqbadni l-ġuħ. Kemm nixtieq nista’ mmiss dak is-suf ta’ taħt xufftejhom. Tgħid jinħass qisu ħażiż?”
Bdejt nimmaġinahom midfunin f’xi foresta, miksijin likena u faqqiegħ.
“Qatt ma tħossok hekk?” saqsietni Alice. Għollejt spallejja u żammejtilha idha. Immaġinajt il-baħar, immaġinajtni f’tarf l-irdum, jew mimduda fix-xemx, għas-sħana, ngħatti għajnejja bi driegħi.
Fis-siegħa jkollna l-brejk. Jien u Alice npoġġu f’rokna tal-bitħa taħt il-ħarruba għad-dell. Naqsmu bejnietna l-lunch ta’ ħobż biż-żejt, u ħobż bil-perżut, u crisps u frott.
“Trid nagħmlu magħmul ieħor?” tgħidli, hi u tmexmex il-ħawħ.
“Biex xiex?”
“Biex nitilqu minn dal-ostja post.”
Xemgħa m’għandniex, allura nixegħlu sulfarina u noqogħdu id f’id. Niċċassaw lejn il-fjamma sa ma tintefa.
Fuq bieb tat-tojlits hemm miktub SISTER ANTHONY IX-XITAN bil-lipstick aħmar. Titfaċċa fil-klassi tagħna f’nofs il-lezzjoni tal-letteratura.
“Min hi l-perċimes?” issaqsi. Ħadd ma jitniffes. Tgħolli suba’ twil mimli artrite u tippuntah lejna. “Jekk ħadd ma jammetti, mela kollha kemm intom ikollkom detention.” Silenzju. Fi tletin par għajnejn nara l-isfida. Tinfurmana li se nqattgħu l-ġimgħa kollha detention. Aħna bniet kattivi, kattivissimi. Wara li titlaq inħoss xi ħaġa tqattar fuq xoffti. Togħma ta’ ħadid. Alice tħarisli b’mod stramb. Immiss wiċċi. Qed ninfaraġ. Id-demm nieżel Alla jbierku, u jtebbagħli l-għonq tal-qmis. Xi ħadd inewwilli tissue u npoġġi bilqiegħda b’rasi baxxuta, noqros imnieħri.
Sant’Anjeże kienet aristokratika Rumana li tant kienet tobgħod id-dnub li għamlet wegħda ta’ kastità, biex b’hekk tersaq aktar qrib Alla. Is-sorijiet jgħidulna li għandna nagħmlu bħalha u nagħżlu l-kastità. Fir-Religion, Sister Bernardine tgħidilna li ġisimna hu strument tal-Mulej u li m’għandniex nerħu lix-Xitan iħammġu.
“Il-pjaċir kollu ħmieġ, Sister?” nistaqsi jien. Għandi kurżità ġenwina.
“Meta niċħdu l-pjaċir nersqu eqreb t’Alla,” tweġibni.
“Anki jekk tieħu pjaċir tiekol? Jew tmur timxi fin-natura? Jew tibqa’ rieqda fil-weekend?”
“Il-pjaċir mhux dnub jekk ikun qed isir fil-grazzja t’Alla,” tgħid is-soru.
“Mhux nifhmek.”
“M’għandekx għalfejn tifhem.”
“Imma kif nista’ nkun Nisranija jekk ma nifhimx?”
“L-importanti li tobdi.”
Nimmaġina lil dak il-ħaruf f’idejn Sant’Anjeże. Jidher doċili, ubbidjenti. Imma biss għax qiegħed waħdu.
Fil-lezzjoni li jmiss, il-lajma ta’ waranofsinhar tinkiser ħesrem meta nisimgħu ħoss ikrah tat-tkexkix ġej mill-bitħa. Sabta, jew tifqigħa, jew ħabta. Inħossha fl-istonku. Sister Ingrid tieqaf għalkollox, il-ġibs f’idha sospiża. Inqumu qisna koreografija u bħal merħla lkoll ninġabru mat-tieqa biex naraw x’ġara. Zana tibda twerżaq. Erba’ sulari ’l isfel, fuq it-tarmac tal-bitħa, hemm xebba mixħuta mal-art, riġel milwi f’angolu impossibbli, xagħarha qisu mrewħa, b’nixxiegħa skura ħierġa minn taħtu. Lanqas kieku rridu ndawru wiċċna ma nistgħu. Maqbudin. U hemm, fis-sular tagħna, hemm it-tieqa miftuħa tal-kamra tal-banju.
Niġru ’l hemm u nsibu s-sink li telgħet fuqu maqsum u jnixxi l-ilma. Ilkoll inlissnu l-isem “Lydia”. Jibagħtuna d-dar kmieni.
Wara l-weekend, nirritornaw, issa bl-uniformi tas-sajf, b’riġlejna mikxufin. Fl-assembly ngħidu t-talb u nistennew. Imma Sister Anthony ma tindirizzax dak li kien ġara. Jibagħtuna dritt għal ġol-klassi, taparsi kollox sew, kollox normali. L-ebda għalliema ma tgħid xejn.
Alice tmur it-tojlit u tiġi lura bil-malji maħlulin.
“Rajthom x’għamlu?” tgħidilna.
Xi tfajliet imorru jaraw x’sar, u ma jiġux lura. Tmur oħra, imbagħad oħra. Imbagħad immorru lkoll kemm aħna, rassa sħiħa, kulħadd xhud. Is-sink sewwewh. Il-grouting tal-madum wara s-sink jidher iktar abjad u ġdid minn tal-madwar. Dan l-uniku sinjal tat-traġedja. Nitla’ fuq ponot subgħajja biex nara t-tiswija jien ukoll. Kollox ileqq. Hawn riħa ta’ plastik u affarijiet ġodda. Ix-xebbiet kollha jqarrsu wiċċhom. Ħadd ma jlissen kelma, imma nisma’ n-nifs li qed nieħdu, sinkronizzat. Nisma’ l-polz iħabbat f’rasi, demmi, ir-ritmu ta’ ġismi. Nisma’ l-istess ritmu fit-tfajla ta’ maġenbi. L-istess ritmu f’kull tfajla. U nħoss il-bugħawwieġ, l-uġigħ jagħfas taħt żaqqi. Xi ħadd jistaqsi għal tampon. Dik li qiegħda quddiemi titgħawweġ bl-uġigħ u d-demm skur iqattar ma’ saqajha, iċarċar mal-art nadifa tazza. Tiċċassa lejn l-għadira żgħira li qed tifforma taħtha. Kollha niċċassaw lejha. Kollha mmesmerizzati. Jidħlu aktar xebbiet, minn klassijiet oħrajn. Nisimgħu ż-żraben iżaqżqu fil-kuritur. Inħoss l-għafsa mill-fond, tissikka, iktar minn qatt qabel. Inħoss id tmissli idi hemm fil-folla, u naf li hi Alice. Tfajla tibda tidħak. Tgħolli idha. Għandha s-swaba’ kollha mtebbgħin ħomor. Inħoss xufftejja jinġibdu fi tbissima. Issa lkoll nidħku. Id-demm ikompli ħiereġ minn bejn saqajna qisu għaraq. Demm sħun, nieżel ma’ kuxxtejja, mal-pexxun, itebbagħli l-kalzetti bojod. Nidħak u nogħxa. Inħares lejn Alice, u naraha tidħak ukoll. Tidħak u ddemmem.
Indemmu kollha. Demm igelgel bħall-ħalib. Iktar ma ndemmu, iktar nissaħħu. Nitilqu minn fejn konna, niżolqu fid-demm, inċappsuh mal-ħitan, kotra tfajliet nimmarċjaw tul il-kuritur, inħallu warajna strixxi ħomor, inċafilsu fil-foyer u ninżlu t-taraġ, naqsmu l-bitħa għal ġol-kappella. Sister Anthony għassa mal-bieb. Le, le, tidħlux hawn, twerżaq.
Imma nidħlu, dażgur li nidħlu. Nimbuttawha ’l hemm, nidħlu qalb ir-ringieli bankijiet u npoġġu fuq l-imbrukkat abjad tagħhom minsuġ bil-ħarir, inxarrbuh u ntebbgħuh. Inħarsu lejn l-istatwa tal-Verġni. Donnha qed titbissem, b’ħarsitha ’l isfel. Tibda waħda minna tkanta. Int l-isbaħ fost il-ġilji li jgħammru fil-widien. Aħna nidħlu magħha. Il-ġmiel tal-bjuda tiegħek hu l-għaxqa ta’ kull żmien. .