Waqt il-proċess tal-editjar ta’ “Ġilda”, Joe u Loranne kienu mbuttawni biex naħseb iktar dwar kif u għala qed nuża l-lingwa li qed nuża. Każ minnhom, li bqajna nsemmuh, kien dwar l-użu ta’ kwotazzjoni li użajt minn Judith Butler. Il-kwotazzjoni tajtha bl-Ingliż, u la dik kienet il-lingwa oriġinali tat-test ħassejtni komdu bid-deċiżjoni. Peress li kont qed nikteb bil-Malti, naturalment ħassejt li kwotazzjoni b’lingwa oħra qed ittellef daqsxejn, allura fil-paragrafu ta’ taħt il-kwotazzjoni żidt xi frażijiet bil-Malti li jirriflettu l-ideat fil-kwotazzjoni minn Butler, bħal qisu biex noħloq żifna bejn lingwi differenti li qed jippruvaw jaqbdu l-istess sens, u nħalliha f’idejn il-qarrejja biex tara fejn tasal lingwa minnhom u fejn timbotta l-oħra. L-edituri, però, riedu jimbuttaw lili minflok, sabiex naħseb iktar dwar din id-deċiżjoni. F’mument Aphroconfusesk li seħħ fuq il-Google Doc fejn “Ġilda” kien qed jiġi editjat, l-edituri ma ħallewx biss kummenti għalija imma wkoll domandi lil xulxin dwar il-kwotazzjoni ta’ Butler. “Tista’ tinqaleb bil-Malti din?” saqsiet Loranne. “Ija,” wieġeb Joe. “Jekk nista’ nżommha bl-Ingliż aħjar, jj. Fi draft ieħor ta’ dal-esej kont ippruvajt nittraduċiha għall-Malti imma rajt li xi ħaġa ntilfet (m’għandix dubju li minħabba t-traduzzjoni tiegħi)”, għedt jien. Ir-raġunar tiegħi donnu li ma ssodisfahomx (bir-raġun, meta nħares lura). Xtaqu jaraw ingaġġament dirett mal-kwotazzjoni, li jagħmlu punt mill-fatt li hemm kwotazzjoni minn lingwa oħra u li jekk jista’ jkun nagħmlu traduzzjoni tal-kwotazzjoni bil-Malti jew inkella nirriflettu dwar fejn kellna diffikultà biex nittraduċuha. Jien m’iniex tajjeb biex nittraduċi, allura verament ma kontx naf x’ħa nagħmel, sa ma ħin minnhom Joe ppropona traduzzjoni tal-kwotazzjoni minn Butler.