Nibgħatlek Waqt Raxx id-Dlam tas-Sajf fl-Iżvezja

Maria Theuma

Imnebbħa minn Hera Lindsay Bird

Niktiblek

Hawnhekk id-dawl qatt ma rajt bħalu

Blu

Il-ġilda fih issir blu

Jew tidher blu

Ma jidlamx

typing…

Ostra

Għadha kif għaddiet ċerva minn fejni!!!

Xiex

Eżatt minn fejnek?

Ija

Se nidħol norqod għax ilni mqajma

Int linja siġar jimmultiplikaw b’mod infinit

Ġo foresta fl-Iskandinavja tal-metavers

U jien l-aħħar werqa li għad jifdal

Itteptep…………………… qabel imur id-dawl u jintefa kollox darba għal dejjem

Se nibdel il-via ta’ din il-poeżija għax mhix qed togħġobni

Minn poeżija dwarek se nibdilha għal poeżija oħra……… dwarek

Kważi dejjem, iktar dejjem milli kważi, nemmen li jien nikteb biex int tħobbni

Nikteb din il-poeżija……… biss biex tħobbni

U x’raġuni hemm għall-poeżija 

Jekk mhux biex l-ewwel tiktibha

Imbagħad iżżommha f’idejk u taqbeż biha b’kollox

Rasek l-ewwel għal ġo pixxina mimlija sa ruħ ommha bi ħġieġ miksur

U toħroġ minnha tqattar id-dmija

biex imbagħad eżatt wara taqbeż……… għal ġo pixxina oħra……… mimlija ħall

Għax hekk irrid

Għax ma jimpurtanix minn x’jista’ jgħid ħaddieħor

Bl-istess mod li bankier ma jimpurtahx mill-kostellazzjonijiet

Bl-istess mod li l-maltemp ma jimpurtahx minn festin ippjanat għal fuq terrazzin mhux kenni

Taf kemm hu diffiċli biex ma ngħixx bik f’ħajti

Daqs ħelikopter li jrid itir imma l-inġinier tah garġi minflok ġwienaħ

Daqs ħelikopter li jrid jeżisti imma Leonardo da Vinci qatt m’eżista

Daqs kumpanija li trid tbigħ il-ħelikopters imma m’għandhiex ħelikopters xi tbigħ għax kull min xogħlu jibni l-ħelikopters qiegħed fuq strajk permanenti

Aħfirli li dejjem narma firxa wiesgħa ta’ similitudnijiet u niket bejnietna

Bħal buffet ma jispiċċa qatt f’resort all inclusive

Noħroġ riġlejja minn fuq l-ikel bħal żewġ kuċċaruni bil-mankijiet twal twal jiġġebbdu lejk

Aħfirli li dejjem naħseb fuq dak li kieku kien

Anki bi lsienek bħal tajjar fuq ġismi

Dejjem nitbikkem dwar kif kellu jkun li tħassar dak li kien hemm bejnietna

Meta dak li hemm bejnietna għadu ma tħassarx

Inħobb inkellmek minn kull fejn inkun

Anki jekk hemm kontinent jifridna

Naħseb fik kull darba li nara xi ħaġa li tista’ togħġbok

Naħseb fik kull xħin naħseb f’sentenza

Irrid insir poeta tajba biex niktiblek poeżija f’għeluq sninek

Dekorazzjoni art-nouveau