Marzu 2024

John Maynard Keynes kien jgħid li meta jitkellem man-negozjanti u l-kapijiet tal-industrija, kienu jgħidulu li huma nies — irġiel — tad-dinja, nies prattiċi li m’għandhom la bżonn u lanqas ħin għat-teoriji, la tiegħu u lanqas ta’ ħadd. Keynes kien jirrispondihom li mhux talli għandhom bżonnha t-teorija, talli diġà kienu jużawha, imma jużaw teorija antikwata, u jużawha mingħajr ma jafu. Il-prominenza tal-filosofija fid-diskors medjatiku filli tikber, filli tmajna. F’mewġa minnhom, madwar erbgħin sena ilu, bdejna wkoll insejħulha “it-Teorija, għall-inqas fl-Anglosfera u madwarha. Din il-kelma forsi daqsxejn tal-moda u daqsxejn vaga, iżda turi l-ħsieb u l-filosofija ħerġin mill-konfini tad-dipartimenti tagħhom u jibdew jitħalltu mad-dixxiplini l-oħrajn; l-arti viżiva, il-letteratura, l-arkitettura, u eventwalment kollox. Kliem u kunċetti jgħaddu mill-filosofija u mid-diskors akkademiku għad-diskors kulturali u politiku l-ħin kollu bi proċess kontinwu u kważi inviżibbli. Kliem li ssorprenda lin-nies meta beda jintuża sar il-vokabularju li l-ġenerazzjoni ta’ wara kibret bih. Li kieku niktbu bl-istess lingwa li biha nagħmlu l-parti l-kbira tal-qari tagħna, faċli nużaw dal-kelmiet mingħajr ma nirriflettu wisq fuqhom. Aħna m’għandniex dak il-lussu. Iżda għandna lussu ieħor minflok. It-traduzzjoni ssir privileġġ; għax qabel naqbdu nużaw terminu, qabel naqgħu għall-eżotiċiżmu meżmerizzanti tiegħu, irridu ningaġġaw sew mal-ħsieb warajh biex naqilbuh għall-Malti. L-isfida li toffri t-terminoloġija mhix neċessarjament l-ikbar waħda fit-traduzzjoni. Nafu li iktar ma l-kliem hu sempliċi u “primittiv”, iktar diffiċli ssib kliem ekwivalenti għalih f’lingwa oħra. Iżda dawn it-termini jġorru fihom storja twila u kuntesti diversi, li jagħtuna fuq xiex naħdmu waqt li nfittxulhom post mal-kliem l-ieħor li nużaw biex niffurmaw il-ħsieb tagħna. F’Ottubru li għadda kellna taħdita waqt il-Festival tal-Ktieb bl-isem “Kif tgħidha f’qalbek” fejn tkellimna dwar l-element ta’ traduzzjoni fil-kitba bil-Malti, l-aktar meta niktbu dwar suġġetti li aħna familjari ħafna magħhom b’lingwi oħrajn, speċjalment bl-Ingliż. Għalkemm is-suġġett huwa ħafna akbar mill-kliem individwali, parti kbira mill-konverżazzjoni daret mal-fatt li termini li sirna familjari ħafna magħhom f’lingwi oħrajn insibuha bi tqila biex inġibuhom fil-Malti. Dan il-ħsieb wassal għall-ħolqien tal-proġettIl-Kliem fit-Teorija” — f’kollaborazzjoni ma’ diversi mill-kittieba tagħna, uħud minnhom speċjalizzati f’xi qasam akkademiku — fejn bdejna konverżazzjoni dwar għadd ta’ termini li diġà kellna nitqabdu magħhom fl-editjar tal-ġurnal. Din il-konverżazzjoni għadha, u se tibqa’, għaddejja u perjodikament se nippubblikaw entrati (dejjem) proviżorji għat-termini li qed niddiskutu. Iktar tard dax-xahar se nippubblikaw l-ewwel termini, u l-proġett se jitnieda f’avveniment waqt Kampus Kotba bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kittieba li qegħdin jieħdu sehem f’dal-proġett. Il-konverżazzjoni bejn il-kittieba hija waħda mill-iktar aspetti produttivi fit-tiswir ta’ dal-ġurnal. Mingħajrha ma jistax ikun hemm kultura letterarja. Ħafna drabi meta niktbu nkunu magħluqin f’kamra waħidna, iżda l-kliem li nużaw qatt mhu tagħna biss .

Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:

Abbona fin-newsletter biex dejjem issir taf meta nippubblikaw xi ħaġa ġdida.

Dekorazzjoni art-nouveau