Biex Tara Kif Jgħixu l-Oħrajn

Ryan Falzon

Top of the World jagħmel parti mill-konfini ta’ Ħal Għargħur, periferija man-Naxxar. Huwa medda ta’ art b’terren xagħri, aħrax, tħares fuq il-Madliena, Baħar iċ-Ċagħaq, il-Magħtab u San Pawl il-Baħar. L-ismijiet lokali taż-żona huma Ġebel San Pietru, inkella l-Anċirietka. Għaxqet l-Għajn hija t-triq li tgħaddi minn qalb l-għolja, u tgħaqqad minn tarf sa tarf tar-raħal tal-Għargħur. Aktarx li r-referenza Ingliża għal dan il-lok żviluppat minn barranin li jżuru l-inħawi għal passiġġati; jew jaf sforz l-effett superjuri li tagħtik il-veduta minn hawn fuq, fejn appuntu wieħed iħossu fil-quċċata tad-dinja, iħares ’l isfel lejn għelieqi maħduma, toroq twal, binjiet residenzjali, miżbla li xi darba kellha ssir park nazzjonali, park fejn wieħed joqgħod jiżżerżaq u jiddeverti, gaġeġ fejn jinżammu d-dniefel, u medda baħar. Minn hawn fuq tidher sew il-mera akustika, imsejħa “Il-Widna, li tidher fuq ix-xaqliba tan-Naxxar. Din inbniet hemm eżatt qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u kienet forma bikrija ta’ radar. F’dan il-post il-Maltacom kienet qiegħdet dish kbir ewlieni tas-satellita għall-komunikazzjonijiet. Minn hawn ukoll, anki jekk wieħed idur mad-dawra u jimxi mal-linji, jaf jara Sqallija meta l-ajru jippermetti, kif ukoll Qalet Marku, il-bajja s-safra, u l-Għallis. Hemm taħt jinsabu fdalijiet mirdumin ta’ tempju megalitiku Ta’ Ħammut, inklużi dolmen, ċirku u villaġġ sħiħ fuq in-naħa ta’ wara, fuq in-naħa tal-Magħtab stess.

  • Wied maqsum b'fortifikazzjoni u djar fil-bogħod.
    Top of the World u madwaru
  • Kamra tal-ġebel bl-arkati, siġar u ħaxix quddiema.
    Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Djar u kampanja.
    Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Djar, kampanja u baħar.
    Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru
  • Top of the World u madwaru

Binja li teżisti fl-inħawi, u li kważi trid tkun taf biha biex tiċċumbaha, għax faċli taqbiżha għall-fatt li tiġi taħt il-livell tat-triq, hi l-Għargħur Searchlight Position, magħrufa wkoll bħala Wied il-Faħam Searchlight Position. Fl-1872, il-Brigadier Ġenerali John Adye kien issuġġerixxa li fil-każ ta’ żbark tal-għadu fit-Tramuntana tal-gżira, jiġu ppreparati linji ta’ difiża tul il-Qasma l-Kbira, fault ġeoloġiku — “it-Tarġa” — li jaqsam il-gżira fi tnejn. Il-Victoria Lines huma sistema ta’ fortifikazzjonijiet mibnija fis-seklu dsatax biex jiddefendu l-gżira minn attakki mill-art. Dawn ġew imsemmija għar-Reġina Vittorja fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Deheb tagħha fl-1897, u jkopru medda ta’ madwar 12-il kilometru mill-Punent sal-Lvant tal-gżira. Dawn il-pjanijiet inkludew żewġ pożizzjonijiet li jinsabu fit-tarf tal-Lvant tat-Tarġa qrib ir-raħal ta’ Ħal Għargħur. Il-Batteriji ta’ Ħal Għargħur Tax-Xellug u Tal-Lemin kienu pożizzjonijiet għal kontra invażjoni mill-artillerija. Nota fuq rekords bid-data tat-28 ta’ April 1882 tgħid li dawn huma s-siti għal tliet batteriji proposti. Pjanijiet tat-30 ta’ Settembru 1887 juru li ħames snin qabel, il-gvern kien akkwista l-art għall-Batteriji ta’ Ħal Għargħur Tax-Xellug u Tal-Lemin, u l-Batterija ta’ San Giovanni fuq ix-xaqliba l-oħra tal-wied. Fir-rigward tal-Batterija tal-Lemin ta’ Ħal Għargħur, għad hemm il-kamra tal-magni u l-bungalow tal-kustodju f’kundizzjoni tajba. Dawn il-binjiet huma relatati mal-użu tal-lokal bħala pożizzjoni ta’ searchlight, li beda madwar l-1898. Fir-rigward tal-Batterija Tax-Xellug ta’ Ħal Għargħur, ma nstab l-ebda bini identifikabbli f’dan is-sit.

F’diversi mapep qodma, il-wied huwa mniżżel bħala Wied Faħam, mentri f’mapep u tabelli riċenti jidher bħala Wied il-Faħam. Dan jagħti lok ta’ interpretazzjonijiet differenti. L-oriġini tal-isem oriġinali mhuwiex ċar, biss l-assoċjazzjoni ma’ Wied Faħam hi dik ta’ ħondoq jew dagħbien sfiq, sewdieni, mudlam, lok perfett għal storja ħelwa għat-tfal fejn jgħammar mostru bla forma, iwaħħxek imma b’qalb tad-deheb. Skont wieħed anzjan mill-Għargħur li kellimt, huwa possibbli li kien jissejjaħ Wied Faħam minħabba l-lewn skur tal-blat li jinsab fil-wied. Hawn wieħed jista’ faċilment jorbot mal-oriġini tal-isem ta’ Wied is-Sewda, fil-limiti ta’ Ħal Qormi, fejn l-isem aktarx jirreferi għall-ġebla sewda misjuba hemm, inkella għad-dlam naturali li kien jaqa’ fil-ħondoq.

Iż-żieda tal-artiklu, Wied il-Faħam, toħloq konnotazzjoni diretta mal-materjal dens, sewdieni, iħammeġ, li meta maħruq jagħti l-enerġija. Il-faħam Malta kien jiġi impurtat f’ammonti sostanzjali, l-iżjed fis-seklu dsatax, u l-Maltin kienu magħrufin li kapaċi jħottu vapur faħam f’kemm ilni ngħidlek. Fil-ktieb Soldiers at Sea, il-vjaġġatur Ingliż Louis Killen kiteb kif, meta kien Malta fl-1890, iggosta lill-ġarriera Maltin jiġru ħfief qishom friefet fuq it-tavluni, bi qfief mgħobbija toqol faħam, serbut nemel sewdieni jgedwdu bil-Malti. Kważi kważi, bl-artiklu infilsat fl-isem tal-wied, wieħed jasal jemmen li hawn kien sors naturali tal-materjal, inkella suq miftuħ fejn il-faħam kien jiġi nnegozjat. Fis-seklu dsatax u f’nofs is-seklu għoxrin kienet prattika popolari li l-fdalijiet tal-faħam — jew kokk — maħruq kienu jintużaw fil-presepji. Guido Lanfranco jikteb li din il-gagazza, jew “kakkazza”, kienet tintuża biex biha jinbnew il-presepji tal-Milied għax tixbah ħafna lit-terren xagħri Malti. Meta l-użu tal-faħam inqata’ u ma baqax jiġi impurtat, il-presepji bdew isiru bil-kartapesta, jew bil-ġebel rustiku li xorta waħda kien hawn min baqa’ jsejjaħlu gagazza. Meta wieħed iqis li mad-dawra tal-wied kien hawn tliet pożizzjonijiet militari, fejn tnejn minnhom kienu pożizzjonijiet tas-searchlight armati b’ġeneratur tal-elettriku, huwa plawżibbli li l-wied ħa ismu minn prattiki ta’ rimi ta’ faħam maħruq fil-widien. L-azzjoni setgħet wasslet sabiex l-element barrani, jiġifieri l-faħam, tħawwad b’mod idjosinkratiku mal-ġebla endemika Maltija misjuba fix-xagħri, dik bajdanija-ħamranija mgħakksa u mmarkata bit-tagħwir taż-żmien. Minħabba ċertu xebh fid-dehra tagħhom, il-materjali nġabru bla distinzjoni mid-dilettant, jew kif qed insejħulu issa, presepist, sabiex jirrappreżentaw l-istorja tat-twelid tal-messija f’Betlem f’ambjent lokalizzat. Din l-attitudni li nistituzzjonalizzaw kollox u ntuh passata żebgħa Maltija narawha ċċelebrata f’diversi avvenimenti li — nikkwota diskors populist — daħlu fil-kalendarju Malti u saru punti ta’ referenza kulturali, bħall-inklużjoni ta’ Dun Ġorġ Preca fil-presepju annwali li jintrama quddiem Kastilja, sal-avveniment Betlehem f’Għajnsielem. Ta’ kull sena, raħal sħiħ jitfa’ r-riżorsi sabiex jibdel medda ta’ art viċin il-port tal-Imġarr fi presepju ħaj, bin-nagħaġ u l-baqar, u l-barijiet ibigħu l-ikel Malti, l-għasel, iż-żebbuġ, il-qagħaq, l-imbuljuta, il-qastan (li hu impurtat għax lokalment il-klima ma żżommux), u xi biċċa pizza magħhom, basta msajra la antika fuq il-kenur tal-ħatab. Ninqalgħu sabiex ninnazzjonalizzaw, norbtu l-identità tagħna ma’ importazzjonijiet modifikati, ibda mill-presepju Naplitan li konna pronti deffisnielu fih il-mitħna Maltija, u żidna l-pasturi bl-għonnella u t-terħa. Sal-iskart tal-kolonizzatur, il-faħam mormi, sibna kif nagħmluh kapital, inżejnu bih, sakemm baqa’ baqa’ u infilsa ruħu bħala firma nazzjonali. Dan bħalma nqisu tagħna l-kaxxi ħomor tal-ittri u l-kabini tat-telefown, xi drabi skjerati ħdejn xulxin, bħal dawk fi Triq ir-Repubblika, il-Belt, inkella faċċata tal-Kappella ta’ San Pawl, in-Naxxar. Anki lil San Pawl innazzjonalizzajna u għamilnieh missierna u ddedikajnielu festa pubblika. Dan bħallikieku l-baned tal-każini tal-festa b’ismijiet Brittaniċi, bl-istrumenti tal-qasba u l-uniformijiet xinxilli u l-istandardi mhumiex frak kolonjali, ta’ Maltin raħlin li raw il-paguneriji militari u taħt il-protezzjoni tal-Knisja Kattolika ħolqu r-risposta tagħhom ad unur il-qaddis tar-raħal sabiex lill-kolonizzatur jgħidulu, ħa, qrun f’għajnejk b’subgħajja t-tnejn tgħaddini, jien bħalek u daqsek, għax int iddoqq għar-reġina protestanta mażuna u jien nonfoħ il-bumbardun ad unur qaddisi. Fil-qafas tal-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art li sar Malta fl-2024 — eżerċizzju li l-fus tiegħu kienet dikolonizzazzjoni kompluta tal-gżira sħiħa, minn fuq sa isfel, minn punt sa punt, mis-skiet tal-irdum Ta’ Ċenċ Għawdex, mill-belt kapitali Għawdxija mogħtija t-titlu tal-belt Victoria fil-ġublew tad-deheb tar-Reġina Vittorja fis-sena 1887, sal-Fortizza ta’ Delimara — l-approprjazzjoni ta’ bandalori fotokopji mwaħħla ma’ arblu fuq arblu, nofshom żlugati ma’ buffura riħ, fi Triq ir-Repubblika kienet tistona daqs tużżana bandisti għarqana jonfħu f’isem banda msemmija għal reġina jew prinċep jew re minn żmien l-Imperu Brittaniku. Kollox innazzjonalizzajna, sal-inqas beżqa gaxin għamilna tagħna, dak l-ikel tilqit miġbur mill-messijiet u l-kantinijiet abbord jew fil-kwartieri tas-servizzi. Skont Ġużè Galea, ħafna nies kien jogħġobhom dal-ikel, mhux il-foqra biss. Sforz każijiet ta’ avvelenament ikkawżat minn din il-prattika, kien hemm diversi attentati mill-Awtorità Sanitarja biex dan l-ikel jinqata’, però kien biss fis-sena 1937 li għaddew liġijiet stretti fuq l-ikkunsmar ta’ tilqit, meqjus minn xi wħud, apetituż. Ħallina mela, ingawdu l-meraq ingrassat, fdal kolonjali mferra’ f’landa vojta tal-bulubif, nifirdu l-loqom tas-sigaretti li rema fil-platt fizzjal żorr minn mal-ħobż migdum imbeżlaq li ħallew il-baħrin tfal, ħallina niddikolonizzaw kollox f’keffa waħda, populista, misinfurmata, kollox ħallata ballata, għaġna laħam il-forn u patata mgħaffġa u ħaxix imballat f’gazzetta minn bejjiegħ tal-gaxin bla skrupli, li jilqa’ jdejh għal sikspenz biex jitmagħna ż-żibel. Minn dejjem jogħġobna kollox aħna, basta jmiss ma’ barra. Qisna qatt ma rajna xejn.

L-Ingliżi kolonizzaturi raw imma, għax ħatfu l-isbaħ punti strateġiċi u għamluhom tagħhom, bħal St Andrews, Delimara, il-Madliena, il-Mellieħa,, il-White Rocks, Bengħajsa u Binġemma. Kieku qegħdin hawn illum, jgħarrxu bis-searchlight, jistgħu jaraw il-vilel ħolma fuq ix-xaqliba tal-Madliena, jissendikaw bit-trombi għal parties ħorox li jdumu sas-siegħa ta’ waranofsinhar. Kienu jisimgħu l-mużika ddamdam bla rispett ġol-wied ukoll u min jaf, forsi kienet tiġihom l-għira u jirrappurtawhom. Jew jisparawlhom. Aktarx kienu jingħaqdu magħhom, jiddevertu u jixxalaw. L-iżvilupp taż-żona tal-Madliena, bħal dak tas-Swieqi u Santa Maria Estate, jista’ jinqara bħala eżerċizzju ta’ livellar klassist, ta’ familji li stagħnew fl-aħħar mitt sena, u oħrajn li bl-għaraq ta’ xbinhom akkwistaw biċċa art qalb il-vilel u jħossu li saru nies, telgħu skaluna. Sas-sittinijiet, il-Madliena, li hi korruzzjoni tal-kelma Madalena b’referenza għall-Kappella ta’ Santa Madalena, kienet żona kważi totalment rurali li kienet tospita numru ta’ rziezet. Illum il-ġurnata l-Madliena hija żona residenzjali, u fiha hemm ħafna vilel, bungalows, appartamenti lussużi u maisonettes. Hija kważi komika kif wieħed jinvesti fi proprjetà, u minn faċċata jaf li hemm intrużjoni diretta fuq il-pool, it-terrazzin, it-tennis court, il-ġnien, il-kmamar mingħajr purtieri. Kważi kważi, mill-punto di vista ta’ osservatur, tħossok qed tħares lejn esebizzjonist nudist li t-tqanqil tiegħu jiġi biss minn folla vojerista. The more the merrier. Minn hawn fuq jiddomina l-iSplash and Fun, park bil-logħob tal-ilma mmirat bħala attrazzjoni għall-familja kollha. Miraġġ ħarba ta’ kull tant, destinazzjoni ta’ xalar, bħalma kienet il-Madliena, destinazzjoni sparatura ’l fuq fil-klassi soċjali Maltija. Bħalma hi Malta f’għajnejn turisti Ingliżi li dawn l-aħħar sentejn sabu mċappsin ma’ għajnejhom reklami ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ festivals tajbin, alkoħol irħis u xalar, speċi ta’ Ibiza tal-fqar. Iż-żona ta’ madwar dan il-park tospita wkoll gabbana famuża għall-ġelat, li saret sinonima mal-lokal. Sew jekk għandek karozza klassika ttiha dawra darba fill, jew issuq mutur u tħobb issawtu l-Ħadd filgħodu, jew trid tieħu dawra lit-tfal waranofsinhar u twaqqafhom hemm ibulu u jdellku xufftejhom vanilla jew ċikkulata, jew għandek date ħelwa u tmorru tieħdu ġelat, din il-gabbana hi dejjem punt ta’ riferiment. Fil-viċin hemm il-park tad-dniefel miżmumin ġo gaġeġ, li minkejja l-ħafna attentati u protesti biex jingħalaq, għadu jopera. Fuq ix-xaqliba l-oħra tal-park tad-divertiment, hemm villaġġ xempju tat-trankwillità, il-kwotidjan, l-anonimu, iż-żgħir rieqed fil-benniena joħlom bid-dawl, il-baħar, u t-temp sabiħ Mediterranju. B’popolazzjoni ta’ madwar 1 250 ruħ, Baħar iċ-Ċagħaq huwa raħal żgħir li jinsab fuq il-kosta tat-Tramuntana ta’ Malta, fil-limiti tal-Madliena, il-Magħtab u Ħal Għargħur. Ir-raħal jinsab f’ħalq Wied il-Kbir, l-itwal wied fil-gżejjer Maltin. Baħar iċ-Ċagħaq imsemmi għal medda twila ta’ kosta magħmula minn ħafna blat ippuntat u ċagħaq. Iż-żona kienet tintuża bħala post tal-ikkampjar mis-Servizzi Ingliżi, u llum hija villaġġ residenzjali. Baħar iċ-Ċagħaq jaqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, iżda taħt id-distrett parrokkjali ta’ Ħal Għargħur.

Top of the World hu popolari ħafna fuq siti li jissuġġeruh bħala post fejn wieħed imur jimxi, jammira n-natura, il-veduta u l-istorja. Wieħed li jħobb jiġġerra fl-inħawi mal-lejl jista’ faċilment joħloq trinità ta’ żoni adatti għal skappaturi varji fil-viċin, irkejjen adatti għal namur f’karozzi pparkjati waħda wara l-oħra sakemm tiġi xi leħħa blu taħxi l-buzz kollu. Għandek l-inħawi tal-MCAST u l-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta, Top of the World fin-nofs, u ż-żona ta’ wara l-iSplash and Fun. Riċentament, il-ġnien tal-Mosta laqqat proġett ta’ riġenerazzjoni, minn dawk li sirna niddilettaw bihom, u ż-żona ġiet relegata għal dik bl-inqas privatezza fit-tali trinità. Id-dlam tal-parkeġġ ta’ biswit il-binja militari mdawra fi skola tal-arti u d-disinn, inbidel f’illuminazzjoni goffa daqs ground tal-football, u l-ġnien sar miżgħud dawl isfar atmosferiku, baxx mal-art, fejn ħafna saru jiġu għal xi date ħelwa, inkella jbewlu l-kelb mad-dawra tal-Victoria Lines, li jaqtgħu ħesrem max-xibka li ddawwar il-Fortizza tal-Mosta. Top of the World żgħir, jagħlaq għall-karozzi u forsi jipparkjaw erba’ karozzi kollox wara xulxin. Jekk tasal tard, jew fil-ħondoq tal-lejl, hawn jaf ma ssibx issorġi, u jkollok timmanuvra ddawwar ’il barra, bid-dawl jagħti għal ġol-vetturi wieqfa, jaqbad silwetti movimentati f’mumenti ta’ passjoni u ħġieġ. Jew jikxef tnejn ipejpu, jew jagħtu daharhom lil xulxin. Ħafna drabi tispiċċa ddawwar fi dlam ċappa, bl-amment, kontroll sħiħ tal-vettura b’intwizzjoni, għax bid-dawl mixgħul tħossok qisek is-searchlight tal-Ingliżi tgħarrex għal xi għadu ġej bil-vapur minn fuq l-orizzont. Allura titfi biex tkun edukat u ma tarax xeni privati, li taħt is-satra tad-dlam imperreċ fuq għolja qasma, jissarrfu f’xeni semipubbliċi.

Jekk tiġi kmieni, faċli ssib nies jammiraw il-veduta, jew xi erbat itfal iġibu pizza bil-mutur delivery sa ħdejn il-karozza tagħhom, jitfgħu laptop fuq id-dashboard, iniżżlu t-twieqi u joqogħdu jfaqqgħu d-daħq. U jekk taqbiżlek tistenna, jew iddawwar fehmtek, jew il-partner iħoss l-għeja, ma jkunux Netflix u tfal għax għalxejn il-knisja mudell gagazza fil-bidu tat-triq issellimlek benedizzjoni, xorta tkun għadek ħalq dagħa tagħfas toħroġ xkanat sa ħdejn l-antenna tan-Naxxar tiżvoga tnejn mal-gass, sakemm min ikun hemm miegħek ma jwiddbikx darba, tnejn, tlieta, naqqas għax jien nibża’. Baħar iċ-Ċagħaq, snin ilu, kont tmur u tintefa’ a la xanxè, toqtol u tidfen. Kien hemm ukoll ringiela siġar tal-palm u fis-sebgħinijiet kienu bdew isejħulha Palm Beach. Illum ikollok tibqa’ dieħel, logħba ħarba tevita l-caravans permanenti li sajf u xitwa jkun hemm id-dawl fihom. Ikollok tippożizzjona ruħek eżatt fin-nofs tat-triq, bejn il-kumpless, l-għassies u l-caravans. Tippożizzjona ruħek bħalma l-Ingliżi ppożizzjonaw ruħhom f’punti strateġiċi tal-gżira ħalli jgawduhom, jikkapparrawhom u jitpaxxew bil-veduti.

Fil-bidu tas-seklu 21, il-binja tas-searchlight u l-madwar kienu jintużaw bħala lokal skwottjat għal skopijiet ta’ divertiment notturn, fejn dak li jkun imur meta jagħlaq kważi kullimkien u jibqa’ biss erba’ toqob fejn imur jiġġandar. Nies ftit ikbar minni jiftakru dal-post kemm bħala lok għal parties illegali organizzati ad hoc, kif ukoll bħala post fiss li jibqa’ miftuħ lejl sħiħ, għax ma kien marbut bl-ebda permess. Kien jispiċċa kollox jekk jispiċċa d-diesel għall-generator, jew jiġu l-pulizija. Staqsejt lil diversi individwi li kienu jiġu jiġġerrew fl-inħawi dwar in-natura tal-użu tal-post. Iż-żona kienet ħafna iżjed popolari u mfittxija fis-sajf, u bħalma wieħed jistenna minn folla bla xabgħa li flok marret id-dar riedet iżjed u baqgħet barra tiżżagħbel, kien ikun hemm taħwid divers. Hawn, il-verżjonijiet ma jaqblux. Uħud semmew li l-post kellu preżenza fissa, u kien hemm persuna li kienet tmexxi l-post u taħdem wara l-bar. Oħrajn semmew kif kollox kien temporanju, u dejjem kienu jintramaw il-barijiet u s-sound skont l-okkażjoni. Xi ħadd ieħor semma li l-unika memorja li għandu tal-post hu ta’ nies, waqt l-għabex, ħerġin bi speakers fuq spallejhom. Aktarx illi l-post għadda minn diversi fażijiet ta’ permanenza temporanja, u f’perjodi oħra kien lokal ideali fejn, jekk wieħed ifettillu, sa siegħa wara jkun faqqas party għaddej għal alla tiegħu. Għal dawn tal-aħħar, il-fortizza ta’ Selmun kienet iżjed popolari minħabba li ikbar u iktar maqtugħa min-nies. Persuna li tkellimt magħha semmietli episodju partikolari marbut ma’ Trigger, wieħed mir-rave parties li kaxkar ’il Malta u l-moralità fosdqa tad-disgħinijiet. Trigger kien avveniment annwali, wild is-Sin Parties u parties oħra illegali li kienu jsiru fl-għerien, f’binjiet abbandunati jew privati. Sena minnhom, ġie rrejdjat b’mod goff u estensiv mill-pulizija. Ħafna nies li attendew emigraw minn Trigger għal Top of the World, bl-istennija li jsibu alternattiva anarkista wara l-intervent tal-awtoritajiet f’party organizzat u mtella’ fil-parametri tal-liġi. Meta waslu fiż-żona, sabu li hawn ukoll kien għaddej raid qawwi, u kulħadd żgombra lejn id-dar jew parties privati. Jista’ jkun li dawn l-interventi saru minħabba żieda fil-potenza tal-ecstasy li kienet daħlet dak iż-żmien, fejn bdew jiġu rreġistrati rati ogħla ta’ inċidenti kkawżati minnha. Jista’ jkun li interventi simili tal-awtoritajiet, anki jekk mhux b’mod intenzjonat, biddlu l-esiġenzi u l-prattiki taż-żgħażagħ ixxellerati u r-relazzjoni tagħhom ma’ topografija xagħrija, u fdal kolonjali li altrimenti kienu jiġu jitnejku minnu kieku ma kienx utilizzat b’mod sovversiv. Sa meta qiegħed nikteb dan l-esej, ma ksibtx informazzjoni jekk il-post bħala lok tad-diveriment kienx ġie żgumbrat, inkella mietx mewta naturali. Sa ftit snin ilu kien jintuża bħala maħżen għal-logħob tan-nar, sakemm riċentament għadda f’idejn is-Salesjani.

Dan ma kienx l-unika struttura militari abbandunata li nħatfet u l-użu tagħha nbidel skont il-bżonnijiet ta’ Malta ħielsa. Lanqas ma kien l-uniku post li żżarma, mil-lejl għan-nhar, minn kulma seta’ jinġarr. F’dar antika li ħabib tiegħi għadu kemm xtara kien hemm mejda li ħallew hemm it-tfal tal-inkwilini ta’ qabel, żewġt aħwa xjuħ li għexu fil-wens u l-għanqbut ta’ Bubaqra, u mietu t-tnejn wara xulxin fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Qabel telqu, it-tfal u n-neputijiet żarmawha minn kollox ħlief għal dil-mejda, li għadha fi stat tajjeb ħafna, b’wiċċ tal-irħam. Kollox qalgħulu qabel telqu, sal-bibien u t-twieqi tal-aluminju dehbi u l-kanen tal-ilma li ma kinux mirdumin. Ħallewlu tank tal-asbestos imtaqqab, sodda tal-ħadid b’saqqu mqatta’ u sardinella solitarja b’erba’ werqiet kannella u fjura mnittfa f’nofs il-bitħa. Fl-ewwel żjara fuq il-post bi tħejjija għal dal-esej, ilmaħt mejda simili fil-binja prinċipali ta’ din il-pożizzjoni eks militari. Aktarx li dil-mejda bdiet ħajjitha proprjetà tas-servizzi, u b’xi mod tkaxkret, insterqet, inbiegħet, tpartet sa ma spiċċat f’dar privata. Aħna hekk niddikolonizzaw, billi nkaxkru u naħtfu u nikkapparraw il-bini u l-art, u din il-ġirja maratona nazzjonali ta’ dikolonizzazzjoni b’atti psewdosovversivi hija logħba rħisa ta’ nies li jaffordjaw jintilfu fix-xinxilli u t-teoriji dwar pożizzjonijiet, territorji, kolonizzaturi u konfini ta’ gżejjer.

Let’s decolonise Malta and Europe and the whole world.

Ejja kkolonizzali l-ħolm tiegħi, għax moħħi ilu kkolonizzat.

Ħaqqu l-bini mitluq ta’ Selmun, mitluq għal riħu, mimli graffiti u ħmieġ tal-BBQs, it-telqa tal-proġett ħadma ta’ Chambray, il-fortizzi tal-kampanja li sfaw abbandunati għax ma baqax użu għalihom, jew meta l-Ingliżi dabbru fl-1979, u saru rziezet tal-majjali u l-baqar, il-kanuni bis-siġill Vittorjan, patrimonju dinji mgħarraq fid-demel u l-ħmieġ tal-annimali għat-trankwillità Delimarjana, u oħrajn rashom mgħaddsa ’l isfel kastig, nofshom mirdumin max-xtut u l-portijiet biex iservu ta’ rmiġġ. Hekk niddikolonizzaw aħna, billi nbulu fit-telephone boxes u nkissrulhom sal-inqas ħġieġa s-Sibt qabel nitilgħu Paceville wara li ndoqqu l-punk il-garaxxijiet tal-Marsa, god save the queen the fascist regime, nisirqu kemm insibu travi, bibien, madum, switches, kulma jista’ jinġarr jitkaxkar mit-territorju tal-kolonizzatur għal-lokal nattiv, għad-dar, għall-post tal-kunjati, għall-villeġġatura bla permess, għall-kamra fl-għalqa. Kollox jgħaddi u kollox jgħodd għalina aħna, basta nakkwistaw. Il-kolonizzatur użana, għall-inqas aħna nieħdu li nistgħu, ir-reġina mhux ħa tħossu. Hekk irridu, u hekk ħaqqna aħna, pappagalli jlabalbu kliem tqil, insinifikanti, imxennqa għal djalogu jaqta’ xafra bejn l-artisti, mal-pubbliku inġenerali, bidla radikali, xkanatura mill-qiegħ, imma nigdmu lsienna ma jmurx ninftiehmu ħażin, ngħaddu ta’ ħmir, ma jdaħħluniex fil-proġett li jmiss, ma nikkurawx, ma jixtrux l-arti tagħna. Ħallina lluppjati f’ħolm ta’ dikolonizzazzjoni fiergħa, b’azzjonijiet iggwidati minn istituzzjonijiet nazzjonali li qatt ma tawna l-lingwa, il-fehim, il-lenti, it-trombi, id-dawl għarriex sabiex naraw ’il bogħod minn villa ħolma frott il-ġid tal-aqwa żmien u l-flus maħsulin, mix-xewqa kkultivata fina li ta’ spiss naħarbu ġurnata by the pool nixtru biljett biex niżżerżqu tnejn fuq żaqqna, nitgħaxxqu ngħaddu minn ġo tubi plastik jikwi biex nieħdu tisbita f’wiċċ ilma mdardar kimika, attenti li ma nsibux xi ġurdien inemmes minn bejn id-deckchairs. Inkella nirrassenjaw ruħna u nintefgħu anonimi f’appartament modest f’raħal ta’ elf ruħ kollox, inħarsu lejn ix-xefaq lejl u nhar, ngħarrxu bla searchlight, u kultant nikkuntentaw b’ġelat mill-gabbana mfawwar karawett u ġamm mill-aħdar, ħelu zoptu imma jgħaxxex u jhenni .

Fuq Pink Routes 1840-1914 hemm dettalji dwar Il-Għargħur Searchlight Position u fortifikazzjonijiet oħra li bnew l-Ingliżi madwar id-dinja. Guido Lanfranco kiteb dwar il-gagazza fi Drawwiet u Ħajja Mill-Istorja ta’ Malta, Wise Owl Publications 2005. Ukoll, fil-programm tal-festa tal-Banda San Filep, Ħaż Żebbuġ 2010. Hemm iktar informazzjoni dwar il-gagazza u l-presepji fuq presepjumalta.org. Irreferejt ukoll għal Soldiers at Sea, ta’ Louis Killen, pubblikazzjoni Ward and Dawney 1893, kif ukoll Xogħol u Snajja tal-Imgħoddi (1969) ta’ Ġużè Galea.

Dekorazzjoni art-nouveau