Inqum fuq is-sufan ta’ V. Għandi messaġġ minn S, ça va? li kien bagħat fl-10h.
8 ta’ April 2024
Inħossni waħdi. Filgħodu mmur il-gym u ninfaqa’ nibki. Nitlaq wara ftit. Il-ġranet jibdew jinħassu l-istess. Nimmasturba tliet darbiet. Inpejjep sigarett fit-tieqa. M’għandix aptit immur nimxi — inħossni redikolu mmur nimxi ġieli.
13 ta’ April 2024
Noħlom li jaqgħuli s-snien ta’ quddiem — ħolma li noħlom vera spiss. Nispiċċa Histoire de la Violence qabel nofsinhar. Nissielet biex norqod. Ħafna sħana fl-appartament. Nixgħel il-fann imma mbagħad l-istorbju tax-xfafar tal-fann jibda jdejjaqni. Nitfih. Nikkunsidra li niftaħ it-tieqa imma ma rridx li jidħlu insetti, u x’aktarx ikun hemm il-ħsejjes ġejjin minn barra li wkoll iwaqqfuni milli norqod. Is-sena l-oħra ħallejt it-tieqa miftuħa billejl waqt li kont barra u meta ġejt lura sibt insett enormi fuq it-tieqa; kont se mmut bil-qatgħa. Imnalla kien hemm A miegħi, li qabad tazza tal-ħġieġ, poġġieha malajr fuq l-insett, u mexxieha lejn it-tarf ta’ ħoġor it-tieqa bl-insett b’kollox.
15 ta’ April 2024
Qed insuq il-mutur ta’ missieri f’ħolma li kienet tinħass verament tal-biża’, imbagħad noħroġ lill-fekruna tiegħu għal mixja u nitlifha xi mkien fejn il-baħar. Jgħidli li hu ħabib sew ma’ Mathieu Lindon, li jibagħtu l-messaġġi kull ġimgħa, u li Lindon kien ħabib ta’ Dustan. Jippunta lejn il-bar ta’ quddiemna u jgħidli li normalment kienu jmorru jixorbu hemm. Hu u Lindon. Jgħix eżatt hemm. Jgħid li hu ħabib sew ma’ Didier Eribon u Geoffroy de Lagasnerie. Ma tantx jiggusta lil Edouard Louis, u ltaqgħu ftit drabi. Huwa dejjem PR mode, jgħid, li jfisser li Edouard Louis dejjem ikun fil-karattru ta’ kittieb, u hu jsib dal-fatt naq’a irritanti. Huwa xorta bagħatlu kopja tal-ktieb tiegħu, u Louis kitiblu biex jirringrazzjah. Nidħlu Eataly. Irid jieħu focaccia biċ-ċikkulata (u xi ingredjent ieħor li ma nistax niftakar). Sadanittant, jien nitla’ l-ewwel sular biex inbul peress li ma nistax inżomm aktar. Jispiċċa jieħu focaccia sempliċi. Nimxu lejn Etienne Marcel. Jagħtini gidma mill-focaccia tiegħu. Ma rridx nikolha kollha, jgħid. Ngħidu ċaw.
21 ta’ April 2024
Inħalli l-puffer jacket u ż-zip-up tas-Celio bl-istrixxi blu u griż fuq is-siġġu. Inħossni awkward għal ftit minuti. Inpoġġi fuq is-sufan. Jiġi b’żewġ tazzi birra.
22 ta’ April 2024
Noħlom li xi ħadd jagħtini kopja fuq DVD tal-filmografija kollha ta’ Chantal Ackerman. Waranofsinhar niġi fil-laverie biex nagħmel il-ħasil tal-ħwejjeġ. Kont nippreferi nagħmilhom il-Ħamis imma ma baqagħlix ħwejjeġ nodfa. Miegħi nniżżel pakkett li begħt fuq Vinted biex inħallih fl-épicerie. Irnexxieli nbigħ il-flokk tal-Margiela, li kien qed jiġini wisq żgħir. S’issa rnexxieli nagħmel biżżejjed bejgħ biex nuża l-flus bħala rigal għat-tieġ ta’ ħija. Fil-laverie m’hemm ħadd. Inpoġġi l-ħwejjeġ fil-magna u nitfa’ timer fuq il-mobile għal 46 minuta. Niddeċiedi li ma rridx nibqa’ fil-laverie. L-uniku post fejn tista’ toqgħod bilqiegħda hu ħdejn il-magna tal-muniti fejn kieku nkun ta’ xkiel għan-nies li jippruvaw jużawha. Għalhekk naqsam it-triq biex immur Au Métro għal noisette.
23 ta’ April 2024
Għira li tfarrak tfawwarli ġismi. Il-ħsieb li jkollu crush fuq xi ħadd ieħor tnikkitni. It-tfajla li toqgħod ħdejja qed iddoqq ir-rap Franċiż u jien bilqiegħda mal-art niekol l-għaġin ħdejn is-sodda. Inħossni imbarazzat li nqatta’ l-ġranet tiegħi ma nagħmel xejn speċjali.
24 ta’ April 2024
Ħolm imħawwad wisq biex inkun nista’ niftakru. Imma meta qomt biex inbul f’nofs ta’ lejl, niftakar li kont qed naħseb bejni u bejn ruħi, Mary Poppins u American Horror Story. Għal darb’oħra, l-istess inkwiet li se jorqod ma’ ħafna nies u li jien ma nista’ nagħmel xejn dwar dan. Waqt li qed nerġa’ naqra d-djarju jiġini l-aptit li nirremetti. Ukoll, riħa stramba fl-appartament. Mhux ċert hix ġejja mid-doċċa jew mis-sink, jew forsi t-tnejn. Ma nafx x’għandi nagħmel u ma tantx għandi aptit nagħmel xi ħaġa.
27 ta’ April 2024
Sid il-kafetterija jaf lil L għax imur hemm il-ħin kollu. Huwa jitlob lil L jagħtih il-qari tiegħu tal-aħħar qamar kwinta. Kien hemm iktar tranżiti maġġuri, jgħidlu L, mill-qamar il-ġdid fit-Tawr jew il-qamar kwinta fl-Għaqreb. Il-konġunzjoni ta’ Nettunu u Marte fil-Ħut kienet aktar notevoli, u l-konġunzjoni ta’ Ġove u Uranu fit-Tawr kienet aktar tremenda, għalhekk xi kultant dawn it-tranżiti ta’ pjaneti ewlenin jistgħu jkunu iktar effettivi mit-tranżiti tal-qamar. Hu kompla billi jgħidlu fejn dawn it-tranżiti kienu qed jiġru fiċ-chart tiegħu. Is-sid tal-kafetterija talbu biex jerġa’ jiġi xi darba l-ġimgħa d-dieħla biex jagħmillu qari iktar fil-fond għax għandu bżonn. Inħallsu u nitilqu. Nimxu max-xatt, ngħaddu minn quddiem il-Jerma u nibqgħu sejrin sal-bajja ta’ San Tumas. Ir-riħ dirett f’wiċċna.
30 ta’ April 2024
Fil-ħolma, nixtri par tkaken Balenciaga. Huma suwed u jiġu għall-ponta. Ninsab f’kamra ma’ tliet tfajliet oħra li ma nafx. Huma daqsxejn ostili. Nibda nippanikkja li nfaqt wisq flus fuq dawn it-tkaken u li rrid nirritornahom minnufih. Nistaqsi lit-tfajliet jekk jafux nistax nirritornahom u nġib il-flus lura u jgħiduli li ma jafux. M’iniex ċert għaliex kelli din il-ħolma — m’għandi l-ebda xewqa nixtri żraben, tkaken jew Balecianga. S jibgħatli xi disinji. Nixtri kaxxa frawli, ma kienx hemm prezz fuqha imma assumejt li mhix se tkun wisq għolja. Jgħidli 6€, imma nħossni wisq mistħi biex ngħidlu li reġa’ bdieli. Nispiċċa noħodhom. S iċempilli kif qed nitlaq m’għand tal-ħaxix. Jgħidli li qiegħed fi triqtu lejn il-gym u li kellu għodwa produttiva ħafna. Kellu telefonata ma’ waħda mill-klijenti tiegħu li tinsab kuntenta ħafna bix-xogħol. Jien u tiela’ t-taraġ tad-dar jgħidli li ma tantx jista’ jismagħni għax qed nagħmel ħafna storbju, iżda għadu kif wasal il-gym u se jkollu jaqta’. .