Ħames mitt pass. Ħames mitt pass hemm mill-aħħar tarġa quddiem il-bieb tax-xogħol għall-bus stop li rrid nieqaf u nistenna fuqha. Saru l-ħamsa u nofs u ħamsa, u r-riħ ta’ Diċembru reġa’ tani naqra ħajja wara tmien sigħat inħares lejn skrin, inħarbex l-emails li jintemmu bil-kind regards u li jibdew bil-hope this email finds you well — dejjem b’exclamation mark biex il-persuna li tirċeviha tkun taf li jien waħda minn dawk l-orrajt. Inħares lejn it-tabella tal-bus stop darb’oħra biex inkun ċertissima li qiegħda fuq il-waqfa t-tajba. Mhux għax ma nafx jekk jienx ippustjata sew, imma tibda thewden wara li tkun ilek ftit xhur ma taqbad karozza tal-linja. Bħala persuna kwintessenzjalment Maltija, għandi preferenza għall-abbiltà li tagħtini l-karozza, jiġifieri, li nkun nista’ ngħaddi riħ mill-bypass mingħajr ma nieqaf, bi driegħi barra mit-tieqa, indoqq il-mużika livell biss inqas mill-punt meta t-tnabar ta’ widnejja jkunu appena ser jinfaqgħuli. Imma llum ta’ bilfors irrid naqbadha għax ilbieraħ kont għaddejja minn Strada Rjali, Santa Venera u splajsjajt il-mera ma’ trakk mimli żrar tat-tarmak. Ħbatt eżatt quddiem il-Ministeru tat-Trasport. Ħadd ma ħareġ biex jgħinni jew biex iċanfar lil tat-trakk li mblokka nofs it-triq u m’użax is-sinjali stipulati f’artiklu xiex u xiex u dak. Nista’ nsuqha, mind you, il-mera soda daqskemm kienet qabel l-inċident jekk mhux aktar għax waħħalha z-ziju bl-aħjar duct tape li l-ironmongers ta’ Malta jistgħu joffru. Imma wara li għaxar karozzi spiċċaw jgħajruni indannata u jpaqpqu, ma nazzardax insuq. L-avventuri tal-bypass jistgħu jistennew ftit. Illum irrid il-kumdità u l-lussu li xi ħadd iwassalni d-dar, u billi jien tifla brava u nħobb l-ambjent u ma rridx inġiegħel lill-mummy tiġi għalija (għandha d-dwiefer), nagħżel li x-chauffeur lura lejn Birkirkara llum ser ikun wieħed Filippin jew Indjan jew l-ispeċi aktar u aktar rari tax-xufiera — il-Malti qargħi.