Murmurazzjoni #3

Il-Fiżjoloġija tal-Ajru

Luke Joseph Buhagiar

L-iskossi tar-roti jduru taħti nħosshom fl-ispazji epidurali tax-xewka ta’ dahri. Il-ħaġa tal-iskantament hi li l-muskoli ta’ dahri għadhom rotob u flessibbli, imma taħthom u madwarhom hemm tnemnim, tbaqbiq, tniggiż. Żewġ figuri twal sas-saqaf qed imexxuni b’tant veloċità li se jkolli ngħidilhom jikkalmaw ftit għax se jżarmawli l-qafas ta’ ġismi. Dak il-qafas li hemm taħt l-iskeletru tal-għadam, dak li fil-verità jżomm kollox kumpatt.

Kemm huma twal u żnelli dawn it-tnejn. Żewġ dellijiet enormi li jisbqu fl-orrur kull creepypasta li qatt inzertajt ġol-iskrin li fih ngħix. Is-saqaf magħmul minn sensiela ta’ kaxex kbar (hemm kelma għalihom imma mhix tiġini f’moħħi bħalissa). Dal-kaxex jimlew is-saqaf, il-ħitan, l-ispazju ta’ madwari, u probabbli l-art ukoll. L-iswidija tad-dellijiet terħi mal-madwar. Bejniethom it-tnejn għandhom iżjed minn żewġ pari jdejn. Kieku kelli ngħoddilhom is-swaba, ma nispiċċa qatt. Għoxrin minnhom qed imexxuni b’dil-veloċità inumana.

L-istreċer jieqaf zoptu u jpoġġuni bilqiegħda quddiemhom. Issa nara li huma mara u raġel dawn it-tnejn, u meta jpoġġu bilqiegħda l-qawwa ta’ dellijiethom tittaffa. F’dil-kamra hawn l-għeluq. Hemm tieqa waħda eżatt warajhom, pjuttost kbira iżda mbexxqa ftit li xejn. Il-kamra organizzata, u taħt it-tieqa hemm ruxxmata pakketti tal-pirmli, fil-maġġorparti bojod u wħud minnhom fl-isfar maħmuġ. Martek qaltilna li dal-aħħar kien qed idejqek id-dawl, sewwa? U qed tuġgħak xi darsa? Bl-ispjetaġni ta’ kulma jibda jeżisti malli jiġi mitkellem, l-uġigħ fid-darsa jerġa’ jiġi f’daqqa. Ħalqi dinja ikbar mid-darsa, dil-kamra dinja ikbar minni, u l-bqija tad-dinja terġa’ ikbar minn kulma hawn madwari. Imma dan l-uġigħ jiksi kollox b’saff oranġjo skur li surtu tinħass interminabbli.

Nistaqsihom fejnhom marti u t-tifla, u jgħiduli ma ninkwetax. Nerġa’ nistaqsihom u jgħiduli li baqgħu d-dar, li kienet l-ambulanza li ġabitni hawn. Tarbija tat-twelid xi trid iġġibha l-isptar tagħmel!? Nurta ruħi bl-implikazzjoni li rrid indaħħal lil binti qalb il-mard. Għandi kull dritt nistaqsi fejnhom. Seta’ ma kellix għax kont nistaqsi xorta. Kieku konna sturnelli, lil dat-tnejn kont ninfidhom b’munqari sa ma jiskużaw irwieħhom u wara kont nibqa’ ninfidhom bla ħniena. Seta’ kien il-Ħadd, it-Tnejn, it-Tlieta, l-Erbgħa, il-Ħamis, il-Ġimgħa jew is-Sibt.

Allura ħi, qed idejqek id-dawl jew le? Imxi mal-mistoqsijiet tagħna waħda waħda, ħu paċenzja. Meta ġbarniek kont mitluf minn sensik, u rridu l-istampa kollha. Id-dawl, id-darsa, x’iktar? Ngħidilhom li ntlift minn sensija għax ħbatt rasi mal-art, u li kienet momentanja l-affari. Nispjegalhom kif id-dwal u d-dras mhumiex l-iżjed fatturi rilevanti għall-explanandum li għandna quddiem wiċċna. Veru, id-darsa tal-għaqal ix-xellugija qed iġġenninni, imma l-emerġenza tibqa’ proprju dik li jien ħbatt rasi mal-art għax żlaqt fil-qlejba. Nitlob li niffokaw fuq din l-iżventura, u li ġaladarba noffrilhom dettalji oħra, dawn m’għandhomx inaqqsu miċ-ċentralità tagħha.

In-nervi ta’ daż-żewġ figuri jixhdu pożizzjoni komda iżda medja fil-ġerarkija tal-kura medika. Mhumiex in-nervi ta’ infermier jew paramediku, iżda lanqas mhuma n-nervi ta’ konsulent veteran. Qed nippreżumi li huma tobba t-tnejn li huma, sempliċiment fi gradi differenti. La jridu l-istampa kollha, mela nagħtihielhom kollha kemm hi. Nispjegalhom fuq id-dawl. Nispjegalhom fuq id-darsa. Nispjegalhom fuq kif żlaqt fil-qlejba, x’ħassejt jien u naqa’ u mat-tisbita nnifisha, l-għajnejn kulur il-kawba u s-swidija totali li belgħet kollox. Jien u nitkellem, inħoss il-lingwaġġ tiegħi jsir iżjed formali, bħalma spiss jiġrili f’kuntesti fejn id-dehra u l-manjieri jagħmlu d-differenza bejn ħajja jew mewt. Kieku ġejt minn jeddi, kont niġi bil-ġlekk u l-ingravata biex ir-rakkont tiegħi ma jiġix sottovalutat.

Nikkalkula quddiemhom (bit-tixjir tal-idejn ta’ xi ħadd li qed jaħseb u li jaf li f’għajnejn ħaddieħor jidher li qed jaħseb) li ili madwar nofs siegħa mitluf minn sensija. Iħarsu lejn xulxin b’mod li jagħtuni x’nifhem li kont viċin. Ħa neżaminawk hija t-tweġiba sterili li ssegwi. Nenfasizza li għadni m’iniex lest mill-ispjega, u li jeħtieġ nerġa’ ndur l-affarijiet kollha li semmejt biex ma nħalli xejn barra. Ħa neżaminawk, ħares lejn ix-xellug, u dellijiethom jerġgħu jitwessgħu u jinfirxu ma’ kull xengila ta’ rasi. U lejn il-lemin, issa s-saff oranġjo jiddallam u jinkesa bi swidija folta. Biżżejjed, ieqfu eżaminawni, ieqfu issa. Nieqaf inċaqlaq rasi u l-oranġjo jerġa’ jibda jiċċara. Jiftħuli ħalqi, jidħluli bid-dawl, u naħlef li jaħraqli kemm kemm l-ewwel saff tal-ħanek t’isfel. Ieqfu, biżżejjed, daqshekk.

Jieqfu għal mument biex iwarrbu l-apparat. Jien u nkompli r-rakkont tiegħi, it-ton ta’ leħni jibqa’ jitbaxxa u jitbaxxa. Biex nagħtihom l-istampa kollha, nispjegalhom kif meta kelli ħames snin waqajt fil-banju u ftaħt geddumi. Nurihom il-marka li għadha tidher sal-lum. Nispjegalhom ukoll kif bejn l-etajiet ta’ ħdax u dsatax-il sena, ħajti qattajtha fuq l-iskateboard, ninstabat mal-art bejn heelflip u oħra. Kif l-agħar waqgħat esperjenzajthom jien u nitgħallem il-varial kickflip, ’l isfel mill-bankini, ’l isfel minn fuq pjattaformi għoljin li jvarjaw fid-daqs. Mill-parapetti tan-nies, mill-entrata tal-ġnien fejn kont inkun ma’ sħabi, minn xifer perikoluż ħdejn l-iskola sekondarja li kien jobżoqna ġo triq prinċipali meta tiġina ħażin.

Nikxfilhom riġlejja biex nurihom id-daqqiet li sal-lum għadhom jidhru fit-tibjiet, it-tnejn li huma qishom serrieq. It-tibja tax-xellug agħar mill-oħra. Dan l-iżbilanċ, flimkien mal-fetħa f’geddumi, għandu mnejn influwenza l-andament tat-tisbita ta’ dalgħodu? Nargumenta li biex tassew nimxu lil hinn mill-mudell bijomediku, irridu nħarsu lejn il-ġisem bħala ġnien. Kif nista’ neskludi konnessjoni bejn it-tibja u r-ras? Bejn id-daqqiet li qlajt ta’ tifel u l-pronjosi għat-tisbita tal-lum? Ngħarrafhom ukoll li, ħaġa tal-iskantament, il-muskoli ta’ dahri baqgħu rotob u flessibbli das-snin kollha minkejja l-ħsara li ġarrbu l-istrutturi ta’ madwarhom. Li anke wara dalgħodu baqgħu rotob, jaħdmu flimkien; xmajjar tad-demm u l-laħam imewġu f’xulxin.

Il-konsegwenzi tal-ħruq fil-ħanek għalissa jidhru li mhuma xejn imma se jinħassu agħar maż-żmien, bħalma għandu ħabta jiġri b’affarijiet li jinvolvu apparat tal-metall. Barra minn hekk, waqt l-eżami, kull darba li ftaħt ħalqi iżjed, ftit iżjed, kull darba reħiet ġo fija parti minn dellhom, li issa sar wieħed sħiħ bħallikieku kienu persuna waħda. It-tabiba tmissli rasi f’diversi partijiet tal-kranju u tistaqsini kull darba jekk iniex inweġġa’. Subgħajha ma’ wiċċi jikkonslawni, bl-istess mod li tgħanniqa minn kollega ħadra xorta għandha ħabta tikkonsla, speċjalment f’okkażjonijiet speċjali bħall-ewwel tas-sena jew għeluq is-snin. Konsolazzjoni aċiduża tal-orrajt u le fl-istess nifs. Dal-azzjonijiet żgħar ta’ kuljum (speċjalment dawk li jinvolvu l-mess), flimkien mal-obbligu li naċċettawhom, isawru panorama tal-ifjen forma ta’ vjolenza, li tiksi d-dinja: il-preminenza tad-diplomazija mondana fuq kull ħlejqa msejkna li teżisti.

Insomma, f’wiċċ il-preżentazzjoni klinika li għandhom quddiemhom, dijanjosi divrenzjali idonea tal-isem jeħtieġ li tieħu dawn il-punti kollha bis-serjetà. Madankollu, ma’ kull dettall li ġentilment nipprovdilhom, nibqa’ naċċenna li jien qed ngħaddi din l-informazzjoni sempliċiment biex inkun komprensiv. Dawn id-dettalji ma jiħdux is-sopravvent fuq it-trawma f’rasi jew il-korriment potenzjali f’moħħi. Sabiex neżawrixxi l-argument, nerġa’ mmur lura għal kif l-iskrin dalgħodu qabbadni attakk nervuż. Għal kif in-nonspazji bejn il-kuluri m’għoġbuni xejn, anzi darrsuni u tani li npinġihom bl-iswed, nifqa’ l-monitor u naqsam it-tastiera fi tnejn.

Il-mara ta’ quddiemi tqum bilwieqfa u nara li ġisimha għandu forma ta’ klessidra. Nagħti ħarsa lejn ir-raġel biex nara hux se jqum hu wkoll, imma nara li qed iħares dritt lejja minflok. Dan x’aġir hu? M’hemmx l-iċken ħjiel ta’ diplomazija f’wiċċu. Jidher bniedem sempliċi għall-aħħar. Għajnejh forma ta’ kaxxa u wiċċu forma ta’ serduq. Anke l-mod kif iċaqlaq rasu, qisu serduq li ma jafx x’se jaqbad jagħmel bih innifsu, serduq li jagħmel pass ’l hemm u pass ’l hawn u jdur u jagħqad fil-vojt, jew għax mitluf jew għax maħrub jew it-tnejn. Il-klessidra nistħajjilha mimlija bir-ramel, tkejjel il-ħin li fih is-serduq, dan l-għasfur li ma kellux ikun, iqatta’ l-ħajja qasira tiegħu.

Ir-raġel iqum bilwieqfa, bħal donnu qed jisma’ ħsibijieti. Qed nara ħafna delinjamenti f’xulxin: ta’ dellijiet, ta’ ħitan, ta’ iġsma. Inqum bilwieqfa jien ukoll u jieħdu pass lura flimkien, bħallikieku għandi l-pesta. Nerġa’ nesiġi li nagħmel kuntatt ma’ marti. Poġġi ħa nagħmlu l-aħħar eżami huwa l-kmand li jagħtuni. Nirrifjuta, u f’dal-mument nagħraf li għalihom jien nibqa’ oġġett, fil-varjanti kollha tiegħi. Kieku kellek taqbad l-esperjenzi kollha ta’ ħajti u l-ħiliet kollha li għandi, u tagħsarhom, joħroġ biċ-ċar li f’għajnejhom dawn ma jiswew xejn u li għalihom m’għandix sehem rilevanti x’nagħti.

L-ebda diskors li nista’ nagħmel mhu se jħoll dis-swidija amorfa li issa reġgħet dallmet il-kamra kollha. It-tpespis tal-apparat mediku mill-kmamar ta’ ħdejna nisimgħu daqslikieku qiegħed ħdejn ngħasi. Dat-tpespis bil-mod il-mod isir twerżiq. Itellifni imma nagħmel ħilti u nerġa’ mmur lura għall-argument tiegħi. Sabiex noffri iżjed dettalji, sabiex nagħti l-istampa kollha. F’sentenza waħda ekonomika, nartikola l-mument preċiż li fih dalgħodu kont bdejt ninbela’ mir-rukkelli tal-mezzi soċjali. Nisħaq kif kien proprju bejn dal-mument u l-bikja tat-tifla, li feġġet l-ewwel mewġa ta’ wġigħ fid-darsa. Mill-ħarsa ta’ wiċċhom ninduna li qed nitkellem mal-ħajt u li dal-ħajt, kieku jista’, irabbi s-snien u jużahom fuqi. Imma xorta waħda nibqa’ nesiġi fuq l-importanza li mmorru lil hinn mill-mudell bijomediku. Mhux talli hekk, talli kif nistgħu nifhmu l-fiżjoloġija tiegħi lil hinn minn dik taż-żewġ min-nies l-iktar għeżież għalija? Mnejn ġabuha din l-assunzjoni assurda li aħna entitajiet distinti?

Fid-daqqa u l-mument, mingħajr twissija ta’ xejn, ir-raġel jidħol ġo wiċċi u jagħtini daqqa ta’ ħarta b’kemm għandu saħħa. Inħoss il-ħruq ta’ idu ma’ wiċċi u l-ħruq metalliku ta’ ġo ħalqi jingħaqdu f’ballun tan-nar li jinfirex bejn u madwar ħaddejja. Inħares dritt f’għajnejh. Ta’ miegħu tħares lejh ukoll. Nibda ħa nitbissem hekk kif jgħaddili l-ħsieb li nista’ nħarrku, u nħares lejn is-saqaf biex nara hawnx kameras tas-sigurtà. Dellhom jiċkien f’daqqa. Il-bjuda tal-pakketti tal-pirmli stivati warajhom tarma tixgħel issa li naqas id-dlam. Nimmaġina li huma pirmli morri, m’hawnx mistura zokkrija hawn ġew.

Nikxfilhom snieni u nħoss in-nar ta’ madwar wiċċi jingolfa l-kamra. Nisma’ tektik irqiq mal-ħġieġa tat-tieqa li jitqawwa bis-sekondi, u jsir b’saħħtu tant li naħsibha se tinqasam. Nara sturnell singlu ritmikament inaqqar il-ħġieġa, u nisma’ l-flieles ibridi li ftit ilu nibtu ġoż-żgħira jgħajtu fl-isfond. Dawn it-tnejn ta’ quddiemi mhumiex jagħtu kas l-isturnell. Jidhru għadhom mifxula b’li għadu kemm ġara, li armajn diġà jinħass ’il bogħod ġo moħħi. Ir-raġel jaqbadni minn spallti, ħabib jiddispjaċ — . Inwarrab idu min-nofs u nwitti triqti bejniethom it-tnejn, u nibqa’ sejjer dritt għat-tieqa. L-isturnell iħares ġo għajnejja. Mill-viċin nitpaxxa bil-kuluri ta’ rixu, li bħalhom qatt ma rajt fuq l-iskrin. Fl-isfond il-flieles ibridi jinstemgħu iżjed imqajmin minn qabel, u magħhom jingħaqdu sturnelli ta’ kull età.

Niftaħ it-tieqa beraħ u ngħolli saqajja fuq il-ħoġor f’sinkronija perfetta, waħda wara l-oħra, waqt li jdejja jżommu mal-bordura ta’ fuq. L-isturnell itir f’daqqa, imur jingħaqad mal-konspeċifiċi tiegħu, li issa jinstemgħu terġa’ iżjed minn qabel. Ftit ftit, it-textix tal-isturnelli jgħatti l-ħsejjes l-oħra kollha fil-madwar, imma l-għajta ta’ dan l-isturnell nibqa’ nagħrafha. Malli noħroġ mit-tieqa, insib ruħi fi spazju perpendikulari mal-entratura prinċipali tal-binja. Inħares ’il fuq u nara s-sema, vjola fil-griż. It-textix isir twerdin. Nibqa’ miexi lejn l-entratura u nerġa’ nisma’ l-għajjat tal-flieles ibridi, li għal mument qasir jirbaħ fuq il-ħsejjes l-oħra tal-ajru qabel ma jerġa’ jbatti u jċedi postu lill-ġwienaħ tal-isturnelli.

Hemm huma, marti u t-tifla. B’xi mod ġew. Kienu jafu li jeħtieġ li nkunu flimkien f’dal-mument rari. Immur niġri lejhom u nitgħannqu, il-flieles issa kwieti kwieti fil-bejta tagħhom. Aħna u nħarsu ’l fuq fl-istess waqt, nistħajjilna ikona trittika mkebba fiha nfisha. Ħarsitna tintlaqa’ minn żifna fl-ajru li ġmielha jkexkex il-ħolqien. Għandha mid-divin fejn id-divin għandu mill-ipprojbit. Sbuħitha tinnamra mal-waħx, fwiħitha tiġbed lejn xi mkien ieħor anke jekk il-qatgħa qiegħda tmewweġ u titmewweġ fl-istess post.

Dan mhux l-abitat fejn hi dokumentata li sseħħ u għaldaqstant tidher isbaħ. Id-dawl ġentili li qed jinfed minn bejn l-għasafar huma u jtiru qed iserraħni. Hawn in-nies madwarna iżda kulħadd medhi fl-aġġeġġi, u ħadd ħliefna mhu jħares ’il fuq. Magħqudin f’dit-tgħanniqa bejn sema u art, minflok l-uġigħ fid-darsa, issa f’ħalqi għandi togħma ħelwa manna. Ħaddejja jinħassu friski u l-qafas ta’ ġismi jieħu saħħtu lura, it-tnemnim issa wieqaf għalkollox. Taħt id-dell tal-murmurazzjoni, it-tifla tankra ħarsitha fuq wiċċna t-tnejn u fuq l-ajru u lura fuq wiċċna, biex tgħarrafna bis-sbuħija li feġġet fuqna. Għajnejha miftuħin beraħ. Ħalqha, minn ċirku perfett, jerħi bil-mod. Ħaddejha jogħlew, u toffrilna l-ewwel tbissima ta’ ħajjitha .

Dekorazzjoni art-nouveau