int sabiħ
le / żommh’għalik / jekk troddhieli ma nemmnekx
meta ngħidlek hekk mhix l-intenzjoni tiegħi / li nagħmel minnek katavru
kemm-il poeżija xaqqaqna / bl-iskuża tal-għerf / biex kemm ninsewhom / dawk il-ħaġiet mejta / u nġorruhom lura d-dar fuq daharna / mingħajr ’qas kas?
hekk tgħallimt f’dawk il-mortwarji skolastiċi: / is-sabiħ jitlob li jiġi mifhum / il-fehim jitlob is-sagrifiċċju tas-sabiħ
//
għalhekk qatlu daqshekk minna?
le / imm’ismijiethom xorta nġorruhom / mhux bħall-kewba u l-ballut fuq l-ispalla / imma fuq daharna wkoll / daqslikieku se noħduhom lura / għall-kenn / tas-sħana li kien jaf demmhom
//
taħt il-friex / ma tidħolx fija / imma bejni / titħaxken bejn kuxxtejja / kif ħaxkint ix-xafra mal-polz / u niżżilt versi li dejjem bżajt inniżżel
bżajt / imma xtaqt / kif jixtieq kull tifel imbeżża’ / li għad jikber u jsir raġel / mhux raġel / jekk irid ibus wieħed
int kellek raġuni differenti
meta staqsejtek fuqhom / l-ewwel darba li rajtek liebes T-shirt / aħna u nistennew żewġ scoops m’għand Fior di Latte / għedtli ilhom għaxar snin / imbagħad li mhuma xejn / u daqshekk / daqslikieku d-distanza bejn il-pinna u l-paġna biżżejjed / biex tifhem poeżija / jew tbaħħaħha
//
allura bistek / l-ewwel fuq xufftejk / imbagħad fuq il-feriti / u fl-aħħar fhimt;
x’inhi poeżija / jekk mhix ħaġa miksura / miżmuma flimkien / b’staġun?
tgħidli dawk il-versi ma jagħmlux sens / jien naħseb li sbieħ u / nżommhom kif ġismek jaħżinli / mewtek
//
nieħdu n-nar / meta nħossok bejni / u rridna nibqgħu fejn aħna / laħamna fjamma f’ħalq xulxin / nagħmlu minna nfusna rmied / il-ġenesi l-ġdida tagħna / id-duħħan tiela’ / għall-ebda alla / ħlief biex jilħaq is-saqaf / u jirritorna lejna ħa nniffsu / ħlewwitu
meta nlestu ma nibqax naf fejn nispiċċa jien u tibda int
naf biss li aħna sbieħ