Noti Editorjali #8

ma’ Nicole Borg

« Dak inqisu l-punt tat-tluq tar-riċerka tiegħi, il-problema li hawn bħalissa bl-iżgumbrament tal-bdiewa, jiġifieri din hija xi ħaġa li bdiet primarjament minn żmien il-Covid. Qisha faqqset dak iż-żmien però issa qed naraw li qed tikkalma ftit is-sitwazzjoni. Il-bdiewa litteralment qed jiġu żgumbrati minn arthom biex jinħoloq post għal żvilupp. Din tbeżżagħni ħafna. Nafu sew li l-prezzijiet tal-art agrikola hawn Malta huma m’ogħla s-sema, huma ftit mill-ogħla, jekk mhux l-ogħla, fl-Ewropa. U nafu sew li aħna gżira żgħira, l-insularità tinħass f’kulma nagħmlu. Fl-ikel donna nħossuha ftit imma donnha għadha ma waslitx fejn għandha tasal. Il-fatt li l-art agrikola kuljum qed tonqos u tonqos mhux talli qed iżidilna d-dipendenza fuq pajjiżi oħrajn li jipprovdulna l-ikel tagħna imma qed inaqqas mill-possibbiltà li nistinkaw u niddiskutu s-sovranità tal-ikel. Is-sigurtà u s-sovranità jaħdmu flimkien però mhumiex neċessarjament dipendenti fuq xulxin. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ kunċetti differenti, jiġifieri l-fatt li m’aħniex konxji li art agrikola ma tantx fadlilna, jew il-fatt li mhux qed ikollna dil-konverżazzjoni iktar fit-tul jew iktar fil-wisa’... Hawnhekk jidħol il-kunċett tas-sovranità. Li jkun hemm bżonn li tinnova jew li tadatta l-identità tal-ikel tiegħek hija coping mechanism, fis-sens hija xi ħaġa li għandna obbligu li nagħmlu għax, jekk ħa nibqgħu sejrin hekk, ir-rabta li għandna mal-ikel iktar u iktar se tkompli tintilef. Jiġifieri, fuq livell ta’ individwu nerġa’ ngħid, hija l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu, nibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħna u ngħidulhom, isma’, aħna hawn qegħdin, nafu minn xiex intom għaddejjin u nismgħukom qegħdin... Ovvjament fuq livell iktar għoli, fuq livell ta’ policy, din il-ħaġa trid tiġi indirizzata b’mod li jolqot oqsma differenti, il-kultura, l-ilma, il-wirt, x’naf jiena. Però, ma nixbax ngħidha, ibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħkom kellmuhom. Qattgħu l-ħin magħhom, ħudu kafѐ magħhom, u minn hemm vera nkunu nistgħu nifhmu l-ikel x’inhu, l-ikel tagħna x’inhu, l-identità tagħna x’inhi, u fejn sejjer dan kollu. Ovvjament dan id-diskors hemm marbut miegħu d-diskors tas-saħħa, kemm is-saħħa tagħna, li tiddependi ħafna minn minn dak li nieklu, kif ukoll is-saħħa tal-art — jekk l-art hija fertili, qed tħaddimha, qed tkabbarha, qed iżżommha b’saħħitha u tista’ tibqa’ b’saħħitha għall-futur. » .

Dekorazzjoni art-nouveau