Sal-Għasfur Isib Fejn Jgħammar

Nathan Anthony Pace

Ftit qabel mort ninħexa ma’ D kont smajt lil Omar N’Shea jitkellem dwar il-ħufar fil-ġnien ta’ barra s-sur tal-Furjana. Qed ninduna li ma nafx niddeskrivi fejn jiġi eżatt. Fuq ix-xellug ta’ Bieb il-Bombi mill-Ħamrun, qajla ’l bogħod minn fejn kienet tajritni karozza. Kont qomt minn ftit minuti mitluf minn sensija — li fihom stħajjilt li tajritni karozza u ħassejt id-daqqa — imħarbat dwar x’sena kienet u niddieħak għax din la kienet l-agħar ħaġa li kienet ġratli dik is-sena u lanqas dakinhar. Il-ħaxi ma’ D ukoll: la kien l-agħar ħaġa u lanqas l-aħjar is-sena l-oħra, għalkemm jekk inqabblu mal-idea li kelli tal-ħaxi qabel addirittura nħxejt, kien medjokri imma xorta l-aħjar li qatt inħxejt.

Ma tissorprendini xejn li smajt li l-Ġnien tal-Bombi hu post tal-ħufar fis-swali mdawla tal-università. Donni t-tagħrif sigriet ta’ Malta kollu hemm nitgħallmu għax l-art ma tgħidli xejn, it-toroq iserrpu f’xulxin jagħlqu ħalqhom, u n-nies jibdlu d-diska quddiemi u jlabalbu l-iktar ħwejjeġ fiergħa. Imbagħad affarijiet queer iktar u iktar, jew inqas u inqas. M’għadnix immur attivitajiet tas-suppost komunità għax dejjem nispiċċa ’l barra miċ-ċrieki, inħuf fl-iskonoxxenza, nimraħ fil-ħars imqit u d-diskursati mqanżħa. Ċrieki jdawru ċrieki jintwew fi ċrieki jitgeżwru fi ċrieki. Allura skoprejt dwar dan il-post ta’ ħufar fil-librerija tal-Fakultà tal-Arti, fejn sirt naf li jeħtieġli mmur biex niffamiljarizza ruħi mal-pajjiż li jidhirli twelidt fih. Skoprejt li l-irġiel fil-barijiet jaqbdu jgħidulek l-istorja ta’ ħajjithom, għal skopijiet ta’ riċerka jew ta’ ħbiberija, jekk titlobhielhom u mhux bilfors iħarsulek bl-ikrah jew jifluk minn fuq s’isfel jekk għal soft drink ikollok bżonn tidħol f’xi wieħed żdingat riħa ta’ qrusa tal-birra. Skoprejt ħafna affarijiet, imma għax smajthom mhux għax qaluhomli.

Fil-kċina ta’ B: naħla tiċċirkola f’vażett magħluq nofsu dqiq. Ftit ieħor tinfena. Taħt abtejn D ix-xehda fejn ngħammar; taħt abtejk niġi niżvinta, ’il-gawwi jmewġu l-imbatt.

L-uniku ċirku queer li kont niffrekwenta wara li ġejt lura minn barra kien Grindr u kemm nixtieq li ma kontx. Meta bgħatt lil D għax rajtu ħelu, wisq ħelu biex jindenja ruħu jibgħatli, ħsibt li kien se jinjorani għax ikun iridhom maskili, li ħafna drabi tfisser bla suf imma wkoll il-kopja eżatta ta’ dak li jkunu huma jew sostanzjalment aħjar: immuskolati, il-vini ma jifilħux il-prepotenza massiċċa tagħhom, ħwejjeġ funebri u kunfidenza sardonika li tidher li hi prestazzjoni minn seba’ mili ’l bogħod. Luce Irigaray tikteb li l-irġiel jixxennqu għal nisa l-kopja tagħhom, ir-rifless fil-mera, sempliċiment b’morfoloġija differenti — hom(m)osexualité, issejħilha Irigaray, u hawn nimmaġinaha titbissem imqarba għall-bravura li għamlet — u dan id-diskors jimmultiplika ruħu bi proporzjonijiet stratosferiċi jekk tapplikah għall-kultura tal-masc for masc, li essenzjalment tindika li int raġel u tixtieq taħxi raġel ieħor li idealment ikun ħuk. It-tnejn b’xagħar imqaxxar, b’leħja jew xejn suf mal-wiċċ (imma mhux mustaċċi għax dawk tal-pufti), ħajjithom iqattgħuha l-gym, deskrizzjonijiet impossibbli oħrajn, u xejn iktar u xejn inqas għax inkella tkun diżgrazzjat. L-omosesswali Spanjoli jagħmlu differenza bejn omosesswali gay u omosesswali maricón. Dan tal-aħħar hu l-omosesswali mhux maskili li ħafna drabi jinqabad f’dilemma: jew isib ruħu eskluż mill-ekonomija libidinali dejqa tal-univers diġà magħluq tal-omosesswali, jew iffetixizzat. Drag Race España għalhekk hu l-favorit tiegħi mill-verżjonijiet kotrana tal-programm li kkummerċjalizza d-drag (u allura, eteronormattivizzah). Fir-raba’ staġun, hemm qasma taħraq bejn il-queens gay u l-queens maricones — u l-maricones ippruvaw iġibu lill-gay, immuskolat daqs iljun, insè tal-esklużjoni li jħabbtu wiċċhom magħha fil-colectivo li mhu colectivo xejn. Fil-ħames staġun, tużżana queens differenti ddrammatizzaw perfettament l-Olimpjadi tal-Oppressjoni: jien nitjassar iktar minnek għax mill-barrio tas-slavaġ u biex ġejt hawn kelli niekol ross bit-tadam xhur sħaħ u naħdem sitt iljieli fil-ġimgħa Barċellona, jien għax trans, jien għax ta’ kulur ieħor, jien għax telaqni missieri wara li għajjarni pufta, jien hekk u jien hekk. Stagħġibt nara dil-onestà perversa mxandra tant bil-miftuħ: hemm omosesswali gay li għadhom jaħsbu li huma l-iktar oppressi minkejja l-misoġinija pessma tagħhom, kemm lejn in-nisa kif ukoll lejn kwalunkwe traċċa ta’ femminilità.

Nibda naħseb li tarani sabiħ imma mhux għalkollox. Arani għarwien nokroblok iddakkarni f’bejta ballut — kif għoddu ħabbni dar-raġel skonoxxut — ismu kontinġenza — 

Stagħġibt iktar li D bagħatli lura għax hu wkoll kien femme, u b’mod ġenerali, dawk l-iktar li jogħġbuni u magħhom ningwalaha l-iktar. Jien ukoll ħati tal-hom(m)osexualité t’Irigaray, tal-fem for fem jekk trid, imma lanqas irrid ninqabad fl-eteronormattività li jridu jonsbuni fiha l-masc for masc jew l-irġiel ħafna ikbar minni li jibagħtuli għax iridu jiffantasizzaw li qegħdin ma’ mara fin-nuqqas tal-eterosesswalità. Ma naċċettax li jixħtuni immedjatament fir-rwol tal-passiv, ma naċċettax li jippretendu li aħna straight minkejja li qed nikkommettu dnub faħxi, sagrileġġ li l-ebda konfessjonarju ma jista’ jaħfer. Jien queer u rrid li jkolli x’naqsam b’mod queer ma’ nies queer. M’iniex se nittaqqab għax iriduni: jekk nixtieq, nittaqqab, intaqqab u anki noħroġ ’il barra mid-duwalità tat-titqib li l-gays iffissati fiha, fantasija oħra tal-eterosesswalità, il-ħtieġa li jokkupaw pożizzjoni stabbli ta’ raġel attiv u mara passiva, irġiel imherwla bil-binarji riġidi tal-falloċentriżmu li titkellem dwarhom Cixous. It-teżor tiegħi mhux qiegħed biss f’sormi, Mario Mieli; it-teżor nifirxu ma’ ġismi kollu. Għalhekk ninġibed lejn persuni li bħali, għall-inqas viżibbilment, jidhru li jinfatmu mill-kategoriji, iżda qajla jirreċiprokaw, għax għalihom m’iniex maskili jew femminili biżżejjed.

Aħna u nitkellmu, wara li qsamna r-ritratti li għal darba ġew f’ħin opportun mhux bħala l-bidu tal-konverżazzjoni u għoġbuni ferm, meta stabbilejna li ma kellniex fejn nospitaw lil xulxin, qalli li ilu jixtieq jipprova l-Ġnien tal-Bombi għax kien sema’ bih mingħand il-ħbieb. Ovvja. Għax kien stilista tal-moda u għalhekk kien donnu laħaq l-eġemonija tal-komunità, imqar jekk kien jidher differenti mill-irġiel sinjuri tal-mezz’età li jaħkmu l-moda f’dal-pajjiż, dawk il-pilastri tal-komunità li jinħabbu mal-influencers u mal-eġemonija makrokosmika, u hekk kisbu grad qawwi ta’ rispett li bħal jinnega l-omosesswalità tagħhom. Dawk ta’ ġewwa, jgħid il-pubbliku, imma gay, li tfisser li fil-privat jagħmlu affarijiet differenti minna imma fid-dieher nies bħalna eżatt, li jsegwu r-regoli, iħobbu lill-familja u ma jtellfux l-ordni. Bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. Jew irġiel gay oħrajn, ukoll tal-mezz’età u mgħarrqin fil-flus sal-ponta ta’ mneħirhom, minn oqsma differenti tal-arti u l-kultura, jadulaw lil-Lejber għad-drittijiet li “tahom”: huma ċ-ċittadini tat-tieni klassi li baqgħu tat-tieni klassi u aċċettaw is-subordinazzjoni tagħhom għall-klassi tan-normali, imma issa għandhom id-drittijiet servuti qalb it-tazzi tal-Petrus u l-canapés fuq gabarrè indurat. Imorru jħanxru rapsodija orġjastika fil-mass meetings u l-Laburisti jċapċpulhom u wara jgħajruhom pufti. L-eġemonija omosesswali tittrakka mal-eġemonija normali biex tgħaffeġ lill-anormali. Imma l-aqwa d-drittijiet.

u int: int li tressaqli l-ibisku lejn xoffti, inxommok tordom tliet ġimgħat (li naf bihom), ma tafx x’se tagħmel bik innifsek; int li rsaqt lejja f’art tnixxi ħalib u għasel; int li tiskapulani b’ħarstek vistu; trid ixxennaqni u trażżanni, trid trossni miegħek sal-konfini imma mhux sax-xehda.

D kien għadu żgħir biex jakkwista dil-approvazzjoni nazzjonali imma kien akkwistaha fil-komunità u allura kien jaf fejn kellu jmur. Meta semmejtlu l-esejs t’Omar dwar il-ħufar qalli li ma kienx jaf bihom imma kienu jinteressawh għax xtaq ikun jaf iktar dwar l-istorja queer, u sar jogħġobni iktar. Intelliġenti dal-bniedem. Darba kien hemm wieħed tkaża għax fuq Grindr kelli miktub li l-inkontri jridu jseħħu f’tojlit pubbliku, l-università pereżempju. Qalli li wisq diżgustanti u staqsejtu x’ħaseb li kienu għamlu u se jagħmlu warajna miljuni ta’ nies queer biex jieħdu pjaċir. Ħaseb li jdaħħlu n-nies id-dar, il-liġi għassa tagħhom minn wara s-serratura? Ħaseb li jdaħħluhom id-dar tal-ġenituri? U l-eterosesswali x’jagħmlu: mhux għalhekk ikollhom ferħ ta’ ġenn biex iġibu karozza? Għall-inqas D kien marbut mal-antenati, immotivat mill-ħtieġa materjali, konxju li l-intimità kwistjoni Marxista daqs l-isfruttament tal-ħaddiema. Tiskanta kemm għall-inqasijiet trid tikkonċedi biex issib postok fl-ekonomija libidinali ffullata kopji tal-omosesswali.

Wasalt sa bewsa tiżgiċċa taħt abtek: arah jonxor il-flokk mal-ballut u arani naħtfu minn qaddu, inbeżlaq taħt dirgħajh — sufu jsakkarni bil-balzmu u l-misk, nilgħaq ix-xema’ minn irkejjen l-eżagoni.

Ftehemna li niltaqgħu fuq l-istejġ ħdejn Bieb il-Bombi fil-ħamsa ta’ waranofsinhar. Kont ilni nistenna s-siegħa tasal biex dinjiti tinqalibli ta’ taħt fuq. Mill-bogħod ilmaħtu ġej u għaraftu mill-ewwel qalb massa ta’ nies medjokri. Mixjitu mżegilga, il-kunfidenza organika. Qorob lejja. Xagħru nnukklat twil sa spallejh, iswed ileqq fix-xemx. Tbissimtu miftuħa. Il-crop top iperreċ serbut suf oħxon ġa kien qed iġenninni. Qed ninduna li l-kunċett tal-linja vertikali ta’ suf li testendi tul nofs l-addome saż-żokra u ż-żona pubika, perfettament imsejħa happy trail jew treasure trail, iffigurajtu b’ħafna modi kemm ilni nikteb u daqt niżbanka għalkollox. It-teżor miftuħ għal kulħadd. It-tote bag artistiku: Klimt, Kahlo, O’Keeffe, Kandinsky, ma niftakarx eżatt. Il-qalziet sa taħt irkupptejh jagħtih proporzjonijiet skulturali: iqassru kemxejn b’finezza straordinarja. Id-domna m’għonqu. Ħarbixt nota f’moħħi biex la nasal id-dar ninvestiga l-użu tad-domni bħala dikjarazzjoni stilistika. Xhur wara kelli nilmaħ ġuvni ieħor, miexi bejn Deák Ferenc tér u Astoria f’riħ moderat ġej mill-Karpazi, b’domna mdawra m’għonqu. Jidhirli li tixraqli. Dakinhar ma’ D ma kienx hemm riħ imma xagħru kellu ħabta jiżfen fuq spallejh meta jdawwar rasu. Ma kontx naf kif naqbad niftaħ ħalqi mingħajr ma nitfixkel fil-kliem.

Imxejna tul il-ġnien infittxu post iżolat. Qalli li nofsu Taljan u iktar ħawwadni, donni kont se nġarrab it-temmija ta’ nofs intimità ma’ Sqalli li r-rabta etimoloġika bejn amuri u amicizzia kien studjaha sew u għamilha l-missjoni ta’ ħajtu li jirxuxtaha, dak li meta tlaqt mid-dar għamel lejl jgħannaqni f’soddtu ta’ ħbieb li konna. Imxejna ftit iktar u nżilt eqreb tas-sur. Iltqajt ma’ post li donnu kien imħejji għalina, santwarju ta’ siġar bil-friegħi mgħaqqdin f’xulxin, żewġ ġebliet f’għamla ta’ taraġ fejn noqogħdu bilqiegħda, il-kamra ta’ ġewwa fejn tinżamm l-arka li mhux kulħadd ipprivileġġjat li jidħol ħdejha, artal li fuqu jinqatel l-ismen ħaruf għall-glorja tal-erotiċità. Mort niċċekkja kinux ġejjin nies u waqafna quddiem xulxin. Qrobna pass u tbewwisna. Minn issa l-verġinità tal-pjaċir, dik il-verġinità li kont għadni ma ħlistx minnha għad li kont tlift lil oħtha iktar inkejjuża, kienet se tintrefa’ fil-passat.

Ma kienx hekk. Intrefgħet għal ftit sekondi u reġgħet sabet lilha nfisha. Hawn konxju dwar il-lakuna konvenzjonali tas-sess, il-qabża li test letterarju jew film jagħmel biex jinferixxi iktar milli juri l-inkontru sesswali, u qed inżomm il-lakuna għax għadni ma nafx niddeskrivi la t-tajjeb u lanqas il-ħażin. Nippreferi niddiskuti l-prologu u l-epilogu, nitteorizza dwar dil-laqgħa stramba, nippoetiċizza imma qatt nispeċifika. Pereżempju, nitbissem niftakar dwar xħin għedtlu li meta dendel il-crop top mas-siġra tilifni għalkollox fil-gost u weġibni li kien ra biżżejjed Call Me by Your Name. Kien jaf x’kien qed jagħmel u jien kont għadni nibda, anjostiku quddiem ritwal sagru. Tant kont għadni nibda li ftit minuti wara li tilifni f’għaxwa kellna nieqfu. Kelli nitgħallem ċerti affarijiet dwar l-iġene. Ma kien ġara xejn. Ma kinitx l-ewwel darba li xi ħadd li verament għoġobni, mhux parzjalment kemm ngħaddu siegħa żmien bil-ġesti iktar milli bil-ġibda, waqqaf kollox f’salt. Għalhekk mhux veru li ma tliftx il-verġinità tal-pjaċir. Sempliċiment li l-effimerità tal-gost tiddiżappuntani. Ir-riżervi erotiċi mhuma eterni xejn għalija f’ekonomija libidinali li ma tesagħnix.

Kif titrejjaq in-naħla mifnija jekk issib l-ibisku msakkar? Ma tixtieqx terġa’ lura penitenti għax-xehda fejn tgħammar. Tridek titfaċċalha blanzun imbexxaq, tfarfar id-dqiq minn saqajha taħt abtek.

Wara kelli l-isbaħ u l-iktar diskursati onesti dwar is-sess ma’ T, ħabibti Ungeriża li kienu l-mustaċċi rqaq tagħha li ġegħluni nżerżaq sebgħi lejn il-lemin. Bdiet tgħidli fuq kif is-soċjetà tikkunċettwalizza l-pene bħala oġġett t’oppressjoni: kemm lill-femministi ħarbitilhom minn moħħhom li pene erett jikseb sbuħitu mis-sottomissjoni u n-nuqqas ta’ poter, kemm erezzjoni tixħtek f’qagħda vulnerabbli, tikxfek, tagħti l-kontroll ta’ ġismek lil persuna oħra u int ma tistax tinħeba. Għedtilha li l-irġiel jitfgħu l-attenzjoni erotika tagħhom esklussivament fuq il-pene, kif tikteb Irigaray; li għalihom il-pene mhu vulnerabbli xejn imma għodda ta’ setgħa. Ma jeżistix sess mingħajr il-pene; ma jeżistix ġisimhom mingħajru, bħalma juru l-għexieren ta’ ritratti li kont nirċievi li fihom ma jidhrux wiċċ, tbissima, qarquċa ta’ widna, sider, spalla, żokra, ġenb, koxxa, irkoppa, pexxun jew għaksa. Pene biss: rajt dak u rajt kollox.

Għedtilha li xtaqt nikteb poeżija u semmejtilha xi testi li xtaqt ninteraġixxi magħhom. L-ewwel, Salm 84, speċifikament vers 4:

Sal-għasfur isib fejn jgħammar,
u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek;
hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,
Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi!

It-tieni test kien il-poeżija “Larinġ biż-Żahar” ta’ Mary Meylak, li fiha tintelaq f’orgażmu katakliżmiku bl-influss sensorju tan-natura u tħossha tirritorna fl-Għeden bħala Eva, il-mara li tiġi kkastigata minħabba d-dekadenza senswali tagħha. Fil-poeżija, il-jouissance jieqaf ħesrem malli tinkwadra l-pjaċir f’qafas ta’ purità matrimonjali “[t]’għarusa sejra għat-tieġ”, f’kontradizzjoni oħra Meylakjana li tkompli tikkonvinċini li l-poetessa kellha Alla għaliha, li r-Romantiċiżmu kemm missitu biex teħodha qatta bla ħabel kontrih. T qaltli biex nikteb parti mill-poeżija bis-settenarju u bir-rima mqabbża bħal Meylak, u dil-proposta ħadtha bħala sfida biex bħalma għamilt bl-endekasillabu ftit xhur qabel, nuża s-suppost riġidità tal-vers tradizzjonali biex nillibera ruħi iktar fil-kitba. Jidhirli li hemm nista’ nsib il-ħelsien. Jekk ix-xena sesswali m’għandhiex post għalija; jekk mill-orgażmu teħodni fis għat-tieġ; jekk nitgħallem ninbex bl-endekasillabu u bis-settenarju; jirnexxili nagħmel bħal Meylak: li rrid fil-periferija. Niltaqa’ ma’ barranin bħali u nsib xortija fil-ferħ li ma jeħtieġli nogħġob lil ħadd, bħalma sibt leħen li miet ħamsin sena ilu jikteb maġenbi. Is-sigrieti ta’ dil-art li tixħet dubju fuq iċ-ċittadinanza tiegħi nsir nafhom mill-kotba u mill-kmamar tal-università, u ma ġara xejn .

Hélène Cixous titkellem dwar il-falloċentriżmu f’diversi mill-kitbiet tagħha, partikolarment f’La jeune née, pubblikazzjoni Union Générale d’Editions 1975, disponibbli għas-self mill-Internet Archive. Jien qrajt “La Jeune Née: An Excerpt”, maqlub għall-Ingliż minn Meg Bortin, f’Diacritics, vol. 7, nru 2, 1977. Dwar il-hom(m)osexualité qrajt Ce sexe qui n’en est pas un (Les Éditions de Minuit 1977) ta’ Luce Irigaray fit-traduzzjoni ta’ Catherine Porter u Carolyn Burke, This Sex Which Is Not One, pubblikazzjoni Cornell UP 1985. Ta’ Mario Mieli qrajt Elementi di critica omosessuale (G. Einaudi 1977) fit-traduzzjoni ta’ David Fernbach u Evan Calder Williams, Towards a Gay Communism: Elements of Homosexual Critique, pubblikazzjoni Pluto Press 2018. Il-frażi “Arani għarwien” ħadtha minn “Profetika” u “Natura Morta” ta’ Doreen Micallef f’Doreen Micallef: Il-Poeżiji, editjat minn Victor Fenech, pubblikazzjoni L-Akkademja tal-Malti u Klabb Kotba Maltin, 2015. Għas-sentenza “Nibda naħseb li tarani sabiħ imma / mhux għalkollox” tnebbaħt minn “Il-Kantiku tad-Dipressi” t’Immanuel Mifsud f’Bateau Noir, traduzzjoni għall-Franċiż ta’ Nadia Mifsud, Edizzjonijiet Emmadelezio 2011. Il-frażibil-balzmu u l-misk” ħadtha minn “Larinġ biż-Żahar” ta’ Mary Meylak f’Villa Meylak (Ġonna ta’ Kulħadd), pubblikazzjoni ta’ Salesian Press 1947. Għax-xbieha tal-gawwi tnebbaħt minn Marjanu Vella f’poeżiji mifruxin f’bosta kotba maħruġa matul il-karriera letterarja tiegħu.

Ir-ritratt użat għall-pubbliċità huwa dettall ta’ ritratt meħud il-Bombi minn Frank Vincentz, użat b’liċenzja CC BY-SA 3.0.

Dekorazzjoni art-nouveau