Meta Platun ried ifaħħar lil Saffo, sejħilha
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Lulju 2023
Medusa
Żgur li ismi familjari. Żgur li smajt bosta stejjer fuqi. Iżda żgur qatt ma smajt dak li ġara bejni u bejn Persew. Nitolbok, iskot ftit u isma’ l-istorja tiegħi qabel nissarraf f’elf framment ta’ miti oħra… Mela darba, ħmistax-il sena ilu, meta kont għadni tifla, kont ngħix mal-ġenituri tiegħi, Foriku u Keto, fuq gżira serena mdawra b’baħar blu jwerżaq. Id-dar kienet ċkejkna, bi tlett ikmamar kollox; il-kċina, il-kamra tal-bżonnijet tagħna u l-kamra fejn konna norqdu jien u ħuti l-oħra. Għalkemm bejni u bejn ħuti l-kbar ftit snin biss kienu jifirduna—qabża ta’ sentejn kull wieħed—l-ikbar differenza kienet il-vulnerabbiltà tal-mortalità tiegħi. U meta ħuti, Stenun u Ewrjali, kellhom is-setgħa li jmorru jesploraw l-għelieqi, il-ġenituri kienu jżommuni priġuniera tal-erba’ ħitan kennija tad-dar. Iżda ma kontx inħabbel wisq rasi għaliex f’nofs dik id-dalma solitudni ltqajt mal-unika mħabba reċiproka f’ħajti: il-kelma. U minn hemm kienu l-bosta sigħat li kont qattajt b’rasi mgħaddsa fil-kotba, nixtarr l-għerf li l-paġni, bla ma jafu, jgħadduli.
-
- Lulju 2023
Il-Lanza,
il-Labra ,il-Qoffa ,l-Azzarin Ġieli jagħti l-każ li, jien u naħseb fuq ktieb li qed naqra, nibda nara f’kotba jew xogħlijiet oħrajn l-istess ħsieb, jew mod ta’ ħsieb mhux wisq ’il bogħod minnu, tant li nibda nissuspetta li fil-fatt qed jgħidu l-istess ħaġa, li l-kwistjoni qed jarawha mill-istess perspettiva. U allura, x’kumbinazzjoni li qed naqra żewġ jew tliet kotba miktubin fi żminijiet għalkollox differenti li qed jipproponu l-istess ħsieb! L-istess jiġrili jien u nikteb. Nibda nhewden fuq idea li mbagħad nibda naraha f’kull kitba oħra li naqra. Għadni kif qrajt it-traduzzjoni mill-Grieg Antik għall-Malti tal-Frammenti ta’ Saffo, ta’ Warren Bartolo. Din l-edizzjoni, li ħarġet f’Mejju 2023, tinkludi daħla, nota tat-traduttur dwar id-dixxiplina tat-traduzzjoni, annotazzjonijiet dettaljati għal kull framment u lista ta’ ismijiet imsemmija fuq wara. Jien u naqra n-noti u l-kummenti tat-traduttur, dwar x’inhu, skont hu, is-sinifikat ta’ Saffo llum, dwar it-traduzzjoni bħala proċess ta’ trasformazzjoni u mutazzjoni, dwar il-ħarsa queer ta’ Saffo, moħħi beda joħodni mingħajr ma rrid għaż-żewġ kotba l-oħra li kelli ħdejja.
Abbona