Noti Editorjali #10

ma’ Nathan Anthony Pace

« Naħseb li r-reliġjon hija t-tieni lingwa tiegħi, illum. Il-Malti, imbagħad ir-reliġjon. ’Qas l-Ingliż. Għax nikbru fihom, u tant kont involut fil-Mużew. Kienet esperjenza pożittiva ħafna għalija. L-allużjonijiet bibliċi, pereżempju t-teoloġija, il-morali, id-duttrina, id-dommatika, dawn l-affarijiet nafhom u nitkellem bihom. Ix-xbihat noħodhom mir-reliġjon anki fil-kitba letterarja tiegħi. Noħodhom mir-reliġjon ħafna drabi u narahom li jartikolaw esperjenza kemm reliġjuża kif ukoll sekulari u esperjenza korporja. Jiġifieri għalija r-reliġjon hija lingwa oħra li jien fluwenti fiha daqskemm jien fluwenti fil-Malti. Kien hemm żmien kont inħossni apatetiku, speċi la nemmen li eżisti Alla u lanqas ma nemminx, għax qisu ma jinteressanix, imma mbagħad erġajt ġejt Malta wara l-Islovakkja u kumbinazzjoni rġajt iltqajt mar-reliġjon fil-forma ta’ dramm dwar David u Ġonatan u għedt, dil-istorja vera tolqotni, speċi fl-istorja vera hemm jien fiha. U għedt ħa nipprova, u qisu dħalt għar-reliġjon, imma kien avviċinament ġdid, li nitgħallem iktar dwar il-Bibbja. Kif sibt f’“nonfoħ fil-kustilja allużjonijiet ġodda” ftit xhur qabel, għax dak iż-żmien kont qed naħseb fuq il-Bibbja, il-Bibbja dejjem hija sors ta’ ispirazzjoni għalija, sors ta’ xbihat, sors ta’ figuri illi internalizzajniehom, u li għalhekk jiksbu għalina sinifikat emottiv qawwi. Jien naħseb li sakemm toħroġ mill-elementi l-ħżiena tar-reliġjon, mill-kundizzjonament, meta titgħallem toħroġ minnhom u tavviċina r-reliġjon minn perspettiva oħra titgħallem ħafna ħafna iżjed u titgħallem dwar ir-reliġjon ukoll. Jiena avviċinajt ir-reliġjon mill-ġdid minn perspettiva queer u femminista, perspettiva ekoloġika, għax kelli dan l-isfond f’moħħi. Allura nista’ naviċina r-reliġjon mod ieħor. Nista’ ngħix ir-reliġjon b’mod queer, b’mod immedjat. » .

Dekorazzjoni art-nouveau