Fil-ħarifa tal-2020, fil-bidu tat-tieni lockdown, żrajt żerriegħa għall-ewwel darba f’ħajti, u r-raħs ta’ idea rabba l-għeruq. Dak iż-żmien konna f’nofs il-pandemija: in-numri — l-infezzjonijiet, il-pazjenti l-ICU, u l-imwiet — kienu telgħin, u konna qegħdin niffaċċjaw xitwa twila u kiefra. Malta kienet tinħass ’il bogħod ’il bogħod — ’il bogħod wisq minn dan l-appartament żgħir f’Londra. Iż-żmien kien għaddej b’pass illajmat imma goff, ma jċedi xejn. Ħassejt in-nuqqas ta’ familti, kont ili xhur twal ma narahom, u l-ivvjaġġar kien għadu perikoluż. Kien għad ma kellniex vaċċin biex itaffi l-periklu ta’ dan il-virus li kien qiegħed jeqred tant nies. Bl-ansjetà ttextex f’żaqqi, kont qisni għasfur b’qalbi tgħaġġel, kollni ttikazzjoni u enerġija bla skop.
Kien hemm artista ħabiba tiegħi, Carla, li dak iż-żmien kienet qiegħda tiżviluppa performance immersiva fuq Zoom li tkun bejnha u bejn l-ispettaturi wieħed wieħed. Talbitni ngħinha tittestjaha qabel tmur live. Wara ftit jiem, irċivejt pakkett fil-posta. Fih kien hemm qasrija tawwalija għall-ħwawar, b’erba’ qsari iżgħar ġewwa fiha, borża ħamrija, u erba’ pakketti żrieragħ: ħabaq, kożbor, xibt u kurrat salvaġġ.
Dakinhar tal-performance, għamilt kikkra te u dħalt fuq Zoom, bil-laptop ibbilanċjat fuq il-bank tal-kċina. Segwejt lil Carla, li kienet qiegħda turini x’għandi nagħmel, pass pass. Daħħalt idi fil-borża, qbadt ftit ħamrija kiesħa u niedja u ppakkjajtha f’waħda mill-qsari ż-żgħar. Għall-ewwel tgħidx kemm dejqitni s-sensazzjoni tal-ħamrija taħt difrejja, u ma ħadtx pjaċir li kont qed nerġa’ nħammeġ l-art li kont għadni kif ħsilt.
Xerridt iż-żrieragħ ċkejknin tal-ħabaq fuq il-ħamrija, imbagħad poġġejt saff ieħor ħamrija u saqqejtha. Irrepetejna l-proċess għaż-żrieragħ kollha; sadanittant konna qegħdin nitkellmu, jien u Carla, dwar is-sitwazzjoni li konna qegħdin fiha, u dwar dawk l-aspetti tal-ħajja li tant konna nimmissjaw: il-familja, sħabna, it-teatru, il-ħruġ, l-ivvjaġġar, l-arti. Carla staqsietni nwegħedha li ħa nieħu ħsiebhom dawn il-pjanti; għedtilha li kont ħa nagħmel mill-aħjar li nista’. Il-qsari poġġejthom fuq il-ħoġor tat-tieqa tal-kċina, li tieħu ħafna xemx matul il-ġurnata. Biex ngħid is-sew, ma tantx emmint li kienu se jikbru. Il-pjanti jien qatt ma kont naf nieħu ħsiebhom. Forsi ma segwejtx tajjeb x’kienet qaltli nagħmel Carla, u żrajthom ħażin? U jekk iż-żrieragħ kienu skaduti? Jew il-ħamrija ma kinitx fertili? Jew forsi kelli xi ħaġa jiena fija nnifsi li setgħet tfixkel din il-ħajja milli tikber? Minkejja kollox, il-kurżità rebħet, u l-qsari saru parti integrali mir-rutina ta’ kull filgħodu. Kont inqum mis-sodda, naħsel wiċċi, nitma’ ’l-qattusa, nixgħel il-kitla għal kikkra kafè, u ndeffes suba’ f’kull qasrija biex nara jekk għandhiex bżonn l-ilma.
L-ewwel li nibet kien il-ħabaq, wara xi ġimgħa. Stagħġibt b’li kont qed nara: dawk il-werqiet ħodor ċkejknin u teneri ħerġin mill-ħamrija. Bqajt inħares lejhom, lanqas ridt nemmen. Ħadtilhom għexieren ta’ ritratti bil-mobile, sakemm ġiet il-qattusa titħakkek ma’ saqajja, qisha biex tfakkarni li kont għadni ma tmajthiex. Din l-esperjenza ġdida qanqlitli xi ħaġa ġewwa fija — ir-realizzazzjoni li jien kelli l-poter li niġġenera l-ħajja. Forsi jkun hawn min jgħid, imma mhux ovvja? Din kif qatt ma kont tafha? Mhux għax ma kontx nafha, imma qisni qabel kont naħseb li n-natura ma tantx kienet importanti. Jew li ma kinitx tgħodd għalija; qatt ma kont interessajt ruħi. Imma din kienet prova li stajt ngħin ’il-ħajja tiffjorixxi u tirnexxi. U fid-dinja kif kienet, mimlija pesta, dan kien qisu xi att ta’ sfida u reżistenza. Kien sodisfazzjon liema bħalu. Mhux bħas-sodisfazzjon familjari tal-applaws wara xi reċta; jew is-sodisfazzjon li tħoss meta tara lil sħabek jieħdu pjaċir jieklu xi ikla li tkun sajjartilhom int; jew is-sodisfazzjon meta fl-aħħar tkun lestejt xi biċċa kitba li tkun ilek tissara magħha żmien u għomor. Le. Din kienet xi ħaġa oħra, li kienet ġejja minn xi mkien iktar fil-fond, xi mkien iktar kwiet.
Fil-ġimgħat ta’ wara, fellsu ż-żrieragħ l-oħra. Saqqejthom u ħadt ħsiebhom, u f’kemm ili ngħidlek minn nebbieta fraġli saru pjanti sbieħ u robusti, ħodor u jfuħu. Meta kien ikun hemm xi werqa niexfa kont naqtagħha sabiex il-werqiet b’saħħithom ikollhom l-enerġija kollha li għandhom bżonn. Kont nagħmel sigħat sħaħ nipprova nitgħallem aktar, infittex fuq Google, nara l-videos. Xtrajt qsari ikbar, xtrajt ħamrija ta’ kwalità ogħla. Meta kienu kbar biżżejjed, bl-għeruq imissu mal-ġenb tal-qsari, ix-xtieli tal-ħwawar qlajthom mill-ħammiela u ħawwilthom fil-qsari l-ġodda biex ikollhom iktar spazju fejn jikbru. Xtrajt iktar żrieragħ, u l-qsari ż-żgħar irriċiklajthom biex niżra’ n-nagħniegħ, il-klin, it-tursin u s-sagħtar. Kibru wkoll, u malajr kelli ġnien ġmielu fuq il-ħoġor tat-tieqa.
Il-Milied suppost kelli nqattgħu mal-familja, imma lejliet it-titjira l-Prim Ministru Ingliż ħabbar li kellna nerġgħu nissakkru ġewwa. Komplejt ninfexx fil-pjanti. Sal-aħħar ta’ Diċembru, kienu tant kibru li bdejt naħsadhom għat-tisjir. Bin-nagħniegħ kont nagħmel it-te. Kont inqatta’ l-ħabaq u nħalltu f’insalata mat-tadam u l-avokado. Kont inqasqas il-kurrat salvaġġ u nużah fil-patata maxx, u t-tursin inroxxu fiz-zalza għal mal-għaġin. Tgħallimt kif inkattar iz-zkuk, inpoġġihom ġo vażetti mimlijin ilma fuq il-ħoġor tat-tieqa sakemm jibdew joħorġu l-għeruq, imbagħad inħawwilhom ukoll. Illum, l-appartament tiegħi kollu pjanti jissaraw għall-ispazju fuq kull xkaffa, kull mejda, u kull fejn hemm roqgħa xemx, u l-gallarija żgħira żgħira saret ġnien, fejn l-għaxqa tiegħi nkabbar it-tadam, il-ħass, il-bżar aħmar u l-basal. Hemm għandi wkoll abbundanza ta’ fjuri u pjanti: tliet speċijiet ta’ ward, sardinella, ilsien in-nisa, margerita, peprin, spika, narċis, ġirasol u ġjaċintu, fost l-oħrajn. Ġieli nqatta’ sigħat sħaħ noħlom li xi darba jkolli ġnien li fih nista’ nħawwel is-siġar tat-tuffieħ u taċ-ċirasa, u fejn ikolli spazju biżżejjed biex inkabbar affarijiet oħrajn: zunnarija, kaboċċa, patata, tewm u qarabagħli.
Fl-esej Of Other Spaces, Michel Foucault jgħid li l-ġnien hu “forsi l-eqdem eżempju” ta’ kunċett li jsejjaħlu “l-eterotopja”. Eterotopji huma dawk l-ispazji li jfixklu r-ritmu tal-ħajja ta’ kuljum. Ifixklu wkoll il-konfini bejn dak li hu privat u dak li hu pubbliku; bejn il-personali u s-soċjali, u jisfidaw il-prevedibbiltà tar-rutina kwotidjana. Meta nsibu ruħna fi spazju eterotopiku, inħossu distakk min-norma. Il-perċezzjoni tal-ħin tinbidel. Jingħaqdu l-passat u l-preżent, il-preżent u l-futur. X’inhu l-att taż-żrigħ, jekk mhux att ta’ fidi llum li għada jisbaħ ukoll? Wieħed mill-aqwa eżempji ta’ eterotopja nsibuh fil-ħajja u x-xogħol tal-artist u viżjunarju Derek Jarman. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu, wara dijanjosi ta’ HIV fl-1986, Jarman xtara dar jisimha Prospect Cottage, f’Dungeness ġewwa Kent qrib impjant tal-enerġija nukleari, fejn ħoloq ġnien li għadu hemm sal-lum. Ix-xogħol tal-indukrar, u l-ġnien innifsu, saru dikjarazzjoni solenni ta’ ħajtu, u pprovdew spazju eterotopiku, transitorju, fejn seta’ jikkonfronta l-mewta imminenti, u fl-istess ħin isostni l-arti tiegħu u japprofondixxi l-impenn tiegħu għall-attiviżmu queer. F’Modern Nature, Jarman jikteb hekk fuq il-ġnien: “Il-ġardinar iħaffer fi żmien ieħor, mingħajr imgħoddi jew ġejjieni, bidu jew tmiem. Int u miexi fil-ġnien tgħaddi ġo daż-żmien — il-mument tad-dħul ma tista’ tiftakru qatt. Madwarek il-pajsaġġ jinsab trasfigurat. Hawn hi l-Ammen lil hinn mit-talba.”
Ix-xewqa li nindokra n-natura fellset fija, għamlet l-għeruq, nibtet, werrqet u ħarġet iż-żahar.
Magħha kien hemm xenqa għal ħajja inqas mgħaġġla, għal iktar żmien għas-silenzju u l-kreattività. Xenqa għal ġnien, għal indukrar. Talba li nkun imdawra bin-natura; biex il-pulmun nimlieh bl-arja friska, bil-fwieħa tal-ħamrija, tal-ħaxix. Qabel, kont naħseb li jien xi ħaġa apparti min-natura, imma anki f’dik is-solitudni stramba, stajt inħossni nagħmel parti minn xi ħaġa ikbar minni — xi ħaġa awtopoetika, tipproduċi u tirreproduċi ruħha. Ix-xbieha taż-żrieragħ fil-ħamrija ħassejtha qaddisa, wara tant snin ta’ indifferenza lejn in-natura.
Fil-fatt, ma kontx indifferenti daqskemm ħsibt. Fiż-żmien li kont qed naħseb fuq kif se nikteb dan l-esej, kont immur nimxi. Nimxi u nimxi u nimxi, u nirraġuna waħdi. Għaddieli ħsieb minn moħħi. Anzi, memorja kienet — memorja minn tfuliti ta’ żjara sal-Buskett, ġnien miżgħud b’għaxqiet id-dinja, kollha dwieli, fjuri, żebbuġ, ħarrub, għargħar, u siġar tal-larinġ. Dik il-memorja kienet qisha bieb li jiftaħ fuq tużżana memorji bħalha — ommi u ziti jitkellmu u jixorbu t-te mit-Thermos u jerħulna, il-kuġini, nilagħbu qalb iż-żnuber, ninqalbu fil-ħamrija, nistkennu għad-dell taħt is-siġar, u nimmeraviljaw ruħna bl-insetti li kien hemm. Konna nosservaw in-nemel, jimmarċjaw wara xulxin qishom f’xi purċissjoni, iġorru xi biċċa ikel tliet darbiet ikbar minnhom. Konna npoġġu mat-tarf tan-nixxiegħa biex naraw il-frieħ taż-żrinġ għaddej, nitgħaxxqu b’surithom stramba, qishom ġelatina. Konna niġru wara l-friefet u l-mazzarelli, nippruvaw naqbduhom biex insiru sbieħ bħalhom. Kellna manija li niġbru kulma nsibu, inkunu fejn inkunu. Tiegħi kont inpoġġihom fil-kamra ġo vażetti tal-ħġieġ, taparsi oġġetti msaħħrin, anki qxur tal-bebbux u weraq mejjet kont issibli. Konna niġbru ċ-ċagħaq, l-arzelli u l-prinjoli, qisna qegħdin naħżnu l-art u l-arkivji tagħha. Kien hemm parti minni, minsija maż-żmien, li kienet l-iktar għal qalbha tiġri f’xi għalqa sakemm jinqatgħalha nifisha; li kienet tagħmel il-kutrumbajsi fuq il-ħaxix; li kienet toħlom li ssir sirena f’baħar fond; li kienet tixtieq titħaddet mas-siġar.
Nintebaħ li kont niftakarni ħażin.
Rivelazzjoni bħal din hi eżempju ta’ fenomenu li Jacques Lacan isejjaħlu après-coup. Huwa effett stramb fejn xi memorja, jew xi ħsieb, li tkun ħsibt li huma bla sens, f’daqqa waħda jagħmlu sens retroattivament. L-idea — jew is-sinjifikatur, kif jgħid Lacan — tieħu l-ħajja u retroattivament tbiddel il-passat. Nirrealizza, jien u nikteb dan l-esej, li dan ir-ritorn tar-repress kien diġà beda jseħħ xhur qabel ma żrajt dik l-ewwel żerriegħa. Kien beda fir-rebbiegħa, wara li tħabbar l-ewwel lockdown. Issakkru l-bibien u r-rutina kif konna nafuha ntemmet, imma x-xemx glorjuża ta’ April għelbet id-dalma, ġabet magħha s-sħana u l-ħajja. Ħdejn l-appartament tiegħi, is-siġar kienu ffullati bil-ħajja — ekosistema rikka ta’ fungi, ħażiż, insetti u għasafar jikkongregaw fuq il-friegħi. Il-park kotor bil-ħajja salvaġġa, ferneżija ta’ fjorentini, tiġieġ tal-baħar, gallozzi u pitirrossi jitimgħu ’ż-żgħar tagħhom, filwaqt li ċ-ċinji u l-wiżż jiżżerżqu fuq l-ilma ħadrani u trankwill tal-għadajjar. Bil-kuluri tal-fjuri, l-għelieqi saru qishom kalejdoskopju. Kien hemm ruxxmata żnażan ħoxnin donnhom fis-sakra, jitgerbu minn fjura għall-oħra, u kull fejn tmur tisma’ l-istridulazzjoni tal-grillu qalb il-ħaxix.
Il-lockdown kien jikkmanda li ngħixu bil-mod — li nabbandunaw ir-ritmu eċitat u nevrotiku li konna tant drajna, u li ndawru l-attenzjoni tagħna b’mod meqjus, kemm ’il ġewwa, kif ukoll ’il barra. L-ispettaklu tal-belt, kollha dwal u veloċità u ħsejjes — li nammetti li kienu huma l-affarijiet li attirawni lejha fil-bidu — kien inbidel fi spettaklu ieħor: ta’ affarijiet ħajjin. Affarijiet li, nafu jew ma nafux, ħajjitna tiddependi fuqhom, li bil-kwiet isostnu t-tessut tal-eżistenza tagħna lkoll. Dan l-ispettaklu kien iktar kalm, ġentili, b’ritmu ieħor — u kien bla ħlas.
Meħlusa mit-tirannija tal-produttività, u mill-biża’ li naħli l-ħin, mort nimxi. Imxejt, sigħat twal kuljum. Clapham Common u Wandsworth Common, qrib fejn ngħix, saru santwarji ta’ esplorazzjoni. Kont nieħu miegħi boroż mimlijin żrieragħ u karawett biex nitma’ ’l-għasafar residenti — u ġieli anki xi skojjattlu. Fil-basket kont nipprepara piknik bil-ħobż u l-ġobon u l-mandolin, u xi ktieb biex noqgħod naqra. X’kien hemm iktar x’tagħmel?
Mort nimxi. Ħafna kittieba u filosfi kitbu dwar il-merti tal-mixi — minn Walter Benjamin, li osserva lil dawk li jimxu fil-bliet u postijiet urbani, għal Kant, Nietzsche, Wordsworth, Thoreau u oħrajn li sabu s-sabar tagħhom qalb in-natura. F’Wanderlust, Rebecca Solnit tikteb hekk:
Ir-ritmu tal-mixi jiġġenera tip ta’ ritmu tal-ħsieb, u l-passaġġ fil-pajsaġġ jirrifletti jew iqanqal il-passaġġ qalb sensiela ta’ ħsibijiet. Dan joħloq konsonanza stramba bejn il-passaġġ intern u dak estern, konsonanza li tagħtina ħjiel li l-moħħ huwa wkoll forma ta’ pajsaġġ li mod kif nistgħu ngħaddu minnu huwa billi nimxu. Ħsieb ġdid ġieli jinħass qisu xi ħaġa f’dan il-pajsaġġ li minn dejjem kienet hemm, daqslikieku l-ħsieb huwa vjaġġ u mhux għemil.
Jien u nimxi fil-parks viċin ta’ fejn ngħix, inħoss sens ta’ responsabbiltà. Inqatta’ ħafna ħin nosserva s-siġar. Qabel ma tgħallimt x’jisimhom, tajthom ismijiet jien stess. Hemm siġra quddiem l-istazzjon, tant hi kbira nistħajjilha żewġ siġriet jinnamraw; dik insejħilha Tiresias. It-tliet siġriet ħdejn il-bieb ta’ barra qishom trio ta’ sħaħar; lil dawk insejħilhom The Wyrd Sisters. Imbagħad hemm siġra ġganteska, qisha mmanifestat ruħha minn xi ħrafa; dik tissejjaħ Grimm. Dawn is-siġar donnhom għandhom personalità — kemm ix-xtieli tant ċkejknin li għadhom marbutin ma’ xi bastun biex jibqgħu dritti, u kemm dawk kolossali li jkunu għaddew mijiet ta’ snin minn fuqhom, li iktar nistħajjilhom katidrali milli siġar, mibrumin u mbixklin, bi friegħi miġbudin ’il fuq lejn is-sema. Iktar ma nitgħallem dwar is-siġar, iktar insir inħobbhom, dawn ix-xhieda kwieti tal-istorja. Nitgħallem li jmantnu lil xulxin — għandhom l-għeruq kollha magħqudin f’sistema taħt l-art, u jekk waħda minnhom timrad, l-oħrajn jaqsmu magħha n-nutrijenti tagħhom sabiex ifejquha. Togħġobni wisq din is-solidarjetà sigrieta tas-siġar.
Nimxi, u nitgħallem nagħrafhom mid-dehra. X’forma għandhom il-weraq? Għat-tul, qishom xwabel żgħar? Tondi? Qlub? Dritti jew isserrati? X’kulur huma? Għandhom fjuri? U l-qoxra taz-zokk bl-istrixxi? Lixxa? Titqaxxar? L-ismijiet tas-siġar li nara ta’ kuljum nitgħallimhom bl-Ingliż, peress li fuq l-app li nuża biex nitgħallem nagħrafhom jagħtihomlok bl-Ingliż. London Plane, Poplar, Hornbeam, Oak, Large-leaved Lime, Hazel, Ash, Silver Birch, Blackthorn, Weeping Birch, Crab Apple, Willow, Sweet Chestnut, Horse Chestnut. Qabel dan l-eżerċizzju fit-tassonomija, ma kelli l-ebda lingwa biex nagħrafhom lil dawn il-kreaturi, u għalhekk għalija kienu kollha “siġar” — jew, agħar minn hekk, kienu kollha fl-isfond. Nimxi, u nitgħallem nagħraf l-għasafar ukoll, anki minn kif isaffru. Great Tit, Blue Tit, Long-tailed Tit, Chaffinch, Blackbird, Crow, Greater Spotted Woodpecker, Eurasian Jay, Starling, Robin, Goldcrest, Sparrow, Siskin, Nuthatch, Redwing, Rose-ringed Parakeet, Cormorant, Greylag, Mallard, Common Chiffchaff, Canada Goose, Egyptian Goose, Heron, Black-headed Gull. Kull kelma turini iktar, tħallini nara iktar, nosserva iktar.
Nipprova nitgħallimhom bil-Malti dawn l-ismijiet. Ħafna minnhom ma nafhomx, għax dan is-suġġett qatt ma kien jinteressani qabel. Infittixhom fuq l-internet u f’Kelmet il-Malti. Għandhom ismijiet sbieħ immens. Vjolin tax-Xitwa, Bufula tal-Qamar, Sponsun, Primavera, Sultan iċ-Ċawl, Sturnell, Gardell, Ekru. Siġra tal-Luq, Balluta, Siġra tad-Dorf, Fraxxnu, Żagħrun. Imma hemm kelmiet minnhom li ma jeżistux bil-Malti, għax dawk l-għasafar u dawk is-siġar ma jeżistux f’Malta. Din il-problema niltaqa’ magħha wisq spiss. Hemm kliem f’bosta oqsma li jinteressawni li bil-Malti ma jeżistix — il-psikoanaliżi, it-teorija queer, it-teorija femminista, it-teatru, id-disinn, l-internet u l-industrija soċjali, fost l-oħrajn. Issir kważi impossibbli li naħseb fuqhom fil-lingwa nattiva tiegħi. Il-lingwa Ingliża ssir krozza. Dan huwa effett tal-kolonjaliżmu, li jagħmilha ta’ arbitru bejni u bejn id-dinja.
Il-kitba, bħall-mixi, hija forma ta’ pellegrinaġġ, kelma li ġejja mil-Latin peregrinus, “barrani”. U hawn jien, barranija f’din l-art li ngħix fiha, kultant inħossni barranija fi lsieni stess. Ejja nerħu ’l dal-esej jiffjorixxi minn dik iż-żerriegħa. Huwa pellegrinaġġ qalb in-natura, passaġġ għal ġo fija nnifsi, għal ġol-passat, u għal ġo passat mudlam kolonjali li ħallieni — u ħalliena — neqsin.
Ili tnax-il sena ngħix Londra, u l-opportunitajiet biex nitkellem bil-Malti dejjem qed jonqsu. Lil tal-familja nkellimhom bil-Malti meta nċemplilhom, jew meta nżuru ’l xulxin. Għandi xi ħbieb Maltin jgħixu Londra, u meta niltaqgħu nitkellmu bil-Malti wkoll — f’dan il-kuntest huwa donnu bi prinċipju li nitkellmu bil-Malti, biex inżommu ħaj dak l-aspett ta’ min aħna. Nammetti li huwa vantaġġjuż ukoll li jkollok lingwa kważi sigrieta meta tkun trid titkellem fuq affarijiet personali f’postijiet pubbliċi.
Il-bqija bl-Ingliż nitkellem. Il-partner mill-Irlanda ta’ Fuq, u d-dar nitkellmu bl-Ingliż. Anki l-qattusa bl-Ingliż inkellimha — ħlief meta nkun irrabjata għax tkun kilitli xi pjanta, jew tkun girfet is-sufan. Ħafna minn sħabi hawn huma jew Ingliżi — u allura trabbew f’sistema edukattiva li ma tathomx l-opportunità li jitgħallmu lingwi oħra — jew inkella trabbew fil-bqija tad-dinja, u l-Ingliż lingwa franka. Nikteb bl-Ingliż, nirreċta bl-Ingliż fuq palkijiet Ingliżi għal udjenzi Ingliżi. Naħseb bl-Ingliż. Noħlom bl-Ingliż. Inħossni iktar naf nesprimi ruħi bl-Ingliż. Anki biex nikteb dan l-esej qisni qed nimxi fuq ir-ramel fl-ilma baxx, jew insuq il-karozza bis-second. Il-kliem ma nħossux disponibbli bil-Malti daqskemm huwa bl-Ingliż. Xi kultant kelma li rrid lanqas teżisti. Nipprova nilħaqha u nsib spazju vojt. Tort tiegħi. Tort tiegħi?
Meta kont żgħira, ommi u missieri kienu jkellmuni kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. L-Ingliż kont nitkellmu b’aċċent rotund u Mediterran, li ġieli kienu jinkuni bih sħabi li l-lingwa materna tagħhom kienet is-Slimiż. Kemm ili Londra, l-aċċent inbidel sew, u lanqas għadni ninstema’ bħall-bqija ta’ familti — imma lanqas ninstema’ Ingliża. Kultant in-nies isaqsuni, “Minn fejn int?” imma s-soltu din hi skuża biex jippruvaw jaqtgħu, u jibdew jelenkaw il-pajjiżi: Mill-Greċja? Mil-Libanu? Minn Spanja? Mill-Italja? Mit-Turkija? Insomma, minn xi mkien ieħor; mhux minn hawn. Mhix l-ewwel darba li qaluli kemm nidher u ninstema’ “eżotika”, mingħalihom qed jgħadduli xi kumpliment.
Psikoanalitikament, il-kunċett tal-lingwa materna huwa interessanti ħafna. L-omm tagħtik l-imħabba u l-attenzjoni bil-lingwa tagħha. L-omm hija, kif tikteb il-psikoanalista Kristina Valendinova, mhux biss “l-Oħra li tgħin”, li titma’ lit-tarbija u twennisha, imma wkoll “l-Oħra primordjali li, għat-tarbija, hija oġġett ta’ jouissance, u li ġisimha hu l-ewwel sors ta’ sodisfazzjon għat-tarbija”. Imma interessanti wkoll li l-funzjoni paterna, dik il-“le” li tintroduċilek il-liġi u l-ordni, u ddeffsek fir-reġistru simboliku, dik il-“le” tingħad ukoll bil-lingwa materna. Huwa fi lsien l-omm li t-tarbija — is-suġġett — hi maqsuma: mifruda u aljenata minnha nnifisha.
Fil-psikoanaliżi ngħidu li s-suġġett jiġi “sovraskritt mil-lingwa”. Avolja hi l-lingwa tagħna, il-lingwa materna ma tista’ qatt tkun veru tagħna. Insibu ruħna mgħaddsa f’din il-lingwa anki qabel ma nkunu nafu nitkellmu; anki qabel ma nkunu twelidna. Ma nitwildux f’tabula rasa — nitwieldu f’network kumpless ta’ simboli u tifsiriet iffurmati mil-lingwa. Nirtuha l-lingwa, u din il-lingwa materna jkollha sinifikat uniku, ikkumparata mal-lingwi l-oħra li nitgħallmu tul ħajjitna. Tibqa’ żżomm fiha sens ta’ profondità u rikkezza. Hi permezz tal-lingwa materna li nesperjenzaw dik li Lacan isejħilha lalangue — ir-Reali tal-lingwa, jiġifieri l-materjal li jikkonsisti fi ħsejjes u fonemi puri, lil hinn mill-grammatika u mill-organizzazzjoni lessikografika. Lil hinn mis-sens. Din il-forma primarja tal-lingwa tinteraġixxi mal-ġisem ħaj u tqanqal reazzjonijiet emozzjonali. Valendinova tgħid li lalangue “ġġorr fiha traċċi ta’ inkontru — u ta’ djalogu — ma’ alterità li hi unika daqskemm hi barranija.”
Xi kultant naħseb li forsi l-Malti mhux il-lingwa materna tiegħi. Imma darba minnhom inkun qed nitkellem m’ommi, u nsemmilha li qed insibha diffiċli naqleb l-ismijiet tal-għasafar bil-Malti. Tfakkarni x’inhi l-kelma għal “crow” — ċawla — u niftakarha ċara daqs il-kristall. F’ġismi nħoss sensazzjoni elettrika, fil-qosor, imma indelibbli. Il-kelma kważi tintiegħem, immerrqa, misjura, ħelwa daqs il-bajtar ta’ tfuliti.
Minn dejjem kont inħobb il-kliem u l-qari, u meta kont żgħira kien hemm aċċess ferm akbar għal testi Ingliżi milli Maltin. Fil-librerija tal-iskola kien hemm kollezzjoni enormi ta’ kotba bl-Ingliż, u l-ixkaffa bil-ftit kotba Maltin bilkemm kienet tintmiss. Bħal bosta tfal imrobbijin f’eks kolonja Ingliża kont nikkonsma bil-ħerqa kotba bħal dawk ta’ Enid Blyton, The Chronicles of Narnia, The Jungle Book, Winnie the Pooh, The Secret Garden, The Wind in the Willows, The Railway Children. L-Ingliż kien il-lingwa li biha stajt naċċessa d-dinja. Fi tfuliti internalizzajt il-kunċett li l-Malti kien l-ilsien assoċjat mal-familja u t-tradizzjoni, filwaqt li l-Ingliż kien il-muftieħ biex insir parti mid-dinja usa’, u li seta’ joffrili sens ta’ identità globali.
Meta kont żgħira, in-nies li kienu “tajbin fl-Ingliż” konna nikkunsidrawhom iktar bravi. Kellhom iktar kapital kulturali. Kont tirbaħ il-premji jekk kellek vokabularju Ingliż imdaqqas. Kienu jċanfruni għall-pronunzja, bl-erre qawwija u t-“th” plużiva. Kien hemm żmien kienu jirrabjaw magħna jekk jisimgħuna nitkellmu bil-Malti fil-bitħa tal-iskola. Forsi din qed tinbidel issa. Jien trabbejt fid-disgħinijiet u l-ewwel snin tal-elfejn, iktar minn tletin sena wara l-Indipendenza, iżda l-mentalità kolonjali li fuqha jikteb Frantz Fanon setgħet tinħass sew f’Malta ta’ tfuliti. Kien hemm ċertu qima lejn dawk in-nies ikkunsidrati Ingliżi. Il-Maltin li kienu studjaw barra, speċjalment l-Ingilterra jew l-Amerka, kienu jiksbu status ogħla fost sħabhom. Ħabibti tgħidli li meta kienet żgħira, f’għeluq sninha, meta kienet tieħu kejk magħha l-iskola biex taqsmu mal-klassi, kienet iżżomm biċċtejn għal kull waħda mill-bniet bjondi b’għajnejhom blu — donnhom kien jistħoqqilhom iktar. Qbadna l-lenti kolonjali u dawwarnieha fuqna nfusna: u, inevitabbilment, sibna li aħna, b’xagħarna skur u għajnejna suwed u l-aċċent għafsi, konna b’xi mod inferjuri.
F’Mejju tal-2020, jien u l-partner bdejna nirkbu r-rota. It-toroq ta’ Londra kienu kwieti immens, u dan kien ta’ vantaġġ għalina. Konna nsuqu r-rota għal ġoċ-ċentru ta’ Londra, li kienet siekta u qisha diżabitata — bħal xena minn film tal-apokalissi. Piccadilly u Covent Garden kienu vojta, bil-ħwienet magħluqin xhieda ta’ din il-fażi straordinarja li konna għaddejjin minnha. Iżda dan ma kienx film; din kienet realtà. U ma kinitx bħal apokalissi; kienet apokalissi. Kien hemm importanza storika f’kollox. Ħassejtni mġiegħla nżomm djarju bid-dettalji: l-istatistiċi virali ktibthom kuljum, flimkien ma’ inventarji tal-ikel li kelli fil-friġġ u fil-cupboard — nippjana, biex jekk l-ixkafef tal-ħwienet jibqgħu vojta, nirrazzjonaw l-ikel biex ma nispiċċawx bil-ġuħ — rapporti qosra fuq dak li kont għamilt matul il-jum, ma’ min tkellimt u xi jkunu qalu. Żammejt rikordju tal-aħbarijiet li jkunu laqtuni, ta’ x’kien qed jiġri fid-dinja. Qrajt lil Camus, lil García Marquez, lil Defoe, Saramago u McCarthy, nipprova nsib ix-xebh bejn id-dinja infestata tagħhom u dik tiegħi.
Is-sajf ġab miegħu ħjiel ta’ tama hekk kif id-dinja bdiet, b’mod tentattiv, tinfetaħ mill-ġdid. Dawk il-mumenti ta’ konvivjalità nħassu indulġenti. Ħadna wisq pjaċir niltaqgħu ma’ sħabna, nintefgħu barra xi kafetterija nitkellmu għal sigħat sħaħ, u nesploraw is-swali sagri tal-mużewijiet, dejjem attenti li nkunu libsin maskra u li nżommu d-distanza minn kulħadd. Kienet tama li l-agħar żmien kien għadda.
Malajr tħassret din it-tama. Iż-żerriegħa tal-pandemija kienet diġà ilha żmien twil li tħawlet — mhux biss bit-trasmissjoni tal-virus minn annimal għal bniedem, u mhux biss bil-mutazzjoni. Iż-żerriegħa kienet ilha li tħawlet fis-sistemi li ngħixu fihom, li għandhom l-għan jisfruttaw dik li tissejjaħ, skont l-ekosoċjalista Jason W. Moore, “natura rħisa” biex jinħoloq il-kapital. “Essenzjalment,” jikteb Moore, “l-innovazzjoni l-kbira tal-kapitaliżmu, mill-oriġini tiegħu wara l-1492, kienet li jivvinta l-prattika tal-approprjazzjoni tan-Natura. Li n-Natura ma kinitx biss idea, imma realtà territorjali u kulturali li taqfel u tgħasses lin-nisa, tikkolonizza popli u tessuti ekstra umani tal-ħajja.” Jew, kif tikteb Jamaica Kincaid, “Fit-3 ta’ Awwissu 1492 — meta Kristofru Kolombu salpa minn Spanja… ir-realtà tal-ġnien inbidlet…” Bdiet verament l-epoka Antropoċena, globalizzazzjoni vjolenti tal-kapitaliżmu bl-istess proċess ta’ kolonizzazzjoni, skjavitù u ġenoċidju indiġenu, li kien diġà dak iż-żmien beda jeqred speċi indiġeni ta’ annimali bħall-biżont.
Il-fewdaliżmu kien jiddependi fuq tip ta’ ġardinaġġ fejn il-kultivazzjoni tal-art kienet isseħħ għall-produzzjoni taż-żejjed li, lir-raħħala li jaħdmu l-art, kien jittiħdilhom bil-forza. L-innovazzjoni tal-kapitaliżmu kienet tip ta’ ġardinaġġ għalkollox mod ieħor li rreduċa lin-natura għal sett ta’ kwantitajiet astratti — tant ilma, tant faħam, tant deheb, tant qamħ — biex tiġi sfruttata u mibjugħa għall-profitt. Il-fewdaliżmu nnaturalizza l-ġerarkija: katina kbira ta’ kewn li fiha n-nobbli u l-monarkija kienu l-eqreb t’Alla fost il-bnedmin. Il-kapitaliżmu nnaturalizza wkoll il-komodifikazzjoni universali — il-bżonnijiet tal-ħajja saru opportunità biex xi ħadd jagħmel il-flus minn fuqhom. L-ewwel għeluq vjolenti tal-art warrab lill-bdiewa mir-raba’ komunali tagħhom, u biddilhom f’gabillotti bla proprjetà li setgħu jgħixu biss billi jbigħu l-ħidma tagħhom fl-għelieqi bħala komodità, għall-ħlas. Iżda biddel ukoll lin-nagħaġ, ’il-baqar, u ’l-qamħ, u dawn saru prodotti wkoll. Il-ħtiġijiet kollha tal-ħajja ġew ikkomodifikati. Filosfi moderni ta’ dak iż-żmien, bħal Grotius u Locke, riedu li dan il-proċess jinfirex mad-dinja kollha. Qalu li l-pussess tan-natura — u, fil-każ ta’ Locke, il-pussess tal-iskjavi — kien dritt naturali ordnat minn Alla.
Bil-pjantaġġuni taz-zokkor u t-tabakk fil-Karibew u l-Amerka ta’ Fuq, bl-iskoperta taż-żejt u l-fertilizzanti, bl-invenzjoni tal-fish farms u l-biedja industrijalizzata, il-kapitaliżmu nnifsu sar tip ta’ ġardinaġġ industrijali. U hekk kif il-fruntieri tal-kapital javvanzaw b’mod dejjem aktar aggressiv fil-moxa, javvanzaw ukoll għal ġo dak li jissejjaħ “il-ġibjun tal-ħajja selvaġġa” ta’ mikrobi infettivi. Tul is-sekli, drajniehom il-mikrobi tal-qtates, il-klieb u l-bhejjem. Imma l-maġġoranza tal-mikrobi għadhom ma infettawna qatt — u għalhekk huma iktar u iktar perikolużi. Il-kapitaliżmu jikkonverti l-ekosistemi f’natura rħisa, jillibera l-mikrobi, jiffaċilita l-“qabża żoonotika” tagħhom mill-annimal għall-bniedem, u mbagħad ixerridhom mad-dinja permezz tal-kummerċ globali. Aħna u ngħixu l-pandemija tal-Covid, konna xhieda tal-Antropoċen qed iseħħ.
Din il-kelma, “Antropoċen”, hi kelma mhux ftit qarrieqa. Ġejja mill-kelma Griega ἄνθρωπος (ánthrōpos), jiġifieri “bniedem”, u tirreferi għall-epoka ġeoloġika mnissla mill-effetti tal-bnedmin fuq id-dinja. Imma meta ninsinwaw li l-“bnedmin” huma xi entità omoġena, inkunu qegħdin niċħdu d-differenzi importanti bejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni — li l-impatt ekoloġiku tagħhom huwa negliġibbli — u s-sidien u d-diretturi tal-mitt kumpanija responsabbli għal 71% tal-emissjonijiet li qed jeqirdu l-pjaneta. Huwa kunċett Malthusjan li jsostni li huwa b’xi mod inevitabbli li neqirdu l-pjaneta — jew li l-problema hi waħda ta’ sovrapopolazzjoni. Jekk inżommu f’moħħna li l-ħtija hi tal-kapitaliżmu industrijali u tal-emissjonijiet li jipproduċi, mela forsi kelma iktar xierqa għal dan il-fenomenu, kif jissuġġerixxi Moore, hi l-Kapitaloċen. U l-Kapitaloċen u l-imperjaliżmu jmorru id f’id. Hekk jikteb Moore: “Kull fejn u kull meta l-vapuri Ewropej żbarkaw lis-suldati, ’il-qassisin u ’l-merkanti, dawn mill-ewwel iltaqgħu mas-‘slavaġ’. Fil-Medjuevu, il-kelma kienet tfisser ‘b’saħħithom’ u ‘feroċi’; issa saret tfisser il-kontra taċ-ċivilizzazzjoni. Is-slavaġ kienu jgħammru f’xi ħaġa msejħa s-salvaġġ, u kien il-kompitu tal-konkwistaturi ċivilizzati li Jikkristjanizzaw u Jtejbu. Dak iż-żmien, is-salvaġġ kien spiss jissejjaħ ‘art skartata’ — u fil-kolonji dan kien jiġġustifika li dawn l-artijiet iġibuhom żibel biex min jgħix fihom jitħaddem bl-irħis.” Il-kapitaliżmu kolonjali rnexxielu joħloq fantasija tiegħu nnifsu bħala ġardinar paċenzjuż, jikkultiva l-frott taċ-ċivilizzazzjoni. Din l-awtorappreżentazzjoni hija allużjoni għall-ġnien tal-Eden, u għal Adam f’nofs il-ġnien, bil-kariga li jiggverna fuq kull ħlejqa. Fl-immaġinarju kolonjali, huwa r-raġel sinjur u abjad li jinsab fuq nett tal-ġerarkija, jisfrutta u jħaddem lin-nies l-oħra, u magħhom ’il-ħlejjaq kollha.
F’Malta naraw ġrajja simili, fejn l-art kienet organizzata mill-ħakkiema skont din il-ġerarkija. Aħna l-Maltin ftit kellna poter niddeterminaw meta, kif, u għal xiex tkun ikkultivata artna. Ċerti ġonna, bħal ħafna postijiet oħrajn, kienu riservati esklussivament għall-ħakkiema. Meta waslu l-Ingliżi bdew jeskludu minnhom lill-“Maltese gem-gem”, bil-lingwa “tal-kċina” tagħna. Sadanittant, partijiet minn artna kienu qegħdin jintużaw biex isaħħu ’l-kumpless militari Ingliż, bil-ħaddiema Maltin jaħdmu bl-irħis fuq bastimenti għall-Imperu.
Mhix b’kumbinazzjoni li l-istorja tal-bidu ta’ Malta bħala parti mill-Imperu Ingliż kważi taħbat eżatt ma’ diżastru ekoloġiku. Kienet pandemija oħra li rat tibdila fix-xorti ta’ pajjiżna fil-bidu tas-seklu dsatax. Minn perjodu tajjeb ħafna bis-saħħa tal-merkanzija — inkluż il-kuntrabandu ta’ prodotti Ingliżi għall-bejgħ fl-Ewropa — sibna ruħna batuti u f’faqar kbir li żviluppa wara li nxterdet il-pesta fil-Mediterran. Waslet Malta minn Lixandra fuq vapur, is-San Nicola, f’Marzu tal-1813 wara li nsterqet xi merkanzija infettata biex tinbiegħ il-Belt Valletta. Sa Mejju, il-marda kienet inxterdet b’mod sever madwar il-gżejjer.
Fl-istess żmien, l-istatus ta’ Malta nbidel minn protettorat Ingliż għal kolonja tal-Kuruna, jiġifieri issa l-Ingliżi kellhom poter politiku fuq kull aspett tal-ħajja f’Malta. F’Ottubru tal-istess sena, tlaħħaq bħala gvernatur ta’ Malta Thomas Maitland. Dan tant kellu reputazzjoni ta’ bniedem arroganti u imperjuż li kienu jsejħulu “r-Re Tom”. Maitland ħa miżuri stretti ħafna biex jipprova jwaqqaf il-pesta milli tkompli tinxtered, imma kien tard wisq. Sa sena wara, il-marda kienet battiet, imma r-rabtiet merkantili ma’ pajjiżi oħrajn kienu nqatgħu — ħafna min-negozjanti barranin kienu ħarbu minn Malta biex jevitaw li jimirdu; bosta mill-portijiet barranin kienu għadhom bil-mandat ta’ kwarantina fuq bastimenti Maltin anki sal-1826. Malta waqgħet f’faqar tal-biża’. Fil-ktieb Sketches of Foreign Travel fl-1842, il-kittieb Amerikan Charles Rockwell osserva hekk: “Qatt ma rajt imkien ieħor tant miżerja, ħmieġ, faqar u għaks daqskemm rajt f’Malta”.
Skont Giovanni Bonello, ħafna rakkonti ta’ dak iż-żmien wara l-pesta kienu jsostnu li din is-sitwazzjoni miżerabbli kienet tort tar-regħba u l-immaniġġar ħażin tas-sidien kolonjali. L-Ingliżi f’Malta kienu jgħixu fil-lussu, waqt li l-Maltin jittallbu fit-toroq. Karigi li qabel kienu f’idejn il-Maltin ingħataw bħala sinekura lill-Ingliżi li gawdew il-frott tal-ħidma tal-poplu Malti, filwaqt li l-Maltin kienu jitħallsu farka miżera ta’ dak li kienu jaqilgħu l-Ingliżi. Il-Belt, it-tallaba mġewħin kienu jiffullaw kuljum fit-toroq qrib il-port. Kien hemm passaġġ imtarraġ ħdejn il-Port il-Kbir li beda jissejjaħ “Taraġ Nix Mangiare”, u għadu hekk magħruf sal-lum. Jirreferi għal-lingwa franka tat-tallaba — taħlita ta’ Latin, Taljan u Ingliż: “Nix mangiare — nix padre — nix madre — nix pane per i piccoli in casa”.
Dawn ix-xeni ta’ faqar ġieli kienu jitnejku bihom l-Ingliżi, li wħud minnhom ħadu kull opportunità sabiex jiddeumanizzaw lill-Maltin u jiġġustifikaw il-ħakma kolonjali. Kittieb anonimu mill-1824 kiteb dwar il-Maltin li kien jiftakar qabel il-pesta: “… bħan-nies kollha b’nuqqas ta’ informazzjoni, li sabu ruħhom f’daqqa waħda emanċipati u sinjuri, tkabbru u saru arroganti.” Dan l-istess kittieb veru jitgħaxxaq bl-isfortuna tal-Maltin u jgħid li “dawk li baqgħu ħajjin tilfu l-ftit li kienu faddlu… Imbagħad saru umli u mortifikati; xtaqu li kienu iktar prudenti fiż-żmien ta’ prosperità; imma kien tard wisq.” Tant kien hemm ġuħ u faqar fuq il-gżejjer, li l-gvern kolonjali ma kellux għażla — f’Londra nħolqot munita speċifikament għall-Maltin. Kienet l-iżgħar denominazzjoni fl-Imperu Ingliż kollu. Il-ħabba, kif kienet magħrufa din il-munita, kienet tiswa ftit li xejn: tnax-il ħabba kienu jagħmlu sold, li juri l-faqar fil-poter tal-akkwist tal-Maltin. Il-munita baqgħet tinħadem sal-1913, u kienet xhieda tal-għaks li batejna taħt il-kolonjaliżmu. L-istampa tar-Re Ġorġ IV li baqgħet fuq wiċċ il-munita għalkemm kien miet fl-1830 kienet isservi bħala tfakkira tad-diżrispett tal-Ingliżi għal popolazzjoni sfruttata u mġewħa.
Niftakruna ħażin.
F’waħda mill-isbaħ pjazez tal-Belt Valletta, quddiem il-Bibljoteka, hemm statwa tar-Reġina Vittorja. Din il-pjazza, Pjazza Repubblika, hi aħjar magħrufa bħala Pjazza Reġina. L-istatwa kienet maħduma mill-artist Sqalli Giuseppe Valenti mill-irħam, u turi lir-Reġina bilqiegħda, tħares fuq il-pjazza, liebsa xalla tal-bizzilla. Tpoġġiet hemm fl-1891 sabiex timmarka l-Ġublew tad-Deheb tar-Reġina — waħda minn bosta monumenti li twaqqfu madwar il-kolonji għal din l-okkażjoni. Ħadet post statwa oħra, tal-Gran Mastru De Vilhena, u qabel dik, il-gvernatur Ingliż John Gaspard Le Marchant kien għalaq il-pjazza biex joħloq ġnien esklussivament għall-Ingliżi — il-Maltin ma setgħux jidħlu. Meta llum inpoġġu f’din il-pjazza nieklu l-pastizzi, aħna mfakkra fl-istorja tagħna bħala suġġetti tal-Imperu — taħt il-ħarsa tal-istatwa tar-Reġina miksija bil-ħara tal-ħamiem. Il-pożizzjoni servili tagħna hi litteralment miżmuma f’postha bil-mod kif inhi armata l-pjazza.
Fl-2020, waqt il-lockdown, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti raw bosta każi ta’ ikonoklażmu, parti mill-moviment Black Lives Matter. Ħadt pjaċir nara li, fi Bristol, in-nies waqqgħu statwa tal-kummerċjant tal-iskjavi Edward Colston u tefgħuha fix-xmara. Issa tinsab fejn kellha dejjem tkun: f’mużew. Niftakar li dak iż-żmien kien hemm diskors fuq il-midja soċjali dwar jekk l-istatwa tar-Reġina fi Pjazza Repubblika għandhiex titneħħa minn dak il-lok tant prominenti u titpoġġa f’mużew. Dawk kontra qalu li, peress li m’għadniex kolonja, tkun bla sens jekk inneħħuha l-istatwa; anzi, tiġi qisna qed nippruvaw inħassru dik il-parti tal-istorja tagħna — daqslikieku l-istatwa stess mhix forma ta’ ingass u suppressjoni tal-memorja storika.
Hi fil-klassijiet tal-iskola u fil-memorja kollettiva li l-istorja qed tiġi ingassata. Għal dan l-esej, bdejt nipprova niftakar x’kienu għallmuna l-iskola dwar l-istorja kolonjali ta’ Malta. Sibt baħħ. Niftakarhom il-lezzjonijiet fuq il-preistorja, fuq il-Feniċi, il-Kartaġiniżi u r-Rumani. Niftakarna nitgħallmu dwar il-Biżantini, u ħafna dwar l-Għarab f’Malta. Il-Kavallieri u l-Assedju l-Kbir għamlu parti kbira mis-sillabu, u kien hemm ukoll ftit noti dwar il-Franċiżi. (Illum naf ukoll, grazzi għax-xogħol ta’ Charles Xuereb, li ma tantx għallmuhielna b’xi preċiżjoni kbira din tal-Franċiżi.) Imma mbagħad… ma niftakarx. Xejn, ħlief li ssemmiet is-Sette Giugno — avolja mingħajr kuntest għajr xi allużjonijiet għal “patrijotti” u “rewwixta”. Niftakarhom jgħallmuna dwar it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Konvoj ta’ Santa Marija, il-George Cross — u xejn iktar. Għedt forsi jista’ jkun ma niftakar xejn għax għandi memorja kemm kemm batuta, jew forsi ma tantx kont qiegħda attenta fil-klassi. Iddeċidejt li nsaqsi lil xi ftit minn sħabi — nies li, bħali, kienu edukati f’Malta fid-disgħinijiet.
“Niftakarni nħoss li kienu jgħallmuna biss dwar żmien żemżem. Xejn ma nħass relevanti għalija,” tgħidli waħda minn sħabi. Sieħbi jammetti miegħi li għadu sal-lum ma jafx għala ġrat is-Sette Giugno — imma l-istorja tal-Konti Ruġġieru jgħidhieli b’dettall kbir. Ħabib ieħor jiftakar il-lezzjonijiet dwar l-Ingliżi hekk: “Tgħallimna li konna aħna li stedinniehom jiġu biex jeħilsuna mill-Franċiżi, u li dejjem irrispettawna u tawna ħafna strutturi importanti, bħall-edukazzjoni u d-demokrazija — u l-kaxex ħomor tat-telefowns.” Xi ħadd ieħor jgħid li l-iskola tagħha kellhom żewġ lezzjonijiet separati għall-istorja Maltija u dik Ingliża, imma l-kolonjaliżmu qatt ma ssemma. Oħra tgħid li kienu għallmuhom li l-Ingliżi għażlu lill-Maltin biex jemigraw l-Awstralja taħt il-“White Australia Policy” — bħallikieku l-Imperu tbissmilna u tana d-don li naħdmu bl-irħis f’kolonja oħra. Bħallikieku dawk li emigraw, fosthom qrabati, ma kinux imġiegħla jitilqu minn pajjiżhom minħabba l-faqar. Din in-narrattiva tonqos tgħid li, fil-bidu, il-Maltin li emigraw lejn l-Awstralja ma ġewx milqugħin — kienu meqjusa “coloured job-hoppers” u sors ta’ ħaddiema rħas kważi bojod. Fil-gazzetta unjonista The Worker, kien ġie ppubblikat artiklu fl-1916 li rrefera għall-immigranti Maltin bħala “a black menace” u wissew li l-irġiel Maltin kienu se “jikkontaminaw” lin-nisa Awstraljani bojod. Nagħmlu sew niftakruha din meta naħsbu dwar kif xi wħud minna jittrattawhom lill-barranin f’pajjiżna.
Meta nsib ruħi f’konverżazzjonijiet dwar il-kolonjaliżmu ma’ sħabi f’Londra, inħoss li aħjar ma ngħid xejn dwar Malta — uħud minnhom ġejjin minn pajjiżi li sofrew vjolenza ħafna iktar inekwivoka f’isem l-Imperu. Wara kollox, filwaqt li Malta batiet taħt l-Ingliżi, m’għaddejniex mill-vjolenza mdemmija u ġenoċidju li raw postijiet oħrajn: il-kampijiet ta’ konċentrament fl-Afrika t’Isfel, fejn ikkalzraw il-Boer; il-Massakru tal-Amristar fil-Punjab; it-tortura sistemika u l-istupru tan-nies Kikuyu fil-Kenya. Li esperjenzajna aħna l-Maltin, Rob Nixon isejħilha “vjolenza bil-mod”. Meta naħsbu fil-vjolenza, nimmaġinaw affarijiet spettakolari u splussivi. “Vjolenza bil-mod”, għal Nixon, hi “vjolenza li tiġri bil-lajma u mhux fid-dieher, vjolenza ta’ qerda mġebbda li hi mxerrda tul iż-żmien u l-ispazju, vjolenza ta’ attrizzjoni li tipikament lanqas titqies bħala vjolenza.” Din hi tip ta’ vjolenza li titnikker għal snin twal, kultant anki ġenerazzjonijiet. Iċċaħħad ’in-nies mid-drittijiet ċivili, toħdilhom is-sjieda ta’ arthom, ma titmagħhomx sew, tittraskura saħħithom, u twassal għall-mewt bikrija tagħhom.
Ma jservina xejn li nagħmlu tabirruħna li l-konsegwenzi tal-kolonjaliżmu f’pajjiżna ma kinux kiefra. Wara li ksibna l-indipendenza, bqajna ma tajniex bidu għal sforz ta’ dikolonizzazzjoni f’pajjiżna. Jinħass sew dan-nuqqas. Minflok, għandna amnesija kulturali, fejn jew għandna ħsieb vag li l-Ingliżi kienu karitattivi — “iħobbuna l-Ingliżi” — jew eċċezzjonaliżmu żbaljat li jassumi li aħna konna l-favuriti fost in-nies kolonizzati. Il-fehim tiegħi dwar kif kienet Malta taħt l-Ingliżi ġonġejtu minn riċerka personali, ta’ spiss ostakolata mid-diffikultà li naċċedi testi Maltin dwar is-suġġett minn barra l-pajjiż, jew mill-aneddoti li qasmu miegħi nies tal-ġenerazzjoni tal-ġenituri tiegħi.
Għalfejn niftakruna ħażin? Għalfejn inkomplu nħaddnu mentalità kolonjali li tiċħad it-trattament ħażin tagħna u tipperpetwa l-kunċett li l-kultura Ingliża u Ewropea kontinentali hija superjuri?
Biex l-identità tagħna niddikolonizzawha hemm bżonn li nikkonfrontaw l-aspetti tal-wirt tagħna li forsi ma tantx irridu nafu bihom. L-imperjaliżmu Ingliż ta l-opportunità lil Malta biex tallinja ruħha mal-pajjiżi bojod u sinjuri tal-Ewropa ta’ fuq, u b’hekk inbiegħdu ruħna mill-wirt Mediterran u Nord-Afrikan tagħna. Fiż-żmien irvelluż ta’ Mintoff, wara l-Indipendenza, kien hemm sforz inizjali u goff ħafna biex tkun iffurmata identità postkolonjali Mediterranja. Ma nafx kinitx eżatt attentat ta’ dikolonizzazzjoni; forsi iktar kienet strateġija ekonomika. Fl-1978 Mintoff kien qal li Malta tagħmel parti “mid-dinja Għarbija”, u beda jsaħħaħ il-kummerċ mal-Libja. Fit-tmeninijiet, il-lezzjonijiet tal-Għarbi saru obbligatorji fl-iskejjel. Kien hemm oppożizzjoni kbira, speċjalment mill-borgeżija, li riedu jħaddnu b’kemm kellhom saħħa r-rabtiet li kellhom mal-Ingliżi u t-Taljani. Meta jien u sħabi wasalna għall-iskola fid-disgħinijiet, il-gvern Nazzjonalista kellu t-tir li Malta tikseb aċċess għall-Unjoni Ewropea, u kien importanti li l-identità tagħna tkun waħda Ewropea. Ir-razziżmu sovradeterminat tagħna kontra l-Għarab, minkejja s-similaritajiet kulturali u fiżiċi ovvji bejnietna, huwa mezz sabiex inħaddnu immaġini tagħna nfusna bħala nies “bojod” u Ewropej. Ir-rabta mal-Knisja Kattolika ta’ Ruma bil-“missjoni ċivilizzatorja” tagħha għandha l-istess funzjoni.
L-istorja vera tar-relazzjonijiet kolonjali bejn Malta u l-Ingilterra għadha mhix diskussa. Minflok, jeżisti mudell ta’ ripressjoni li jorganizza ruħu madwar il-ħrafa li Malta kienet eċċezzjonali u mhux bħall-kolonji l-oħra. Wara kollox, kienu jħobbuna l-Ingliżi, le? Ir-Reġina tgħidx kemm kienet tħobbha lil Malta. Kienet għamlet żmien tgħix Gwardamanġa, kontx taf? U mela m’aħniex speċjali!
Il-bilingwiżmu asimetriku tagħna, fejn fi lsien pajjiżna hemm nuqqas ta’ kliem li jista’ jispjega l-mod kif konna maħkumin, hu sintomu ta’ din ir-ripressjoni. Hawn irridu bilfors nużaw il-kliem medjatur tal-lingwi Ewropej biex nesprimu ruħna — bħallikieku hemm partijiet mir-realtà li huma lil hinn mill-għarfien Malti. Din hi internalizzazzjoni tal-immaġini kolonjali tan-nies Maltin bħala parrokkjali u injoranti — jew, kif osservat l-Ingliża Lady Hester Stanhope fl-1846: “feroċi, injoranti, għażżenin, sħan, vendikattivi…” Eh, mela ma kinux iħobbuna l-Ingliżi?
Jien u nikteb dan l-esej, il-ħin kollu niċċekkja l-aħbarijiet minn Malta, qisni qed nara diżastru jseħħ minn minuta għall-oħra. Il-kriżi tal-klima qiegħda tagħmel ħerba u, f’Malta, l-impatt ta’ din il-kriżi impossibbli nibqgħu ninjorawh. Din il-gżira, li mil-lat ta’ klima għall-inqas, xi darba kienet trankwilla, issa qed titħabat ma’ temperaturi li jiksru r-rekord kemm fuq l-art u kemm fil-baħar. It-temperatura barra tinħass iktar minn 50°C. Is-sħana litteralment dewbet il-cables tal-elettriku u kkawżat qtugħ tad-dawl. In-nies allura m’għandhomx aċċess għall-arja kkondizzjonata jew għar-refriġerazzjoni. Mietu n-nies. It-temperatura tal-baħar laħqet ’il fuq minn 30°C. Is-sistema tas-saħħa li diġà hi għarkupptejha issa qed tissara ma’ żieda ta’ mard relatat mas-sħana. Imur id-dawl l-isptar ukoll. Jinqata’ l-ilma f’xi postijiet, minħabba n-nuqqas tal-elettriku. Il-Kapitaloċen, li darba għamilna kolonja tal-Kuruna, issa qed iħallina esposti għall-konsegwenza industrijali, li hi l-kriżi fil-klima. U hekk kif il-livell tal-baħar ikompli tiela’, biċċiet mill-gżejjer Maltin huma f’periklu li jinbelgħu mill-Mediterran. Bilkemm għandna l-kliem biex niddiskrivu s-severità ta’ x’inhu ġej.
Agħar minn hekk. Sa ċertu punt, aħna għażilnieh dan il-futur. L-allinjament tagħna mal-Ewropa, mal-iżvilupp frenetiku, ġabilna ħafna vantaġġi, inkluż l-aċċess għas-swieq u l-prodotti Ewropej. Il-qabża mill-industrija għall-finanzjalizzazzjoni tal-kostruzzjoni u l-proprjetà daħħlitilna oqsma ta’ kapital, kif ukoll influss ta’ ħaddiema barranin — dawn jitqiesu bħala natura rħisa u allura nħossuna nistgħu nisfruttawhom, nagħtuhom bis-sieq, u nwaħħlu fihom għall-isfortuni kemm tagħhom kif ukoll tagħna. Din il-qabża ġabitna wkoll kompliċi fil-proċessi bijofiżiċi li qed jagħmlu ’l-gżejjer tagħna inabitabbli. Din wasslet għall-iżvilupp eċċessiv tal-gżira u għall-massakru tas-siġar, ir-rovina tal-ambjent u l-pajsaġġ, u l-ħajja saret ħafna inqas komda għal kulħadd ħlief għall-iżviluppaturi. Lanqas ma nistgħu ngħidu li d-deindustrijalizzazzjoni ttaffilna r-responsabbiltà. Kulma għamilna, meta bdejna nimportaw prodotti magħmulin barra, hu li esportajna l-emissjonijiet.
Mingħajr ma ntbaħna, żrajna ż-żerriegħa tal-qerda tagħna. Għandna nistennew futur iebes u bla ħniena jekk ma nibdlux id-direzzjoni u nieħdu pass lura. Wasal il-ħin għal après-coup nazzjonali — għal anamnesi — sabiex nifhmu tassew il-wirt storiku tagħna, u biex nistabbilixxu bidu ġdid. Meta niżirgħu ż-żerriegħa tal-bidla, dejjem ikun hemm xi ftit inċertezza — ma nistgħux inbassru x’ser jiffjorixxi u kif. Imma nafu li jekk nazzardaw li ngħaddu minn dan il-proċess, ħa nsibu futur iktar sostenibbli, u sens ferm aktar dinjituż tal-passat tagħna .