Djarju #11
Warren Bartolo

L-għasafar jinstemgħu foloz

Warren Bartolo

Inqum illum, u naħseb li l-kitba hija tabilħaqq riefnu ta’ attività. Ħafna drabi nħoss li qed inqarreb lejn l-iktar ħsieb rudimentali; drabi oħra, ma nistax insegwi l-korsa tal-ħsieb tiegħi stess. Memorja: għaxar snin ilu qrajt Kubla Khan ta’ Coleridge, poeżija li kien qed jikteb fis-sena 1797 wara li qam minn ħolma mnebbħa mil-loppju iżda li ma rnexxilux jispiċċa għax ġie interrott minn persuna minn Porlock, u b’hekk nesa dak li ried jikteb. Meta kont qed nistudja l-Klassiċi l-università, wieħed mill-awturi assenjati għall-finali tiegħi kien Erodotu. L-ewwel ħaġa li qalulna waqt lezzjoni dwaru kienet li hu magħruf bħala missier l-istorja. Jien, kull test li jagħti attenzjoni kbira għall-fatti storiċi, speċjalment dawk li jirrakkuntaw f’dettall kbir kif marret battalja partikolari, kienu jdejquni. Kemm suldati, kemm flotot, kemm iljunfanti marru għall-battalja. Ma kien jimpurtani xejn. Madankollu, iktar tard skoprejt ċertu gost f’Erodotu. Dak kien il-metodu tal-kitba tiegħu; jagħti ħafna dettalji mingħajr wisq passjoni. Huwa l-istil tal-kitba tiegħu li jidher dissoċjattiv, li jinħass iktar kontemporanju issa. Kull meta nipprova nikteb idea waħda, insib lili nnifsi diġà għajjien biha u f’daqqa waħda tiġi tħabbat il-ħeġġa biex nikteb dwar xi ħaġa oħra.

Erodotu huwa dak li kont bdejt insejjaħ “footnote writer”. F’nofs storja, jieqaf jirrakkonta u jiddevja s-suġġett. F’daqqa waħda iżda bla xkiel jibdel is-suġġett b’mod djarjistiku.


8 ta’ Ottubru 2024

Noħroġ biss biex nixtri klipps biex nagħlaq il-pakketti taċ-chia seeds u tal-oat flakes li ilhom miftuħin beraħ fuq l-ixkafef tal-kċina għal dawn l-aħħar ġimagħtejn.


13 ta’ Ottubru 2024

Id-djarju monologu/kor?


14 ta’ Ottubru 2024

Avveniment ma’ Judith Butler filgħaxija dwar il-ktieb il-ġdid tagħhom. Imbagħad pizza. Real Housewives of Salt Lake City wara.


19 ta’ Ottubru 2024

Retrospettiva ta’ Chantal Akerman filgħodu. Ma kelli ebda idea li għamlet daqshekk films. Inħares lejn l-ittri t’ommha mibgħuta lil Chantal. (Kalligrafija ċatta u kursiva.)


23 ta’ Ottubru 2024

MD twieġeb il-messaġġ tiegħi dwar Guillaume Dustan. Tgħidli: “Kont nafu, iva. Bdejna flimkien il-P.O.L fis-sena 1996. Ħafna nies kienu jafuh aħjar minni (Preciado, Despentes, Lebovici — imma f’dawk is-snin konna lkoll ħbieb u konna naqsmu l-istess spazju, Pariġi). Jien kont straight ħafna għal għajnejh nissoponi. Għalkemm Wittig aktar tard influwenzatli ħajti u ħsibijieti ħafna. Xorta waħda iva, ejja nitkellmu dwaru, ngħidu f’Diċembru?” Niftiehmu biex niltaqgħu d-dar tagħha f’Diċembru, waranofsinhar. Filgħaxija, Margarita f’bar f’Le Marais ma’ S. Jidher kuntent għalija.


25 ta’ Ottubru 2024

Nistaqsi jekk hemmx xi ngħidu dwar iż-żamma ta’ bosta djarji fl-istess ħin. Djarji li jkunu jinkludu l-istess dati, iżda kitbiet differenti. Djarju għal djarju. “Id-djarju ma kienx ta’ għajnuna. (S. Manguso, p. 54)


27 ta’ Ottubru 2024

Mike Kelley.


28 ta’ Ottubru 2024

Glimpse of the Garden, Marie Menken. L-għasafar jinstemgħu foloz.


1 ta’ Novembru 2024

Għeluq snin ommi. Nagħmel l-istess ħaġa li għamilt is-sena l-oħra. U tad-daħq kif niftakar nikteb fid-djarju tiegħi xi ħaġa simili għal dan li ġej: Ordnajtilha bukkett fjuri u kont bgħatthom l-uffiċċju tagħha. Hi tibgħatli messaġġ kmieni filgħodu biex tirringrazzjani u biex tfakkarni li tħobbni.


3 ta’ Novembru 2024

Imdejjaq il-ġurnata kollha, tsunami ta’ dmugħ irid jinfaqa’ minn għajnejja u jisplodihom għal ġol-istudio kollu tiegħi.


4 ta’ Novembru 2024

Dustan kien djarjist kbir. Nicolas Pages huwa t-titlu tal-ktieb tiegħu ppubblikat fl-1999 fil-kollezzjoni tiegħu Le Rayon ma’ Balland. F’Novembru tal-istess sena, il-ktieb rebaħ il-Prix de Flore. Uża isem l-artist Żvizzeru li għal xi żmien kien ossessjona ruħu bih. Oriġinarjament, Dustan ippjana li l-ktieb isemmih Nous. Imma Pages ma approvax meta bagħatlu l-manuskritt; beża’ li l-midja tirrappreżentahom bħala xi tip ta’ kittieba-koppja. CH tiftakar li meta ħareġ Nicolas Pages, it-titlu eventwali, Pages ġie avviċinat u ffittat minn ħafna nies li riedu jkunu jafu iktar dwar ir-relazzjoni tagħhom. Il-ktieb jieħu l-forma ta’ ħafna ġeneri, iżda jibda b’daħliet ta’ djarju li jmorru lura għas-sena ta’ qabel, l-1998, mill-Ħadd, 24 ta’ Mejju sal-Ħadd, 21 ta’ Ġunju. Pages dalwaqt se jmur New York, jgħidilna Dustan, fejn se jkun l-assistent ta’ Nan Goldin. Dustan kien iqis ix-xogħol ta’ Pages impressjonanti u bla kompromessi. Pages ma kienx imur ma’ rġiel li ma kinux jogħġbuh, kien jieqaf jiekol meta jixba’. Kien “totalment trasparenti dwar l-alkoħol u d-droga. Joqgħod attent fis-sess. Bħali imma mhux bħali. Dustan kien jaħseb li l-ktieb ta’ Pages, Je mange un oeuf, kien l-iktar ktieb importanti wara American Psycho, il-ktieb favorit tiegħu.

Għalija, Dustan mhuwiex biss kwintessenzjalment il-kittieb tad-droga iżda wkoll djarjist ferventi, il-favorit tiegħi flimkien ma’ Virginia Woolf u Hervé Guibert. Kwalunkwe ħaġa li tassumi tikketta eventwalment se tkun inkwetata minnha: niġġieled profondament miegħi nnifsi biex nikkonkludi ħsibijiet dwar x’għandna nsejħu l-affarijiet. Tgħallimt inqis l-affarijiet, speċjalment fil-letteratura, bħala koinċidenza. Jekk tipprova l-metodu binarju li jaqsam kollox f’kategoriji jew tagħmel lista ta’ kliem u tgħaqqadhom ma’ ġeneru wieħed u tirrepeti dal-proċess għal ġeneri multipli biex tara xebh u differenzi, tispiċċa biss b’cadavre exquis. Pereżempju, nistaqsi, x’jagħmel djarju djarju? Huwa titolu ta’ ktieb? L-inklużjoni ta’ dati preċiżi fil-bidu ta’ paragrafu? L-iżvelar tal-kittieb li l-ktieb tagħhom ħareġ minn perjodu ta’ żamma ta’ djarju? L-ebda ktieb ta’ Dustan mhu ppubblikat bħala djarju per se; it-titoli jinħassu qishom ta’ rumanzi bħal Plus Fort Que Moi jew Nicolas Pages waqt li dak ta’ Woolf jismu Selected Diaries u ta’ Guibert huwa ppreżentat bħala Le Mausolée des amants, Journal 1976–1991. (Għalkemm Guibert kien ħassar id-dati tal-entrati tad-djarju tiegħu mal-pubblikazzjoni sabiex il-ktieb tiegħu jinqara aktar bħala sensiela ta’ vignettes.) Żgur, l-entrati tad-djarju tiegħu huma inċendjarji u makakki, buffuri ta’ ħeġġa libera waħda wara l-oħra. Jagħti attenzjoni għall-ħin u l-post ippopolati b’nies attwali, ikel, ħsibijiet, u insigurtà. Inħossni megħlub mill-ammont ta’ informazzjoni ppakkjata fid-djarji tiegħu. Waħdi ngħaqqad u nerġa’ ngħaqqad il-memorji tiegħi tal-qari tax-xogħol tal-istess awtur, inħossni bla tama. Qisni: billejl bilwieqfa waħdi fi triq mudlama u wiesgħa, imdawla biss bit-teptip ta’ xi lampa fit-tarf imbiegħed; jew forsi jien bilqiegħda ħdejn is-Seine, ħadd madwari ħlief ix-xmara mċajpra aħdar skur li tħares lura lejja, fil-fond; dak is-sentiment meta tkun se taħra taħtek imma mhux ċert jekk hux qed jiġri fil-ħolma jew fil-ħajja reali.

[Tard waranofsinhar]: Kont ilni ninteressa ruħi fid-djarji u ż-żamma tad-djarji, probabbilment għax bħala tifel, qatt ma stajt inżomm wieħed għal perjodu twil ta’ żmien. Kont wisq metodiku biex nimpenja ruħi li nżomm djarju li l-kompitu tiegħu deherli li kien wisq spirtu pront. Tant jiġru affarijiet, u tant ħsibijiet huma maħsuba matul il-ġurnata — kif se naqbad kollox? X’jiġri jekk ninsa dak li ridt nikteb hekk kif qed infittex id-data tal-lum? Tnikkitni li meta nipprova nniżżel memorja, tista’ tiżloq minn moħħi u ġismi qabel ma jkolli ċ-ċans niktibha. Xi wħud jistgħu jaraw id-djarju bħala l-kosmu taż-żmien li jiġri, tal-ħajja li tgħaddi fl-ordni. Imma dak iż-żmien, id-djarju kien laqatni bħala arbitrarju wisq, anke diżordinat: x’jiġri jekk ma niktibx fih kuljum u jkun hemm paġna vojta fost oħrajn mimlija taħżiż? Ma stajtx inħassar, u nibda mill-ġdid, bħalma nista’ nagħmel fuq il-kompjuter. Jekk ningassa l-kliem, inħoss id-dardir — le, qatt, ma nazzardax. Imma meta nħares lejn id-djarji ta’ ħaddieħor, dawk huma s-sentenzi li l-aktar jgħaġġbuni. Dawk il-moħbija. L-ebda djarju minn żgħożiti m’għadu jeżisti, m’iniex ċert jekk warrabthomx jien stess jew jekk intilfux meta dħalna f’dar oħra. Imma niftakar, jekk kont nagħmel żball tal-ortografija, jew jekk ma jogħġobnix il-mod kif kont ktibt il-kelma bir-reqqa bil-pinna tiegħi, kont inqatta’ l-paġna kollha, u nerġa’ nibda. L-agħar ħaġa li setgħet tiġrili, f’dak il-punt, kienet li nagħmel żball fil-kitba wara li nkun ilni s-sigħat nikteb fid-djarju. Ieħor għan-nar. Kien stressanti wisq. Għalija, id-djarju kien inqas dwar it-tifkira, jew il-kristallizzar tal-memorja u iktar dwar l-ikkatalogar u l-organizzazzjoni. Meta ktibt, ktibt fuq djarji b’qoxra kkuttunata ta’ dehra serja ħafna mogħtija b’xejn lill-ħaddiema tal-gvern. Il-mamà u l-papà kienu jġibu wieħed id-dar kull tmiem is-sena. Id-djarju kellu s-sena miktuba bid-deheb ’il fuq miċ-ċentru tal-qoxra ta’ quddiem, u bħala bookmark żigarella rqiqa li tidher lussuża mwaħħla mat-tarf ta’ fuq tal-ispina u li tiddendel ’l isfel bħal pendlu. Il-kulur taż-żigarella kien ivarja minn sena għall-oħra: sorpriża li kont inkun ħerqan għaliha.

Inħobb il-listi. U nħobb naqra ta’ ħaddieħor iktar minn kull ħaġa. Bħala tifel, kont inżomm il-listi tax-xiri ta’ ommi wara li ma kienx ikollha bżonnhom iktar. Kien hemm żmien meta kont nitlobha tgħidli x’riedet tixtri biex inkun nista’ npinġi l-affarijiet fil-lista tax-xiri tagħha. Lista bla kliem. Allura, kont kuntent meta qrajt il-lista ta’ Dustan. Fid-djarju tiegħu tal-2001, kien kiteb lista ta’ titli ta’ films u ta’ artisti li kienu jinteressawh dak iż-żmien. Jikteb bil-linka ħamra u mbagħad jingassa l-paġna b’linja twila djagonali blu. Nistaqsi għaliex. L-ingassar ta’ kelma jew sentenza jfisser żball fil-kitba, jew forsi indikazzjoni li dak li jiġi mħassar, m’għadux ta’ importanza peress li, fil-każ ta’ titli ta’ films jew kotba, seta’ jkun rahom jew qrahom? Ukoll: meta nerġgħu naqraw id-djarju tagħna, nistgħu nagħżlu li nħassru kliem jew sentenzi bl-iskuża li m’għadhomx jogħġbuna. Il-lista tiegħu tgħid: “Dusty Springfield The look of love, Orlando de Sally Potter, Fallen Angels de Wong Kar Wai”. F’paġna oħra jerġa’ jagħmel lista ta’ ismijiet: “David Hockney, Keith Haring, Madonna, Jean Cocteau, Elton John, Boy George, Andy Warhol, Felix Gonzalez Torres, Truman Capote”. Hemm intimità fil-qari tal-listi ta’ xi ħadd. Qishom qed jagħtuk parti minnhom infushom: tinġieb eqreb.


6 ta’ Novembru 2024

Qtugħ tax-xagħar filgħodu. Waħda minn dawk il-qatgħat tax-xagħar fejn bilkemm tista’ tgħid li fil-fatt mort taqta’ xagħrek.


21 ta’ Novembru 2024

Jean-Pierre Boulé jieħu nota ta’ intervista ma’ Guibert: “Ħafna drabi titwieled kitba għax, fid-djarju, ikun hemm tema jew karattru li, peress li jsiru insistenti żżejjed, jibdew iħarbtu jew ifixklu dan l-ekwilibriju ta’ kuljum […] Mes Parents, pereżempju, ħareġ parzjalment mid-djarju; Fou de Vincent, kollu kemm hu. Il-kotba tiegħi huma l-appendiċi u d-djarju huwa s-sinsla, il-ħaġa essenzjali. Huwa ta’ faxxinu kif Guibert jiddeskrivi l-letteratura b’mod anatomiku. Jagħti piż monumentali lid-djarju. Mingħajr id-djarju, m’hemmx kitba.


28 ta’ Novembru 2024

[9h47] C għadu kemm niżel CDG. Jibgħatli messaġġ: kont se naħra taħti. Hu tal-fehma li l-ħin bejn l-inżul mill-ajruplan u s-sejba tal-ewwel tojlit huwa twil wisq.

Illum għeluq snin Dustan. Kieku kien jagħlaq disgħa u ħamsin sena. Il-film Pietà ta’ Dustan inħadem fl-2001 u huwa deskritt minnu stess bħala “un film d’amour avec Tristan à Zurich”. (Pietà: kumbinazzjoni l-isem tal-belt fejn twelidt jien, kif ukoll l-iskultura favorita ta’ missieri, skultura ta’ Michelangelo li poġġa f’nofs il-fireplace fix-showroom tax-xogħol u li warajha kien jaħbi ċ-ċavetta tal-bieb.) Tul it-tmienja u għoxrin minuta u disgħa u erbgħin sekonda tal-film hemm tliet biċċiet: l-ewwel: huwa jiġbed, billi juża n-night vision mode tal-video camera, lil Tristan rieqed, ġismu mixgħul aħdar. “Je crois que il y a un truc qui s’est réouvert dans mon cœur, about this boy, and love, and friendship… and brotherly love like this one” [naħseb li hemm xi ħaġa li nfetħet f’qalbi, dwar dan it-tifel, u l-imħabba, u l-ħbiberija… u mħabba fraterna bħal din], jgħid, waqt li Gladiator ta’ Ridley Scott għaddej fuq it-televixin fl-isfond. It-tieni: jiffilmja diversi pajsaġġi ta’ postijiet li jżur fi Zurich. Huwa film kurjuż, żgur. F’xi punti jkellem lill-fjuri li jiffilmja; “int fjura ġganta, nisimgħuh jgħid. Imbagħad, fl-aħħar tal-film, Tristan jiffilmja lil Dustan jiekol platt għaġin .

Dekorazzjoni art-nouveau