Bur Mgħeż #3

Qegħedtha ġo qabar fuq l-Għolja tal-Ħorr

Omar N’Shea

Hawnhekk fit-tarf tar-raħal kull naqra art tajba malajr jeħduha għax il-blata tajba. Kull fejn tara għalhekk kullimkien barrieri. Il-qigħan tagħhom wara li jieħdu l-ewwel saff tal-ġebla jerġgħu jinksew bil-ħamrija u erħilhom jixxalaw is-siġar! Dawn il-barrieri joffru kenn qawwi mill-irjieħ u għalhekk it-tina tixxala. Ikun hemm kull tina l-wisgħa ta’ din it-triq! U kull lanġasa u kull ħawħa u kull berquqa daqs il-ħatfa ta’ id imwessgħa biex taħtaf kemm tiflaħ.

Tarċisju Zarb: “Ir-Raġel tal-Glielez”

Wasalt l-Imqabba minn Ħal Lija bil-pass. Dħalt mit-triq tas-Siġġiewi għan-naħa Ta’ Kandja, dort fejn il-Ħabel ta’ San Pawl għal Tas-Sejba u ksirt fuq ix-xellug għall-inħawi ta’ Ħabel ix-Xiħ. Fit-triq Ta’ Kandja, taħt ix-xemx ta’ nofsinhar, kien għaddej konvoj ta’ trakkijiet tal-kostruzzjoni, wieħed wara l-ieħor. M’għadhomx it-trakkijiet tal-kabina ħamra mżejna bit-tberfil u l-laqmijiet tas-sidien, iġorru vjaġġ knaten għall-bini; issa Iveco u Leyland DAF iġorru terrapien u materjali kimiċi impurtati. It-triq dejqa, u t-trakkijiet isuquhom maġenbek. Id-duħħan li joħroġ maħnuq minnhom jitħallat mat-trab li r-roti jtajru minn mal-ġenb tat-triq, munzelli trab fin griż li jidħol fil-pori ta’ ġismek u ġo ħalqek. Trab li jidfen kollox taħtu, inebbaħ li kollox irid jerġa’ jintradam. Mal-ġenb tat-triq, it-trab jitħallat ma’ pakketti u loqmiet tas-sigaretti mgħaffġin, biċċiet tal-ħobż niexef, fliexken tal-plastik mgħattnin, xtieli tal-ferla ta’ Malta, qanċlita u liftija ħerġin minn ġol-ħitan tas-sejjieħ. Il-ħsejjes anzjużi tal-vetturi, il-brejkijiet f’salt meta jindunaw bik miexi, il-ħornijiet ittikati biex iżżul min-nofs, il-gass ivenven tal-karozzi bin-nitro, id-diski jċerċru mill-vetturi, it-tħaffir fit-toroq bil-gafef jissieltu biex jifqgħu l-art, u t-tluq ta’ ajruplani minn Ħal Luqa għal fuq il-medda tat-Tramuntana tal-gżira flimkien jikkonfoffaw biex joħolqu s-sonorità tat-triq Ta’ Kandja fid-daħla tal-Imqabba. Meta nżilt minn Sqaq Buhar u dort għal Tal-Isqof, is-sħana kienet fnietni u sibt kantuniera dellija mal-ħajt tal-barriera ta’ quddiem il-ħofra fejn kien hemm l-Għar ta’ Bur Mgħeż. Ta’ min kienet il-barriera ma nafx, u allura lanqas naf isimha, imma mal-ħajt tagħha sibt biżżejjed dell u kenn biex nistrieħ. Tfajt fuq rasi l-ilma kiesaħ kollu li kelli imma nxift f’ħakka t’għajn. Ħarist madwari. Meta tħares konxjament lejn dak li hu familjari, tibda tinnota li qisek qatt ma tkun ħarist lejh qabel. Meta tifli sew dak li mingħalik taf b’għajnejk magħluqin, issib li hu stramb, qisu nbidel quddiem wiċċek u int ma ndunajtx, bħallikieku xi ħadd qarraq bik u wriek ħaġa b’oħra. Qisu dak li naħsbu li nafu sew, fil-verità mhu xejn ħlief ideal effimeru. Tieqaf u taħseb fuq ismek fit-tul u wara ftit tintebaħ kemm hu aljen, kemm m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li int mingħalik li int. Tħares lejk innifsek biex issib min int fuq it-territorju tal-ġilda mifruxa fuq l-istrutturi anatomiċi ta’ ġismek, u ma ssibekx. Dawwart ħarsti sew lejn il-barriera u rajt xtieli tal-kappar ħerġin mix-xquq tal-ħitan tas-sejjieħ li jdawruha, tawwalin bħalma qatt ma rajthom qabel, ixebilku ’l isfel għal fuq il-ħajt tal-barriera — qoxra trab jitmermer tal-franka safranija li anki fil-qilla tas-sħana tidher niedja — u jiltaqgħu mat-tlugħ tas-siġar tat-tin li kibru mill-qiegħ. Il-kappar u t-tin kienu f’patt bejniethom biex jgħattu d-dagħbien, li kien mimli ċagħaq u ħamrija. Siġar tal-ħarrub u tar-rummien, molol tas-saqqijiet imsaddin, kisi tal-ħitan tal-kmamar tal-banju mormi, forn tal-kċina, terrapien tal-gafef: ix-xquq tal-barriera ta’ maġenb Bur Mgħeż iġorru mirduma ġo fihom it-tifkiriet tal-ewwel ġisem mejjet li tniżżel ġo fihom, imqiegħed ikkurat u mżejjen fil-kurituri mdallma tad-dagħbien taħt l-għelieqi fejn ġrew iċ-ċriev.

  • Żewġ ritratti ta' skutella tal-fuħħar imsewwija, bitt-kketta "Bur-Mgħez Malta".
    Skutella tal-fuħħar mis-sit ta’ Bur Mgħeż. (ħajr: Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Valletta)
  • Qoxra ta' file antik.
    Il-qoxra tal-file li nfetaħ fis-6 ta’ Diċembru 1932. EDU 607/32 01 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Ittra miktuba bl-id bid-data 27th Nov 1932.
    Ittra li kiteb Temi Zammit lil Bonavia biex iqabbad l-inġinier tad-distrett jagħmel valutazzjoni tal-ħsara li setgħet saret lis-sit ta’ Bur Mgħeż. EDU 607/32 11 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Ittra bl-Ingliż ittajpjata bid-data 6 ta' Diċembru 1932 u ffirmata minn Temi Zammit.
    Ittra li kiteb Temi Zammit fis-6 ta’ Diċembru 1932 li fiha jinforma lill-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika li iben Mosè Zammit infurmah li kien qed isir xogħol fil-blat fil-barriera viċin is-sit ta’ Bur Mgħeż. EDU 607/32 31
  • Ittra miktuba bl-id bid-data tal-24 ta' Frar 1923.
    L-ittra li Cumbo bagħat lis-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi dwar iż-żjara fuq is-sit ma’ Temi Zammit u l-avviż li għamlu lil Griscti biex ma jħaffirx viċin tas-sit innifsu. EDU 607/32 27 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Ittra miktuba bl-id bid-data tat-2 ta' Lulju 1933.
    Ittra miktuba f’isem Antonio Schembri “Ta’ Farfar” lil Temi Zammit biex jitlob kumpens wara li twaqqaf milli jaqta’ l-blat mill-barriera magħrufa bl-isem “Ta’ Seba Rġiel”. EDU 607/32 23 (ħajr: Arkivji Nazzjonali ta’ Malta)
  • Ritratt ta' qoxra ta' rapport miktub minn George Sinclair.
    Ir-rapport miktub minn Sinclair fl-1922. (ħajr: Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Valletta)

Il-laqam li kellu Innocenzo Zammit jagħti x’jifhem li l-oriġini tal-familja kien min-Naxxar u mhux mill-Imqabba, biss l-arkivji ma jagħtu l-ebda ħjiel ta’ din il-familja ħlief ir-raħal tal-barrieri u l-Madonna tal-Ġilju. Tassew li jintqal li l-festa tal-Ġilju bdewha xi Naxxarin li kienu jaħdmu fil-barrieri tal-Imqabba, u li l-pika bejn in-Naxxarin tal-Balal u l-Imqabbin fuq il-kwalità tal-franka kienet għaddejja sew fl-aħħar tas-seklu dsatax, tant li anki missier Frans qalli li għadu jiftakarha. Innocenzo kien raġel attiv sew fin-negozju u kien beda jesporta l-ġebla barra minn Malta. Il-barrieri għalih kienu sors importanti ta’ introjtu u saħansitra kien waqqaf kumpanija bl-isem Messrs Innocenzio Zammit and Sons. Il-kumpanija kienet irreġistrata f’indirizz fi Strada Stretta l-Belt. Il-ħażna tal-ġebel, li kien ibigħ barra minn Malta, kien iżommha l-Marsa fuq plott mikri lilu mill-gvern. Meta miet, uliedu rġiel tlewmu bejniethom fuq min kien se jieħu din il-konċessjoni.

In-Naxxari, fi żmienu, kien magħruf ġewwa l-Imqabba minħabba l-filantropija li kien għamel fir-raħal, speċjalment fejn tidħol l-istatwa tal-Madonna tal-Ġilju, li hu kien ikkummissjona fl-1876. Oriġinarjament, in-Naxxari kien pjuttost entużjast u devot lejn il-Kunċizzjoni; tant hu hekk, li kien poġġa niċċa għaliha fil-kantuniera tad-dar fejn kien joqgħod fi Triq Parrokkjali, l-Imqabba, u li għadha hemm sal-lum avolja d-dar innifisha twaqqgħet u reġgħet inbniet. Il-għaliex in-Naxxari għażel li jikkummissjona statwa tal-Madonna tal-Ġilju u mhux tal-Kunċizzjoni għadu mhux magħruf sew; il-Konfratellanza tal-Kunċizzjoni ġewwa l-Imqabba kienet ilha fuq seklu attiva fir-raħal, u tant għandha għeruq twal li sal-lum hemm uħud li għadhom isostnu li l-istatwa tal-Ġilju fil-fatt hija tal-Kunċizzjoni. Charles Farrugia, però, indaga sew din l-attribuzzjoni u sab evidenza bil-miktub li n-Naxxari kien ikkummissjona statwa tal-“Verġni tal-Ġilju” hu stess u ħallas nofs il-flus għaliha minn butu. Il-kumplament tħallsu minn fondi pubbliċi. Huwa kkummissjona l-istatwa għand Giovanni Darmanin, u meta l-iskultur kien kważi lestieha, in-Naxxari kiteb petizzjoni lill-Kurja biex jitlob li tiddaħħal fil-parroċċa tal-Imqabba u titqiegħed ġo niċċa fil-kappellun tal-Kunċizzjoni. Iżid jgħid ukoll li fil-kappellun ma kienet se toħloq ebda inkonvenjent għal ħadd. Farrugia jinterpreta dan l-aħħar kliem bħala evidenza li n-Naxxari kien qajjem naqra kontroversja meta ddeċieda li jkun il-benefattur ta’ din id-devozzjoni. X’aktarx li, minħabba l-oppożizzjoni li kien sab, in-Naxxari daħħal l-istatwa ġo daru fejn esebixxieha għall-pubbliku. Il-kleru ħadha kontrih għaliex dan għamlu qabel kien berikha.

Però ftit qabel, il-kleru stess kien għen lin-Naxxari f’għawġ li kellu fil-familja. Fis-17 ta’ Novembru 1875, sitt xhur qabel ma waslet l-istatwa tal-Ġilju fl-Imqabba, Innocenzo u ibnu Michele tan-Naxxari kienu għamlu petizzjoni lill-gvern. Fil-petizzjoni, il-missier u l-iben qalu li fil-25 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, minħabba xi kliem żejjed li qal ċertu Paolo Farrugia waqt li kien xurban, Michele n-Naxxari tah daqqa ta’ ponn u minnufih ġie mħarrek mill-pulizija tar-raħal. Fid-9 ta’ Novembru, Michele tressaq il-qorti u weħel xahar ħabs. Fil-petizzjoni, miktuba b’reqqa kbira ta’ espressjoni u kalligrafija pulita, Innocenzo jgħid li s-sentenza kienet ħarxa wisq fuq ibnu, u li dan kien għadu tfajjel u mhux kapaċi jesprimi ruħu sew. Innocenzo qal ukoll li Michele kellu kondotta tajba u ħambaq li minħabba li ibnu qiegħed il-ħabs, in-negozju kien qed jitlef skoss flus mill-introjtu tal-barrieri peress li Michele ma kienx qed jinżel jaħdem fil-blat. Tlett ijiem wara, il-kleru bagħtu l-petizzjoni tagħhom. Wieħed minnhom, Salvatore Schembri, kien il-parrinu ta’ Michele. Nistgħu ngħidu li tan-Naxxari kellhom il-kappillan u l-bqija tal-kleru fil-but; dan għaliex bil-filantropija taghħom u d-donazzjonijiet finanzjarji li taw lill-knisja, il-kleru u l-kappillan ma setgħux jitilfu lil din il-familja benefattriċi. Wara li nqatgħet is-sentenza, l-influwenza tal-familja tan-Naxxari toħroġ ċara minħabba li kemm Paolo Farrugia, li kellu d-diżgwid ma’ Michele, kif ukoll il-Vigarju Kurat kitbu l-petizzjoni tagħhom biex Michele jinħeles. Tnaqqsulu ġimagħtejn mis-sentenza. Milli jidher, Innocenzo ħallas lill-kleru u lill-Vigarju billi kkummissjona l-istatwa tal-Ġilju, probabbli mingħajr ma ntebaħ li dan il-ġest kien se jurta ħafna kemm lill-kleru kif ukoll lil xi wħud mill-parruċċani.

Wara li l-Gvern xtara l-utile dominium ta’ Bur Mgħeż fl-1921, u peress li bdew deħlin Malta avvanzi kbar fit-tagħrif xjentifiku tal-iskavar arkeoloġiku, Temi Zammit ħass li l-Għar ta’ Bur Mgħeż kellu jerġa’ jiġi skavat mill-ġdid, din id-darba b’aktar preċiżjoni xjentifika. Forsi ma xtaqx li jintilfu d-dettalji tekniċi kollha bħalma kien ġara fil-każ tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni meta Patri Manwel Magri miet ħabta u sabta ġewwa Sfax fit-Tuneżija u sparixxew in-noti kollha li kellu fuq l-iskavi tal-Ipoġew. Din id-darba, imma, kien George Sinclair — inġinier tal-Ammiraljat Ingliż — li niżel jaħdem fl-għerien ta’ Bur Mgħeż. Huwa kiteb ir-rapport tax-xogħol tiegħu fuq is-sit ta’ Bur Mgħeż fis-16 ta’ Ottubru 1922, segwit, f’Diċembru tal-istess sena, minn nota dwar Bur Mgħeż u x-xogħol li għamel hemm Tagliaferro.

Francesco “Napuljun” Tagliaferro kien miet fl-4 ta’ Ottubru tal-1915, u Temi Zammit kien kitiblu obitwarju kif xieraq li fih faħħar l-enerġija u l-entużjażmu li Tagliaferro kellu lejn ir-riċerka u l-interess li kien ħa fl-aħħar snin ta’ ħajtu biex juża t-tagħrif xjentifiku tiegħu biex iħares lejn il-paleontoloġija u l-arkeoloġija ta’ Malta. Tagliaferro kien, primarjament, matematiku ta’ prominenza internazzjonali. Fit-tislima tiegħu, Zammit semma l-interess li Tagliaferro kellu kemm fil-filoloġija tal-Malti, kif ukoll fil-fossili tal-fawna ta’ Malta, il-fuħħar tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, u n-nies tal-għerien ta’ Bur Mgħeż.

Fir-rapport, Sinclair jgħid li kien ħadem fuq in-naħa tal-lemin fid-daħla tal-għar. L-ewwel kines u għarbel it-terrapien biex eżaminah għal xi fdalijiet li jista’ jkun hemm fih; din kienet innovazzjoni fuq il-metodu ta’ Tagliaferro li mir-rapport tiegħu tal-1911 jidher li ma kienx għarbel il-ħamrija sew. Wara, Sinclair fetaħ l-ewwel trinka biex jifhem sew l-istratigrafija tan-naħa ta’ barra tal-għar, metodu xjentifiku misluf mill-istudju tal-ġeoloġija ta’ kif tiskava sit billi taqta’ trinek li jagħtuk idea ċara tas-saffi kollha ta’ okkupazzjoni. Dal-metodu issa kien daħal sew fl-arkeoloġija.

Fl-1911, l-ewwel kamra li kien esplora Tagliaferro kienet tawwalija, madwar dsatax-il metru, u kellha bħal ħames ventilaturi vertikali għal barra li x’aktarx kienu naturali imma mwessgħin mid-deffiena Neolitiċi. Din il-parti tal-għar kienet orjentata fid-direzzjoni Grieg il-Lvant u l-wisa’ kienet ta’ madwar żewġ metri; fit-tarf l-ieħor tiegħu, jiġifieri fuq ix-xellug fid-direzzjoni Punent il-Lbiċ, il-wisa’ kważi rduppjat. Kien hemm kuritur dejjaq ta’ xi żewġ metri oħra li kien jiftaħ għal kamra oħra orjentata fl-istess direzzjoni u kważi tal-istess tul. It-tieni kamra wkoll kellha ventilaturi għal barra. Tkellimt ma’ Reuben Grima, li qalli li hu tal-fehma li l-kmamar-kurituri kienu dagħbien naturali orjentati skont il-qsim fil-blat. Tagliaferro kien neħħa kważi ħames metri ta’ ħamrija u kixef il-wiċċ li fuqu kien sar id-dfin eluf ta’ snin qabel. Fl-1922, Sinclair ippjana li jeżamina t-tieni kamra fid-dettall u li jipprova jinżel kemm jista’ jkun fil-fond. Beda billi reġa’ naddaf in-naħa tal-lemin tal-bokka, fejn kien hemm dagħbien li Tagliaferro ma kienx ikkalkulah. Tagliaferro kien biss semmieh, u qal li peress li kien ħerqan biex jippubblika s-sejbiet minnufih minħabba l-importanza tagħhom, l-iskavar tas-sit ma kienx komplet. Imma issa, Sinclair baqa’ nieżel sakemm id-dagħbien djaq għal madwar pied u nofs u ma setax jinżel iktar fil-fond. Il-medda tal-art tad-dagħbien kienet tobrom ’l isfel fuq in-naħa tal-Lvant u, allura, is-saff tal-wiċċ li fuqu kien sar id-dfin kellu fondijiet differenti. In-naħa l-iktar fonda kienet għaxar metri taħt id-daħla. Sinclair stqarr li l-fond diffiċli tkejlu sew minħabba f’din il-waqgħa u barma tal-art u allura d-differenzi fil-ġewwieni tal-għar ma kinux meqjusa u mkejla minn Tagliaferro. Madanakollu, Tagliaferro ma kien ħass ebda bżonn li jqis l-istratigrafija, speċjalment minħabba l-fatt li l-fuħħar li sab kien tal-istess żmien ta’ dak li kien qed jistudja f’Ħal Saflieni u allura rraġuna li d-dfin kien mill-istess sekwenza arkeoloġika.

Skont l-istratigrafija tat-trinka li ħaffer Sinclair, Bur Mgħeż kellu tliet saffi. Is-saff ta’ fuq kien mimli ħamrija ta’ lewn aħmar u fih kien hemm il-fdalijiet tal-iġsma tal-mejtin ta’ Bur Mgħeż, biċċiet tal-fuħħar u materjali u bċejjeċ oħra bħal bebbux u qxur tal-baħar, pendenti, u frak tal-għadam maħdum biex jintuża bħala aċċessorji jew għodda. Tan-nofs kien saff ta’ ġebel imdaqqas li fi żmien id-dfin ta’ Bur Mgħeż kien imqiegħed orizzontali bħala pjattaforma biex l-iġsma jitqiegħdu fuqha; fin-naħa l-iktar fonda tal-għar, dan is-saff ġebel kien imqiegħed sal-qiegħ tad-dagħbien. Sinclair għamel pjanta ta’ dan u rrefera għaliha fir-rapport, biss s’issa dan id-disinn għadu ma nstabx. Taħt is-saff tal-ġebel kien hemm depożitu ta’ ħamrija li kienet ħamranija ħafna, mhux bħal dik fis-saff ta’ fuq fejn kien hemm il-fdalijiet. Meta għaddieha mill-għarbiel induna li kienet għadha verġni u ma kellha l-ebda fdalijiet ħlief xi biċċiet ta’ qrejjen u għadam taċ-ċriev. Huwa qal li ma setax jara eżattament fejn kien il-qiegħ ta’ dan id-dagħbien, u kien qisu jibqa’ nieżel ’l isfel bla tmiem. Imma d-dagħbien djaq għal xi pied u nofs u kellu jwaqqaf l-esplorazzjoni.

Minħabba li d-dagħbien x’aktarx fannad iktar ’l isfel biċ-ċaqliq u l-qsim tal-blat f’movimenti ġeoloġiċi — x’aktarx wara li tqiegħdu l-iġsma fuq il-pjattaforma orizzontali — ħafna mill-fdalijiet umani li kien hemm spiċċaw imħallta kollha ma’ xulxin u wkoll ma’ ġebel żgħir li kien jintuża biex jgħatti l-iġsma. Minħabba f’dan, Sinclair tħabat biex jikkonkludi kif eżattament sar id-dfin, ċjoè, il-metodu preċiż tat-tqegħid tal-iġsma. Ħafna mill-iskeletri kienu mfarrka u kien diffiċli tagħraf xi ħaġa mill-għadam. Saħansitra l-għadam kbir tar-riġel kien imfarrak mill-ġebel u l-irjus u l-kranji wkoll kienu tfarrku u bilkemm seta’ jagħraf xi ħaġa minnhom. L-ebda kranju ma ħareġ sħiħ minn dak il-konglomerat. F’ħafna mill-każijiet, kull darba li Sinclair beda jipprova jagħraf l-għadam tal-iskeletru, beda jsib biċċiet ta’ għadam oħra mħallta miegħu. L-art tant kienet ixxeqilbet li kien hemm drabi fejn l-għadam tal-iskeletri żżerżaq mat-30 grad ’l isfel. Sinclair jinsisti, però, li l-iġsma ma kienu orjentati bl-ebda mod, mhux kif kien kiteb Tagliaferro li qal li kienu mqiegħda fuq il-ġenb tagħhom iħarsu lejn il-Lvant. Lanqas kienu rranġati jew imqiegħda b’xi mod partikolari. Uħud minnhom kienu wiċċhom ’l isfel, oħrajn fuq daharhom u wiċċhom ’il fuq. Uħud minnhom kienu mqiegħda tul il-ħajt tal-għar, oħrajn kontra. Fejn kien sab fdalijiet ta’ snien u rjus, Sinclair innota żewġ affarijiet strambi: ħdejhom kien hemm għadam tas-swaba’ u tal-ġogi tal-pala tal-id, u l-inferenza kienet li l-idejn kienu mpoġġija jew fuq, jew inkella ħdejn il-wiċċ. F’xi ftit mill-każijiet, il-minkeb tant kien milwi li kien jidher biċ-ċar li l-id kienet quddiem il-wiċċ. Din il-pożizzjoni ma narawha fl-ebda mill-figurini u l-istatwetti min-nekropoli jew l-ipoġej tal-epoka. Sinclair ħa xi ritratti ta’ dawn imma bħad-disinn li kien għamel, għadhom mitlufin. It-tieni ħaġa li nnota Sinclair kienet li l-fuħħar kien ġeneralment imqiegħed ħdejn jew fuq jew anki taħt ir-ras tal-mejjet, imma dejjem qrib ir-ras, u tant viċin li kważi dejjem imiss magħha. Sitta mill-irjus kienu mkissrin; l-oħrajn imfarrkin kważi għalkollox.

Sinclair sab ukoll mal-2,250 sinna, ħafna minnhom ta’ bnedmin adulti imma wħud kienu wkoll tat-tfal. Huwa nnota li bosta snien kienu mħassrin sew, kien hemm ħafna mdaħħlin fix-xedaq ta’ fuq li kien għad fadal, u minħabba f’dan kien tal-ħsieb li għandhom jiġu eżaminati u studjati. Min-numru ta’ snien li sab, ikkalkula li kien hemm minn tal-inqas sebgħin ġisem midfun fin-naħa li kien qed jesplora, f’arja ta’ għoxrin pied bi tnax-il pied. L-għadam li ttieħed Londra kien mill-iskav ta’ Sinclair tal-1922 u mhux ta’ Tagliaferro tal-1911. Waqt iż-żjara tiegħu ġewwa n-Natural History Museum ta’ Londra fl-1997 biex jagħmel studju fuq il-fdalijiet tal-għadam ta’ Bur Mgħeż, it-tabib Anton Mifsud ħa xi ritratti ta’ dawn il-fdalijiet.

Imħalltin f’dan il-konglomerat ta’ ħamrija, terrapien, ċagħaq u għadam kien hemm ukoll il-fdalijiet tal-qrejjen ta’ tużżana ċriev. Sinclair sab ukoll snien ta’ annimali kbar; bagħathom għand esperti tal-fossili biex jikkonferma jekk kinux taċ-ċriev jew le. Magħhom bagħat ukoll fdalijiet x’aktarx ta’ xedaq ta’ ħanżir, iktar snien u frak tal-għadam, u xi fdalijiet ta’ fekruna. Kiteb ukoll li ħafna mill-ġebel li kien hemm mal-għadam tan-nies u tal-annimali kellu sinjali ta’ ħruq. Minħabba l-fatt li n-naħa taċ-ċnagen li kienet maħruqa kienet in-naħa t’isfel, ikkonkluda li ma jistax ikun li l-ħruq sar fl-għar stess imma kien sar barra l-Għar ta’ Bur Mgħeż, qabel saret id-difna.

Il-fuħħar li Sinclair sab kien aħdar skur lewn iż-żebbuġa u għalkemm ma kienx moħmi sew, kien maħdum tajjeb ħafna, b’wiċċ illixxat u llustrat. Kien ta’ tipoloġija Neolitika Maltija, b’kurvaturi l-ġmiel tagħhom u xoffa tal-buqari li tirqaq lejn in-naħa ta’ fuq. Il-widnejn tal-fuħħar ukoll kienu mitmumin b’sengħa kbira. Kien hemm bosta forom differenti ta’ kontenituri, minn skutelli żgħar għal buqari kbar bi ħxuna ta’ tliet kwarti ta’ pulzier. L-ebda biċċa mill-fuħħar ma kellha tiżjin; kien hemm biss oġġett wieħed, li kien mirqum b’linji skalati magħmula bis-swaba. Wieħed biss mill-oġġetti kien misjub “intatt” — fis-sens li kien kollu hemm — imma kien tant imfarrak li ma tantx kien hemm tama li qatt jista’ jiġi rikostruwit. Kien magħmul b’reqqa, kellu x-xoffa mdawra ’l ġewwa, u l-widnejn kienu boċċi b’toqob fihom, qisu biex jinġarr u jiddendel bl-ispag jew bil-ġilda. Waħda jew tnejn mill-biċċiet kien għad kellhom kisja ħamra u waħda kienet kannella naqra safrani. Barra minn dawn, il-kumplament tal-fuħħar kien kollu fl-aħdar u mirqum tajjeb.

Sinclair sab ukoll biċċa żnied tal-kalċedonju ħdejn l-għadam tal-id ta’ wieħed mill-midfuna; din kienet l-unika biċċa żnied li sab. Irkupra wkoll amulet blu mtaqqab fuq żewġ naħat li Sinclair sejjaħlu “jadite”, materjal ħadrani qisu tal-ħġieġ. Kien hemm ukoll għadd kbir ta’ amuleti, wieħed żgħir u sħiħ magħmul minn materjal ta’ lewn skur forma ta’ mazza, ieħor bħalu imma maqsum; tnejn kbar, tondi, imtaqqbin, u magħmulin minn għadam qisu ta’ siċċa jidher illaminat u bħalhom tnejn oħra żgħar. Magħhom kien hemm tnejn oħra, wieħed miksur u l-ieħor imfarrak. Żewġ buttuni kbar imtaqqbin b’toqob li jixbhu lil dawk li kienu magħmulin fin-Neolitiku għar-rabta tal-bhejjem ma’ xi koxxa ta’ għar jew fl-art stess. Id-dawra tal-għajn ta’ labra tal-għadam, ċurkett żgħir tal-għadam, u sinna ta’ kelb il-baħar li nstabet fin-naħa ta’ fuq u probabbli waslet hemm ħafna aktar tard. Sinclair iffirma dan ir-rapport fis-16 ta’ Ottubru tal-1922. Ħalla nota, miktuba minnu stess, li x-xogħol kien sar bejn it-2 u s-7 ta’ Ottubru tal-1922, u mar-rapport għemeż żewġ ritratti. Kien qabbad żewġt irġiel jaħdmu miegħu għal ħamest ijiem u ħallashom bi tliet xelini kuljum, għal total ta’ £1-10-0., li kienu ġew mill-borża ta’ Temi Zammit.

F’nota li kiteb fl-1 ta’ Diċembru tal-1922, wara li kien bagħat ir-rapport lil Temi Zammit, Sinclair mill-ewwel ħa l-opportunità biex juri li kien ġej minn sfond iktar xjentifiku minn dak ta’ Tagliaferro u li kien mgħallem iktar minnu fil-metodi in voga tar-riċerka arkeoloġika. Jgħarraf li Tagliaferro kellu żball fil-konklużjonijiet tiegħu li kien ippubblika fil-ġurnal Man: id-dfin ġewwa l-għar ta’ Bur Mgħeż ma kienx sar fil-ħamrija, kif kien sostna Tagliaferro. Il-ħamrija niżlet fid-dagħbien u radmet id-dfin ħafna iktar tard minn meta saru d-difniet u għattnithom kollha. Dan ma kienx dfin ġo oqbra f’sens ordinarju; milli jidher, kien hemm xi tmien jew għaxar iġsma fuq xulxin.

Tagliaferro kien qal li d-dfin sar kollu fl-istess żmien, jiġifieri fl-istess perjodu. Peress li kien ilu żmen jistudja l-fdalijiet tal-fuħħar tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, għaraf li dak ta’ Bur Mgħeż kien ċertament tal-istess żmien, imma d-data ta’ dan l-Ipoġew, fi żmien Sinclair, kienet għadha ma kinetx stabbilita. Il-fuħħar kien ilu jintuża żmien tajjeb sew biex jinħarġu dati relattivi tal-perjodi. Skont l-analiżi radjukarbonika li saret fuqhom, illum nafu li l-għadam tal-irjus ta’ Bur Mgħeż imorru lura għall-2975 Qabel l-Era Komuni.

Sal-1922, ma kienx sar aktar skavar fuq is-sit wara dak ta’ Tagliaferro; id-daqs tas-sit kien għadu l-istess. Il-limitu tad-dagħbien kien ċar u mifhum sewwa, u malli wasal fuq il-post, Sinclair ikkonferma li ma jistax ikun li kien ikbar. Però, innota ħaġa waħda: li ħdejn il-bokka tal-għar, id-dfin kien jibqa’ nieżel fil-fond sew, ħafna aktar fil-fond milli kien ħaseb Tagliaferro, imma iktar ma tidħol ’il ġewwa, inqas kien fond. Sinclair beda l-iskavi tiegħu f’din il-parti ta’ Bur Mgħeż, u beda nieżel u nieżel fil-fond ta’ ħdejn il-bokka li Tagliaferro ma kienx induna bih.

Sinclair jgħid li l-idea ta’ Tagliaferro li d-dfin kien sar bejn nofs metru u żewġ metri fond kienet żbaljata proprju minħabba l-fatt li Tagliaferro kien ħaseb li d-dfin kien sar fil-ħamrija. Tagliaferro ma kienx ikkunsidra l-possibbiltà li l-ħamrija ġiet iddepożitata wara. Jgħid ukoll li Tagliaferro kien inkonsistenti fl-idea tiegħu li wħud mill-iġsma tpoġġew fil-ġenb biex ikunu jistgħu jitqiegħdu iġsma mejtin ġodda. Lanqas jaqbel miegħu fl-idea li r-riħa ta’ putrefazzjoni kienet ġejja minn dak kollu li assorbiet il-franka. Temi Zammit kien diġà ċċarah dan il-punt fin-noti tiegħu meta kiteb li r-riħa kienet ġejja mill-karbur tal-kalċju. Milli jidher, skont Sinclair, kien hemm xi esploratur ieħor li kien mar u xamm l-istess riħa ta’ laħam uman maħruq u li minħabba f’dan, bdiet tiġi msaħħa t-teorija li f’Bur Mgħeż kienet isseħħ il-kremazzjoni tal-iġsma. Forsi bħalma sar sekli wara fi Żmien il-Bronż meta l-megastrutturi ta’ Ħal Tarxien ġew użati biex jindifnu l-katavri maħruqa. Jikteb li r-riħa ta’ ħaxix u fjuri tal-vjoletta kien biss fl-immaġinazzjoni ta’ Tagliaferro. Jitnejjek bih, fil-fatt, u b’sarkażmu jgħid li “allura suppost kellha tippredomina r-riħa tal-basal”.

Sinclair lanqas ma kien jaqbel mal-konklużjoni ta’ Tagliaferro li l-iġsma kienu midfuna b’ċangaturi tal-franka bejniethom biex iżommuhom milli jitgħaffġu. Tagliaferro kien qasam dawn l-ideat tiegħu waqt kungress ġewwa l-Italja (u segwiehom bil-pubblikazzjoni tal-artiklu fir-Rivista di Antropologia Vol. XVII Fasc. III). Fl-opinjoni ta’ Sinclair, ċjoè, minn dak li kien ra b’għajnejh hu meta mar jesplora Bur Mgħez, dan it-tip ta’ dfin ma kienx qed isir il-ħin kollu u f’kull każ. Kif ra hu, ħafna drabi kienu jitpoġġew iġsma fuq xulxin, imissu, b’ċangatura taħthom. Ikkonkluda li ma jistax ikun li kull ġisem kien mgħotti b’dawn iċ-ċangaturi sempliċement għax ma kienx hemm biżżejjed biex jitgħatta kull wieħed minnhom. Fl-opinjoni tiegħu, iċ-ċagħaq iż-żgħir tal-franka tpoġġa oriġinarjament madwar l-iġsma midfuna biex annimali li kienu qed ifittxu l-ikel ma jiddisturbawhomx. Kiteb ukoll li Tagliaferro kien skava biss is-saffi ta’ fuq, li x’aktarx ftit minnhom kienu fuq xkaffar naturali fid-dagħbien fejn il-ħamrija li niżlet ġewwa ma laħqithomx u li b’hekk il-fdalijiet ma ġewx iddisturbati, mgħaffġa u mxerrda daqs l-oħrajn. U allura Sinclair jammetti li l-osservazzjonijiet tiegħu kellhom iqisu l-fatt li hu skava s-saffi ta’ taħt it-terrapien u l-ħamrija imma li l-osservazzjonijiet ta’ Tagliaferro għandhom jitqiesu b’serjetà kbira minħabba l-fatt li kien sab fdalijiet ta’ iġsma mhux mirduma.

Temi Zammit lesta r-rapport annwali tal-Mużew fit-18 ta’ Jannar tal-1924, u bagħtu għall-pubblikazzjoni fir-Reports on the Workings of Government Departments għas-sena 1922–1923. Dawn ir-rapporti ħarġu sena wara. Fis-sezzjoni tal-Mużew, immedjatament wara r-rapporti li kien kiteb dwar ix-xogħol ta’ Gertrude Caton Thompson ġewwa Għar Dalam u ta’ Margaret Alice Murray, flimkien ma’ Edith Guest u Ms. Hughes, f’Borġ in-Nadur, Zammit żied ir-rapport tal-iskav f’Bur Mgħeż tal-1922. Radd ħajr lil Sinclair tax-xogħol eċċellenti li kien għamel, iżda ħalla barra l-kummenti li kien ħejja Sinclair fuq ix-xogħol ta’ Tagliaferro. Sinclair, fil-fatt, ma kien niżżel xejn dwar Tagliaferro fir-rapport innifsu imma kkritikah biss fin-nota li għemeż mar-rapport xahrejn wara. Zammit ma niżżel xejn minn dan: ir-rapport huwa xjentifiku għall-aħħar, jiddeskrivi biss is-sejbiet, u huwa mneżża’ minn kull ton ta’ kritika.

Illum nistgħu forsi nagħmlu naqra aktar sens mir-rapport ta’ Sinclair jekk naqrawh flimkien mas-sejbiet tal-proġett FRAGSUS. Dawn jgħidulna li għan-Neolitiku tard Malti fost l-għadam li nstab f’oqbra oħrajn Neolitiċi fix-Xemxija u fiċ-Ċirku tax-Xagħra, ftit li xejn baqa’ biċċiet li huma kbar jew sħaħ; ħafna minnhom huma frammenti żgħar, uħud bid-dbabar tan-nogħra, u dan x’aktarx jindika li ġew iddisturbati matul iż-żmien. Jidher ċar li ħafna mill-għadam inkiser meta kien niexef, u allura waqt li l-għadam kien qed jinġarr f’partijiet differenti tal-ambjent tad-difna. L-għadam kellu wkoll sinjali ta’ brix u grif; dawn ġeneralment kienu kkaġunati mill-għeruq tax-xtieli fix-xagħri tax-Xemxija li taħtu hemm l-oqbra fil-ħofor, jew mill-passi ta’ dawk li ppruvaw jinżlu fihom. Fl-istess ħin, ħafna miċ-ċaqliq sar ukoll minħabba fatturi ekoloġiċi naturali: il-grif fil-kortiċi tal-għadam jirriżulta wkoll minn tgħarriq u tnixxif tal-oqbra u mill-alkalinità, l-umdità, u l-pressa sedimentarja tal-ġebla nnifisha. L-insetti wkoll jikkonfoffaw biex jieklu mill-għadam tal-mejtin u jħallu warajhom ħofor u toqob: il-ħanfusa tat-tessuti taf ittaqqab ħofor ta’ erba’ millimetri ġol-għadam tal-mejtin u hemmhekk il-larva tagħha tibqa’ sa ma ssir pupa. X’aktarx li dawn daħlu fl-ambjent tad-difna fuq il-ġlud tal-ilbies li bihom kienu midfuna l-mejtin Neolitiċi ta’ Malta, bħal dawk li juruna l-figurini ta’ Ħal Saflieni u taċ-Ċirku, jew forsi ma’ xi biċċiet li fihom kienu jgeżwru ’l-mejtin. It-tgerrim mis-snien tal-ġrieden, speċjalment fuq it-truf tal-għadam ta’ tip tawwali, juri li l-annimali gerriema kienu jidħlu fl-oqbra anki ftit żmien wara d-difna. Xi ftit mill-għadam taċ-Ċirku għandu wkoll indikazzjoni ta’ ħruq; minn simulazzjoni tal-istruttura oriġinali nafu li l-għerien u d-dagħbien kienu mudlama u allura l-ħruq ta’ xi ftit mill-għadam seta’ ġara minħabba xi ġamra ta’ torċa li waqgħet ħdejhom u misset magħhom. Dan juri li, kif probabbli kienu diġà fehmu sew id-deffiena, il-blat kien l-aħjar mod kif tippreserva l-fdalijiet tal-mejtin u li, fil-fatt, kien minħabba d-dfin suċċessiv li ħafna mill-għadam tkisser.

Aħna hemm trabbejna, qaluli t-tliet nisa li xi kultant jgħaddu l-ħin tagħhom bilqiegħda fuq l-għatba fi Triq il-Parroċċa. Ta’ tfal, konna nirgħu l-mogħoż bejn hawn u d-Debdieba. Id-Debdieba kien fejn hemm il-kumpanija tal-ajruplani issa. Dejjem ġejjin u sejrin bejn hawn u hemm. Aħna mal-mogħoż trabbejna. Jean Genet jgħid li hemm ċertu kliem stramb li għandu l-eżiġenza li jiġi miftiehem iktar minn kliem ieħor daqstant stramb u aljen, kliem li anki jekk tisimgħu darba biss, id-daqqa tiegħu tibqa’ f’widnejk. Bur Mgħeż hija waħda minn dawn il-kelmiet; id-Debdieba hija oħra. M’hemmx għalfejn tkun taf it-tifsira tad-Debdieba; il-ħsejjes tal-kelma biżżejjed biex inisslu ġo fik sens ta’ familjarità u għarfien, biex tintebaħ li taf x’inhi imma ma tafx tispjegaha. Biss taf li hemm fiha s-sens ta’ ħsejjes li jirrepetu u jidwu fuq il-medda tal-art bejn Wied il-Kbir u l-għelieqi ta’ Bur Mgħeż, ta’ Ħabel ix-Xiħ, ta’ Għadajma, tad-Dawl. Id-Debdieba tiġbed gamiem is-sena kollha, kien qalli l-Mija. Ma kienx hemm staġun. Minn kellu n-namra, hemm kont issibu.

Waħda mit-tliet nisa ta’ Triq il-Parroċċa kienet semgħet b’Bur Mgħeż. Għedtilhom li kont qed infittex x’baqa’ minnu fil-memorja tal-Imqabbin. Meta kont għadni tifla, ommi kienet teħodni magħha nirgħu lejn fejn issa hemm l-ajruport. Jaqaw għedtha bid-djalett? Għax ġieli ’qas ninduna. Ara ’k tgħidli biex ngħidha bid-djalett, ma nkunx naf kif. Imma jiġini hekk waħdu, skont ma’ min inkun qed nitkellem. Imma iwa, konna mmorru nirgħu hemm u konna ngħaddu minn fejn il-ħofra li qed tgħid int. Għajnejha bdew ileqqu u wiċċha tbissem kollu f’salt tant li għebet ix-xjuħija minn fuqu meta bdew ġejjin il-memorji ta’ tfulitha u ta’ ommha. Waħda min-nisa l-oħra, omm Pawlu, qamet ferħana se ttir xħin semgħet lill-oħra tirrakkonta, u qalet: Alla bagħtu ’l dan illum. Jien ġieli kien jiġi jkellimni wieħed tal-Università. Ġieli anki kitibli. Jien wisq inħobbu l-Malti. Għamilt żewġ korsijiet. Kompliet tgħidilna l-oħra: Fil-ħofra li qed tgħid int, ommi kienet dejjem tgħidli li kienu jitfgħu x-xjuħ morda fiha u jħalluhom hemm imutu. Ġieli kien jgħaddi xi ħadd u jitmagħhom, imma kienu jħalluhom hemm u jindifnu hemm. Kexkxitni. Imma għal xi raġuni, din l-istorja ġabitni insè li kont diġà smajtha mingħand ħaddieħor, li mhux ommha biss kienet tgħidha din l-istorja. U allura bdejt nhewden jekk fl-għerien ta’ Bur Mgħeż kinux imorru, jew jitqiegħdu, in-nies morda b’mard li jittieħed, jekk kienx xi post ta’ iżolament waqt il-pesta, jekk in-nies tar-raħal kinux ilhom jafu sew bil-fdalijiet tal-għerien, qabel Tagliaferro, u allura ppruvaw jagħmlu sens mill-għadam li sabu u li raw b’għajnejhom, jew inkella jekk fil-komunità tal-Imqabbin kienx hemm il-bżonn li tiġi ivvintata din l-istorja biex twerwer ’in-nies u żżommhom ’il bogħod mill-barrieri. Nafu, pereżempju, li s-serq tal-għodda tax-xogħol fil-blat kien jitniżżel fl-Occorrenze u li wieħed mill-każijiet kien irrappurtat minn membru tal-familja tan-Naxxari stess. Kompliet tgħidli wkoll li meta kienet xebba, fil-ħamsinijiet, ħdejn il-barriera tan-Naxxari kienu nstabu iktar dagħbien u għerien li fihom kien hemm il-fdalijiet ta’ bnedmin midfuna. Tiftakar li kienu marru jħarsu, imma bdew jibżgħu u telqu ’l hemm.

Waħda mit-tliet nisa kienet mill-familja tan-Naxxari stess; Nicola Zammit kien iz-ziju tagħha. Tiftakar il-ħamsinijiet sew, u anki l-barriera ta’ Bur Mgħeż. L-Ingliżi kienu jaħżnu l-bombi u l-isplussivi fil-ħofra li qed tgħid int. Meta l-Amerikani kienu hawn biex itellgħu l-bombi fuq l-ajruplani fil-fifty-six, mill-ħofra li qed tgħid int kienu jtellgħuhom. Imbagħad kien hemm xi waħda li splodiet u kissret kulm’hemm. Wara l-gwerra, l-ajruport ta’ Ħal Luqa kien hemm Meteors, Lancasters u Shackletons. Fil-fifty-six kien hemm il-kriżi tal-Kanal ta’ Swejż u l-ħofra kienet tintuża għall-ħażna tal-bombi li kienu tgħabbew fuq il-Canberra u l-Valiant kontra l-Eġizzjani waqt l-Operazzjoni Musketeer. Meta staqsejthom għala l-barriera ġieli jsejħulha ta’ Ċetta Pizzi, bdew jidħku bija. Dak min ġie qallek b’Ċetta Pizzi? Mela dan kollox jaf? Ċetta Pizzi kienet toqgħod hemm barra, ħdejn il-każin tal-Lejber. Kienet twila, dritta. Kulħadd jibża’ minnha. Kellha l-barrieri. U bdew jidħku bejniethom. Ma kinetx tkellimna, u dejjem tgħidilna nitilqu ’l hemm. Ma kinetx kerha, imma kienet imserdqa. Żorra!

Wara waqfa ta’ kważi għaxar snin, fis-6 ta’ Diċembru tal-1932, il-Ministeru tal-Istruzzjoni Pubblika fetaħ file ieħor rigward Bur Mgħeż, din id-darba b’ittra mingħand Temi Zammit li issa kien sar id-Direttur tal-Valletta Museum. In-numru tar-reġistrazzjoni tal-file huwa 607/32 u hemm imniżżel fuq l-ewwel paġna li huwa konness ma’ files eqdem.

Il-ħatra ta’ Temi Zammit bħala Direttur tal-Valletta Museum kellha l-isfond tagħha fl-ewwel kariga tiegħu bħala kuratur ta’ dal-mużew, ħatra li nqabdet kemm fit-taqtigħ politiku tal-perjodu, speċjalment dak ta’ Fortunato Mizzi u l-Partito Nazionale, u l-interessi tal-Imperu. Meta, lura fl-1901, id-Duka u d-Dukessa ta’ York kienu għamlu żjara f’Malta, kienet tnediet wirja tal-antikwarjat ta’ Malta f’ġieħhom. L-oġġetti fil-wirja kienu ttieħdu mil-Librerija Pubblika għal Palazzo Xara, li kien iċ-ċentru tas-Society of Arts, Manufacture and Commerce, quddiem San Ġwann. Din il-wirja kellha tkun hemm għal ftit żmien biss, però mill-ewwel beda ħiereġ id-diskors li l-kollezzjoni kellha bżonn post permanenti u l-librerija ma kienx post tajjeb biżżejjed għaliha. Il-kollezzjoni kellha wkoll bżonn kuratur. Wara taqtigħa sħiħa bejn Gerald Strickland, Fortunato Mizzi, u membri oħra tal-kumitat li l-Gvern kien ħatar biex jiddeċiedi l-post fejn kellha titqiegħed il-kollezzjoni, ġie deċiż li titqiegħed ġewwa l-Casa Industriale, ċjoè, il-Palazzo Xara quddiem San Ġwann. Il-Bibljoteka kienet żgħira wisq issa li Lord Grenfell għamel donazzjoni tal-kollezzjoni tiegħu u l-librar kellu bżonn post għal iktar kotba. Ġie deċiż ukoll li l-persuna li kellha tinħatar biex tkun ta’ kuratur kellha titħallas is-somma ta’ £50 fis-sena.

Il-Lieut. Governor Sir Edward Marsh Merewether kellu f’moħħu lil Temi Zammit. Mill-ewwel, it-tabib Andrea Pullicino ma qabilx ma’ din l-għażla u sarkastikament tenna li dan kien stabbiliment tal-antikwarjat u mhux tal-kimika. “Għaliex ma toffrux paga aħjar u ġġibu persuna iktar kompetenti?” kompla joqros. “Biex ikollok mużew sura ta’ nies trid il-post adatt u trid persuna adatta, tifhem fl-arti mhux fil-kimika. Cesare Darmanin — li kellu fabbrika tal-irħam il-Ħamrun u li kien joħroġ mal-Partito Popolare (“ta’ Savona”) sal-1900 — ukoll ma qabilx li Zammit jitpoġġa kuratur tal-Mużew. Darmanin irraġuna li l-Gvern kien qed jaqdi żewġ impjiegi b’persuna waħda, u li d-dmir ta’ Zammit kien li jibqa’ jaħdem għall-Gvern fid-Dipartiment tas-Sanità. Baqa’ ma jaqbilx mal-għażla ta’ Zammit sal-aħħar. Salvatore Cachia Zammit, membru ieħor tal-kumitat, ma kienx ċert fuq il-ħatra ta’ Temi Zammit bħala kuratur. L-uniku wieħed barra Merewether li qabel mal-għażla tiegħu kien Francesco Azzopardi. Merewether sema’ lil kulħadd iżda temm id-dibattitu billi qal li l-ħatra ta’ Temi Zammit kellha tkun waħda temporanja biss, u li dan kien lest li jaħdem anki bla ħlas iżda li l-Gvern ma riedx jisfrutta l-kapaċitajiet tiegħu. Zammit inħatar kuratur fit-12 ta’ Lulju tal-1903.

L-inawgurazzjoni tal-Valletta Museum kienet saret fl-24 ta’ Mejju tal-1905 waqt li General Sir Charles Mansfield Clarke kien Gvernatur ta’ Malta. Dakinhar, il-Gvernatur kien imħabbat u ma setax jattendi l-ftuħ, iżda lanqas ried li l-okkażjoni sseħħ wara l-Empire Day. Allura kien bagħat lid-deputat tiegħu Merewether minflok. Fost il-mistednin preżenti għall-okkażjoni kien hemm mart il-Gvernatur, Lady Mansfield Clarke, li kienet fil-kumpanija tal-Kurunell Biancardi, l-Ammirall Sir Compton E. Domvile u Lady Domvile, il-Ġeneral Sir Frances Kelly u Lady Kelly, is-Sinjura Merewether, il-Maġistrat Dean Vassallo, li kellu l-Mużew għal qalbu sew, il-Professur Napuljun Tagliaferro, u Patri Manwel Magri. Is-Sinjura Zammit, mart Temi, ma kinetx hemm.

Fil-kliem tal-ftuħ, Merewether faħħar lil Temi Zammit immensament, kemm għall-għarfien tiegħu fuq l-artefatti tal-qedem kif ukoll għall-entużjażmu tiegħu u għax-xogħol li kien għamel biex il-kollezzjoni tinġabar taħt saqaf wieħed. Faħħru wkoll għall-gosti impekkabbli li kellu fil-mod kif iddeċieda li jesibixxihom. Min-naħa tiegħu, Zammit kien tkellem dwar l-isfond tal-kollezzjoni, li fi kliemu kienet inbdiet fil-kollezzjoni tal-Ġiżwita Ġan Frangisk Abela — imsejħa l-Cabinetto di San Giacomo — ġewwa d-dar tiegħu l-Marsa, u li kien ħallieha lill-Ġiżwiti meta miet fl-1655. Il-kollezzjoni ttieħdet ġo villa li l-Ġiżwiti kellhom Għajn Dwieli, però malajr bdew jinsterqu oġġetti minnha u bdiet tisparpalja. Fi żmien il-Gran Mastru De Rohan, dak li kien fadal minnha tqiegħed fil-Bibljoteka Tanseana (illum il-Bibljoteka Nazzjonali), però, skont Zammit, ftit mis-sejbiet tal-fdalijiet tal-qedem kienu fil-fatt jaslu f’din il-kollezzjoni ċentrali minħabba li ħafna minnhom kienu jispiċċaw f’kollezzjonijiet privati Malta stess jew barra.

Issa, b’dan il-mużew il-ġdid, kien qed ikun hemm inqas sparpaljar ta’ artefatti. Studjużi bħal Albert Mayr — li kien wieħed minn tal-ewwel li ppropona li l-bini tal-megastrutturi ta’ Malta kien sar qabel il-wasla tal-Feniċi, u li kien ikkritika b’mod żorr it-telqa tal-kollezzjoni — issa beda jfaħħar ix-xogħol ta’ Zammit u Tagliaferro. Anki Thomas Ashby, fir-reċensjoni tal-ktieb ta’ Mayr Die insel Malta im Altertum, radd ħajr lil Zammit għax-xogħol rigoruż tiegħu. Zammit baqa’ l-kuratur tal-Mużew tul is-snin li kien kemm is-Senior Chemical Analyst tal-Gvern, Professur tal-Kimika fl-Università ta’ Malta, u Rettur mill-1921. Biss, waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Gvern fl-1921, saret diskussjoni dwar il-paga li Zammit kien qed jieħu bħala kuratur tal-Mużew. Ittieħdet id-deċiżjoni li bħala Rettur kien qed jiġi mħallas tajjeb biżżejjed u allura minflok jieħu £100, il-ħlas tiegħu kellu jitnaqqas għal £80. Waqt id-dibattitu tal-Estimates tal-1921, kemm l-ispiżjar Vassallo kif ukoll Enrico Mizzi kienu ħaduha qatta bla ħabel biex il-pagi jkunu abbinati ma’ rwol tax-xogħol u mhux ma’ persuna speċifika. Il-Lieut. Governor kien ipprova jaqbeż għal Zammit imma għalxejn ħambaq fuq l-importanza ta’ xogħlu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Lieut. Governor ħariġha li l-Gvern “kien qed jipprova jiffranka l-flus billi jqabbad l-istess persuna tagħmel xogħlijiet differenti” u li Zammit “kien lest li jitħallas inqas milli kien jixraqlu għax-xogħol li kien jagħmel”. Vassallo, li fid-dibattitu kien sab is-sapport ta’ Ġużè Muscat Azzopardi u li baqa’ jsostni li t-tnaqqis fil-paga kien umiljanti, irtira l-proposta tiegħu. Minflok it-£80 fis-sena li kien ġie propost waqt id-dibattitu tal-Kunsill, il-paga ta’ Temi Zammit bħala kuratur tal-Mużew tnaqqset għal onorarja ta’ £20 biss.

Bħala Direttur tal-Valletta Museum, fis-6 ta’ Diċembru tal-1932 Temi Zammt kiteb ittra lill-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika biex jgħidlu li wieħed mit-tfal ta’ Mosè Zammit infurmah li xi ħadd kien qed iħaffer fil-barriera ħdejn l-għar. Mosè jiġi iben Michele Zammit li kien il-proprjetarju tal-barriera tan-Naxxari, li fiha kien hemm l-Għar ta’ Bur Mgħeż, u li l-Gvern kien xtara b’permess speċjali bin-numru 145 fid-29 ta’ Settembru tal-1920. Michele waqaf jissemma f’dan l-arkivju tat-tletinijiet. Skont it-tifel ta’ Mosè, dak li kien qed iħaffer fil-blat kien qed isostni li kien is-sid tal-art u tal-barriera, u li kellu kull dritt iħaffer il-blat ta’ fuq l-għar. Huwa qal lil Temi Zammit li bil-qtugħ tal-blat minn fuq l-għar, sid il-barriera kien se jagħmel ħsarat kbar għas-sit ta’ Bur Mgħeż. Fl-ittra, id-Direttur tal-Mużew ried ikun jaf mingħand id-Direttur tal-Kuntratti kemm mill-art li kienet skedata taħt it-titlu ta’ monument nazzjonali setgħet tiġi protetta minn danni fuq is-sit. Il-file kien irċevieh Enrico Mizzi, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika. Mizzi qara l-ittra ta’ Temi Zammit u għaddieha lid-Direttur tal-Kuntratti.

Skont ittra indirizzata lid-Direttur tal-Istruzzjoni Pubblika u bid-data tat-12 ta’ Diċembru, Temi Zammit kien mar jispezzjona s-sit ta’ Bur Mgħeż ħamest ijiem qabel u sab lil Giovanni Griscti jħaffer fil-barriera u jaqta’ l-blat għall-ġebel viċin tal-għar. Fl-ittra, għamel appell lis-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex jibgħat surveyor u flimkien miegħu, Zammit ikun jista’ jagħmel stima ta’ kemm ħsara setgħet saret minn Griscti bix-xogħol li kien qed jagħmel fuq is-sit arkeoloġiku. Jgħid ukoll li s-surveyor kellu jqis kemm ’il bogħod mill-għar jista’ jsir ix-xogħol fil-barriera mingħajr ma ssir ħsara permanenti fuq is-sit innifsu. Jistaqsi wkoll biex is-surveyor jagħmel pjanta tas-sit biex tkun tista’ tiġi meqjusa l-possibbiltà li tinxtara l-biċċa l-oħra tal-art biex Griscti jieqaf jaħdem fiha. Dakinhar stess, l-ittra ġiet f’idejn it-Teżorier li minnufih kiteb — bl-Ingliż, bħall-korrispondenza uffiċjali kollha ta’ dak iż-żmien — lill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Edgar Arrigo u qallu: “Nixtieq nagħmel mill-aħjar li nista’ għad-Direttur tal-Mużew fuq din il-biċċa li kiteb dwarha f’dan il-file, imma jekk ma tikkooperax miegħi int, ma nista’ nagħmel xejn. Ibgħatli, jekk jogħġbok, in-numru tal-file fejn hemm id-dokument tal-esproprjazzjoni inkwistjoni kif ukoll id-data tal-kuntratt tal-esproprjazzjoni.

Fis-17 ta’ Diċembru tal-1932, Temi Zammit wieġeb li kien ra l-file però ma kienx hemm l-informazzjoni li kellu bżonn. Qal li kien staqsa biex jintbagħat miegħu surveyor. Il-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika ma rrispondiehx. Zammit ħalla l-Milied jgħaddi u fis-sena l-ġdida, fit-3 ta’ Jannar tal-1933, bagħatlu ittra biex ifakkru fuq il-każ ta’ Bur Mgħeż u jgħidlu li kien qed jistenna risposta minnufih għall-mistoqsija sempliċi imma importanti li kien bagħatlu. Jidher biċ-ċar hawnhekk li anki għal Temi Zammit, il-protezzjoni u l-esproprjazzjoni kienu f’keffa waħda, fl-istess loġika.

Zammit beda jinsisti biex il-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika jibgħat avviż lil Griscti biex jieqaf iħaffer f’dik il-barriera u biex jindikalu li l-art issa kienet skedata taħt l-Artikolu 6 tal-Att tal-Protezzjoni tal-Antikitajiet tal-1925. Fl-24 ta’ Frar 1933, Cumbo, fl-ittra bit-titlu “5 – Burmghez cave in the limits of M’biba from E. South [?] to the SPW”, kiteb hu wkoll biex jikkorrobora dak li kien kiteb Zammit: l-għar qiegħed parti fuq art tal-Gvern u parti oħra fuq art tal-Kurja li qiegħda mikrija għand Giovanni Griscti. Zammit iżid jgħid li Griscti kien qed iħaffer viċin tal-għar u li kienu wissewh biex ma jkomplix jaqta’ l-blat fil-biċċa art indikata b’linja ta’ tikek ħomor fuq il-pjanta. Jiġifieri Griscti kien diġà mgħarraf b’dan. Cumbo ikompli jgħid li Griscti ma kien kuntent xejn li x-xogħol tiegħu fil-barriera kellu jieqaf minħabba l-bżonnijiet tal-Mużew. Għaliex il-Gvern kien xtara biss in-naħa tal-għar li kienet fil-barriera tan-Naxxari u mhux ukoll dik fuq in-naħa ta’ Griscti fuq ix-xellug

Fil-25 ta’ Frar 1933, Zammit kiteb rapport lill-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika biex jgħarrfu li kien iltaqa’ mal-inġinier tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ċertu Cumbo, u li miegħu kien żar l-Għar ta’ Bur Mgħeż xi ftit drabi. It-tnejn li huma kkonkludew li t-tħaffir u l-iskavar fuq l-art tal-Isqof kien għadu għaddej, u li kellhom suspett li biċċa mill-għar ġiet meqruda bit-tħaffir. Semma li l-kerrej li kien qed jaħdem il-barriera kien Giovanni Griscti u indika fuq il-pjanta li fuq in-naħa l-ħamra, ġewwa l-linja ta’ punti mħażża fuqha, ma jista’ jsir tħaffir tal-ebda mod minħabba li dan jista’ jeqred parti mis-sit.

Enrico Mizzi approva dawn in-noti fil-file fis-27 ta’ Frar 1933. Mill-pjanta huwa ċar li d-dagħbien-qabar ta’ Bur Mgħeż kien jinfirex tul il-ħajt tal-ġnien tal-Mija.

Fl-1 ta’ Marzu tal-1933, Temi Zammit bagħat lil Enrico Mizzi għall-approvazzjoni tiegħu abbozz ta’ ittra  li ried jibgħat lil Griscti. Dakinhar stess, Mizzi approvah u fit-3 ta’ Marzu Temi Zammit bagħat l-ittra lil Griscti: “Ġejt imqabbad ninfurmak li, peress li l-Għar ta’ Bur Mgħeż [‘Burmghez’] fl-Imqabba [‘Micabiba’] huwa skedat bħala wieħed mis-siti pprivileġġjati skont l-Artikolu 6 tal-Att tal-Protezzjoni tal-Antikitajiet tal-1925, u peress li int qed taqta’ l-ġebel mill-barriera viċin tal-Għar, nixtiequ nwissuk li jekk issir xi ħsara fuq dan l-għar minħabba x-xogħlijiet li qed tagħmel, tkun soġġett għall-penali skont l-Artikolu 18 tal-istess Att għall-ħsara kontra l-Antikitajiet.

Fil-5 ta’ Lulju tal-1933, Temi Zammit kiteb lill-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika biex jinfurmah li kien kiteb lil Griscti fit-3 ta’ Marzu ta’ dik is-sena. Griscti, sadattant, kien waqaf iħaffer viċin tal-għar. Zammit kien ukoll irċieva ittra mingħand ċertu Antonio Schembri li kien qed jistaqsi biex jitħallas għad-danni peress li issa ma kienx qed idaħħal flus minn dik il-barriera. L-avukat Cachia Zammit kiteb għan-nom ta’ Schembri, magħruf bħala Ta’ Farfar, fit-2 ta’ Lulju 1933. Ta’ Farfar kien joqgħod Birżebbuġa u kien qed isostni li, tliet snin qabel, ċertu Andrea Cilia minn Ħaż-Żebbuġ kien krielu l-barriera:Bir-rispett nixtieq ngħidlek li jiena, bħala wieħed mis-sidien tal-barriera Ta’ Seba’ Rġiel, fil-limiti tal-Imqabba [‘Micabiba’], nixtieq nagħmel talba għad-danni li qed isiruli minħabba li kelli nwaqqaf ix-xogħlijiet tal-qtugħ tal-ġebel mill-barriera msemmija fuq ordni tal-Antiquities Department madwar erba’ xhur ilu. Nispera li bla dewmien, id-dipartiment jieħu passi biex issir stima tad-danni u nitħallas lura. Zammit qal lill-Ministru li kien dmiru jgħarraf lill-ħaddiema tal-barriera li kien hemm sit arkeoloġiku ta’ importanza fejn kienu qed iħaffru huma. Milli jidher, ħass li kellu jiġġustifika l-mod kif kien kellem lil Schembri u Griscti, x’aktarx għax ħaseb li l-Ministru kien se jilmenta li n-negozjanti kienu qed jitilfu l-flus minħabba l-għeluq tal-barriera.

Il-Ministru għadda l-file lil Cumbo peress li dan kien staqsa biex iżur is-sit ma’ Temi Zammit u ma’ xi ħadd mill-uffiċċju tas-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Cumbo kien bagħat jgħid lil Zammit biex iġib il-file miegħu. Zammit u Cumbo marru Bur Mgħeż fil-25 ta’ Lulju 1933 fl-erbgħa ta’ waranofsinhar. Iltaqgħu l-Għassa tal-Pulizija tal-Imqabba u mxew flimkien minn hemm.

L-għada, Cumbo staqsa biex jintbagħtulu l-files CUR 1196-20 u MW 1148-32. Kitbulu lura li l-Mużew kienu bidlu n-numru tal-file, u issa qiegħed MW 607-32. Wara li għamel ġimagħtejn jeżamina l-files, ikkonkluda li l-Gvern kien esproprja mhux biss l-Għar ta’ Bur Mgħeż imma anki l-art ta’ ma’ fuqu. Għamel suġġeriment biex l-art tingħata lura u tinkera mill-Gvern. Iwissi li jekk isibu xi reżistenza, għandhom allura jittieħdu passi legali. Iwissi wkoll li s-sit għandu jiddawwar b’ħajt tas-sejjieħ. Ħitan tas-sejjieħ bdew jittellgħu biex l-arja magħluqa ma tintużax b’mod li ma kienx xieraq. L-arkeologu Nicholas C. Vella jgħarraf li ħitan ta’ dan it-tip kienu ntużaw f’ħafna siti, fosthom Kordin III. Dan is-sit ma ġġarrafx preċiżament minħabba l-ħajt li ttella’ madwaru. Cumbo staqsa biex jirritorna fuq is-sit biex jerġa’ jeżaminah ġaladarba issa kellu aktar informazzjoni.

Il-Ministru Mizzi, fuq parir ta’ Temi Zammit, għadda l-osservazzjonijiet ta’ Cumbo lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-14 ta’ Awwissu 1933; id-Dipartiment bdew jaħdmu fuq il-każ fil-21 ta’ Settembru ta’ dik l-istess sena. Ħamest ijiem wara — fis-26 ta’ Settembru 1933 — Zammit ikkummenta li ġaladarba jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet ta’ Cumbo, hu ma kellu xejn aktar xi jżid fuq dan il-każ. Biss jinsisti li l-inġinier tad-distrett għandu jiddaħħal ukoll fil-każ u jibgħat ir-rapport tiegħu minħabba l-fatt li l-proprjetà qed tintuża b’mod mhux xieraq minn individwi privati.

Mizzi ordna li jsir dan fit 3 ta’ Ottubru tal-1933 u fl-14 tal-istess xahar wasal ir-rapport tal-Aġent Suprintendent għand Temi Zammit. L-assessjar tas-sit ikkonferma li ż-żoni A, B, C fuq il-pjanta Y kienu qed jiġu użati mhux kif suppost minn Giovanni Griscti ta’ “Vicolo 2, Strada Persica, Micabiba” u Antonio Schembri ta’ “18, Strada Brolli, Birzebbugia”. Ir-rapport jgħid li fiż-żona A kien qed isir qtugħ tal-blat u tneħħija ta’ ħamrija però bi ftit li xejn dannu; fiż-żona B kien qed isir l-istess però fiha kienet qed tintradam il-ħamrija li bdiet titneħħa mill-għalqa biswit u allura l-assessjar fuq iż-żona B ma setax ikun preċiż qabel titneħħa l-ħamrija kollha; fiż-żona C kien sar xi dannu minħabba li l-ġebel li beda jitneħħa min-naħa fejn il-qtugħ tal-blat kien qed isir minn Griscti u Schembri kien qed jiġi mirdum hemm. Għal dan, ġew ikkalkulati danni ta’ £11-05-0.

Min-naħa tagħhom, Griscti u Schembri sostnew u ppreċiżaw li l-art kienet mogħtija lilhom b’kirja tliet snin qabel mingħand Andrea Cilia, li kien joqgħod “33, Strada Rjali, Ħaż-Żebbuġ”. Bħala parti mill-konċessjoni, Cilia kien tahom it-tliet żoni mmarkati però minħabba l-fatt li dawn kienu jaqgħu taħt l-art li kien akkwista l-Gvern, Cilia kien qed jikser il-liġi. L-Aġent Suprintendent ta lil Griscti u Schembri tliet xhur biex iħallsu d-danni u jroddu lura s-sit lid-Dipartiment.

Temi Zammit insista wkoll li Lorenzo Gatt u l-Aġent Suprintendent iressqu din l-informazzjoni fuq id-danni li saru fiż-żona C quddiem Cumbo. Fl-24 ta’ Novembru 1933, Zammit intalab jibgħat ittra lil Griscti (“Grixti”) u lil Schembri; biss, Zammit ried rapport ieħor qabel jagħmel dan. Ma ħassx li kien kapaċi jagħmel l-assessjar waħdu u allura, tlett ijiem wara, fis-27 ta’ Novembru 1933, kiteb lis-Suprintendent Bonavia u talbu biex isir rapport mill-inġinier tad-distrett fuq kemm fil-fatt kienet saret ħsara fuq l-Għar ta’ Bur Mgħeż. L-inġinier bagħat rapport li fih jgħid li l-ħsara kienet biss superfiċjali. Fis-6 ta’ Diċembru 1933, Zammit kiteb lil Cumbo biex jgħarrfu li fl-aħħar, ir-rapport tas-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi kkonkluda li d-danni fuq l-Għar ta’ Bur Mgħeż ma kinux estensivi biżżejjed biex jittieħdu l-passi. Zammit iddeċieda li l-każ għandu jiġi injorat. Ovvjament, in-noti ma jagħtu l-ebda indikazzjoni għala Temi Zammit iddeċieda li jieqaf f’dan il-punt u li jinjora d-dannu li kien ġie deskritt fir-rapport ta’ qabel.

L-ewwel ma miet kien missier ommi; fil-kamra mortwarja tal-isptar San Luqa, bil-ġlekk u l-qalziet suwed li kien iżżewweġ bihom, qmis bajda, ingravata, u xagħru folt u abjad minxut lura, kien jidher l-isbaħ li qatt rajtu. Ma kienx iktar ix-xiħ li jpoġġi fit-tarf tal-mejda jħażżeż in-numri mill-wieħed sal-għaxra fuq karta ta’ pitazz b’wiċċ ir-Reġina fuq il-qoxra qabel jiekol, jipprova jissielet mal-kitba; jew ipinġi ħmara bilkemm jaf iżomm il-lapes. Ma kienx iktar dak ix-xwejjaħ jaħbi s-sigaretti ġo kaxxa tal-ispices fil-kċina, jiftaħ ir-radju u jieħdu miegħu fil-kamra tal-banju jisma’ t-tiġrijiet taż-żwiemel sakemm iqaxxar il-leħja. Għannaqtu kemm flaħt miegħi, kiesaħ u iebes, tqil u mraħħam, maħruġ minn ġol-friġġ mortwarja. Ir-riħa tal-mejtin daħlet fi mnifsejja; riħa kiesħa li baqgħet tiġi lura s’issa meta nsemmiha. Riħa ta’ djar qodma u vojta, toqol ta’ kmamar baħħ, dehxiet ta’ għerien mudlama. Ommi żanżnet il-qabar bih. Omm ommi mietet ħafna warajh, avolja kienet iktar marradija; dejjem tgerrem il-biċċiet tal-pirmli kontra l-affan, id-dijabete, u l-pressjoni. Fl-aħħar ġranet ta’ ħajjitħa bdiet taħlef li taf lil kulħadd ta’ fuq it-television. Xeħtuha ġo sodda l-isptar sakemm rat lil ommha ġejja għaliha; ġiet għalija, qaltilna, hawn kienet. Ġabet lil kulħadd magħha. Qatgħet nifisha wara raqda twila u niżżilnieha fuq żewġha, reqdin fuq xulxin benniena, injam fuq injam, tavla tal-franka bejniethom. Wara, ommi poġġiet lil ħuha fuq ommhom, fuq tavla oħra tal-franka; Salvu tagħha. Poġġitilhom ritratt tond fi frame kulur id-deheb u kitbitilhom isimhom li bilkemm kienu jafu jaqraw huma stess, u poġġitilhom numri tal-ħadid ta’ meta waslu u telqu. Meta mietet hi, il-kanċer bidilha. Fil-velja kien se jkun hemm qraba, ħbieb, u tfal u ma ridtx li tibqa’ mfakkra mikula mill-mard. Għalaqna t-tebut, u għafast l-injam miegħi bħallikieku inkarna dak il-mument u kont qed ngħannaq lilha stess. Niżżluha tlett irġiel mis-Sudan ħaddiema mal-Campo Santo, b’żewġt iħbula ħoxnin, attenti biex it-tebut ma jolqotx il-ħajt tal-franka fil-blat tal-Għolja tal-Ħorr. Laħamha issa skarna u tbiel imma għadamha għadu hemm. Bejni u bejnha, tavli tawwalin tal-franka li kull nhar ta’ Sibt nintelaq fuqhom u jsiru laħamha u nħossha miegħi. Bejni u bejnha, miljuni ta’ snin ġeoloġiċi. Bejni u bejnha, mitejn ċentimetru. Bejni u bejnha, ftit volumi ta’ arja mimlija umdità. Bejni u bejnha, sentejn oħra sakemm niftħu u npoġġu l-fdalijiet tagħha ġo kaxxa għat-tieni difna. 

Ir-relazzjoni bejn il-ħajjin u l-mejtin tinftiehem sewwa mill-mod ta’ kif il-ġisem jitkeffen, jitniżżel u jitqiegħed ġewwa l-ħofra biex jingħalaq u jitgħatta. Dawn huma l-proċessi soċjali, fiżiċi u ontoloġiċi li bihom il-ħajjin jittrasformaw il-ġisem bla ħajja fil-ġisem mejjet. Il-ġisem mejjet mhux statiku; anzi, jibqa’ jinbidel tul iż-żmien u din il-bidla ġġib magħha prattiki mortwarji u funebri li jirriflettu t-twemmin tal-ħajjin fuq il-mewt u kif tasal għaliha. Il-mod ta’ kif il-ġisem bla ħajja jiġi mibdul f’ġisem mejjet spiss jinbidel skont il-pożizzjoni soċjali, l-età, il-ġeneru, jew skont kif il-ġisem tilef dik l-istess ħajja nnifisha. Il-koreografija funebra tal-ġisem magħġuna sew ma’ dak li nemmnu li hemm wara l-ħajja, mat-tabujiet tal-ġisem, tal-mard, u tat-twemmin reliġjuż. Dawn il-proċessi li jwasslu għad-difna jistgħu jitqiesu bħala l-kostrutt soċjali tal-mewt, imma huma wkoll il-bidla ontoloġika tal-ġisem u l-pożizzjoni tiegħu fis-soċjetà tal-ħajjin. It-tqegħid tal-ġisem f’tebut ġo ħofra jew fid-dagħbien ġol-blat tal-franka huwa t-tmiem ta’ dan il-proċess u l-istudju tat-tafonomija jista’ jagħtina ftit ħjiel dwar kif il-proċess tad-difna nistgħu nġibuh lura. Min jaf jekk ġod-dagħbien ta’ Bur Mgħeż daħlux l-annimali gerriema jduru għall-biċċiet tal-laħam li kien għad baqa’ mal-għadam bħalma għamlu fiċ-Ċirku tax-Xagħra? Min jaf jekk il-ksur, li osservaw kemm Tagliaferro u Zammit kif ukoll Sinclair, kienx sar qabel il-mewt jew wara, meta d-deffiena reġgħu daħlu u żbarazzaw l-għadam biex jagħmlu post għal iġsma ġodda? Id-dfin kollettiv spiss jingħad li jirrifletti l-identità ta’ kollettività fil-komunità, prassi komuni fil-preistorja tal-Mediterran. Minkejja dan, id-difna fil-blat tippreserva l-intenzjoni li l-persuna ma tintilifx, jiġifieri tinżamm imma f’manifestazzjoni differenti. U allura, għalkemm id-dfin ikun kollettiv, is-suġġettività tal-mejjet ma tmutx għalkollox imma tiġi mraħħma fil-franka u n-nogħra .

Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u lill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. L-epigrafu ta’ Tarċisju Zarb huwa meħud minn “Ir-Raġel tal-Glielez. Ikkonsultajt il-kitba ta’ C. J. Farrugia, “L-Imqabba fis-Sekli Dsatax u Għoxrin u t-Twaqqif tal-Partiti” fil-ktieb Sicut Lilium: devozzjoni u ritwal tul is-sekli, editjat minnu stess u ppubblikat fl-Imqabba mis-Soċjeta Mużikali Madonna tal-Ġilju fl-2012.

Aqra l-parti li jmiss:

Ħallejt it-tebut għal ġisimha biss

Il-biċċiet tal-fuħħar mifruxa u mxerrda fl-għelieqi fi Triq in-Namur fuq l-għolja tal-Iklin — li ġġib quddiemek il-medda ta’ art li tiġbed mill-Imdina fuq il-lemin għal Ħal Luqa, Ħal Saflieni u Raħal Ġdid u tiftaħ fuq il-Belt fuq ix-xellug — jixhdu li fejn in-nassaba Naxxarin firxu l-imnasab tagħhom kien hemm, fuq il-quċċata tal-għolja, binja megalitika fiż-żmien Neolitiku. Xhieda oħra ta’ dan huma l-megaliti tal-franka mixħutin ’l hawn u ’l hinn, uħud minnhom illum b’avviżi miktubin fuqhom b’żebgħa ħamra li jfakkruk biex iżżomm nadif mill-ħmieġ tal-klieb. Il-passaġġ żgħir li jagħti għal ġewwa tal-għelieqi fejn hemm l-imnasab għattnuh taħt saqajhom l-ewwel nies li telgħu fuq din l-għolja. Wittewh għan-nassaba li llum tkompli tressaqhom ’l hawn l-art ġebbieda eluf ta’ snin wara. Ir-rovini Neolitiċi jagħtu affordanza tajba lin-nassaba: ħadd mhu ġej itella’ xi blokka u allura s-siġar tal-gamiem u l-kalamenti tal-insib jibqgħu hemm ġo nofs radam il-qedem. Fis-sirda Novembrina, xħin jibda jbexbex, jibda ċ-ċenċil tat-tkissir tal-megaliti biex titgħatta d-dura tal-kantun tal-franka riċiklat b’qoxra ta’ ġebel selvaġġ. L-imnasab fuq il-wita bejn Ħaġar Qim u l-Imnajdra wkoll imtellgħin bi knaten tal-franka tal-Qrendi u l-Imqabba, u miksijin b’qoxra tal-qawwi maqtugħa mis-saffi tal-Magħlaq bħallikieku n-nassaba komplew it-tradizzjoni tal-bini megalitiku bil-qawwi fuq barra u l-elementi interni tal-franka. Fl-imnasab tal-għelieqi tad-Debdieba jibda l-ikkurdar: xbieki mifruxa, molol mal-kalamenti, xbieki miftuħa fuq in-naħa tal-ħaxja, il-lasti mwaħħlin mar-rażżi, il-qfiel u ċ-ċfuf maqfula. Id-dikojs tal-gamiem lesti f’posthom u l-gabjetti mqiegħda. Il-lanez tal-ġogi marbutin fejn is-siġġu fid-dura. Il-gamiema bil-kappun imxekkla u marbuta fuq is-seffut. Id-Debdieba ġebbieda, kien qalli l-Mija waqt li kien qed iqalleb fil-kantuniera tiegħu f’Bur Mgħeż ħdejn il-kaxxi tan-naħal, ifittex biċċa qasba. Il-Mija jiddiletta bis-sfafar, u għalkemm qatt ma qalli hu, smajt li kien jinqala’ sew, tant li l-Imqabba jgħidu li kellu esebizzjoni tas-sfafar l-Amerka. Qalli li hemm ħafna tipi ta’ sfafar: is-suffara tat-tgeġgiġ, għall-ġojjini, qisha buttuna tar-ram li titfagħha bejn snienek ta’ quddiem u tonfoħ fiha; iz-zekzieka tar-ram u lakstu, tiġbed il-pluvieri bil-ħoss li joħroġ minnha meta tagħfasha u titlaqha. Imma l-Mija kien jedha jagħmel is-sfafar tal-pluvieri mill-qasab tal-bambù. Omm Shaun qaltli li missierha kellu suffara jgħidulha l-“badabut” u missieru qalli li l-Mija kien ilu jfittex mod kif jagħmel suffara aqwa minn kull suffara oħra: ipprova minn kollox, anki lasti tal-biljard u lasti tal-ixkupi. Għamel żmien twil jonsob bis-suffara tal-ġebla tal-franka. Imma fl-aħħar, l-aħjar suffara li għamel għall-pluvieri kienet magħmula mill-għadam ta’ annimal li sab ġo barriera. Il-Mija kien qalli li ta’ tifel kien diġà jaf ibarqam u jparpar bħall-ħamiem u l-gamiem. Qalli kif kienu jaqsmu minn Bur Mgħeż għad-Debdieba, minn fejn il-kappella ta’ Santa Marija fejn illum hemm ir-runway, biex jaslu fuq il-mansab. Meta ġejt biex nasal hemm jien, kelli ndur bil-pass minn Tas-Sejba għal Ta’ Kandja u mbagħad fuq il-lemin biex nimxi tul it-Triq ta’ Ħal Farruġ. Ħarist ’l isfel ġol-barrieri mimlijin bil-ħamrija u siġar miżgħuda bil-larinġ, u minn ġol-ħofra tal-Ħabel ta’ San Pawl smajt it-tgedwid tal-ħassieba tas-seklu l’għadda, jitħaddtu u jixorbu u jieklu u jimpikaw bl-għerf tagħhom. Hemm kont niltaqa’ ma’ Oliver Friggieri u Joe Grima u Fr Rene, qaltli waħda min-nisa ta’ Triq il-Parroċċa. Bqajt nieżel man-naħa tat-Torri ta’ Wilġa u dort fuq ix-xellug biex nibda nimxi lejn l-għelieqi ta’ fuq il-wied. Żammejt ħarsti fuq ix-xtieli tal-mansab fejn waqaft inħares lejn serbut megaliti li, bħan-Naxxari qablu, iċ-Ċaqnu ċarrat minn laħmet l-art: spettakli ġeoloġiċi b’kull folja daqs żewġ sulari mqiegħda waħda ħdejn l-oħra bħallikieku reġgħu ġew fostna l-ewwel kuntratturi u bennejja fuq il-gżejjer. Ersaqt lejhom u lmaħt warajhom muntanja ġebel tal-franka fuq xulxin. Imxejt sieket lejhom, daħħalt ħarsti ġod-dell tal-għerien ta’ bejniethom, il-frisk ħelu tal-franka li jhennek taħt il-qilla tax-xemx. Il-kobor tal-ġebel isaħħrek meta tkun taħtu u tmissu, tiżnu b’għajnejk, u fi mnifsejk tħalli tidħol l-umdità tal-ħamrija u l-għeruq tax-xtieli mqaċċtin u għadhom imwaħħlin miegħu, bħal dras il-art maqlugħin friski minn ġol-ħanek. Dak li għandna, kien qalli Frans, franka! Taħt saqajja, fuq ix-xeqliba tal-art li tibda tixħtek ’l isfel lejn il-ġebel kbir irrumblat fil-qiegħ tal-wied, rajt qtugħ rettangolari fil-wiċċ tal-blat, bħal oqbra dojoq tat-trabi li bħalhom kont rajt waqt li kont qed infittex l-oqbra fuq ix-xagħri ta’ Santa Margerita ma’ Russell u Aiden. Aiden kien qalli li forsi n-nies ta’ żmien il-bronż kienu jagħmlu x-xtieli tal-għeneb fihom, jew forsi jaħslu l-ġlud tal-annimali wara li jbiċċruhom u jqaxxruhom, u jħallu d-dmija jċarċru fil-kanali dojoq u baxxi li hemm ħdejhom iserrpu ’l isfel. Kmamar abbandunati bil-barumbari meqrudin, passaġġi ta’ siment mixħut u mwitti dan l-aħħar, xatba wara l-oħra magħluqin, bibien f’nofs imkien imsakkrin: id-dawra tal-mansab konfoffa biex jew jobżqok ’il barra, jew jaqflek ġo nofsu. Tikka ħamra tiskariġġa: xi sponsun! Smajt leħen il-Mija: il-ġarġir isfar ta’ taħt saqajk jagħmel għalih il-ġojjin. It-tillier u x-xarbekk, dawk għall-ekri. L-għobbejra għal tal-għana. Poġġa fit-tarf tal-wita jħares ’l isfel, radam ta’ ġebel imrembel mal-għargħar tal-ilma li eluf ta’ snin ilu niżel minn Ħad-Dingli għall-port tal-Marsa, iħares lejn il-marki ta’ tidwir u rrumblar fl-uċuħ tal-ġnub tal-wied u l-għerien, l-għelieqi u l-imnasab, jonfoħ fis-suffara li kien qed ilesti u qalli: hawn kienu jgħixu d-deffiena ta’ Bur Mgħeż.

Dekorazzjoni art-nouveau