Djarju #4
Warren Bartolo

Nistħajjilni qomt fuq artal tas-sagrifiċċju

Warren Bartolo

Inħoss arrest glaċjali. Ma nafx nieħu ħsiebi.


6 ta’ Marzu 2024

Hawn — u s-sentiment skur li jġegħelni naħseb li għadni kemm qomt mill-mewt, iwaqqafni milli niġi f’tiegħi malajr. S jibgħatli ritratt tal-kolazzjon tiegħu fil-lukanda. Ilbieraħ m’għamilx hekk u għamilt ġurnata mdejjaq. Illejla se jirritorna Pariġi. Il-mamà qiegħda x-xogħol. Il-papà jinsab Ruma. Ma nafx għala qed insejħilhom mamà u papà għax qatt ma sejjaħtilhom hekk. Ma u da. Nagħmel kafè bil-capsules tal-marka Dolce Gusto, diżgustanti imma hija l-unika għażla li għandi minbarra kafè instantanju li żgur mhux se mmiss. Nagħmel kolazzjon, nieħu pjaċir insajjar fil-kċina t’ommi. Hemm minn kollox. Nixgħel it-televixin, ġa qiegħed fuq stazzjon Taljan u niddeċiedi li ma naqliblux. Ngħaddi l-għodwa naqleb bejn nipprova nikteb fid-djarju u naqra Changer: méthode ta’ Edouard Louis, li nefaħ nifs ġdid fil-kitba queer bl-ewwel ktieb tiegħu għaxar snin ilu: dik il-ħajja queer li tmur lil hinn mid-divertiment, il-kuntentizza u l-pjaċir, u tixgħel lampitha fuq il-klassi soċjali, il-falliment, it-tfulija diffiċli, il-marġinaliżmu minħabba l-faqar, il-bżonn li taħrab u titlaq. Id-dwejjaq jestendi ruħu f’xogħlu. Waranofsinhar, għall-ħabta tas-14h, immur mixja lejn il-Birgu. Dejjem l-istess postijiet, imma huma l-eħfef postijiet fejn nista’ mmur. Irħula oħra wisq tedjanti biex nilħaqhom bil-karozza tal-linja. It-temp huwa sabiħ, blu u sħun. Ir-riħa tal-qali taċ-Chick King għadni nista’ nxommha mill-Bieb ta’ Santa Liena, imħallta mal-ħsejjes tal-karozzi li donnhom għandhom xi ħsara fil-magna. Indur fuq il-lemin, ngħaddi minn quddiem Café Rouge u naqsam il-pont. Nieqaf għal kafè f’din il-kafetterija ta’ ħdejn l-Università Amerikana. Hemm raġel fuq il-mejda ta’ ħdejja liebes ħwejjeġ taċ-ċikliżmu u jdum jitkellem fuq il-mobile l-ħin kollu li qiegħed hemm. Nitlaq wara ftit minuti (ma qrajtx, kif ippjanajt, għalkemm kelli l-ktieb fuq il-mejda). Inħoss it-trab fl-arja, jaqbad ma’ wiċċi, ma’ ħalqi u għajnejja, mal-ħwejjeġ, u nħoss il-bżonn li ninħasel. A tgħidli li qed tagħmel xi xogħol fl-armerija fil-qrib. Xi artisti se jesibixxu x-xogħol tagħhom hemmhekk u bħalissa hi qed tassisti artista li se tkun waħda mill-parteċipanti. Meta nasal nibagħtilha messaġġ li wasalt, u li ma nafx kif għandi nidħol. Tiltaqa’ miegħi barra. Immorru l-ironmongery flimkien għax trid tixtri xi prodotti biex tnaddaf il-madum (il-biċċa tal-arti li qed tassisti fiha hija parzjalment magħmula mill-madum). Ir-raġel tal-ħanut jirrakkomanda li tieħu ftit sponoż (li għall-ewwel taħseb li joborxu wisq iżda jassiguraha li mhumiex se joborxu l-madum), drapp niexef, u 80 ċm ta’ sandpaper. Nimxu lura lejn l-armerija, ngħaddu minn toroq dojoq bl-addoċċ. Id-djar f’din iż-żona huma tassew sbieħ, daqshekk kwieti, tant privati ​​u tant qodma. Nidħlu fil-bini tal-armerija. Nimxu minn kamra għal kamra, fejn għadhom qed jarmaw il-wirja. Minn bejn purtiera ħadra (dak l-aħdar taż-żebbuġ), nidħlu f’kamra fejn hemm ir-ritratti ta’ L imdendlin mal-ħajt. Kuntent li rajthom fil-verità. Kien urieni dawn ir-ritratti fuq WhatsApp u kellimni ħafna dwar il-proċess. Nimxi lura d-dar. Inneħħi ż-zip-up, inneħħi wkoll il-hoodie li rbatt ma’ qaddi. F’għaxar minuti nasal id-dar u t-televixin inħallih fuq l-istazzjon Taljan. S ma tantx jibgħat. Ninħasel.


16 ta’ Marzu 2024

Jirnexxili niġbor l-aħħar ftit kafè mitħun u l-aħħar ftit qtar tal-ħalib tal-ħafur biex nagħmel kikkra kafè għalija u għal S. Jiġi fis-sodda tiegħi bil-ktieb ta’ James Baldwin li kont ġibtlu. Inkompli Changer: méthode. Ġismi huwa daqsxejn aħjar iżda mhux kompletament. Ilbieraħ filgħaxija, qabel ma mar jorqod, S staqsieni, minn kamartu, jekk għada nixtieqx li mmorru naraw il-wirja fotografika ta’ Annie Ernaux fil-MEP. Jien inwieġeb iva, mis-sodda tiegħi. Nippjanaw li nitilqu mid-dar f’nofsinhar. Ma stajniex nixtru l-biljetti online għax fuq il-website hemm miktub li l-bejgħ online huwa komplut u li jista’ jkun hemm xi ftit biljetti disponibbli fir-reception tal-MEP. S ma jistax jiddeċiedi x’se jilbes. Jien nilbes il-ġerżi roża, iswed u abjad tiegħu li lbist l-aħħar darba għat-teatru, u li għadni kif sirt naf li huwa prototip ERL li kien ġab mix-xogħol. Jgħidli li, peress li se nkunu f’Le Marais u jaf naħbtu mal-eks kollegi tiegħu, jekk jgħidli nagħlaq il-ġakketta, għandi nagħmel hekk malajr kemm jista’ jkun biex ma jarawx il-ġerżi. Wara l-wirja, nimxu lejn il-FNAC f’Montparnasse għax S irid jiġbor ktieb li kien ordna. Ilni ntella’ u nniżżel jekk għandix niltaqa’ ma’ xi ħadd li kont qed inkellem online u li kien wera interess biex jiltaqa’ miegħi. Imma għal xi raġuni bqajt inġib l-iskużi u nipposponi. Il-ġimgħa li għaddiet waqaf iwieġeb għall-messaġġi tiegħi. Staqsejtu jekk kienx tilef l-interess u qal le imma mhux qed ifittex relazzjoni virtwali, irid jiltaqa’. Nistaqsih jekk iridx niltaqgħu llejla. Jgħid iva, se jieħu siesta għax dalgħodu kien xogħol u mbagħad niltaqgħu fit-20h30 fejn République. Fit-19h50 nibgħatlu messaġġ biex nara jekk qamx mis-siesta. Hu ma jweġibx u nerġa’ niktiblu. Fit-20h15 iwieġeb. Ma darlux. Fi triqti fuq il-metro jistaqsini jekk irridx immur għandu minflok immorru f’bar għax qed iħossu ftit għajjien. Jien ngħid iva. Nistaqsih x’tip ta’ birra jħobb biex inġibha miegħi. Xejn qawwi wisq jew rikk ahah. Tipo mhux Chouffe u mhux Goudale. Naqbad flixkun tal-ħġieġ 1664 mill-ixkaffa u bott ieħor tal-pinta mill-friġġ biex nixorbuh minnufih waqt li l-flixkun li qbadt minn fuq l-ixkaffa jkun qed jiffriska fil-friġġ tiegħu. Jgħix eżatt ħdejn il-Franprix. Indaħħal il-codes għall-ewwel u t-tieni bieb, immur fil-binja tal-escalier B. Nidħol fil-lift u nibgħatlu messaġġ biex ngħidlu li qiegħed fil-lift, kif kien qalli biex nagħmel. Irid isejjaħ il-lift minn fuq huwa stess. Is-sitt sular. Inħoss li għadni kemm dħalt f’bini ferm sigur u għal sekonda nistaqsi jekk hux se nidħol f’appartament enormi ta’ xi ħadd sinjur. Bieb numru 8. Inserrep madwar is-sitt sular sakemm insib il-bieb tiegħu, li ħalla miftuħ xiber. Il-kamra hija mixgħula vjola. Huwa itwal milli stennejt. Iktar gustuż mir-ritratti li kien bagħatli. Minnufih nagħtih il-birer u jpoġġi l-flixkun tal-ħġieġ fil-friġġ, fil-kamra li jmiss. Jgħidli li nista’ nħalli l-ġakketta fuq is-siġġu tal-iskrivanija tiegħu. Hemm kavallett fuq l-iskrivanija. Ilu jpinġi bil-faħam, jgħid. Nidħol fil-kamra li jmiss. Mixgħula vjola wkoll. Hemm mejda tonda fiċ-ċentru u sufan, u pultruna. Fin-nofs tal-kamra, imdendla mis-saqaf, hemm linfa kbira b’ħafna bozoz. Nistaqsih kemm-il bozza hemm, għax ma nafx x’se nagħmel bija nnifsi. Erbatax. Il-kċina qiegħda hemm ukoll, wara purtiera magħluqa lewn il-krema. Nara nofs ġismu moħbi warajha hekk kif jitbaxxa ’l quddiem biex ipoġġi l-birra fil-friġġ. Jien inpoġġi fuq is-sufan. Imur fil-kamra l-oħra (il-kamra tas-sodda tiegħu) biex iġib il-mobile. Grimes. Jien inħossni mistħi. Huwa kien qalli li hu tabib meta tkellimna l-ewwel darba online, għalhekk nistaqsih xi mistoqsijiet dwar xogħlu. Tabib psikjatriku, tampari fl-età. Hu ma tantx jistaqsini dwari. Aħjar — x’għandi x’ngħidlu? Nistaqsih jekk semax l-album il-ġdid ta’ Ariana Grande. Jgħid iva imma mhux ossessjonat. Jien ngħidlu li għandu jippreskrivih lill-pazjenti tiegħu. Kanzunetta waħda ta’ Ariana kuljum. Huwa jfittex “Maltese” fuq Google. Interessanti ħafna ħafna, jgħid, waqt li qisu qed jitħasseb. Nipprova nispjegalu s-sentiment ħelu u morr li nħoss dwar il-fatt li twelidt u trabbejt fuq ġżira żgħira, li litteralment, mhi fuq ir-radar ta’ ħadd. Is-sens ta’ kważi orfni ġeografiku li nħoss, fis-sens li malli ngħid li ġej minn Malta, ma nistax nieqaf hemm, imma rrid nispjega kif u fejn u xiex u għala. Naqleb is-suġġett u ngħidlu li dalgħodu mort nara wirja dwar Annie Ernaux fil-MEP. Ma jafx min hi. Hekk kif ifittex isimha fuq Google, ipoġġi idu fuq il-wara ta’ rasi u jgħożżni u jmellisni. Ninterpreta dan bħala sinjal li jiffansjani. Qatt ma nkun ċert jekk nogħġobhomx fil-verità. L-istint jgħidli li mhux se nkun nogħġobhom, imma jkollhom ibusuni kontra qalbhom jew li se jġibu xi skuża biex ma jbusunix. Ngħidlu li fil-basket għandi ktieb ta’ Edouard Louis. Jaf min hu iżda għadu ma qarax il-kotba tiegħu. Imma ismu huwa fuq il-lista tiegħu. Liebes t-shirt abjad bil-kliem “Philippines” fuqu. Nistaqsih jekk xtrahx second-hand, u jgħidli li kien xtrah mill-Filippini stess, meta kien hemm għal xahar is-sajf li għadda. Iqum bilwieqfa u jimxi lejn il-bieb li jifred il-kamra tas-sodda mis-salott (fejn bħalissa qegħdin bilqiegħda). B’idejh jagħmilli sinjal biex insegwih. Ma nafx għala imma sempliċement il-ġest b’idu, ejja, dewwibni. U għalhekk nidħol fil-kamra tas-sodda miegħu. Fil-kamra tas-sodda għandu ħafna pjanti, ma nistax nagħraf jekk humiex ta’ veru jew le. Però naħseb li ta’ veru. Ineħħili l-jeans. Nagħmel pass lura u nimtedd fuq is-sodda u hu jiżżerżaq fuqi, b’ġismu jimla l-ispazju bejn kuxxtejja, dirgħajja, żaqqi. Iħossni kuntent. Bħallikieku qed jieħu ħsiebi. Niżguraw li t-tnejn li aħna qed inħossuna tajjeb qabel inkomplu. Hekk kif inpoġġi x-xugaman fil-qoffa tal-ħabel fil-kantuniera tal-kamra tas-sodda, nara l-bagalja żgħira ħamra li hemm ukoll fl-isfond tar-ritratt tiegħu li kellu online. Jistaqsini jekk irridx nitlaħlaħ fid-doċċa. Ngħidlu le m’għandix aptit immiss l-ilma. Għaddiet siegħa biss minn mindu kont miegħu, u diġà għandi aptit nerġa’ mmur għandu.


17 ta’ Marzu 2024

Xewqat tal-lum: li jibgħatli messaġġ dak li ltqajt miegħu lbieraħ. Jgħidli li jridni, u li jrid li nerġgħu niltaqgħu malajr kemm jista’ jkun, li nkun f’burdata tajba u li S itini l-attenzjoni, li ma jkollix biża’ u ansjetà dwar il-flus, li nixtri x’niekol mingħajr ma jħossni ħażin li naqsu l-flus mill-kont bankarju, li jirnexxili nikteb xi ħaġa. Ġurnata mxarrba. Sema griż qotni, imdendel. Is-sħab ma jridx iħalli s-sebħ jaqsam is-sema, li jibqa’ kulur wieħed ġurnata sħiħa, fond. S ma jridx kliem. Ma nafx f’liema staġun qegħdin, jekk ir-rebbiegħa bdietx diġà jew għadha le. Jekk hux wisq sħana biex tkun ix-xitwa, jekk hux wisq bard biex tkun ir-rebbiegħa. Ma stajtx nikteb għal ġimgħa sħiħa, mgħaddas taħt il-friex tas-sodda, imkebbeb f’żaqq is-saqqu li ma tantx hu iebes. Enerġija meħuda kollha mill-burdata. Imbagħad ħedla għax naħli ħafna ħin niffaċċja dal-fatt. F’Marzu tlift l-aptit, il-burdata biex nikteb. Ix-xewqa biex niftakar, ix-xewqa biex ma niftakarx mumenti biex nikteb dwarhom. L-imbuttatura biex naqbad il-mobile bl-iskrin imkisser u nikteb. Imbagħad meta jkunu għaddew wisq ġranet, biex nikteb dwar xi ħaġa li ma ġratx fil-mument immedjat. F’waħda mill-entrati tad-djarju ta’ Diċembru kont ħadt nota ta’ x’kitbet Marina Benjamin. Tikteb dwar il-memorja u t-tislit tal-kittieb biex jiftakar, speċjalment xi ħaġa li ġrat tant żmien ilu: “Li tikkonċernani hija l-idea pjuttost pulita wisq li l-memorja hija xi ħaġa li tibqa’ fil-wiċċ b’mod intatt mill-passat imċajpar, bħal xi sejba arkeoloġika li tkun skoprejt u li minnha trid sempliċement tfarfar it-trab. Dak il-kunċett, naħseb, jista’ jiġi skontat, peress li kull darba li tiftakar xi ħaġa tkun qed tiktibha mill-ġdid, tqanqal il-passat fil-proċess. Din l-indeterminazzjoni organika kollha tagħmel il-memorja inkwetanti. Tesponiha bħala xi ħaġa mibnija b’mod attiv minn persuna li tħoss, li tħares lura minn punt fil-futur, li trid tagħti rendikont ta’ kif saru l-affarijiet sabiex jgħixu l-porzjon li jmiss tal-futur tagħhom bil-kumdità. Hekk kif kitbet in-nanna ta’ Guillaume Dustan fid-djarju tagħha, li hu għamel traskrizzjoni tiegħu f’Nicolas Pages: “Peress li m’għandi ħadd madwari ma’ min nista’ niskambja l-ideat, nikteb dak kollu li niftakar, fl-ebda ordni partikolari, nimla l-paġni.


22 ta’ Marzu 2024

Dak li rajt is-Sibt li għadda, ma reġax staqsieni biex niltaqgħu. Nagħmel f’qalbi. Niltaqa’ ma’ S barra Saint Germain-des-Près. Huwa kellu laqgħa ma’ klijent potenzjali qrib Place de Vosges. Nagħmlu mixja madwar blokk bini għax qegħdin kmieni wisq għall-wirja dwar Zoë Lund. Tibda fis-18h u ma rridux inkunu l-ewwel nies. Wara nimxu ftit max-xmara, intellgħu u nniżżlu x’għandna nagħmlu. Immorru La Perla għal Margarita u guacamole bin-nachos. Ħdejna tiġi tpoġġi mara li tidher li għandha appartament kbir u full-time job li jħallasha sew. Tpoġġi biċċa quiche migduma fuq il-mejda u jitlagħli l-istonku. Tistaqsi l-wejter għal siġġu ieħor. Jiġi tifel żgħir jiġri warajha u hi terfgħu. Ftit sekondi wara tiġi ħabibitha u jaqbdu jparlaw. Ma nista’ nikkonċentra fuq xejn iktar ħlief fuq x’qed jgħidu. Il-quiche għadha fuq il-mejda u verament inħossni ħa naqla’. Hi tħalli t-tifel tagħha jiġri bl-addoċċ fuq il-bankina, jidħol u joħroġ mill-bar. Taqbadni ansjetà kbira u ninnervja ruħi li mhijiex qed tagħti kasu. Nimmaġinah jiġri f’nofs ta’ triq meta tkun għaddejja karozza b’veloċità qawwija. Nipprova nikkalma lili nnifsi u naħseb fuq xi ħaġa oħra. Madwar it-20h, qiegħed bilqiegħda fis-sodda. Jiġi S u jagħtini biċċa miċ-ċikkulata tal-faqqiegħ psikadeliku, li ilha fil-friġġ (E kien ġabha d-dar qabel mar il-party ta’ Courrèges ma’ B). Niekol il-biċċa li jtini. Immorru fis-sodda tiegħu biex inkomplu naraw it-tielet staġun ta’ RHOSLC. Wara siegħa, nibda nħoss tingiż f’moħħi. Jidher li qed jibdew l-effetti tagħha. Ħsibt li m’jien se nħoss xejn għax suppost ħadna doża vera żgħira. Wara ftit nirrealizzaw li l-ammont li ħadna kien aktar milli ppjanajna. Jaqbadna l-ġuħ u S imur iħawwad xi ħaġa fil-kċina. Wara ħames minuti, inxomm riħa ta’ ħruq u nisimgħu jistagħġeb. Immur niġri. Inħoss l-art tiċċaqlaq u kważi naqa’ mal-art. Inserraħ mal-ixkafef. Tefa’ l-brioche kollha li kont xtrajt mill-boulangerie iktar kmieni llum fuq it-taġen u tefa’ l-basal u l-butir. Int ħalli f’idi, jgħidli. Noqogħdu nitkellmu bħal Lisa Barlow, nirrepetu kull ħaġa li tgħid hi bil-vuċi tagħha. S jara xi ħaġa fil-bieba tal-gwardarobba tiċċaqlaq. L-ittri u n-numri fuq il-mobile jibdew jisfumaw u jaqbżu ’l barra. Naħseb ninsab kuntent. Whitney tiġġieled ma’ Heather għax ma tridx taqbel magħha fuq il-qlajja’ li semgħat dwar Lisa u li għadha kemm qaltilha. Heather issostni li hi ma kinitx semgħat lil Angie tgħid il-qlajja’ fuq Lisa u allura la ma semgħathiex, ma tistax tissapportja lil Whitney u tikkonferma li veru Angie qed tgħid din il-qlajja. Għall-ħabta tas-01h30 l-effett jibda jonqos. Inqum fit-03h30, probabbilment kont rieqed biss għal ftit minuti. Il-lampa ta’ S għadha mixgħula, nista’ nara l-art mixrufa bid-dawl isfar tagħha. Ma nisma’ l-ebda ħsejjes mill-videos ta’ TikTok jew xi tip ta’ ħoss ieħor. Nistaqsih, mill-kamra tas-sodda tiegħi, rieqed? S? Ma jirrispondix. Immur niċċekkja. Rieqed, bil-mobile f’idu, il-lampa mixgħula. Immur lura fis-sodda.


24 ta’ Marzu 2024

Għajnejja juġgħuni. Iqattru. Inħossha diffiċli biex niffoka fuq punt wieħed u jkolli nagħlaqhom ftit biex ma nħares lejn xejn. Nidħol fis-sodda kmieni, fl-22h. Nitfi l-lampa ta’ maġenb is-sodda u noqgħod fid-dlam imma l-kamra mhijiex kompletament mudlama għax mill-bieb, li għandu kwadru tal-ħġieġ, jidħol ftit dawl mil-lampa tal-kamra tas-sodda ta’ S. Ħolma tal-biża’ tqajjimni f’nofs ta’ lejl; u nħoss dawl abjad iffukat fuqi. Nistħajjilni qomt fuq artal tas-sagrifiċċju. Mit-tieqa ta’ quddiemi, waqt li għadni mimdud fis-sodda, nara l-qamar tond u mimli b’wiċċu lejja jixgħelni bid-dawl tiegħu. Inħossni skomdu. Inqum biex inbul u nirritorna fis-sodda, ngħatti ġismi kollu bid-duvet.


25 ta’ Marzu 2024

Pjaċir li l-ġurnata qed tintemm. Spiss it-tmiem huwa l-unika ħaġa li tagħmilni ħerqan. Sens ta’ serħan, nissoponi .

Dekorazzjoni art-nouveau