Djarju #12
Warren Bartolo

Ikteb fil-borra b’subgħak

Warren Bartolo

Bejn l-2021 u l-2023, barra l-kitba li għamilt fit-traduzzjoni tal-poeżija ta’ Saffo u l-esejs u l-kummentarju dwarhom, kien hemm id-djarju nnifsu. Kont inżommu b’mod sporadiku. Daqqa ktibtu fuq karti individwali, daqqa bgħattu lili nnifsi bħala messaġġ. Daqqa ttajpjajtu fuq l-app tan-noti fuq il-mobile, u daqqa ħażżiżtu fuq l-istess karti li fuqhom kont qed nittraduċi l-kliem fil-frammenti ta’ Saffo. Illum għall-ewwel darba, erġajt ftaħt il-folder roża li fih akkumulajt ix-xogħol kollu li għamilt għall-ktieb u rġajt ħarist lejn dawn id-destinazzjonijiet li d-djarju kien sab postu fihom. Ippruvajt niġbor xi entrati li jirriflettu kif kont inżomm id-djarju f’dak iż-żmien. Ftit minnhom jieħdu forma ta’ noti dwar il-lingwistika ta’ Saffo, oħrajn forsi jagħtu idea tal-istat ta’ ħsibijieti, waqt li hemm dawk li jħarsu lejn memorji tal-Ġreċja u Berlin, fejn qattajt ftit jiem waqt li kont qed naħdem fuq Saffo. Il-Frammenti ta’ Saffo diġà fil-fatt huwa mgħaqqad minn entrati tad-djarju tiegħi ta’ dak iż-żmien. Fil-ktieb dawn kont inkludejthom fil-bidu ta’ kull esej, u huma stampati bil-korsiv fil-kummentarju fuq wara. Kif jgħidu Eileen Myles: “B’mod ġenerali, il-poeżija hija patetika u d-djarju huwa patetiku. Verament, il-Letteratura hija patetika. U llum, inħossni iktar konxju ta’ din id-dikjarazzjoni. Id-djarju huwa patetiku.


9 ta’ Ottubru 2021

A jkellmuni dwar Sophia Parnok u Saffo.


3 ta’ Jannar 2022

Ara Milne (1932) għal “nitolbok tidher”. U ara Wilamowitz (1913) għal “bixra grazzjuża”.


12 ta’ Jannar 2022

refer to demetrius On style for Sappho.


14 ta’ Jannar 2022

παρθένος, in sappho, maiden, xebba jew xbejba.

Ngħas mellies mitluf


18 ta’ Jannar 2022

Linja 8. Βροδοδάκτυλος = aġġettiv minn ῥόδον (Eol. Βρόδον), warda, roża, u δάκτυλος, seba’. F’Omeru dan l-epitet għas-Sebħ. F’Saffo għall-qamar.


22 ta’ Frar 2022, 13h19

u għedtli li waqajt ġo xmara u qomt ġo xmara u għedtli ejja Saronida hawn qattus żgħir u siġra taż-żebbuġ li tixbhek u jien ġejt u għedtli li tħobb lil Genet u għedtli trid immorru nimxu fil-foresta u għedtli ġej għalik bir-rota u għedtli għandi l-ġuħ u mxejna fil-mudlam u ġarrejtli l-basket tqil bil-kotba u għedtli ċaw u għedtlek Saffo.


4 ta’ Marzu 2022, 12h14

Ghost image (Guibert)

Ghost text (Sappho)


6 ta’ Marzu 2022, 22h14

Susan Howe Il n y a pas assez des feuilles


23 ta’ Marzu 2022, 23h45

Kemm-il darba se tmut Saffo?

Bħalissa nofsillejl, ġejt nimxi fil-foresta wara tazza nbid minn Faidherbe-Chaligny. Kollox wieqaf u dlam ċappa. L-unika dawl huwa dak tal-qamar rifless fix-xmara u l-unika ħoss huwa dak tal-papra trewwaħ il-ġwienaħ biex tiġri minn naħa għal oħra u t-twerżiqa tagħha hi u tagħmel hekk.


6 ta’ April 2022, 21h28

Sappho’s logic in Guibert: “Again this evening, I don’t like T., which amounts to saying that again this evening I love T.


11 ta’ April 2022, 14h13

Immur nimxi bid-djajru ta’ HG fil-basket marbut ma’ qaddi. Inpoġġi fil-kafetterija tas-soltu. Fit-tarf ta’ Pariġi, quddiem id-daħla tal-foresta. Lanqas ilħaqt poġġejt li ma ġiex il-wejter jistaqsini x’nixtieq. Kafè, ngħidlu. Kafè normali? jgħidli. Nippreferi allongé, grazzi. Ħames minuti wara jiġi bil-ġirja bit-tray f’idu u jagħmel mandra, itini l-kikkra nofsha vojta fuq plattina mgħarrqa bil-kafè.


3 ta’ Ġunju 2022

stampa l-esejs ta’ derrida dwar it-traduzzjoni u dawk ta’ benjamin ukoll


5 ta’ Ġunju 2022

It bothers me that the Infinitive Mood does not exist in Maltese.


23 ta’ Ġunju 2022

“ġilda xjuħija issa” fr. 21. Ara fr. 58 fejn terġa’ titkellem dwar ix-xjuħija. Tesprimi l-passaġġ taż-żmien? Niddubita li hija referenza għall-età vera tagħha. “dik li tilbes libsa vjola” = Afroditi.


2 ta’ Lulju 2022

Ħlomt li għasfur jaqbad mat-trofof ta’ xagħri b’munqaru, u ndunajt bih biss wara ftit minuti meta ħassejt il-piż ta’ ġismu fuq il-wara ta’ għonqi, imbagħad indunajt li kien għasfur mejjet.

Snowflake hija twila madwar 2mm. Flaky. Il-ħajja ta’ snowflake waħda hija twila ġurnata waħda.


8 ta’ Awwissu 2022, 16h07

B’liema verb ser inħobbok?


9 ta’ Awwissu 2022

Framment numru 156. X’aktarx it-tqabbil li qed isir f’dan il-framment huwa dak ma’ tfajla. Fil-ktieb tiegħu dwar l-istil, Demetriju jikkwota dan il-framment biex jagħti eżempju ta’ iperbole hekk kif il-frażi χρύσω χρυσοτέρα, “iktar dehbija mid-deheb, tinvolvi l-impossibbiltà, iżda din hija impossibbiltà li ġġib magħha s-seħer. Interessanti li f’din id-diskussjoni tiegħu, Demetriju jsejħilha Σαπφοῦς τῆς θείας, “Saffo divina”.


11 ta’ Awwissu 2022, 17h52

meta nassumu li l-kliem hu trasparenti


31 ta’ Awwissu 2022, 14h12

1st: 06h30 — Sicily

5th: 22h15 — Malta

6th: Identity Card, Lunch with mum, Dentist, Evening with L

7th: Evening — J

8th: During day — Pool with Mum

9th: Day — Swim with I


1 ta’ Ottubru 2022, 12h47

kun ħabibti f’din il-gwerra


4 ta’ Ottubru 2022

ħsejjes queer pf in

Sappho


13 ta’ Ottubru 2022

Naħseb dwar Saronida spiss. Konna ħdejn il-baħar f’xi parti mitluqa tal-kosta. A kienu qed ifittxu post fejn jaħraw, taħt xi siġar, u jien kont qed nipprova ngħaddas saqajja fil-baħar imma mhux sħun daqskemm xtaqt.

Fix-xifer tal-irdum ta’ Sounion, fejn it-tempju ta’ Pusejdun, żfinna dawra durella. Imbagħad poġġejt fuq ġebla għolja u ħarist ’l  isfel lejja u jien ħarist ’il  fuq lejk. Faċċata tagħna kien hemm gżira u staqsejtek, “Tgħid liem waħda hi?” u int weġibtni, “tgħid forsi Hydra?”


5 ta’ Novembru 2022

Saffo, Ibiku, Eros.


20 ta’ Novembru 2022, 17h24

(Ikteb fil-borra b’subgħak)

BELLO

LESBOS

PRECIADO

BABY

SAPPHO

BORRA

QALBI


22 ta’ Novembru 2022

A qed idewbu l-borra fil-borma u mbagħad jixorbu l-ilma.

Irrid nieħu kollox bil-mod.

Ħlomt li nsejt nitkellem bil-Malti.

Niltaqa’ mal-kuratur tal-kollezzjoni tal-Ägyptisches Museum und Papyrussammlung fid-9h fir-reception area.

Meta kont fittixt l-isem tal-kuratur fuq Google madwar xahar ilu, telgħu ritratti ta’ footballer b’compression T-shirt aħdar neon. Eventwalment jasal eżatt fil-ħin hekk kif xbajt nippretendi li qed naqra l-brochure bil-Ġermaniż (mhuwiex il-footballer).

Il-framment ta’ Saffo Nru 94 huwa ppreservat fuq kodiċi mis-sekli 6–7 EK u huwa twil 12-il ċm u wiesa’ 43.5 ċm.

Il-kuratur jislifni l-lenti tiegħu li tintewa fiha nnifisha biex issir qisha kaxxa ċatta żgħira. Inħares mill-qrib lejn il-kitba, inħossni ansjuż. Nagħraf ħafna kliem li niftakarni nittraduċi f’dan il-framment partikolari s-sena l-oħra.

Wara l-parċmina, M teħodni għal tiramisù f’café favorit tagħha f’Kottbusser. Jew aħjar, l-ewwel immur għal kafè waħdi u naqra ftit waqt li nistennieha tlesti. Imbagħad niltaqa’ magħha għal tiramisù. Il-mara li taħdem hemm tismagħna naqilbu mill-Malti għall-Ingliż. Tistaqsina x’lingwa qed nitkellmu — jew għall-inqas, l-Ingliż u l-oħra? Kienet qed tbigħ dawn l-anġli sbieħ taċ-ċikkulata mgeżwrin f’fojl ikkulurit. Nistaqsiha jekk iċ-ċikkulata hijiex vegana. Hi tgħid le imma nixtriha xorta waħda. Inpoġġu fuq sufan li huwa daqsxejn baxx.


23 ta’ Novembru 2022

Ftaħt ħalqi u ġbidt il-borra nieżla mis-sema, waqt li L u M kienu qed iħarsu lejn xi sett tat-te taċ-ċeramika fil-vetrina ta’ ħanut. Iktar tard filgħaxija, fiċ-ċinema, griżmejja jibdew juġgħuni u ħsibt li forsi xi snowflake kienet girfitli griżmejja.


23 ta’ Diċembru 2022, 15h18

biscuits, vanilla, sweet condensed milk, food colouring, coconut


26 ta’ Frar 2023

Ἅιδης, ου = Ade (via Latin) = Ħajdes (via Greek)

Ἄδωνις = Adoni (via Latin) = Adonis (via Greek)

Ἀφροδίτη, ης = Afroditi (via Latin) = Afrodite (via Greek)


20 ta’ Marzu 2023

A reġgħu waqfu jkellmuni. Issa ġimagħtejn. Jibagħtuli messaġġ kif qiegħed fuq il-ferrovija lejn Brussell. Bello are you ok??? .

Dekorazzjoni art-nouveau