L-Aħħar Ballu tas-Sinjorini

Omar N’Shea

Inżomm it-teżor tiegħi f’sormi, imma sormi miftuħ għal kulħadd.
Mario Mieli, Elementi di critica omosessuale
Nixtieq li tkun nieżla x-xita meta mmut… meta tasal is-siegħa tiegħi. Il-fjuri jdumu iktar fl-ilma.
Pedro Lemebel, Loco afán: crónicas de sidario

Ġewwa kamra f’dar fuq l-għolja tal-Wardija, Stefan kien għaddej iħit libsa wara l-oħra fuq magna tal-ħjata Elna Air Electronic li kien qala’ rigal meta għalaq ħdax-il sena. Id-drappijiet kien xtrahom dakinhar stess, filgħodu, m’għand il-Goldfish tal-Belt, ħanut wara s-Suq li kellu konsenja drapp li tant kien qadim li kien ġie lura moda. L-istilisti l-kbar Ewropej kienu qed ilibbsu n-nisa bi drapp ikkulurit u jixgħel, roża, isfar, aħdar. Il-Goldfish kellha ħanut mimli drapp bħalu imma ħadd ma riedu u allura ma kien jiswa kważi xejn. Kienu l-ħamsa ta’ waranofsinhar u Stefan kien diġà lesta libsa twila tal-lamé gold, libsa sewda twila bid-dahar barra, u libsa oħra blu u ħadra bil-kmiem twal u dublett qasir. Fuq xkaffa ħdejn il-magna tal-ħjata kien hemm żewġ parrokki, żewġ pari żraben tal-platform, basket mimli stoċċijiet tal-makeup, cassette player, pakkett sigaretti Rothmans aħmar, u l-bijografija ta’ Carl Gustav Jung. Il-ħajja fuq l-għolja tal-Wardija kienet bukolika, imma bejn ritratti ta’ Gaddafi mal-ħajt tal-garaxx ta’ missieru, li kien għamel żmien twil tiela’ u nieżel il-Libja ma’ taż-żejt, u l-BBC World Service għaddej fuq ir-radju tal-kċina fejn ommu kienet tilqa’ n-nies li jitilgħu jżuruhom il-Wardija, Stefan kien bena dinja faqgħa immens imsejsa fuq ideat kosmopolitani ta’ moda, mużika, żfin, kotba, arti u festini. Il-kamra ta’ Stefan il-Wardija kienet fabbrika ta’ ideat queer, mimlija għamara u dekor purament DIY li Stefan kien tgħallem jagħmel kemm waħdu, fi tfulitu, kif ukoll l-iskola tal-arti. Ftit sigħat wara, Stefan kien liebes libsa dejqa tal-latex isfar u iswed, buz sa rkupptejh mill-istess materjal, parrokka mtellgħa f’chignon b’żewġ troffi nnukklati waħda fuq kull naħa, imniżżlin mill-ġenb, u wiċċu abjad karti b’foundation li jgħatti saħansitra l-ħuġbejn. Kif beda jidlam, daħal f’Morris Marina bajda li kienet ipparkjata fil-garaxx u kif kien qed jirriversja lejn ix-xatba, ħareġ missieru għalih u qallu biex iħalli l-karozza hemm. Stefan kellu soluzzjoni waħda biss għal dik is-serata: li jinżel mill-għelieqi tal-Wardija mal-pajp il-kbir tal-ilma li jmur mill-għolja ta’ Ġebel Għarab għax-Xemxija fi dlam ċappa, liebes ta’ mara fuq platforms ta’ għaxar ċentimetri.

Dakinhar ukoll, fi triq viċin ix-xatt ta’ Tas-Sliema, Joseph kien qed jara x’se jilbes filgħaxija. Fil-kamra tas-salott kellu xkafef mimlijin kotba u films: Sontag, Paglia, Almodóvar. Imxerrdin fuq l-imwejjed baxxi tal-kafè u ġo scrapbooks ta’ kull daqs, tqasqis tal-artikli u r-reċensjonijiet ta’ Suzy Menkes dwar il-moda u l-istilisti mill-International Herald Tribune, u album kollu ritratti tagħna niġru Pariġi. Fuq xkaffa minnhom, Joseph kellu par żarbun donnu qabeż minn pittura ta’ Fragonard — Manolo Blahnik turkważ, takkuna ċkejkna, qisu tal-kina. Il-flat ta’ Joseph kellu riħa ta’ Blenheim Bouquet u Grey Flannel. Kienet riħa ta’ barra minn hawn, riħa li ma tinqarax b’apparat semjoloġiku Malti, riħa li kellha bżonn għarfien u struttura kulturali sħiħa biex tagħmel sens minnha. Joseph kellu n-nies id-dar, u kulħadd kien qed jiddiskuti x’se jilbes filgħaxija. Il-Haro kienet l-ewwel raħħset u mbagħad qaċċtet il-prezzijiet tal-ilbiesi kollha għax kienet se tagħlaq il-ħanut u kulħadd kellu seba’ mitt sena biex imur u jara x’kien għad fadal, kemm fil-ħanut Tas-Sliema kif ukoll il-Pearl’s Gowns tal-Belt, taħt il-loġoġ viċin tal-qorti.

Dakinhar ukoll, il-Bala kienet għaddejja riħ fuq libsa bix-xinxilli magħmula mit-tape tal-cassettes, metru fuq metru ta’ dik iż-żigarella tal-plastik kannella, jitħabbel u jleqq. Il-Ġurġa kienet qed tissara mal-magna tal-ħjata tagħha stess, ġo Ħal Balzan, tħares lejn l-ilbiesi ta’ “Barbra” biex tispira ruħha għas-serata. Sandro ma kellux magna tal-ħjata, imma ommu kellha gwardarobba mimlija minn fejn jagħżel, u kienu jiġuh. Patruxka serqet il-libsa ta’ taħt tas-satin t’oħtha, qalgħet il-purtiera tal-bizzilla tal-kamra tal-banju minn ġod-dudu u libset kollox flimkien. It-Tutes sabet velu iswed tal-quddies u l-libsa tal-vistu ta’ meta mietet xi zija u baqgħet tielgħa bihom fil-kamra ta’ fuq tad-dar taż-Żejtun. Hi u tielgħa għajnejha waqfu fuq il-vetrina tal-għasafar ibbalzmati ta’ missierha. Fetħet il-vetrina, ħarġet daqquqa tat-toppu, u waħħlitha bil-kolla u l-furfiċetti fuq il-velu li libset fuq rasha. It-Tammy sabet kappell tat-tiben, irrumblatlu quddiem u deffsitlu l-fjuri tal-plastik li kien hemm fil-kamra tal-ikel ta’ nannitha, u b’żewġ hairpins waħħlet troffa xagħar aħmar u libset ġakkettina tal-fufu blu. Il-Qrendija marret all out: żewġ metri matelassé u tnejn oħra astrakhan mingħand id-Dutch House u ħadithom għand Ashley biex tagħmel libsa u bolero puliti ta’ mara tal-affari tagħha.

Kien wasal lejl ieħor biex immorru n-Natasha’s, ballu tas-sinjorini x-Xemxija li mill-bidu tad-disgħinijiet beda jseħħ kull xahar u li fih konna nilbsu, nitilgħu high, u nixxalaw sakemm il-bijokimika ta’ ġisimna ma kinitx tiflaħ iktar. In-Natasha’s ma kienx post fejn immorru nħufu. Orrajt, kien hemm min jiġi mingħalih se jgħabbi, imma n-Natasha’s kien maħkum minn spirtu ġdid fix-xena tagħna: skoprejna l-kostumi, iż-żebgħa tal-wiċċ, it-tkaken, ix-shows, il-moda DIY, id-DJ sets, il-grunge queer, l-afterhours, u l-empatija kimika li fiha l-ħbieb setgħu jsiru maħbubin anki jekk għal ftit sigħat fi tmiem il-ġimgħa darba fix-xahar. In-Natasha’s kien festa kkulurita ta’ potenzjalità, l-aħħar ballu qabel l-għodwa tal-omonormattività li sebħet u daħlet bħal gaffa fuq ix-xena queer fil-bidu tal-millennju l-ġdid.

  • Flyer għan-Natasha's.
    Flyer għan-Natasha’s ta’ lejliet il-Milied 1992, it-tieni darba li sar, u l-ewwel darba bi flyer.
  • Flyer għan-Natasha's.
    Flyer għan-Natasha’s tal-31 ta’ Lulju 1993.
  • Flyer għan-Natasha's.
    Flyer għan-Natasha’s tal-25 ta’ Settembru 1993.
  • Flyer għan-Natasha's.
    Flyer għan-Natasha’s tal-4 ta’ Novembru 1995. Kien għadu kif tħabbar li f’Malta, uffiċjalment, kienu mietu tlettax-il persuna bl-AIDS.
  • Flyer għan-Natasha's New Year's Eve.
    Flyer għan-Natasha’s ta’ lejliet l-ewwel tas-sena.
  • Flyer għan-Natasha's.
    Flyer għan-Natasha’s tal-14 ta’ Diċembru 1996. Il-BSE jew “mad cow disease” dik is-sena fl-Ingilterra kien ikkonfermat li qabżet mill-bhejjem għall-bnedmin fil-forma ta’ vCJD.
  • Flyer għan-Natasha's.
    Flyer għan-Natasha’s ta’ lejliet l-ewwel tas-sena.
  • Flyer għan-Natasha's.
    Flyer għan-Natasha’s ta’ lejliet il-Milied.

In-Natasha’s mill-ewwel kien jinħass li hu importanti għaliex mill-bidu kien iddokumentat kemm bil-video kif ukoll b’numru enormi ta’ ritratti. Mill-ewwel kien hemm sens li qed tinħoloq komunità, li konna parti minn avveniment storiku għas-sinjorini, li xi darba għad inħarsu lura u nippruvaw nifhmu x’kien qed jiġri. Forsi għax, għall-ewwel darba, l-avvenimenti kienu qed jinħolqu minn persuni queer għal udjenza queer. U għalkemm in-Natasha’s ma kienx proġett iżolat — fil-fatt kien infurmat sew minn kurrenti Londiniżi, speċjalment minn serati bħal Taboo u Kinky Gerlinky — kellu grammatika u loġika li kienu indiġeni sew. U jekk serati oħra spiss kien jingħatalhom isem partikolari, in-Natasha’s kien jissejjaħ bl-isem tal-post innifsu, qisu diġà kien hemm fih dak li Joseph u Stefan bħala organizzaturi riedu jevokaw. Ridna l-attitudni u l-ispettaklu, l-ikkampjar u ż-żagħbil, l-ilbies u l-pirmli. Il-proġett Natasha’s kien jinvolvi organizzazzjoni rudimentarja: il-flyer kien magħmul malajr, ikkupjat fuq magna tal-photocopy tal-Malta Independent fejn għamilt żmien nikteb xi artikli għall-gazzetta tal-Ħadd. Armar ma tantx kien hemm bżonn minħabba li n-Natasha’s kien iħaddan fih il-kollezzjoni vasta li kellu Vince, sid il-post, ta’ modernarjat artistiku: minn maskeruni ta’ Gianni Vella għal-lampi tal-Biba’s Emporium iżejnu kmamar sħaħ miżbugħin roża u terazzin li jagħti għal fuq il-bajja tax-Xemxija. Il-lejla kienet tkun ispirata wkoll kemm mill-mużika kontemporanja kif ukoll mix-xena disco tas-sebgħinijiet u mill-kanzunetti tad-divi Taljani. Id-DJ queer kien fenomenu kważi ġdid — kważi, għaliex Malta diġà kien hemm DJ is-Seabed, club tas-sinjorini l-Belt maġenb it-teatru l-imwaqqa’, taħt l-art. U forsi s-Seabed kien l-ewwel iterazzjoni ta’ dan it-tip ta’ ambjent li fih stajt tmur biex tkun faqgħa. Spiss, il-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija, is-Seabed kien jitbattal min-normali għall-ħabta tal-ħdax u minn ġo kaxxa b’tieqa żgħira li minnha kienet iddoqq, il-Kekina tibda ssensel diska f’diska, sett wara sett ta’ diski kkampjati u emblematiċi għas-sinjorini, li kienu jinkludu “Where is My Man” ta’ Eartha Kitt u “On the Radio” ta’ Donna Summer. In-Natasha’s, però, DJ Pierre kellu repożitorju enormi ta’ mużika ġo rasu u kien beda joħloq sonorità queer partikolari, infurmata minn ħsejjes elettroniċi ġodda mħalltin mad-disco klassiku tax-Chic, l-Inner City, Sylvester, Cerrone u r-ritmi tal-Italodisco.

In-Natasha’s kien opportunità biex is-sinjorini jibdew manifattura DIY queer minħabba li l-ilbies u x-shows kienu ċentrali għall-proġett. Il-Facchetti kien qed jirċievi ordni wara l-oħra l-fabbrika tal-Marsa biex jagħmel it-tkaken u l-platforms, spiss f’qisien kbar li fil-ħwienet tan-nisa ma ssibhomx. Is-Sibt filgħodu kont tara s-sinjorini ħerġin kuntenti mingħandu b’xi par platforms lesti għal filgħaxija; l-aħħar biċċa prostetika li kont tixtri biex it-trasformazzjoni tkun kompleta. Uħud, bħal Stefan, il-Ġurġa u l-Bala, kienu studjaw il-ħjata formalment: attendew il-kors tas-City & Guilds u anki kienu jaħdmu bħala ħajjata u stilisti. Spiss, bejn serata u oħra, ix-xiri tad-drapp, it-tfassil, il-ħjata, u t-twaħħil tal-gosti u l-antaċċjoli kienu għaddejjin il-ħin kollu fil-kmamar tad-djar u fil-garaxxijiet ta’ bosta sinjorini, kulħadd jara kif se jitla’ n-Natasha’s u jifqa’ kullimkien bl-ilbies. Ix-shows kellhom bżonn il-ħin u l-ippjanar: kien hemm il-kunċett, id-dekostruzzjoni tal-kunċett, it-tfassil ta’ kif se jimmaterjalizza, l-istudjar tal-lirika, il-koreografija, u l-irreċtar. Minn xahar għall-ieħor kien isir ukoll il-ħasil u l-blow dry tal-parrokki, ix-xiri tal-aċċessorji, it-tfittxija għal makeup tajjeb biżżejjed biex jgħatti d-dell tal-leħja jew il-ħuġbejn, it-tiġrib tal-ilbies u taż-żraben u prostetika oħra li kien hemm bżonn biex narmaw is-suġġettività queer ġdida li konna qed nibnu. Mill-mument li beda, in-Natasha’s konna ngħixuh kuljum, il-ħin kollu, nitkellmu fuq min se jagħmel xiex, x’se nilbsu, x’mużika se nisimgħu, u kif se nvenvnu l-bijokimika ta’ ġisimna b’kimika ġdida. Waqt dawn ix-shows, is-sinjorini tal-klassi tal-ħaddiema kienu ġeneralment jagħżlu kanzunetti Taljani: Patty Pravo, Matia Bazaar, Loredana Bertè, Donatella Rettore, Marcella Bella u Amanda Lear. Dawk iktar borgeżi kienu jagħżlu repertorju bl-Ingliż: Dolly Parton, Diana Ross, Donna Summer u Barbra Streisand. Il-pupi, bħad-Dafni, kienu ġmiel sew u setgħu jitbandlu bejn faqgħiżmu tremend u attitudni nejjieka; oħrajn, li kienu jagħmlu iktar sforz biex ikunu faqgħa, kienu jidħlu b’attitudni iktar solenni u d-DJ mhux darba jew tnejn żarżrilhom id-diska waqt ix-show tagħhom.

Biss, bħal fit-tmeninijiet — meta s-sinjorini spiss kienu jispiċċaw maqfulin ġo vann tal-pulizija meta dawn kienet ittihom is-siegħa u jidħlu fuqhom għal għarrieda waqt is-serati tax-shows il-Pips ta’ San Pawl il-Baħar — fil-bidu tad-disgħinijiet is-sorveljanza kienet għaddejja ġmielha. Ma kinitx ħaġa rari li l-pulizija jitilgħu jseksku biex jaraw x’kien ikun hemm għaddej. Bosta drabi kienu jidħlu ftit, iduru dawra, jgħaddu xi kumment sarkastiku jew tnejn dwar iż-żarmar tan-normalità quddiem għajnejhom u jitilqu ’l barra. Lejl minnhom, però, ġew speċifikament bl-intenzjoni li jwaqqfu ż-żagħbil, mhux bħas-soltu, bil-pretest li jfittxu għad-droga. Daħlu fuqna ftit qabel ma bdejna l-briju u bdew iwaqqfu n-nies li kienu qed jiżżagħblu u jistaqsu għala lebsin b’dak il-mod u jordnaw li nieqfu niżfnu “hekk”. Niftakar lit-Tammy liebsa kaftan tal-lamé gold twila sal-art, xagħarha kollu nokkli afro, terħilha u tiżfen mar-ritmi mgħaġġla b’gaġġa mimlija xemgħat mixgħula maġenbha, filli tħossha pposseduta mir-ritmi ta’ Grace Jones u filli maħsuda xħin rat spettur wieqaf iħares lejha, waqt li d-Dafni ħarġet mill-kamra ta’ fuq liebsa ta’ Kristu Redentur, bil-pjagi miftuħin, bi grupp ta’ sinjorini u liżbjani lebsin ta’ supermudelli jivvowgjaw madwarha. Meta l-pulizija daħlu jgħassu fil-kċina ta’ Vince, li matul il-ġimgħa kien jiftaħ in-Natasha’s bħala restorant, sabu kċina ttrasformata fi gwardarobba mimlija tkaken, parrokki, stoċċijiet taż-żebgħa tal-wiċċ, fliexken taż-żejt u taġnijiet. Dakinhar li daħlu fuqna, in-Nabakka kienet hemm b’libsa ssikkata taċ-chewing gum sewda u takkuna bajda qed tipprova twaħħal l-eyelashes foloz fil-mera l-kbira tal-kamra ta’ fuq u twerżaq kemm tħossha mara. Id-Duluri u l-Maħtufa bdew jimpikaw b’ħafna twerżiq fuq min kien se jagħmel ix-show l-ewwel, u fil-kantuniera tal-kċina, waqt li Anthony kien qed jagħmel il-makeup lis-Sapuna, il-Vanoni kienet qed tistaqsini tistax torqod għandi għax kienet għadha kif ħarbet mid-dar wara li ommha ġabet lil nannitha biex tbaħħarha kontra l-puftaġni. Il-pulizija telqu mingħajr ma sfrattaw is-serata kompletament imma wħud minn dawk li kienu lebsin żarmaw malli rawhom u rħewlha lejn id-Diddies, bar tal-liżbjani Buġibba fejn konna mmorru nixorbu, nilagħbu tnejn billiard, u llestu l-makeup fit-toilet qabel tibda s-serata n-Natashas. U xħin Pierre reġa’ qabad idoqq, il-Maledetta Primavera niżlet tiġri fil-karozza li kienet ipparkjat ħdejn ir-roqgħa ramel tal-bajja, telgħet lura u, inkiss inkiss bdiet tqassam il-pirmli minn ġo borża żgħira tal-bellus. Wara, meta l-briju kien għaddej sew, Pierre waqqaf il-mużika, tefa d-dawl, u wara ftit sekondi ta’ suspans, infetaħ il-bieb tal-kamra ta’ fuq fejn is-sinjorini kienu jbiddlu għax-show. Mal-ewwel noti ta’ “I’ve Never Been to Me” ta’ Charlene, ħarġet Pamela li ftit qabel kienet għadha kif belgħet l-ewwel White Dove. Kienet ukoll l-ewwel darba tagħha li libset. Pamela kienet ġmiel li jgħammxek, b’libsa twila bajda b’għonq irqiq tad-djamantini u xagħar twil iswed miġbud kollu lura. Brillantini mwaħħlin bil-kolla jorbitaw id-dawra t’għajnejha, par xufftejn imlaħħmin u jleqqu bil-lipgloss. Kif bdiet tkanta ma’ Charlene dwar il-qoħob u l-abort, bdiet tielgħa raxxjatura wara raxxjatura ta’ hena interna waqt li tiftaħ dirgħajha qisha qed ittir minn fuq it-taraġ għal fuq in-nies li kien hemm taħtha fil-kamra r-roża. Dakinhar, tant kienet sabiħa u l-kimika ġo ġisimha tant ħadmitilha sew li bdiet tiddi — il-White Dove mlietha b’dija li bdiet tferrex fuq in-nies li kien hemm jiżfnu madwarha kull darba li trewwaħ dirgħajha fuqhom.

Il-proġett Natasha’s kien infurmat minn dan l-ispirtu u minn din l-enerġija. Kien ukoll risposta għal deċennju li kważi ħassarna. Sal-ewwel snin tad-disgħinijiet madwar id-dinja kienu mietu mijiet ta’ eluf ta’ rġiel omosesswali u bisesswali bil-kumplikazzjonijiet tal-AIDS, dawk li Susan Sontag sejħitilhom “klassi ġdida ta’ nies imwarrbin għall-bqija ta’ ħajjithom”. F’Malta, l-AIDS daħlet fil-bidu tat-tmeninijiet, l-ewwel minħabba li ma kienx hemm screening tad-demm għall-virus tal-HIV fil-Profilate — plażma tad-demm ipprovdut minn Abbott Laboratories lill-pazjenti li kellhom l-emofilja — u ftit wara, jekk mhux fl-istess ħin, bdiet tiġi trażmessa bis-sess bejn l-irġiel. F’dan il-kuntest, il-maġġoranza tal-irġiel li ttestjaw pożittivi għall-virus tal-HIV sa nofs id-disgħinijiet żviluppaw l-AIDS. Il-kuntatti li kellna aħna s-sinjorini fid-Dipartiment tas-Saħħa, bħal tobba u infermiera queer li kienu fix-xena, kienu jgħidulna li ftit kienu dawk li jilħqu jgħixu biżżejjed biex jiżviluppaw il-leżjonijiet tas-sarkoma ta’ Kaposi, jew waħedhom jew ma’ infezzjonijiet opportunistiċi oħra bħall-Epatite B u C. Fl-ewwel snin, dawk li ħarġitilhom l-AIDS ma għexux iktar minn seba’ xhur. Ħafna minnhom kienu taħt it-tletin sena u kienu jidentifikaw bħala omosesswali jew bisesswali. Qabel l-AIDS, il-pufta (terminu li llum qed nirriapproprijawh) kien diġà kellu ġisem differenti, diġà kien kostrutt ġuridiku, mediku u soċjali għalih, imma fit-tmeninijiet, fuq ġisem il-pufta żdiedu l-leżjonijiet, il-mard, il-mewt u l-paranojja assoluta. Iċ-ċirkostanzi mimlija potenzjal tar-rivoluzzjoni sesswali tas-sittinijiet ġew maqluba f’emerġenza patoloġika: il-pufti ġew medikalizzati; id-demm tal-omosesswali sar numru anonimu fil-laboratorji u l-isptarijiet; kull pufta qalgħuhielu “l-Aids; kellhom id-dudu, il-pesta, il-mard, id-dell, il-ħmieġ, is-saħta divina. Kien ħaqqhom għax kienu egoisti li jgħixu bla mara u bla tfal.

Diffiċli nerġa’ lura għall-memorja ta’ kif sirna konxji li l-komunità se tlaqqatha sew: l-Amerka, l-Ingilterra u Franza, pereżempju, għandhom arkivji sħaħ ta’ min ittieħed u miet. L-arkivji tal-AIDS Coalition to Unleash Power (ACT UP) huma miżmumin fil-Librerija Pubblika ta’ New York, fejn kienet twaqqfet fl-1987. Flimkien mal-arkivji li jiddokumentaw l-attiviżmu ta’ ACT UP hemm ukoll arkivji personali ta’ individwi li ħallew warajhom ittri, djarji, noti, illustrazzjonijiet u videos. L-istess hemm fl-Arkivji Nazzjonali tar-Renju Unit. Act Up-Paris, li twaqqfet minn Didier Lestrade, Pascal Loubet and Luc Coulavin fl-1989, għandha l-arkivju sħiħ miżmum fl-Archives Nationales f’Pariġi. Madwar dawn idur ukoll apparat intellettwali, studji u kitbiet minn teoristi tas-soċjoloġija, l-istorja, u l-epidemjoloġija. Malta la għandna arkivju u lanqas nafu l-istejjer ta’ sħabna u l-maħbubin tagħna li mietu f’dawn iż-żminijiet fejn spiss is-sitwazzjoni kienet tiġi kkumplikata minħabba l-fatt li la kellna gruppi ta’ nies li kienu jitkellmu bil-miftuħ dwar is-serostatus tagħhom u lanqas kien hawn il-qafas legali li seta’ jżomm lill-ġenituri milli jwarrbu ’l uliedhom minn sħabhom meta jimirdu. Għad għandna omertà kważi assoluta dwar kif l-epidemija daħlet Malta u l-impatt li kellha fuq il-komunità tan-nies queer. Il-ġenituri spiss kienu jivvintaw kawżiet tal-mewt li ma kinux imbarazzanti u allura tlifna anki l-istorja orali. Il-kitbiet li għandna huma bbażati fuq ftit statistiċi mediċi, inkompleti u inkonklużivi. L-istorja tal-epidemija f’Malta baqgħet bla narrattiva umana, qisu qatt ma ġara xejn, qisna bqajna għomja għal dan il-kolonjaliżmu ġdid, din id-darba minn virus. U s-silenzju ma kienx bla konsegwenza. Anzi, kien ifisser li għal ħafna nies, inklużi nies fix-xena queer kif ukoll dawk li kienu involuti biss fil-promiskwità sesswali għax kienu straight jew miżżewġin, l-HIV baqa’ xi ħaġa ta’ ħaddieħor, tal-barranin, li f’Malta baqa’ ma daħalx. Forsi dan is-skiet kien ħtija tas-skiet dwar is-sess li, kif qal Derek Jarman fil-kitbiet personali tiegħu dwar l-AIDS, kien it-tort ta’ elf sena ta’ ndħil Nisrani, tort ta’ Santu Wistin li xtara qdusitu billi ntefa’ jeqred fuq id-dnubiet li kellu bejn saqajh. Jew forsi s-skiet madwar l-AIDS fit-tmeninijiet kien sforz il-fatt li kulħadd kien medhi jara kif se jeħles minn Mintoff u Lorry Sant. Sakemm ma konniex qed inħarsu, il-virus tlaqqam il-Pesta tal-Pufti, il-Kanċer tal-Gays. Sakemm ma konniex qed inħarsu, il-pufti li kienu ħaduha ħbew il-marda, twarrbu kompletament, ittieħdu mir-regolatur bijopolitku u mill-istrutturi ta’ protokoll legali li jiġu miegħu. Sakemm ma konniex qed inħarsu, kemm nies qatlu lilhom infushom? Kemm maħbubin ma stajniex naraw iktar għax il-familja neħħitilna l-aċċess għalihom mhux biss fl-aħħar ġranet ta’ ħajjithom imma anki wara mewthom, l-istess familja li kienet keċċiethom mid-dar u li issa ġew jieħdu dak kollu li hu f’isimhom? Sakemm ma konniex qed inħarsu, il-ħarġa li kont tagħmel s’għand it-tabib regolarment biex tara li kollox sew jew biex tixtri l-mediċina kontra l-furrax jew il-gonorrea, issa saret ħarġa sal-kamra mortwarja.

Illum nafu li qabel l-ewwel każijiet uffiċjali, kien hemm dawk li ntebħu x’inhu ġej fuqhom u twarrbu, minn familthom, minn Malta, minn sħabhom, u marru jmutu waħedhom. Illum nistgħu naslu għall-konklużjoni li ma mitux għax siefru u gidimhom xi insett eżotiku, jew għax kellhom xi ħaġa fl-istonku, kif spiss kien jintqal pubblikament. Mietu għax, kif qalu Lauren Berlant u Elizabeth Freeman, ma kinux suġġetti politiċi rikonoxxuti. Qabel ma tfaċċa uffiċjalment l-ewwel każ f’Malta fl-1984, nafu li kienu diġà mietu numru ta’ nies fix-xena queer però ma kellniex il-qafas mediku, kulturali jew lingwistiku biex nagħmlu sens minn dak li kien qed jiġri. Fil-verità ħadd ma kellu. “L-AIDS tibda bl-imwiet, jikteb Tom Crewe. “Għall-ewwel kien hemm biss konfużjoni, inkomprensjoni. Iġsma li malajr saru inkomprensibbli għalihom infushom. Għaraq ta’ billejl, ħruq ta’ Sant’Antnin, traxx, dijarea, selħiet li jiffullaw fil-ħalq u jagħmluha impossibbli li tiekol. Forma fantastikament rari ta’ pulmonite. Dimensja fi rġiel ta’ għoxrin sena: imħuħ li ċkienu u nixfu. Tuberkulożi tal-istonku, tal-mudullun. Kanċer li suppost jimxi bil-mod, li suppost ifeġġ f’forma li ma tagħmilx ħsara fi rġiel anzjani tal-Mediterran, beda jħaffer minn barra għal ġewwa: minn marki fuq il-ġilda, sal-istonku u l-pulmun. Mard mhux tal-bniedem: irġiel li jmutu mill-mard tan-nagħaġ, tal-għasafar, tal-qtates, mard li ebda bniedem qatt ma kien miet bih qabel. Fil-pubbliku għall-ewwel issemmiet GRID (Gay Related Immune Deficiency) kemm minħabba li l-ewwel każijiet kienu mħabbra fir-rivista gay New York Native u kemm għaliex deher li bdiet tolqot il-komunità ta’ rġiel omosesswali li kienu promiskwi. Wara bdiet tissejjaħ “il-marda 4H”, minħabba li t-tobba bdew josservaw li mhux l-omosesswali biss bdew jintlaqtu imma anki dawk il-persuni li jinjettaw lilhom infushom bl-eroina, il-persuni li għandom l-emofilja, u persuni minn Haiti. Qabel ġiet stabbilita r-rabta bejn l-HIV u l-AIDS, ix-xjenza kienet għadha qed tissara biex tiżola l-virus: Robert Gallo kien ħabbar li iżola l-HTLV-III (human T-lymphotropic virus type III) waqt li Françoise Barré-Sinoussi u Luc Montagnier ippubblikaw ir-rapport li fih ħabbru li kienu iżolaw l-LAV (lymphadenopathy-associated virus) bħala l-kawża tal-AIDS. It-tnejn li huma, fil-fatt, kienu l-istess retrovirus u fl-1986 ingħata l-isem HIV. Meta s-CDC bdiet issejjaħ ’il-marda “AIDS”, il-ħsara fuq il-persuni u l-komunitajiet fil-mira kienet laħqet saret.

Ħafna mill-ewwel irġiel li bdew jinnutaw is-selħiet f’ħalqhom, il-leżjonijiet tas-sarkoma ta’ Kaposi, il-ħruq ta’ Sant’Antnin, beżgħu jmorru għand it-tabib; id-djanjosi kienet kundanna għall-mewt. Malta ġżira, però ma kinitx maqtugħa mid-dinja u fin-networks queer l-aħbarijiet jiġru malajr ħafna. Malajr bdejna nisimgħu li jekk tibda tara l-leżjonijiet fuq ġismek u s-selħiet f’ħalqek, mela tkun laħqitek. L-immappjar tal-ġisem sar ossessiv, il-paranojja assoluta. Iżda jekk l-attivisti fl-Anglosfera bdew iħambqu li s-silenzju kien ifisser mewt, f’kuntesti żgħar bħal tagħna, li tiftaħ ħalqek kien ifisser mewta oħra, mewta doppja. Kont tinqatel mod ieħor, għax iwarrbek kulħadd. Kien hawn ukoll reżistenza għall-informazzjoni, kemm mill-pubbliku ġenerali kif ukoll mix-xena queer u mill-ħaddiema tas-sess. Reżistenza uffiċjali fl-Anglosfera kien hemm ukoll, imma bid-differenza li huma kellhom il-pressure groups. F’Malta, ir-reżistenza baqgħet sejra sal-ewwel jiem ta’ attiviżmu fil-bidu tad-disgħinijiet, meta twaqqfet il-HANDS, komunità ta’ appoġġ immexxija minn voluntieri taħt il-kappa tat-Taqsima tal-Edukazzjoni tas-Saħħa u l-Kumitat Nazzjonali dwar l-AIDS, u bdejna mmorru nqassmu ċ-ċfuf ħomor u l-istickers tal-AIDS Awareness. Konna nilbsu T-shirts biċ-ċoff aħmar fuq quddiem u fuq wara disinji li juru x’kien ta’ riskju u x’ma kienx. Dan l-aħħar, waqt avveniment ta’ qari l-Librerija Geġwiġija, Anna Zammit ftakret li kienet żammet wieħed minnhom, u bagħtitli ritratt. Meta konna noħorġu fit-toroq il-Belt u Tas-Sliema noffru informazzjoni verbali u stampata u nitkellmu dwar l-AIDS, in-nies kienu jaqsmu t-triq, jgħajtu magħna, jobżqulna, ikeċċuna ’l hemm, jiġu jiġru warajna u jixħtulna l-ilma mbierek. In-nuqqas ta’ informazzjoni kien agħar fil-grupp ta’ nies li kienu jħufu imma ma kinux fix-xena: l-aħbarijiet lil dawn in-nies ma kinux jaslulhom għax ma kellhom l-ebda aċċess għad-diskors. Tkun il-ġnien, tidħol ġo karozza, u ma’ min tkun se tagħmel jistaqsik jekk intix nadif, jekk inħsiltx, għax jibża’ mill-mard. Fil-pubbliku inġenerali baqgħet tidwi l-idea li l-virus tal-HIV kien jiddependi mill-indafa taż-żobb. Kien hemm ukoll il-problema li l-irġiel tal-klassi tal-ħaddiema li kienu jmorru mat-travesti ma kinux iqisu lilhom infushom bħala parti mill-milieu queer għax dak iż-żmien, il-pufti kienu sinjorini. Minħabba f’dan, dawn l-irġiel ma kinux iqisu lilhom infushom bħala membri tas-soċjetà li kienet f’riskju akbar. Din iċ-ċaħda kienet ta’ periklu kbir. Peress li l-HIV kien tal-pufti, ħafna ma basrux li se tilħaq lilhom ukoll; ħasbu li l-eterosesswali kellhom il-privileġġ ta’ xi forma ta’ immunità.

Uħud minna fix-xena forsi salvajna għax konna żgħar, u l-kbar kienu jwissuna. Niftakar l-ewwel darba li mort vaganza waħdi: Londra bl-Air Europe. Kelli seba’ mitt sena biex immur indur il-barijiet tal-patrimonju queer. Sibt hostel Earl’s Court fejn qsamt kamra ma’ tliet Amerikani li bħali kienu qed ifittxu familja ġdida. Earl’s Court kien iċ-ċentru tal-ħajja queer f’Londra ta’ wara l-gwerra b’postijiet storiċi bħall-Coleherne Arms fuq l-Old Brompton Road. Kont miftiehem li niltaqa’ ma’ ħabiba tiegħi trans Maltija li trabbiet Londra u ġiet mill-ewwel il-hostel. Xħin ftaħt il-bagalja, sibt pakkett condoms: ommi kienet tefgħethomli hemm mingħajr ma kont naf. Ħabibti qaltli li aħjar hekk, li għandi noqgħod attent, u bdiet tispjegali x’kien qed jiġri madwarna. Dan l-aħħar indunajt li ommi kienet taf x’inhu jiġri ħafna iktar milli immaġinajt jien: waqt li kont qed inqalleb f’xi djarji li ħalliet, sibt ir-riżultati tat-testijiet tagħha. In-nisa tax-xogħol kienu diġà qed jagħmlu t-testijiet fit-tmeninijiet u ġiet lura l-memorja li kienu jmorru jixtru l-condoms minn spiżerija l-Imsida. Minħabba li kien hemm skumdità kbira biex tidħol tistaqsi għall-profilattiċi fl-ispiżerija, l-ordni kienet tiġi ppakkjata u lesta f’borża tal-karti kannella. Għalina l-omosesswali, il-problema tal-condom kienet li dawk l-irġiel li veru kellhom bżonn ma jmissux mal-liba kellhom jikkonvinċu lil min kien se jmur magħhom biex jilbes condom. Spiss, dak il-proxxmu kien ikun wieħed li ma tafux minn Adam u kien jieħu għalih li qed tinsinwa li hu infettat.

L-AIDS verament daħal fil-kuxjenza pubblika — mhux f’Malta biss — meta f’Lulju tal-1985 tħabbar li Rock Hudson kien seropożittiv. In-nanna kienet tara Dynasty fuq it-televixin u Hudson kien magħruf sew. Kien qam pandemonju sħiħ għax kulħadd beda jibża’ li Krystle kienet laqqtitha minħabba li f’episodju minnhom kienet bisitu. Tgħallimna dwar l-HIV/AIDS mill-films. L-ewwel kien hemm The Early Frost; niftakar ’l ommi tarah u tibki u tgħidli biex narah għax importanti. Wara, iddubbajt kopja ta’ Longtime Companion li fih, għall-ewwel darba, rajt kif id-diskors kien qed jinbidel f’wieħed li jobbliga ’l-omosesswali jiċċaħħdu mill-kuntatt fiżiku. Fhimt li kelli nagħmel hekk jien ukoll. Bdejna nisimgħu l-ewwel diskors tal-iżolament, bdew jgħidulna biex inġerruh biss, nitlambsu biss, mingħajr kuntatt orali jew anali. Lanqas bżieq, għax jittieħed. Waqt li sħabi kollha tal-iskola kienu qed jaraw kif se jgħabbu u jaħxu, jien kont qed nara kif se nrażżan id-deżiderju. Inżilt il-ħanut ta’ Geraldine Tas-Sliema biex, bħall-protagonist tal-film, nixtri skoss prostetika New Age biex nipprova nrażżan il-leblieba ta’ żgħożiti bil-mużika mit-Tibet u l-qari dwar iċ-ċakras. Għamilna żmien twil nippruvaw nifhmu mnejn ġiet, jekk kinitx il-promiskwità tas-sebgħinijiet stess, jekk il-virus kienx espressjoni patoloġika tal-puftaġni, jekk il-virus kienx marbut u rieqed ma’ xi ħajta ġenetika u li jiġi espress meta tibda taħxi. Li naf hu li fil-ġenerazzjoni tiegħi, dawk li ħriġna fix-xena meta bdew imutu l-ewwel irġiel queer Maltin, is-sess kien problema fuq ħafna livelli, mhux biss morali u mediċi. Tgħallimna wkoll, però, għax id-Dipartiment tas-Saħħa lokali beda jaħdem malajr biex jinforma ’l-pubbliku: it-Taqsima tal-Edukazzjoni tas-Saħħa ppubblikat l-ewwel fuljett dwar l-AIDS fl-1986, ftit wara li ġiet stabbilita l-konnessjoni bejn l-HIV u l-AIDS. Dik is-sena stess, f’Marzu, l-AIDS saret “marda notifikabbli b’mod obbligatorju” u f’Diċembru twaqqaf il-Kumitat Nazzjonali dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-AIDS. Sentejn wara, f’Jannar tal-1988, Malta adottat id-definizzjoni uffiċjali tal-AIDS tad-WHO u tas-CDC. It-tobba bdew jirċievu ċirkulari. Sadattant, in-numri bdew telgħin sew u kien hemm emerġenza fost it-tobba. In-numri telgħin u sinjal ta’ kura mkien.

Is-sorm sar żona pprojbita għalina. Is-sess anali beda jsir tan-normali biss. Is-soluzzjoni għal bosta nies queer kienet li jibdew jimmappjaw żoni eroġeni ġodda tal-ġisem, ġeografija libidinali nonġenitali, spazji erotiċi somatiċi lil hinn mis-sorm. Meta qalulna li nistgħu nerdgħuh, is-sess orali sar it-trofew tal-pufta u daħal fid-diskors bħala l-iktar forma sigura ta’ intimità. Issilitna sew biex nippruvaw nimmaġinaw is-sess liberu: ġieli, fil-karozzi ta’ xulxin il-Ġnien tal-Gżira nisimgħu xi mixtape, konna niffantasizzaw dwar x’se nagħmlu la jsibu l-kura: inniżżel il-qalziet u nintefa’ sormi barra l-Bombi; min irid, idaħħlu, għax sormi ta’ kulħadd. Drabi oħra, konna nużaw l-ironija biex indawru d-dwejjaq u l-biża’ f’soċjalità li kienet tgħaqqadna flimkien u li kienet tikxef il-verità, xi kultant b’mod krudili, biex ngħixu iktar komdi biha. Il-laqmijiet kienu waħda minn dawn l-istrateġiji li bihom kienet tinkixef il-verità kattiva u niggieża: Waslet Vjoletta l-Vajrus! Inkella, il-konfront dirett: Maaa kemm xerqitlek id-dieta tad-dudu! Kemm ġejt pupa! Għuda! Heroin chic sew sew sew! Spiss, kienet tintuża wkoll il-metafora tat-tqala. Meta l-Veronka ċemplulha mill-isptar biex jgħidulha li r-riżultat ġie lura “indeterminat” — dak iż-żmien sinjal bil-pulit biex terġa’ tagħmel it-test għax disgħa u disgħin fil-mija tkun laqqattha — niżlet il-Ġnien imbikkma u meta wieħed minna staqsieha xi ġralha, irrispondiet: naħseb żammejt. Fl-esej “Los diamantes son eternos (frívolas, cadavéricas y ambulantes)”, il-kronista Ċilean queer Pedro Lemebel ifakkarna li s-sinjorini dejjem isibu strateġiji ta’ kif idawru d-dehra tal-mard f’attributi faqgħa li jgħinu l-apparenza. “Meta tidħol sinjorina f’waħda minn dawk il-bakkanalji kkampjati bħal xi show tal-moda, xi salon tax-xagħar, xi programm ta’ prevenzjoni, xi avveniment kulturali, xi dimostrazzjoni, jew xi serata ppuftjata, il-leżjonijiet tas-sarkoma ta’ Kaposi jiddawru f’apparat li jsebbaħ id-dehra: Kemm int faqgħa! Kemm tixraqlek is-sarkoma!” B’hekk il-mard isir saħħa, u xejn ma jibqa’ tremendament tal-biża. L-istess tgħidli l-Patsykensit dwar meta l-Kangaroo daħal il-Metropolis u kulħadd induna li beda jogħlob bis-sekondi: Meta daħal, kważi ’qas għaraftu. Kien ili s-snin iffissata fuqu — kellu biċċa ta’ żobb, kien gustuż, dejjem irid jagħmel. Kont immur is-Savoy apposta għax hemm kien iħobb jintefa’, forsi jsib xi ġuvni straight jaħxih — ma kienx iħobb jgħabbi mis-City Lights. Meta daħal il-Metropolis, kulħadd siket u wara ftit, bil-fixla, id-Debbie bdiet tgħidlu kemm sbieħ issa li għolob: U ajma kemm int ħelwa issa, ara ħa kemm xerqitlek. Lemebel jgħid ukoll li forsi huma dawn l-istrateġiji li kienu jgħinu biex l-infettati ma jmutux bid-dipressjoni qabel jitfagħhom il-virus fil-qabar. “Kien f’mumenti intimi bħal dawn li s-sinjorini kienu jwaqqgħu l-pretensjoni Nisranija jew maskili li spiss kienu jużaw meta jmorru jitkellmu fuq it-televixin biex jevitaw li jiġu ostraċizzati b’mod doppju. Ifhem, qed jgħidu li sabu l-kura, AZT, imma min jaf kemm se ddum ma tasal hawn mill-Amerka! L-AIDS titkellem bl-Ingliż mhux bil-Malti, kien qal il-Kangaroo. Il-Patsykensit qabżet: AZT, Silicone: kollox ineffaħ. Faqgħa! Jekk tiġi hawn, jien stess indeffes is-siringa ġo sormi. L-aqwa li tneħħili t-tikmix. Il-Ġnien tal-Gżira, biex tneħħi naqra min-niket meta tasal xi aħbar dwar xi ħadd li laqqatha jew li miet, ġieli kont tisma’ leħen il-Qrendija jidwi fid-dlam ċappa, iserrep mas-siġar taż-żnuber u jittajjar għal fuq l-ilma lejn Manoel Island: Pawla, Pawla, hawn Libjan irid jaħxina bla condom, ġejja? U kulħadd jitgħawweġ bid-daħq. Wara ftit, ir-realtà kienet tinżel fuqna bħal firxa nida matutina, kiesħa, ixxoqq l-għadam. Nindunaw li qegħdin viċin wisq tal-Lazzarett, u nerġgħu lura għad-diskors dwar id-diski u l-kotba u s-seksik fuq dik u l-oħra. Kibret kultura sħiħa bbażata fuq il-waħx tas-sess, biss madwarha kibret ukoll kultura parallela sħiħa ta’ xalar li konna naħarbu fiha bħala sfog. In-Natasha’s kien parti minn din il-ħarba: l-ilbies, il-mużika, il-kimika, l-attitudni, u l-faqgħiżmu.

Mill-ġenb t’għajnejja rajtek tħares fit-tul lejn ir-rifless tiegħek fil-mera tal-kuritur tal-flat li kont tikri l-Mosta fejn jarma s-suq ta’ matul il-ġimgħa. Innutajt f’għajnejk tleqqija li s-soltu ma jkollokx: il-kpiepel t’għajnejk kienu vjola skur ileqq u jlellex bil-prodotti ta’ Mary Quant mimlija bil-majka, it-terra, it-tafal u l-asbestos, li kont sibthom fil-kexxun tat-twaletta ta’ ommok u li ġibthom miegħek. Għamilt il-kulur ikħal fit-truf, fejn is-soltu jkollok żlieġa bajda għax meta tagħmel il-lapes, għajnejk idemmgħu. Il-pinzell iżellaq il-prodott fuq il-kpiepel t’għajnejk u jillustrahom: nitridu tal-boron jew żejt tal-paraffin. Għajnejk jidhru kbar, miftuħin, imdawrin b’orbita planetari ta’ kuluri li jkanġu wieħed fl-ieħor, sħaba ta’ trab stellari u kożmiku, ikħal il-verġni tas-sema, dehra Marjana fuq il-kpiepel t’għajnejk. Tersaq viċin lejn il-mera, titfa’ l-ponta ta’ subgħak iż-żgħir f’ħalqek għal ftit bżieq u timsaħ il-ġenb fejn taħseb li qed iżżelleġ. Narak maqbud fil-meravilja, bejn tagħraf u ma tagħrafx lilek innifsek fil-mera, tiċċassa u titbissem lil din il-persuna li ħloqt bil-kuluri, dan il-wiċċ ieħor li qatt ma kont rajt qabel. Jekk fis-sittinijiet Mary Quant għamlet dawk il-kuluri għax l-ilbies modern kellu bżonn makeup ġdid, għalik wiċċ ġdid kellu bżonn apparat teknoloġiku tal-ġisem li jmur miegħu. Rajtek titfa’ l-pala t’idek ix-xellugija taħt il-minkeb tal-lemin, ittellagħha dritta ’l fuq biex iddaħħal is-sigarett f’ħalqek u tieħu nifs ’il ġewwa. Sidrek, immuskulat minn snin taħdem l-injam, jitla’ ’l fuq; xufftejk tagħsarhom flimkien biex tiġbed in-nifs tas-sigarett u mill-ewwel tinduna li dak huwa eżatt l-effett li trid għalihom: magħsurin, imdawrin u ttundjati. Tridhom jidhru mibruma. Il-parrokka sewda qed tqabbdek il-ħakk fil-qurriegħa imma tissaportiha għax qed tieħu gost titfa’ subgħajk f’dak it-tul bellusi, iddaħħalhom bejn troffa u oħra u żżerżaqhom ’l isfel, u titfa’ troffa wara widintek. Narak tiltaqa’ ma’ dan il-wiċċ li xiddejt għal-lejla, lesta biex tmur mas-sinjorini l-oħra tieħu sehem fil-Miss Natasha’s, bejn farsa nejjieka u serjetà solenni, f’dak l-ispazju li ’qas int ma taf taqra sew, bejn wiċċ effimeru u wiċċ permanenti; identità maħluqa malajr, fil-mera, bil-kożmetika, imma identità eterna, persuna oħra interna li għandek il-kuraġġ tidħol issibha fid-dlamijiet tal-abbissi ta’ ġo fik, li ssejħilha biex tiġi viċin titkellem għalik. Ritwal xamaniku quddiem mera. Tgħidli li jiġu quddiem għajnejk il-ġranet ta’ tfulitek meta kont tidħol f’xi ħanut man-nanna u tieqaf tiċċassa lejn il-prodotti tan-nisa, il-lipsticks, il-lapsijiet, l-eyeshadows, il-pniezel u l-isprejs tax-xagħar. Tgħidli li meta kont tfajjel, kont ġieli tidħol għand l-ispiżjara u tistennieha tmur fil-kamra ta’ wara ġġib il-pirmli tar-riċetta biex bil-moħbi titfa’ fil-but xi kaxxa kulur tal-għajnejn. U tmur id-dar, tinqafel fil-kamra tal-banju u tibda tinżebagħ, kull ġest bil-pinzell isir is-sejħa lill-oħra li tibda, qajl qajl, tidher fil-mera. U magħha ġġib ferħ kbir, ġmiel, trasformazzjoni, trasfigurazzjoni li tista’ tifhimha biss għax kellek snin ta’ duttrina u qari mill-bibbja li għallmuk tifhem li l-ġisem jista’ jinbidel quddiem għajnejk, jittrasforma, isir, iseħħ, u jiġġissem mill-ġdid. Illum, imma, narak tħares lejn wiċċek b’għajnejn miksura, imfawra bl-ermenewtika tas-suspett. Narak tersaq viċin il-mera u b’pinzell oħxon tħaffef fuq il-wardiet ta’ wiċċek li madonna qed narahom jinxtorbu u jitgħaddmu. Qed narak tgħaġġel biex tipprova tgħatti t-tikek ta’ infjammazzjonijiet żgħar li ksewlek wiċċek dal-aħħar. Narak tipprova tgħatti mhux tikxef, narak taħbi minnek innifsek, minni, minn kulħadd. Nara għajnejk żlieġa; mhux jibbru. Nara l-ħofor t’għajnejk isiru orbiti suwed lesti biex jibilgħu l-kumplament ta’ wiċċek.

Bdejna nitgħallmu x-xjenza tal-HIV/AIDS tard wisq. Kienu għaddew ’il fuq minn għaxar snin mill-ewwel imwiet. U minħabba li l-iktar komunità milquta mill-virus kienet dik tal-pufti, ma kienx hemm xi għaġla partikolari biex tinsab soluzzjoni medika: il-President Amerikan Ronald Raegan, pereżempju, dam seba’ snin biex semma l-AIDS pubblikament, u meta l-amministrazzjoni tiegħu bdiet issemmiha, semmietha b’disprezz u ħalltet il-moralità mal-mediċina. Thatcher ukoll ma tantx kellha xi interess partikolari u għamlet ħilitha biex l-AIDS ma tingħatax wisq attenzjoni; kienet għaddiet liġi, magħrufa bħala s-Sezzjoni 28, biex tipprojbixxi li l-omosesswalità tiġi “promossa” fl-edukazzjoni u fl-ispazji pubbliċi. Ħniżrija ta’ nies, kien qalli Pawlu, infermier li kien wieħed mill-ewwel nies fil-komunità li miet bil-kumplikazzjonijiet tal-AIDS. Ħasbu li jekk titkellem fuq il-pufti, it-tfal se jikkonvertu. Bħallikieku m’għamilniex ħajjitna kollha nisimgħu fuq kemm hi faqgħa l-eterosesswalità… u xorta hawn qegħdin. Is-Sezzjoni 28 ippruvaw jużawha biex iwaqqfu l-fondi tar-riċerka tal-HIV/AIDS u l-ewwel ma ħadet daqqa kienet il-London Lighthouse, klinika mwaqqfa biex fiha tingħata kura lil dawk li kienu seropożittivi u dawk li żviluppaw il-kumplikazzjonijiet tal-AIDS. Kulħadd beda jistħi mill-assoċjazzjoni man-nies infettati, forsi għaliex l-AIDS kienet assoċjata mad-demm, mal-liba u mat-toqba tas-sorm. Ħafna nies qalu lill-ġenituri tagħhom li huma gay fl-istess nifs li qalulhom li kellhom l-HIV. Ħafna spiċċaw fit-triq. Meta l-kittieb-attivist Larry Kramer qal lil tad-dar, missieru rrispondieh li xtaq li kien ġabha fil-loki minflok f’ommu.

L-ewwel tagħlim proprju beda ġej mingħand dawk li kienu jqattgħu l-ħin tagħhom bejn Londra u Malta, speċjalment dawk il-ħaddiema tas-saħħa omosesswali li kienu jitilgħu Londra jaħdmu bħala voluntieri l-London Lighthouse, jgħinu lil dawk li kienu żviluppaw il-kumplikazzjonijiet u l-infezzjonijiet opportunistiċi. Hawnhekk jiġi f’moħħi Michael, wieħed fil-klikka tagħna li spiss konna noħorġu flimkien induru bir-rota, ninżlu Paceville u nitkellmu fuq l-isfidi li kellu bħala raġel omosesswali dikjarat f’familja reliġjuża u dejqa. Michael kien twil, samrani u gustuż. Jekk Malta kien popolari minħabba l-ġisem atletiku tiegħu, is-smurija Mediterranja tiegħu kienet tiddi fl-Ewropa ta’ Fuq. Kien ilu jitla’ jagħmel xi xogħol il-London Lighthouse minn mindu kien fetaħ iċ-ċentru, l-ewwel fid-daycare unit u wara fis-sezzjoni residenzjali. Biss, sajf minnhom Michael ma deher imkien. Kont nistennieh jgħaddi għalija bir-rota jew nittama li forsi narah il-Belt, però ma rajtu qatt iktar. Waslet l-aħbar li kien ittestja seropożittiv u li kien reġa’ lura Malta. Malajr żviluppa l-kumplikazzjonijiet li kulħadd kien jibża’ minnhom, il-marki li kulħadd kien ifittex fuq ġismu, imwerwer li se jarahom. Ma damx ħafna ħaj. L-aħbar waslet u r-reazzjoni fix-xena kienet bierda, jekk mhux indifferenti. F’komunità fejn l-iperboliżmu tal-affett kien ħaġa komuni, in-nonreazzjoni għall-mewt tan-nies bil-kumplikazzjonijiet tal-AIDS bdiet tikxef biża’ ikbar: kull mewta kienet tfakkira tal-imminenza tal-mewt tagħna. It-tluq ta’ Michael, però, baqa’ suġġett ta’ mistħija għal ħafna żmien: kien wieħed minn tal-inqas tliet ġuvintur li naf bihom jien li ġisimhom mejjet ma tħalliex jidħol fil-knisja għall-quddiesa funebri; it-tebut tiegħu tħalla fuq iz-zuntier jistenna r-riti tal-mewt fiż-żiffa melliesa ta’ ġurnata tar-rebbiegħa f’Ħal Qormi.

Biss, jekk l-HIV u l-AIDS kienu preżenti fiċ-ċrieki ta’ nies li jgħixu Londra u li kont naf, jew fost dawk in-nies li kienu qed jgħollu r-riskju bil-ġiri, fil-bidu tad-disgħinijiet l-HIV daħal fil-klikka tagħna u ġejna wiċċ imb wiċċ miegħu b’mod iktar dirett. Philip kien daħal fix-xena minn imkien; ħadd ma kien jafu. Darba minnhom, għand sieħbi li kien jikri dar Blanche Street, Tas-Sliema, fejn konna nintefgħu waranofsinhar nixorbu t-te u nitkellmu fuq il-faqgħiżmu fil-letteratura, iċ-ċinema u l-mużika, feġġ Philip. Philip kien sema’ mingħand xi ħadd li kien hemm klikka sinjorini jintefgħu Blanche Street u kulħadd merħba bih, l-aqwa li titkellem. Meta wasalt jien, sibtu hemm: xorz tal-ġilda iswed b’katina mdendla minn waħda mill-ħoloq taċ-ċinturin, flokk taċ-ċingi abjad u qmis tal-flanella ħamra bil-kmiem imqattgħin, imsielet ħolqa żgħar f’widnejh, xagħru mqaxxar, u bil-leħja. Kien liebes Dr Martens iswed. Philip kien jiġi minn New York iżur xi qraba Malta; kien ilu jgħix l-Istati Uniti snin twal. Meta kien għadu Malta kien daħal postulandant f’ordni reliġjuża għax kien miġbud lejn wieħed min-novizzi. Imma meta dan kien daħħal f’rasu li jibqa’ sejjer u jagħmel il-professjoni solenni bil-kastità b’kollox, Philip qata’ biljett u telaq minn Malta. New York kien jaqlagħha sew; kellu xi zijiet hemm u għamel ftit żmien għandhom imma malajr beda jagħmel introjtu tajjeb għax kien jaf sew is-sengħa tal-interzjar fl-injam. L-affarijiet li kien jagħmel kienu mfittxija ħafna. New York, Philip skopra l-ħufar fiċ-ċine porno u fil-garaxxijiet abbandunati fid-distrett tal-biċċerija u tal-East Village. (Illum żoni ġentrifikati mimlija galleries u appartamenti tal-maniġers tal-hedge funds. L-iżviluppaturi kienu raw opportunità tremenda fl-appartamenti ta’ diż-żona u malli l-kerrejja queer bdew imutu f’salt, ħatfuhom mill-ewwel huma.) Waqt li konna qed infettu l-ottini fit-te bil-ħalib u l-għasel, qalilna li mill-ewwel kien induna li ttieħed għax kien mar iħuf u għabba u l-għada beda tiela’ deni ta’ żiemel. Wara jumejn għaddielu imma ftit ġranet wara d-deni reġa’ beda tiela’ u ma ried jinżillu b’xejn. Qalilna li għamel ġimgħa fis-sodda mwerwer, li kien jaf biżżejjed biex jinduna li d-deni kien sintomu tal-konverżjoni seropożittiva. Philip kien wieħed minn tal-ewwel li tpoġġew fuq l-AZT, il-cocktail ta’ pilloli li kien l-ewwel terapija antiretrovirali, żviluppata mill-Burroughs Wellcome u mixħuta b’għaġla kbira fis-suq fl-1987. Fil-bidu kien hemm it-tama li se taħdem tajjeb biex tgħolli n-numru ta’ ċelloli T, li l-virus tal-HIV jattakka. Biss, l-AZT kellha effett negattiv mhux biss fuq il-ġisem li wara ftit beda jiżviluppa reżistenza għaliha imma wkoll fuq id-dehra ta’ min kien fuqha: spiss id-dahar kien jitħattab, il-wiċċ jitlef ħafna mill-massa muskolari tiegħu u l-għajnejn jinżlu fil-ħofra. Dak iż-żmien konna infiltrati sew fid-dinja tal-ġurnaliżmu, u wieħed minn sħabna kien irranġa biex Philip jagħmel intervista anonima ma’ ġurnalist tal-Malta Independent; kien mar jitkellem fuq l-istigma medika u soċjali li jiffaċċja bħala persuna gay seropożittiva. Malajr ġriet il-kelma u fil-barijiet tas-sinjorini bdejna naraw il-ħars bl-ikrah ġej lejna mill-klikek tas-sinjorini dojoq li kienu jaħsbu li l-assoċjazzjoni kienet tfisser infezzjoni.

Iżda jekk l-informazzjoni hija forma ta’ poter, is-sorellanza battaljun sħiħ. Dak il-weekend kien imissna niltaqgħu n-Natasha’s u Philip qatt ma kien ġie. Kien iħobb jizzikana fuq kemm m’għandna xejn Malta u kemm imissna mmorru għandu New York ħa jeħodna Fire Island, u allura ridna norganizzaw ħarġa li tnessih il-faqgħiżmu li kien imdorri fih. Kien diġà mgħarraq fil-kultura gay li tpoġġi valur kbir fuq il-maskulinità, imma għal dakinhar ikkonvinċejnieh jilbes: xtrajnielha parrokka sewda, lixxa, u twila, dublett tal-ġilda qasir u flokk roża jixgħel, par fishnet tights u buz tal-alakka sal-irkoppa fuq takkuna. Daħlitilha sew u xxalat kemm felħet: għamlet lejl mgħannqa ma’ alterità li kienet ilha taħbi ġewwa fiha snin twal, mhux l-alterità tal-virus imma dik li dehret fil-mera meta lestiet il-makeup.

Dakinhar, ukoll, wieħed mill-ikbar ħbieb tiegħi qalli li kien miġbud sew lejn Philip. Hawnhekk daħlet għall-ewwel darba f’moħħi l-possibbiltà li xi ħadd li hu seronegattiv jista’ jinġibed lejn persuna seropożittiva. Għalina li kbirna fit-terrur, din kienet qasma għan-naħa l-oħra, ksur ta’ tabù, realtà ġdida li kellha bżonn dikostruzzjoni tal-immaġinarju libidinali tiegħi, tagħna. Konna għadna maqbudin fi ġlieda kontra l-Knisja, kontra l-iskejjel privati, biex nixtru l-condoms. Kull darba li mmissu ma’ xi ħadd, konna nagħmlu sitt xhur nhewdnu li marradna, jew li marradnieh aħna. Meta xi ħadd kien jgħidilna li se jmur sal-klinika, konna nagħmlu ġimagħtejn paranojja assoluta, paranojja tqallgħek sakemm joħorġu r-riżultati. Il-paranojja tant kienet kbira li konna naraw il-ħaxi bla condom kullimkien madwarna, anki li kienu qed jiġu t-tfal fid-dinja kien sinjal ta’ sess mhux sigur. Konna għadna wisq maqbudin fid-diskors tal-kontaġġun, tal-infezzjoni, tat-tniġġis, tas-sarkoma ta’ Kaposi u tal-mewt biex nimmaġinaw relazzjoni seroasimetrika. Konna għadna wisq ’il bogħod mill-possibbiltà ta’ intimità sigura jekk il-viral load ma jkunx jidher fit-testijiet. Konna għadna wisq ’il bogħod minn dik il-pillola bluna li tħallina naħxu, u ħallihom jgħajruna kemm iridu Qħab tat-Truvada. Konna għadna wisq ’il bogħod mill-atteġġament li fih xi nies queer bdew jabbandunaw l-użu tal-condoms fl-intimità sesswali, fenomenu li Tim Dean jistudja sew fil-ktieb Unlimited Intimacy: Reflections on the Subculture of Barebacking u li fih jikteb dwar ir-radikaliżmu tal-“gift giving” u l-“bug chasing”.

Meta ltqajna, forsi kont diġà naf is-serostatus tiegħek mingħajr ma għedtli. Forsi kont naf għax immappjajt ġismek b’għajnejja. Forsi kont naf għax kien hemm indikazzjonijiet somatiċi oħra. U mhux biss. Ħassejt ġibda qawwija lejk, ġibda li forsi qatt ma kont ħassejt lejn ħadd qablek — kellha intensità li nessietni x-xogħol, il-ħbieb, il-familja, l-aħbarijiet, intensità li daħħlitni fid-dinja tiegħek u li f’ħakka t’għajn sirt nifhem fl-interessi tiegħek daqsek jekk mhux iktar minnek. Iltqajt miegħek ġo club — kont intlift minn sensik għax ħadt boqqa GHB żejda u ta’ madwarek ma kellhomx ħjiel x’kien qed jiġri. Aħna l-pufti nifhmuha din, imma int mort tiżżagħbel ġo club tan-normali. Ġbartek u ħadtek id-dar. Poġġejtek fis-sodda ta’ sieħbi, nistenna sa ma tiġi f’sensik. Meta qomt, smajtek u ġejt niftaħ il-bieb. Kont mifxul, ’qas idea fejn int qiegħed; għaraft lili biss għax kont rajtni matul il-lejl, tħares minn taħt u titbissem. Fi stat ta’ paniku bdejt tistaqsini ħxejniex u jien serraħtlek rasek li le. Meta rġajna ltqajna u ħxejna quddiem il-bieb tal-ħġieġ, ħarsitna fuq il-Port il-Kbir u l-baċir ta’ Bormla, ħassejtek iżżomm lura, mhux bid-djuq imma bil-biża, bil-paranojja. Nafu dan il-biża, kbirt miegħu, ġissimtu, ħallejtu jnibbet għeruq kullimkien. Meta qomt fis-sodda tiegħek filgħodu, maġenbek, ħriġt mill-friex u mort fil-kċina nagħmel it-te. Ħarist lejn il-bieba tal-forn — mera li bdiet tirrifletti ġismi għeri u mqajjem. Bdejt niftaħ il-bibien tal-cupboards biex insib it-te u f’wieħed minnhom kien hemm il-pilloli. Ma kontx sorpriż għax ġismek kellimni matul il-lejl, ir-riħa tiegħek qaltli, il-mod kif bdejt iġġib ruħek nebbaħni. Bqajt hemm nagħmel it-te. L-għada kelli mmur xahar xogħol il-Libja u bqajna nibagħtu ’l xulxin. Int xtaqt li nerġgħu niltaqgħu u jien ridtek bis-saħħa. Meta wasalt lura, sibtek tistennieni fil-karozza l-ajruport. Ma ħallejtnix nidħol għax għedtli li ridt tkellimni, li kellek xi ħaġa importanti x’tgħidli. Ħallejtek issib il-kuraġġ u wara kwarta npassu għedtli li int seropożittiv. Għedtlek li naf. Għedtlek li kont ili naf minn meta rqadt għandek għax rajt il-pilloli fuq l-ixkaffa. Għannaqtni miegħek u għafastni kemm flaħt. Għedtli li qiegħed f’saħħtek, li t-tobba qalulek li kollox miexi sew, li t-terapija qed taħdem. Staqsejtni jekk nixtieqx nintefgħu flimkien u jien ħarist f’għajnejk u tbissimtlek fihom.

L-HIV ma kienx l-ewwel patoġenu li niġġes ġisem il-pufta. Kien tniġġes minn ħafna qabel attakkah il-virus. Elementi di critica omosessuale ta’ Mario Mieli ħareġ fl-1977 meta l-AIDS kienet għadha ma ħakkitx max-xefaq. Mieli kiteb fi żmien meta, teoretikament, kollox kien possibbli, jiġifieri meta kien qed jgħid li sormu kien miftuħ għal kulħadd ma kienx qed jitkellem b’mod simboliku biss iżda kien qed jikteb minn potenzjalità kważi assoluta, minn komuniżmu queer li ġab miegħu possibbiltajiet li l-AIDS ħassret minn wiċċ id-dinja. Però, fil-kitbiet ta’ Mieli jinħass diġà r-riskju ħontoloġiku li Tim Dean, fid-daħla tiegħu għall-ktieb ta’ Mieli maqlub għall-Ingliż isejjaħ “l-ispettru tat-trażmissjoni virali”; f’din il-loġika, ir-riskju tal-porożità tal-ġisem u l-ftuħ radikali għall-ieħor huma preżenti kemm wara kif ukoll qabel l-AIDS.

Tgħidli li ma tridx min isejjaħlek gay, ma tħobbx, idejqek il-fatt li l-kelma “gay” ma fiha l-ebda indikazzjoni għas-sess; tippreferi omosesswali. Tgħidli li l-libertà queer għalik kienet tfisser żewġ affarijiet: li taħxi bla condom u li m’għandekx għalfejn toqgħod thewden li ħabbilt lil xi ħadd. Kont diġà taf li int suġġettività u materjalità mniġġsa; kont diġà taf li kull istituzzjoni pubblika kienet tqisek marid: ġenetikament, mentalment u moralment. Dan kollu kien ippreparak għal meta feġġ il-virus; kont taf li se jkun hemm mewġa oħra ta’ kundanni, tpattija ta’ kemm ixxalajt u ħxejt. Tgħidli li kieku l-AIDS ma kissritniex, kieku ma konniex nistaqsu għaż-żwieġ, ma konniex naslu fil-punt li ridna ngħidulhom li aħna bħalhom, naħxu tliet darbiet fix-xahar, fuq is-sodda, għal seba’ minuti, mal-istess persuna. Ngħidlek li Sarah Schulman kellha raġun sew meta qalet li l-AIDS ġiet iġġentrifikata u li l-mard, l-imwiet, l-isptarijiet, il-funerali, il-wirt — kollha nqabdu f’konfoffa biex niġu nnormalizzati bil-barka tal-kapitaliżmu. Infakkrek li Jarman kien qal li “fuq parir siewi, waqafna nħobbu lil xulxin kif xtaqna: l-ewwel bdejna bis-sess sigur, imbagħad iktar sigur, imbagħad qtajnieh għalkollox. Għad baqagħli naqra vanità, żied Jarman, “u l-ħsieb biss iwerwirni. Il-biża’ kien li terġa’ tiġi moda l-monogamija, eżattament dik li kulħadd kien iġġieled kontriha. Imma l-fatt li konna queer kien ifisser li nistgħu mmorru naqsmu l-biża’ tagħna fi grupp. Ngħidlek li kliemek ifakkarni ħafna fil-kritika omokomunista ta’ Mario Mieli, li t-tnejn li intom tużaw it-terminu “normali” biex tgħajru, biex tidentifikaw lil dawk li, huma x’inhuma l-ġeneru u s-sesswalità tagħhom, jibqgħu marbutin mal-istatus quo. Illum, ifakkarna Tim Dean, “it-terminu jirreferi għal dawk kollha li ma jridu xejn ħlief jiżżewġu u jkunu bħal ħaddieħor. Meta l-gays iħambqu biex jassimilaw u jippruvaw jgħaddu ta’ normali, u jippreżentaw lilhom infushom bħal ‘ħaddieħor’, il-pressjoni soċjali li taqa’ fuq dawk li jibqgħu queer mhux biss tibqa’ tintensifika imma ssir perikoluża. Fi kliem ieħor, l-opprobrju soċjali li l-konformisti gay jirnexxilhom jeħilsu minnu ma jisparixxix hekk, kif ġieb u laħaq, imma jaqa’ b’toqol ikbar fuq il-persuni trans, il-ħaddiema tas-sess, il-persuni li jilbsu l-ġilda, l-entużjasti tas-sadomażo, il-persuni seropożittivi, il-fetixisti, u dawk kollha li għadhom stigmatizzati min-normi tas-sess u tal-ġeneru. Mieli kien jifhem sew l-isfidi li ġġib magħha n-normalità. Forsi kien saħansitra jċanfar iktar lil dawk li issa taw il-barka lill-istat biex jiddefinixxi hu x’inhu normali.

Naf li taqbdek diqa kbira meta nsemmilek lil Steven. Naf għax għajnejk jikxfuk, titlef il-virilità kollha, tintefa’ lura fuq is-sufan u tibda ġġissem l-affetti tal-istatwi u s-santi tad-Duluri, għax hemm tgħallimt kif tidher is-sogħba. Tgħidli kemm kien raġel sabiħ, qsajjar, samrani, sufi, daħqan, imqareb; tarah jitbissem int u nieżel minn tal-linja u miexi lejh, li kien joqgħod fuq in-naħa ta’ wara tal-funtana, iħares lejn Kristu Re u jħuf lil dawk li kienu ġejjin u sejrin lejn l-Ajkla. Tgħidli li kien ħadha bi kbira sew meta ħa d-djanjosi, li mill-ewwel kien imwarrab minn tad-dar, li telquh waħdu, ħallewh hemm jittiekel mill-mard sakemm qabditu pulmonite u miet waħdu. Kont toħodlu l-ikel, iddur bih kif stajt, tkellmu u taqdilu l-bżonnijiet. U ssemmili lil Brian, għax taf li konna ħbieb. Tgħidli xi ġmiel ta’ tifel kien fih. Tfakkarni kemm jien kont miġbud lejh. U wara, għajnejk jintfew, tmur u ġġibli ritratt ta’ Mark, ħabib tal-qalb, oħtok queer. Qatt ma kien mar ma’ ħadd. Iltaqa’ ma’ wieħed Norveġiż, mar miegħu u ħadha. L-ewwel telaqlu wieħed mill-pulmuni, u wara ftit l-ieħor. It-tabib lanqas ried jemmen li għamel 48 siegħa ħaj biż-żewġ pulmuni wieqfa. Tgħidli li għamel jumejn jitkellem sa ma ħa l-aħħar nifs, li beda jhewden fuq Foucault, fuq id-diskriminazzjoni sesswali, l-istrutturi tal-poter fis-soċjetà. U miet.

Forsi fid-disgħinijiet kellna r-rabja lejn il-pufti ta’ qabilna. Forsi l-qari ta’ kotba bħal States of Desire ta’ Edmund White ma servew għal xejn ħlief biex jirrabjaw ġenerazzjoni ta’ omosesswali li ġiet imċaħħda mis-sess. White jikteb dwar postijiet fi New York bħall-Mineshaft u l-esperjenzi tan-novizzi li daħlu f’dawk il-kmamar imdawlin biss b’bozoz inemnmu fir-riħa ta’ għaraq u bewl, min jaqla’ l-ponn f’sormu fuq bandla, min jitgħaffeġ f’orġa ta’ iġsma li jinħallu f’biċċa laħam waħda: “għall-ewwel waħx, imbagħad skumdità, u ftit ġimgħat wara qisek sejjer għand il-ħbieb. Għamilna żmien nikkundannaw lil ta’ qabilna għax esaġeraw, mhux għax kellna xi moralità dejqa dwar is-sess imma għax konna rrabjati li ġejna mċaħħdin mill-esperjenza sħiħa. Saħansitra l-pornografija bareback kienet tqabbdek sens ta’ ħtija astratta; mhux suppost, mhux suppost, le, turuniex is-sess li nixtiequ nagħmlu u ma nistgħux. Forsi r-rabja tagħna kienet ġejja minn qari ta’ kotba qarrieqa bħal And the Band Played On ta’ Randy Shilts. Shilts kien tal-idea li l-importanza li l-komunità queer tat lis-sess fis-sebgħinijiet ħolqot il-possibbiltà biex il-virus jinfirex. Għalkemm forsi Shilts kellu ftit raġun, ir-reċensur Tom Crewe fil-London Review of Books fakkar lill-qarrejja li l-omosesswali ma kellhomx xi ħajja libera fis-sebgħinijiet, li m’għandniex ninsew l-isfidi li kellha l-komunità f’dak id-deċennju partikolarment. Barra minn hekk, kien Shilts stess li ħoloq il-protagonist viljakk tal-istorja tal-epidemija, il-pazjent numru żero Gaëtan Dugas, li skontu kien tant viljakk li baqa’ jaħxi anki wara li sar jaf li kien ta’ theddida bijoloġika. Shilts ma fehem xejn. Kien irrabjat ma’ Dugas, sejjaħlu l-Kristofru Kolombu tal-AIDS. Imma forsi fil-ktieb tiegħu rebaħ il-bżonn li nsibu narrattivi sempliċi.

Meta bdew imutu sħabna, il-biża’ beda jsir iktar konkret. Forsi li salva ’l ħafna mill-omosesswali Maltin kien it-tabù intern tal-komunità, il-fatt li ma mmorrux ma’ xulxin. Forsi kien il-fatt li warrabna ’l-barranin għall-ewwel darba, għax il-barrani kien suspettuż. Forsi kien il-fatt li n-normali jreddgħuh u allura kien hawn inqas sess anali milli wieħed jimmaġina. Forsi kien il-fatt li Malta kienet iżolata fix-xitwa — is-sess kien iktar xi ħaġa sajfija. Forsi kien il-faqgħiżmu, l-ilbies u d-diski u l-kimika li tefgħuna fuq id-dancefloor in-Natasha’s li salvaw ġenerazzjoni sħiħa. Meta bdejt niltaqa’ ma’ rġiel tal-età tiegħi Pariġi, kienu jgħiduli li tilfu ħafna minn sħabhom, li għandhom lakuni kbar fil-kitbiet u l-produzzjoni kulturali queer għax l-artisti u l-kittieba laqqtuha u mietu. Meta ġiet it-tieni mewġa tal-HIV f’Malta, ftit wara t-tieni modernità queer tal-bidu tal-millennju, kien il-bidu tal-epoka tal-chemsex, l-użu ta’ sustanzi kimiċi rikreazzjonali waqt is-sess. Sadattant, però, il-kuri laħqu avvanzaw biżżejjed biex l-HIV jiġi meqjus infezzjoni kronika li għaliha hawn reġim ta’ profilassi.

Tgħidli li qiegħed fuq kura tajba issa imma li kellek ħafna inkwiet fil-passat għax ma stajtx issib terapija li taqbel sew miegħek. Il-Maltin li kellhom kuntatti tajbin barra, speċjalment Londra, setgħu jieħdu l-kura minn ġo sptarijiet hemmhekk — kulma kellhom bżonn kien indirizz u kodiċi postali Ingliżi. Imma dawk kienu nies oħra, kellhom l-aċċess. Imma issa aħjar, tgħidli, it-terapiji l-ġodda tajbin sew u salvawni. Il-fejqan komplet għadu ’l bogħod, imma b’li hawn tista’ tgħix tajjeb. Tgħidli li jeżaminawk kull sitt xhur, joħdulek id-demm, u jtuk ir-riżultati tad-darba ta’ qabel, li issa qiegħed fir-reġim ta’ kura avvanzata u li kieku ma kontx, meta ħarġitlek il-limfoma ma kinux ilaħħquk. Imma qabduk fil-ħin, qatluk għal darba darbtejn, u ġabuk lura mill-mewt. L-HIV kitiblek id-DNA mill-ġdid. Int l-HIV, l-HIV int. Issa d-DNA ma jistax jerġa’ jinkiteb; aħjar jikkurawk milli jagħmlu xi tgħaffiġa jippruvaw iħassru l-ikkowdjar tad-DNA. Tgħidli li l-ewwel kura li tawk, l-iktar waħda kummerċjali li hawn fis-suq, qasmet il-fruntieri ta’ moħħok, daħlet fis-sancta sanctorum ta’ ħsibijietek, int li lanqas tixrob ma tiflaħ daqskemm tħobb tkun konxju ta’ kulma qed isir madwarek, daqskemm tobgħod ma tkunx taf x’inhu jiġri. Bdejt tara n-nies fil-kamra miegħek, bdew jinżlu l-ajruplani ġo rasek, tisma’ d-diski ħerġin minn ġol-ħajt, il-kamra ddur ta’ taħt fuq. Issa f’saħħtek, l-espert tal-mard infettiv qallek li tista’ tgħix ħajja trankwilla, li għandek marda kronika imma li qiegħed tajjeb, omeostatiku, ibbilanċjat. Tiġri, tgħum, terfa’ l-ħadid. Tarmi s-saħħa. Wiċċek għad-dawl. Tgħallimt tgħix magħha imma xorta ma tridx tgħidli kif u meta ġrat. Tgħidli li kien żmien ieħor, li kellek fażi fatalista, u tieqaf hemm, għajnejk iħarsu lejja, jisfidawni.

Kien lejn l-aħħar tad-disgħinijiet meta bdejna naraw l-ewwel tibdil fl-ottika queer. Parti mix-xena bdiet tinġabar fil-clubs. Din assolutament ma kinitx tirrappreżenta l-komunità nnifisha: kienet biss parti żgħira. Però kienet tiġbor fiha għadd ta’ persuni queer li jħaddnu sens ta’ komunità fejn il-membri jaqsmu ċerti valuri bħall-importanza li tkun dikjarat u out. Minn ċerti aspetti, din ix-xena kienet taħdem kontrik minħabba l-fatt li jekk kont fiha kont issir inqas deżiderabbli. Għax nies li mhumiex fix-xena ġeneralment ifittxu nies li bħalhom huma “non-scene, imma anki n-nies fix-xena jfittxu nies “non-scene” — kemm minħabba t-tabù tal-inċest fis-sorellanza kif ukoll minħabba li l-performattività tal-maskulinità virili ma kinitx se tikkonvinċi lil dawk li kienu rawk liebsa n-Natasha’s. Allura, lejn l-aħħar tad-disgħinijiet, ftit wara li t-tobba bdew jagħtu r-riċetti tal-isterojdi għal min kien fuq l-AZT biex irabbi massa muskolari li l-kimika farmaċewtika kienet qed tnaqqar minnha, bdejna naraw l-iġsma jinbnew bil-muskoli. Il-ġisem ipervirili diġà kellu storja metropolitana li bdiet ġejja mill-bliet il-kbar fl-Istati Uniti, dik l-omoestetika li tivvaluta u tivvalida l-ġisem mibni, il-muskoli sodi, is-sorm ippuppat u tond, il-pakkett ippustjat u mqabbeż fuq il-ġenb tal-qalziet, l-ispallejn u s-sider kbar, id-dahar miftuħ. Dehra li tassimila u tikkopja l-oġġett tad-deżiderju u li kellha tiġi maħluqa; qisu ċerti omosesswali kienu “jilbsu ta’ raġel” minħabba li s-segregazzjoni sesswali ċċekken id-demografija li fiha tista’ tħuf u li minnha tista’ tgħabbi. Bdejna nitfgħu s-senjalazzjoni ta’ dak li konna miġbudin lejh aħna. Din l-istrateġija mfassla f’kuntest ta’ segregazzjoni queer ħadet xejra simili f’Malta: it-teknoloġija mġissma ta’ persuni queer fir-raħal kienet spiss tinbidel malajr meta l-persuna toħroġ fix-xena — dan minħabba monitoraġġ u sorveljanza li kien ikollna dwar ġisimna mhux biss waqt il-ħufar imma wkoll meta beda ġej l-ewwel mewġ ta’ attiviżmu. Mill-ewwel intbaħna li wħud minn sħabna bdew isibu l-ikkampjar kważi diżgustanti, li ċerti affetti u ċaqliq bdew jitilfu l-preġju tagħhom, li kien hemm min ħassu skomdu jidher ma’ nies ikkampjati: mhux l-ewwel darba li kienu jgħidulek oqgħod naqra għax tikxifni. F’din il-loġika krepuskolari bdiet it-tiena mewġa ta’ infezzjonijiet.

Fil-pubbliku, l-attivisti ħarġu jkellmu lill-familji nukleari u lill-konservattivi. Il-membri tal-advocacy groups ukoll indunaw li t-teknoloġija tal-ġisem cis kienet tissarraf f’diskors prestiġjuż fil-ġlieda għall-ugwaljanza: beda ħiereġ id-diskors tan-normalità, tas-cisaġni, taż-żwieġ, tal-monogamija. U bdew jitbiegħdu d-diskorsi dwar l-HIV/AIDS u s-sissjaġni, is-sinjorinaġni. It-tħassir tas-sess mill-istorja queer huwa sintomu tal-affett il-ġdid li minnu beda jsir id-diskors dwar in-normalità: il-pufti kienu pervertiti, maħmuġin, imniġġsa u moħħhom fil-ħaxi. Hemm elementi li jixtiequ jkissru l-istorja tas-sess queer, dak li hu parti integrali mill-espressjoni tat-trawma, tad-dgħufija, tal-mard mentali frott ta’ soċjetà miżoġena u tal-ġlied għal-libertà. Jekk tiżżewġu u tixtru dar flimkien, tagħmlu s-sess fis-sodda u ma toqogħdux tħufu, forsi nistgħu nirriabilitawkom. Kien hemm saħansitra min ferħilna u laqagħna fil-ħajja ġdida u monotona.

Meta għalaq in-Natasha’s, għadd kbir ta’ omosesswali saru normali, imma mhux kulħadd inbela’ minn din il-monotonormattività. Wara n-Natasha’s, uħud minna rriapproprjaw it-terminu “pufta”, bdilna l-kimika, bdejna naħbu mill-pubbliku l-ħaxi queer, is-separatiżmu, l-edoniżmu ġdid, il-qoħob, ir-rabja, il-libertà ġdida. Għażilna soluzzjoni oħra u nżilna niżfnu ġo clubs li saru espliċitament gay, mitfijin, kulħadd rasu mdawra lejn id-DJ, kulħadd b’xagħru mqaxxar u b’naqra leħja, kulħadd bil-jeans u żaqqu barra, kulħadd mitluf f’interjorità kważi axxetika u mistika ġo kuritur tal-konoxxenza taħt l-influwenza tal-ketamina, kimika iżolanti u interjorizzanti u fl-istess ħin waħda li tiftaħlek u ddawwarlek ġismek f’esperjenza ta’ permeabbiltà, la taf fejn jibda u jispiċċa u lanqas taf jekk min qiegħed tingħafas miegħu hux parti minn ġismek ukoll. Id-dalma u l-ketamina tawna mumenti senswali immens fuq id-dancefloor, esperjenzi estatiċi u mistiċi ta’ wara l-AIDS. Bdejna niżfnu ma’ ritmi ġodda, qawwijin, b’saħħithom, mgħaġġlin, nitħabblu ma’ kimika li tiftaħlek ġismek għall-vibrazzjonijiet ħerġin mill-injam u l-konkrit tal-art, ir-ritmi tal-mużika u ta’ qalbek f’sintonija, mitlufin f’tgħanniqa eterna ma’ xulxin fuq dancefloor, raxxjatura waħda f’waħda, fewġa wara fewġa ta’ empatija, affett miftuħ għall-infinità — inħobbu u nifhmu bla kliem, għarqana ninħaslu minn deċennji ta’ omofobija, ta’ mard u ta’ tniġġis, imżagħbla nħaddnu t-tlugħ tagħna lejn saff ogħla fil-ġerarkiji tal-ġenna.

Il-wegħdiet tas-sinjorini li għamilna fil-fantażiji u l-ħolm tad-disgħinijiet issa qegħdin hawn, qed iseħħu u jsiru parti mir-rivoluzzjoni sesswali queer ġdida li qed trodd lura l-promiskwità li forsi mitlufa għalkollox mill-ġenerazzjoni tiegħi. Ma’ sħabi li huma ħafna iżgħar, l-HIV huwa forsi eku distanti immens; bosta ’qas biss jafu l-istorja queer tal-virus. U forsi aħjar hekk. Forsi jekk jintesa, ma nibqgħux inġorru fina t-toqol tal-istorja tal-miżoġenija, tad-diskriminazzjoni, tat-twarrib mis-soċjetà, tal-funerali bit-twiebet barra, tal-familji li ċaħdu ’l uliedhom fl-aħħar ġranet ta’ ħajjithom, ta’ nies viljakki li marru jiġru jiktbu l-kummenti fil-gazzetti biex ifakkruna li hekk ħaqqna għax ngħixu fin-nadir taż-żina u l-egoiżmu. Forsi l-mewġa li jmiss se ssib iġsma queer li huma politikament sovversivi u anarkiċi, iġsma li m’għadhomx imbeżżgħa u mwerwra, dgħajfa u kodardi. Forsi n-Natasha’s kien l-aħħar ballu tas-sinjorini, jew forsi kien il-ballu li salvana. Forsi sormna, issa, jista’ verament jinfetaħ għal kulħadd .

Bil-kura medika, il-virus tal-HIV illum jista’ jiġi kkontrollat sal-punt li ma jibqax traċċabbli. Il-GU Clinic tal-Isptar Mater Dei joffri servizz ta’ ttestjar urġenti għall-HIV. Tista’ tara modi oħrajn kif tagħmel test f’Malta fuq hivmalta.com, sit mantnut mill-MGRM li jmantnu wkoll ir-Rainbow Support Service fejn joffru għajnuna kemm għal nies bl-HIV kif ukoll għal dawk li qed jaħsbu biex jittestjaw.

Ħajr lil Stefan Aquilina u James Bugeja.

Uħud mill-ismijiet u l-laqmijiet f’dan l-esej ġew mibdula għal raġunijiet ta’ privatezza. Elementi di critica omosessuale ta’ Mario Mieli huwa pubblikazzjoni Einaudi 1977. Loco afán: crónicas de sidario ta’ Pedro Lemebel, kien ippubblikat minn LOM Ediciones fl-1996 u huwa disponibbli online. “Los diamantes son eternos (frívolas, cadavéricas y ambulantes)”, li nsemmi fl-esej, jidher ukoll f’dal-ktieb. Ikkonsultajt ukoll AIDS and Its Metaphors ta’ Susan Sontag, pubblikazzjoni ta’ Farrar, Straus and Giroux 1989, u disponibbli mill-Internet ArchiveL-arkivju tal-ACT UP New York huwa miżmum fin-New York Public Library li żżomm ukoll l-arkivju ta’ Bradley Anderson Ball, wieħed mill-fundaturi u l-ewwel Segretarju, kif ukoll arkivju ta’ videos tal-attivisti tal-AIDS. Fir-Renju Unit, in-National Archives imantnu arkivju dwar l-istorja tal-AIDS fil-komunità LGBT. L-arkivju ta’ Act Up-Paris huwa miżmum minn France Archives. “Here Was a Plague” ta’ Tom Crewe deher fil-London Review of Books, vol. 40 nru 18 u huwa disponibbli online“Epidemiology of AIDS in Malta” ta’ K.A. Vella u A.J. Amato-Gauci deher fil Maltese Medical Journal vol. 8 nru 2 fl-1996Id-Dipartiment tas-Saħħa Amerikan u l-Institut Pasteur it-tnejn joffru timelines utli tal-istorja tal-HIV. Lauren Berlant u Elizabeth Freeman jitkellmu dwar is-suġġettività politika ta’ dawk morda bl-HIV/AIDS fi “Queer Nationality” li deher f’National Identities and Post-Americanist NarrativesDonald E. Pease, editur, ippubblikat minn Duke University Press fl-1994Unlimited Intimacy: Reflections on the Subculture of Barebacking ta’ Tim Dean huwa pubblikazzjoni University of Chicago Press 2009. Ikkonsultajt ukoll id-daħla ta’ Dean għall-ktieb ta’ Mario Mieli maqlub għall-Ingliż bl-isem Towards a Gay Communism: Elements of a Homosexual Critique, Pluto Press 2018. The Gentrification of the Mind: Witness to a Lost Imagination ta’ Sarah Schulman huwa pubblikazzjoni California University Press 2013. At Your Own Risk: A Saint’s Testament ta’ Derek Jarman huwa pubblikazzjoni Vintage 1993. States of Desire: Travels in Gay America ta’ Edmund White huwa pubblikazzjoni E.P.Dutton 1980. And the Band Played On: Politics, People and the AIDS Epidemic ta’ Randy Shilts huwa pubblikazzjoni Penguin 1987.

Malta għad m’għandniex arkivju li jiġbor fih l-esperjenzi personali ta’ nies li mietu bl-AIDS jew tal-attiviżmu li kien sar. Lanqas għandna dokumentazzjoni jew kitbiet minn professjonisti tal-mediċina jew epidemjoloġija. Il-Malta Gay Rights Movement iżomm sit online informattiv ħafna u Aħna Pożittivi joħolqu diskussjonijiet bejn gruppi bħal Checkpoint Malta, MGRM, HIV Malta, Moviment Graffitti, LGBTI+ Gozo. F’Malta sar ukoll xogħol artistku li jittratta t-tema tal-HIV: fl-2021, Culture Venture tellgħu Il-Pożittivi, miktub minn Simon Bartolo u dirett minn Toni Attard. Iktar riċenti, Saydon Studio tellgħu Il-Każin tal-Imqarbin, musical li jittratta l-ewwel snin tal-HIV f’Malta. Joseph Fountain, li kien l-ewwel li organizza s-serati n-Natasha’s, ta intervista li dehret f’A Seat at the Table ta’ Simon Bartolo, MGRM 2018. Fountain huwa l-awtur ta’ “Natasha’s Nails the Nineties” li deher fi Breaking the Silence: Homosexuality in Maltese History, editjat minn Konrad Buhagiar u James Licari, Midsea Books 2024.

Dekorazzjoni art-nouveau