Xi ħaġa fil-kuluri tal-iskrin mhix togħġobni. Il-kuntrast, is-saturazzjoni, ma nafx, xi ħaġa mhi qed togħġobni xejn xejn xejn. Il-ħsejjes tar-rukkelli fuq il-mezzi soċjali jieħdu post l-għajjat tal-għasafar, u mal-mument li naqbadni ninbela’ ġo fihom tagħtini weġgħa fid-darsa tal-għaqal ix-xellugija. Jibda se jagħtini attakk nervuż u ngħolli kollox, jew li nigdem idi bin-naħa l-oħra tax-xedaq sa ma nistrieħ, imma nissaporti u nibqa’ kif jien. Minflok tinfidli moħħi bikja mit-tip li twaħħax lill-qwiebel fl-apprendistat u tgerrex nofshom lejn karriera oħra.
Il-mara tiftaħ il-bieb, u l-bikja tiddeċimali l-kranju u nħossha tinħall fil-fluwidu ċerebrospinali li, emmen jekk trid, nibda nħossu jagħli. Itmagħha u raqqadha hija l-ordni li tidħol, għax għajejt u ħa niġġennen; u għid lil ommok tieqaf tibgħatli fuq il-vitamina D, m’iniex ħa nżidhielha mal-ħalib u dan mhux ħin. It-tarbija tiġi mnewla f’idejja. Dijorama din it-tarbija, dijorama l-għar ġewwa ħalqha miftuħ u lsienha jitriegħed, dijorama l-kamra li nħossha qed tiblagħni. Inħanninha miegħi u nagħmlilha wċuħ stupidi li, minkejja l-età bikrija ta’ tliet ġimgħat, iġegħluha tieqaf tħanxar. Titkerrah u tħares f’għajnejja, ħalqha forma ta’ ċirku perfett.
Għal marti lest li mmut, u għal binti wkoll. Niftakar lill-ikbar ħabib tiegħi meta għedtlu li l-mara tqila, niftakru jħares fid-distanza u jipproklama b’leħen oħxon, My wife is with child! u stqarrijiet arkajċi simili. You will bear me a child! u frażijiet oħra mill-RPGs tad-disgħinijiet u l-bidu tal-millennju, jew forsi minn xi ktieb qaddis, m’iniex ċert. Sacrifice, honour, duty! Ngħiduhom u nidħqu, il-livell tal-enerġija jogħla żżejjed u nispiċċaw niġu fl-idejn bil-logħob daqslikieku għadna s-sekondarja, sa ma wieħed minna jieħu xi skoss xi mkien. Meta nkun miegħu, il-konservatiżmu li jħaddan narah jagħmel sens, anke jekk di natura jiena bniedem irreverenti. Meta nkun waħdi d-dar narah eċċessiv, battikata enormi għal finijiet ambigwi. It-tifla bħali taħsibha u naħseb il-mara wkoll.
Nisma’ għajta waħda ta’ sturnell singlu minn barra, u l-biki jerġa’ jibda u jidfen kollox. Nitfa’ t-tarbija fil-pram u mmur niġri nlesti l-ħalib tat-trab. Is-soltu nippreferi nitfagħha fis-sodda ċ-ċkejkna tagħha, għax il-prossimità bejn ir-roti u d-drapp tal-pram li fuqu toqgħod it-tarbija (inqas minn metru) tista’ twassal għal kontaminazzjoni serja ħafna. Insib il-mara fil-kċina, wiċċha miġbud ’l isfel u għajnejha ħomor jixegħlu bħal meta d-dawl tal-flash jirrifletti fuq ir-retina. Tliet darbiet nibda l-proċess mill-bidu; daqqa għax il-fluwidu sterilizzanti ninsa x’ħin għamiltu l-aħħar u nbiddlu mill-ġdid, daqqa għax nolqot minn fejn terda’ l-ħalib b’subgħajja, u daqqa għax inwaqqa’ t-trab ma’ barra tal-flixkun u nxarrbu bl-ilma tas-sink (mhux sterili) biex ma joborxilhiex ħalqha.
Leħen il-qabla f’moħħi, sterilizzaw sew għax il-batterji jinsabu kullimkien, ħa ngħidilkom darba x’rajt waqt żjara f’dar ħames snin ilu. Leħen ommi, miġnun perfett, baħnan u ffissat, iblah bħal ommok int. Kompetizzjoni perfetta li però mhix somma żero u jirbħuha ż-żewġ ilħna f’salt. Jien u nikkonċedi t-telfa, nisterilizza kollox mill-ġdid. Jekk ma nkunx perfezzjonist fejn tidħol il-fiżjoloġija ta’ binti mela fejn għandi nkun perfezzjonist?
Ninżel kokka biex nimsaħ ukoll it-trab li waqa’ mal-art, u nilmaħ lil marti tħares lejja b’disprezz ontoloġiku li nimmaġina jmur lura għall-Homo habilis jekk mhux iżjed. Onestament naħsibha se tikolni jew taggredini bil-benniena. Għajnejha issa krimżi, krimżi jgħajjat. Fihom niddixxerni riżentiment li biex jissaffa jeħtieġ minn tal-inqas biljun mewt u qawmien mill-ġdid, kull darba taħt id-direzzjoni tal-istess bodhisattva ddedikat għaliha biss. It-tifla twerżaq mill-kamra l-oħra b’tant qawwa li nistħajjilha belgħet ruxxmata sturnelli u għasafar tal-bejt u bejniethom għamlu skoss flieles ibridi li nfexxew iżanżnu leħinhom għall-ewwel darba.
Il-mara tmur iġġib lit-tifla, li tintelaq fuq ommha qisha ors tal-koala. Inlesti l-ħalib u t-tarbija terġa’ tiġi mnewla f’idejja. Ors tal-koala li meta tixrob, ħalqha jagħmel movimenti ta’ brama. Jien u nitmagħha, nara ktieb ta’ Lovecraft fil-librerija ċkejkna li għandna fil-ġenb tal-kċina u niġi f’dubju liem ġiet l-ewwel quddiem wiċċi, hux l-immaġini kimera jew il-qoxra tal-ktieb b’isem l-awtur. Hemm Cioran ħdejh, li darba ftaħar li wettaq kull reat ħlief li sar missier. Lili tixraqli ta’ kriminal.
Tidħol ordni oħra, proposta ġentili anzi: jekk mhux ħa tfewwaqha, ieqaf itmagħha u newwilhieli. Tidħol minn taħt l-ilsien biex tissinjala li issa kkalmat. Jien u nnewwilhielha, inħares lejn wiċċ it-tifla u għal dak il-mument ma jeżisti xejn iżjed. Inħares ukoll lejn wiċċ marti, li titbissimli biex speċi aħna orrajt. Tqum fija kilba feroċi li nneżża’ d-dinja minn kulma hu uman biex it-territorju jkun tagħha biss. Nimmaġinaha tiġri qisha pantera, fuq kwalunkwe xorta ta’ terren.
Il-prinċipju tal-antinataliżmu nħaddnu imma ma nipprattikahx. Hemm purità f’ċerti tipi ta’ ipokrezija; huma ftit imma hemm purità f’dawn il-ftit. It-tip ta’ purità li tittradixxi mhux biex tiċħad imma għax tifhem li taħt ix-xewqa (li dejjem tqum qabel il-ħsieb) hemm tbaqbaq magma li l-loġika tagħha mhijiex ta’ din id-dinja, u li l-għaref jimxi mal-kurrenti tagħha mhux kontrihom. Jibqa’ l-fatt li l-eżistenza tagħna bħall-eroina: qabel l-ewwel daqqa, ma nafux x’aħna nitilfu (il-kalkoli jibdew wara). Imma għall-inqas kollox temporanju. Il-konsegwenzi tar-reat prokreattiv, għall-ħlejqa li tissawwar, idumu medja ta’ tmenin sena biss.
Il-fluwidu ċerebrospinali nħossu joqgħod. Temperatura 36.5 gradi, bħat-temperatura tat-tarbija kull darba li noħodhielha. L-uġigħ fid-darsa għadu jtektek qisu borma fuq nar baxx. Il-konservatiżmu ta’ sieħbi mhuwiex fiskali, u mawra sal-emerġenza jaħfirhieli kieku. Huwa konservattiv tal-ġabra ngħidlu jien. Familja, natura, ħin għall-introspezzjoni, xi tip ta’ fidi, teknoloġija riżervata għal żviluppi mediċi u militari, mill-bqija nillimitaw l-indħil tagħha fl-isferi umani, eċċetra, eċċetra.
Għalkemm segretament jogħġbuni diversi aspetti tal-ħajja miġbura, spiss ngħidlu li l-ħajja mhix sempliċi. Minkejja s-similarità etimoloġika mal-politika li jħaddan, il-ħajja mhix xi bott kunserva. Jgħidli li l-kunserva tajba, jara li dejjem ikollu maħżuna, u meta jasal fl-aħħar jibża’ għaliha l-aħħar naqra. Jgħidli li kieku bl-istess spirtu jmexxih il-pajjiż. Ngħidlu li jien m’għandix paċenzja għat-tadam, m’għandix rispett lejn l-istaġuni tal-ħajja. Lili t-togħma tal-mistura togħġobni, il-mistura zokkrija ta’ meta konna tfal.
Il-mistura tostor, u kieku kelli mmexxi pajjiżi nostor kulma jdejjaqni, kull kritika u kontrokritika, u fil-proċess niknes kulma nixtieq għalija u għal daż-żewġ kreaturi li jħufu miegħi kull fejn immur. Jgħidli li ma jaqbilx ma’ dan l-ideal ċiniku (ideal!) u li mhuwiex ċert mil-logħba etimoloġika tas-sagħtar. Ngħidlu li s-sagħtar m’għandux x’jaqsam mal-mistura. Kull meta naslu f’dal-punt tad-dibattitu, jagħtini li nikxiflu snieni bħaċ-ċimpanżì u nħebb għalih.
L-uġigħ fid-darsa jerġa’ jiġi bis-saħħa, u naħlef li se jċarratli l-parenkima ta’ moħħi. Il-viżjoni nħossha tidjieq imma nara lit-tifla titwaħħal maż-żejża tax-xellug, li bħalissa hija isbaħ u iżjed mimlija mill-oħra. Treddagħha fuq is-sufan u wara ftit minuti jorqdu t-tnejn li huma, it-tarbija mwaħħla ma’ sider l-omm. Niġi bejn ħaltejn noqgħodx għassa jew immurx quddiem l-iskrin. Kull meta niftakar fih, dan l-ikbar ħabib tiegħi, inħoss it-toqol tal-Ħadd għax fi tmiem il-ġimgħa konna niltaqgħu. U t-toqol ta’ jum il-jiem iġib miegħu r-rieda li nagħma bl-unika dija li nagħraf.
Bħal sajjetta tfaqqa’ l-mistoqsija f’moħħi: x’hemm mistur fil-mistura, u x’tostrilna meta noħduha? Il-kelma toħodni lura għal meta l-bniedem kien ifejjaq bil-maġija, toħodni lejn inħawi fejn illum stess il-bniedem ifejjaq bil-maġija, toħodni fil-futur fejn il-bniedem għad jerġa’ jfejjaq bil-maġija ta’ sikwit. Kieku lis-sudditi tiegħi bl-istess mod insaħħarhom. U l-kunserva biex tikkonservaha xorta trid il-preservattivi, jiġifieri kieku sieħbi saħħar bħali jispiċċa; jiddemokratizza l-kimika ż-żejda għall-massa, u t-tadam frisk iżommu għalih.
Niddeċiedi li nġib il-laptop fuq is-sufan biex noqgħod naħdem ħdejhom, imma jien u miexi niżloq fi qlejba maħmuġa mal-art li aktar kmieni kienet imdendla mal-pram. Bil-ħoss ta’ rasi tinstabat mal-art inqajjimhom mill-ewwel lit-tnejn li huma. Inħobbhom tant u l-unika ħaġa li kkontribwejt illum kienet li qajjimthom għal xejn. Flieles ibridi jimlew id-dar bil-ħoss ta’ ġwenħajhom. Il-viżjoni issa djieqet għalkollox. Nara żewġ pari għajnejn kulur il-kawba jħarsu lejja, u mbagħad swidija totali .