Es Sidr (taħdita u siltiet)

ma’ Omar N’Shea

Fit-3 ta’ Diċembru, fil-Librerija Pubblika ta’ Pembroke, Omar N’Shea tkellem mal-librar Rafel Grima dwar Es Sidr, u qara wkoll xi siltiet mill-ktieb.

« Meta kont qiegħed infittex il-ġeneru ta’ kitba fil-Malti li seta’ jgħinni ngħid dak li kont qed nipprova ngħid, ovvjament mort l-ewwel lejn il-kotba tal-istorja u lejn il-bijografiji, l-awtobiografiji, u mhux fil-Malti biss, ovvjament ġej minn letteratura ħafna iktar wiesgħa. Però ridt inħares lejn il-Malti speċifikament. Ħassejt illi s-suġġett huwa dejjem fiss fil-memoir, fil-bijografija, fl-istorja is-suġġett huwa dejjem fiss jiġifieri inti qed taħdem minn suġġett illi huwa dejjem fiss. Jiena kelli kollox ħlief suġġett fiss, jiġifieri jiena dawn in-nies li qed nikteb fuqhom assolutament ma kont naf xejn dwarhom ħlief li kelli teoriji ġo rasi. Allura ndunajt illi assolutament ma nistax nikteb memoir għaliex jiena ma kelli xejn fuqhom u lanqas ma kelli fuqi nnifsi. Lanqas kelli l-lingwa biex nikteb fuqi nnifsi, allura bdejt infittex dak il-ġeneru li lili beda jtini l-possibbiltà biex nitteorizza s-suġġettività tiegħi. Mhux biex nitkellem fuqi però biex nitkellem fuq dawk in-nies bħali illi jiena ma bdejtx nara fil-kitbiet li kont qed infittex. Ovvjament, għandna ħafna bijografiji ta’ politikanti, avukati, nutara, kollha erbgħin euro u ħamsin euro. Għandna ħafna memoirs. Inħoss illi meta inti tiġi minn klassi speċifika, klassi rispettata mis-soċjetà, klassi li hija rappreżentata tajjeb, klassi illi hija emanċipata ħafna, klassi li għandha rappreżentazzjoni vera, anke fis-soċjetà, inti konxju ħafna tas-suġġettività tiegħek. U peress illi inti konxju tas-suġġettività tiegħek għandek ħabta tirrekordja s-suġġettività tiegħek, iżżomm djarju pereżempju. Li tikteb il-memoir tiegħek, li taf f’xi punt xi ħadd se jikteb il-memoir tiegħek, allura anke tgħix il-ħajja kważi koreografata jew kurata b’dan il-mod illi taf li xi darba xi ħadd ħa jikteb fuqek jew inkella għall-inqas li ħajtek hija denja li tikteb fuqha. Jiena ma niġix mill-klassi soċjali fejn nista’ nagħmel dan. Jiena ħbejt id-dettalji ta’ ħajti, mhux niżżilthom fid-djarju. Allura meta bdejt niltaqa’ mal-esej u mal-esejistika u l-kitba letterarja esejistika bdejt inħoss li hemmhekk tista’ tilgħab ħafna iktar, għaliex il-ġeneru mhux daqshekk fiss. Anki għaliex iħallik iddaħħal tropes letterarji, pereżempju, jew mill-arkivji. Issa, ftakar illi jiena bħala Assirologu niġi ħafna mill-kultura tal-kolofon. Jiġifieri kull darba li qed inħares lejn maduma, qed inħares lejn xi test jew xi poeżija jew xi innu jew xi ħaġa hekk, fuq il-ġenb dejjem għandek id-dettalji personali ta’ min qed jikteb jew min qed jikkopja. Allura jiena niġi minn din it-tradizzjoni fejn il-maduma tiflaħ ħafna affarijiet, tiflaħ il-kompożizzjoni letterarja, tiflaħ l-esejistika fil-ġenb. L-esej iħallini wkoll mhux biss niftakar, anke jekk b’mod impreċiż ovvjament għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-ktieb fil-verità huwa fuqi fil-preżent, huwa jiena issa. U lanqas huwa fuqi issa però fuq is-suġġettività tiegħi, fuq dik il-klassi ta’ nies bl-internazzjonalità li qed nipprova nirrappreżenta, u li qed nipprova nikteb għalina. Għaliex ħadd mhu qed jikteb għalina u ħadd ma qed jikteb fuqna għaliex ħajjitna mhijiex denja li tinkiteb fuqha. Jiena trabbejt nemmen illi fil-kotba, fid-dinja tal-kotba, fl-ekosistema tal-kotba, nies bħali m’hemmx għalfejn, anzi mhux talli m’hemmx għalfejn ikun hemm ktieb fuqhom talli m’aħniex denji li jkun hemm kitba fuqna. Allura ovvjament jiena ġej minnha u għandi bżonn nitteorizzaha din, u l-memoir ma jħallinix nitteorizzaha. Jiġifieri meta taqraw Es Sidr, ovvjament Es Sidr huwa teorija sħiħa fuq l-internazzjonalità tal-ġeneru, tal-klassi, tal-etnija, u tal-ġisem fl-istorja, huwa teorija sħiħa. U allura hemmhekk l-esej jagħtini l-ispazju, u jagħtini n-nifs, biex nitteorizzaha mingħajr ma nkun qed nagħmel teorija espliċita ta’ metodoloġija, bħalma nagħmlu fl-akkademja, ovvjament, għaliex ġej mil-letteratura. Meta nitkellmu fuq ħajjitna ħafna drabi niġu patoloġizzati, kemm għandek ħajtek trawmatika, pereżempju, qed tikteb it-trawma. Le jiena qed nikteb l-affarijiet li vera nħobb fi tfuliti. Dawn l-istrateġiji ta’ ħabi, dawn l-affarijiet li kienu jdejquni, jien inħobbhom u ngħożżhom u tgħallimt ngħix bihom, u tgħallimt ngħix magħhom, bħalma nies bħali tgħallmu jgħixu magħhom. M’iniex qed nikteb it-trawma, però qiegħed nikteb kif għext ħajti, u ħajti ma kinitx trawmatika bl-ebda mod, kieku kienet trawmatika m’iniex qiegħed hawnhekk. Min għex tfulitu miegħi, hawn xi nies hawnhekk li għexna tfulitna flimkien, nafu illi ħadna ħafna pjaċir f’ħajjitna. Però meta ppruvajna nitkellmu barra minn dak il-milieu soċjali kulħadd tħassarna, jew kulħadd qalilna li għandna bżonn il-kura mentali, jew għandna bżonn il-psikologu, jew għandna bżonn noħorġu minnha din il-ħajja, għandna bżonn nagħmlu ħilitna biex nedukaw ruħna u noħorġu minnha. U allura f’dan is-sens qed nipprova nirkupraha. Però, nista’ nirkupra biss mit-teorija. Tant dfintha u tant ħbejtha u tant regħxitni meta ħriġt minnha, meta ppruvajt noħroġ minnha, li jibqagħli biss l-esej. Jibqagħli biss l-esej bħala għodda biex nesprimi ruħi, anke għaliex ma rridx nidħol fil-memoir, għax il-memoir narah klassist. » .

Dekorazzjoni art-nouveau