Travi taċ-ċedru
saqaf taċ-ċipress
Loranne Vella
“O, x’diqa d-dehra tal-bliet! kruha, diżarmonija, intiena… B’daqsxejn fehim u mħabba, noħlom bil-ġonna li stajtu kontu…”
André Gide — Les Nouvelles Nourritures
Ma’ nofs seklu fuq din l-art, ħarsti mwiegħra mitfugħa madwari, qalbi maqtugħa mill-kruhat, l-uġigħat, id-dmija u d-demgħat, dehra tal-għaġeb tgħammixli għajnejja. Armonija ta’ ħsejjes nisma’ ħierġa minn ħalq lampuka, fekruna, virduna, gremxula, debba, lupa. Jiftħuli mnifsejja rwejjaħ ħawħin u għaslin, lumilarinġ misjur, ħaxix maqtugħ frisk, lewżġewż inkaljat. Itarrfuli mingħajr kliem imma nifhem. Jgħiduli, “ja ħlejqa, saħħaħ dgħufitek, dgħajjef kburitek. It-tama mhijiex żball. Passejk żommhom lura, iżda imxi, imxi, tiqafx. Ħallihom jinfetħu widnejk, idejk middhom jiktbu li jixhdu għajnejk. Tkellimhom, għannihom dawn l-għeġubijiet; iktibhom, xerridhom mal-irjieħ, biex illum jibqa’ llum anki għada. Itlaq. Imxi. F’id waħda arzella, għal mixja sal-ġenna, fl-oħra bastun tal-pellegrin.”
1.
Minn imħaddti nara d-dawl biered tal-qamar, dija bajdanija tkessaħli rokna f’kamarti. Nagħsi ħafif, it-toqol tal-għata nixtiequ itqal dal-lejl. Ir-riħ nisimgħu, ma narahx, jissara mat-tieqa biex jidħol, imma l-ħġieġ, singlu, antik, ma jċedilux. Nilmaħ it-tperpira fi truf il-purtieri, avolja tqal. Nitqalleb, nifli s-saqaf, nifli t-twapet, nifli l-friex. M’għandix kwiet. Maħkuma minn mewġa ħsibijiet. Inħares ’il barra mit-tieqa, lejn il-pjazza msemmija għas-suq il-ġdid tal-qamħ, mis-seklu tmintax, għax qalu li s-suq il-qadim, mhux wisq ’il bogħod minn hawn, ma jservix. Id-dar fejn ilni ngħix tnax-il sena ġiet iddisinjata fl-1788 u nbniet sena wara meta t-toroq fil-belt kienu għadhom kanali tal-ilma u konna għadna taħt l-Imperu Awstrijaku. Ma nbnietx biex jgħixu fiha n-nies imma bħala uffiċċju fejn tinġabar it-taxxa tal-qamħ. Kienet tissejjaħ lepelhuys, maison de la louche, dar il-kuċċarun; għax b’kuċċarun kienu jkejlu kemm għandu jitnaqqas qamħ bħala ħlas. Binja neoklassika bi tliet sulari, jien ngħix f’dak tan-nofs, ogħla minn dak ta’ fuqi, iktar baxx minn dak ta’ taħt. Xi darba l-faċċata kien fiha erba’ pilastri minn isfel sa fuq; tagħhom illum fadal biss il-part tal-qiegħ. Ftit xhur ilu ġew żewġ ħaddiema u qaxxru ż-żebgħa minn mal-ħajt tas-sular t’isfel, fejn hemm il-bieb prinċipali u żewġ twieqi kbar, tawwalin, bl-arkati u tmien vireg tal-ħadid quddiem kull waħda biex iżommu l-ħallelin ’il bogħod. Issa l-ġebla ramlija tilqa’ d-dija, dehbiena tax-xemx mal-jum, fiddiena tal-qamar mal-lejl, u ddawwal il-pjazza bi ġmielha. Fis-sular tiegħi, mal-faċċata hemm tliet twieqi twal, rettangolari, u fl-aħħar sular tlieta oħra kważi kwadri li kollha ġew ingwarniċati snin wara li nbnew. Waħidha, fuq nett, tisporġi tieqa monumentali bis-saqaf trijangolari, miżbugħa sewda u mżejna b’kaskata ta’ weraq dehbien tal-ħannewija. Fin-nofs, tieqa tonda b’rożetta ċentrali, għadha li kienet fid-disinn oriġinali. Il-binja tistrieħ, mal-lemin, fuq ħajt li jibqa’ tiela’ sular iktar minn tagħna, il-kampnar tal-binja brutalista tal-Knisja Riformata Evanġelista, tlestiet sena qabel twelidt jien. Mix-xellug jagħfas fuqna bini massiv; għaxar snin ilu regħdu kull m’hawn biex waqqgħu s-soqfa u l-ħitan ta’ ġewwa, tellgħu żewġ sulari fuq li kien hemm u rrinovawh — il-mużew statali tal-arti u d-disinn li b’dawl ħamrani ta’ sikwit javża li kulħadd miġnun.
Is-siġar tad-dorf li tħawlu tnejn tnejn mad-dawra tal-pjazza mitejn u ħamsin sena ilu għadhom hawn, bil-qċaċet jiġġebbdu sas-sema, friegħethom kultant jittawlu ’l isfel lejna, xhieda tal-ġennati tagħna ta’ kuljum. Dal-lejl, il-friegħi mneżżgħin mill-weraq, jiddandnu b’saff qotni borra minflok. F’għeruq is-siġar tad-dorf jistrieħu tifkiriet id-Dames Blanches, is-sorijiet bojod mis-seklu tlettax u erbatax, imsejħa wkoll Vittorini għax kienu affiljati mal-Ordni ta’ San Vitor ta’ Pariġi, sorijiet imqarbin li ġew imkeċċijin — għax rashom iebsa, laxki u żienja, u kmand ma jobduhx — mill-kunvent li kien hawn żmien ilu flok dil-pjazza u t-toroq madwarha. Hemm taħt jistrieħu wkoll erwieħ is-sorijiet Agostinjani twajbin, il-Kanonessi regolari tal-Kongregazzjoni ta’ Windesheim, li ħadulhom posthom fis-seklu ħmistax. Dal-aħħar skavaw bitħa, fl-akkwati fejn kien hemm id-daħla tal-kunvent — tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minni — biex jibnu bir ġdid, u sfrattaw il-mistrieħ ta’ wħud mis-sorijiet hemmhekk midfunin. Taħt saqajna u qalb l-għeruq tas-siġar tad-dorf fil-pjazza hemm mirdumin fdalijiet il-Kunvent ta’ Notre Dame tal-Warda Mħawla ta’ Ġeriko, imsejjaħ ukoll il-Kunvent Porta Coeli, bil-binjiet, il-ġonna u l-artijiet li kien fih, li wara sitt mitt sena wieqaf twaqqa’ u ntradam, inkesa u ntesa, ħlief fil-pjanti mdennsin li jinsabu fl-inventarji u l-arkivji tal-patrimonju mobiljari tal-belt, biex illum nippassiġġaw f’dil-pjazza minn sbiħ il-jum u nilagħbu l-ballun sas-sagħtejn ta’ filgħodu. Jew biex mit-tieqa nittawlilha u nħalli ħsibijieti jimirħu ’l bogħod kull meta jtirli n-ngħas mal-lejl.
Il-Kunvent tal-Warda (vera) ta’ Ġeriko, fi żmienu fost l-akbar kunventi tal-belt, imsemmi għall-Anastatica hierochuntica, magħrufa f’xi nħawi bħala l-fjura ta’ Santa Marija jew il-fjura ta’ Fatima. Hija pjanta li tagħmel fjuri bojod żgħar, mill–familja tal-mustarda u tikber fid-deżert, nattiva għall-Afrika ta’ Fuq, is-Saħara u l-Lvant Nofsani. Tissejjaħ il-pjanta tal-qawmien mill-mewt għax għandha ħabta tidher niexfa mejta, avolja mejta ma tkunx. Kapaċi tirrombla bħal ballun, miżgħuda żrieragħ reqdin, tittajjar mal-irjieħ u tivvjaġġa kilometri sħaħ sa ma tieqaf, tbill xenxulha fl-ilma, tiftaħ u titwieled mill-ġdid. Il-pellegrini nsara fl-Art Imqaddsa kienu jġibu lura magħhom tifkiriet bħal fjuri salvaġġi ppressati minn Ġerusalemm, Bibbji miksija bl-injam taż-żebbuġ, u blalen żgħar taʼ friegħi mnixxfin bi proprjetajiet mirakolużi — il-warda taʼ Ġeriko. Lura d-dar kienu jgħaddsu dal-blalen fl-ilma u, quddiem għajnejhom bħal b’miraklu, il-pjanta tiftaħ iz-zkuk u minnha titwieled siġra żgħira. Iżda din mhix verament pjanta tal-qawmien mill-mewt għax jiġi żmien meta tmut għalkollox. Mhux bħas-Selaginella lepidophylla li wkoll imsejħa l-warda (imma falza) ta’ Ġeriko. Din magħrufa bħala l-pjanta tal-ġebel, jew siempre viva, u hija pjanta li tikber fl-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika Ċentrali, nattiva tad-Deżert ta’ Chihuahua. Għalkemm imsejħa falza, din li tassew hija pjanta tal-qawmien mill-mewt għax donnha ma tmut qatt. F’temp ta’ nixfa tingħalaq bħal ballun issikkat, tinxef u bħal tmut, jew forsi torqod raqda mill-iktar fonda għax tista’ tibqa’ hekk snin sħaħ, kwieta kwieta, mingħajr għaġla, tistenna sa ma tħoss l-umdità u terġa’ tqum, qisu qatt ma ġara xejn. Mhux li nsibu jien ukoll serħan bħal dan, jien li nagħsi tant hu ħafif. Nixtieqni bħalha, dejjiema, kollni sabar. Malli ngħeja, nistrieħ, nissaħħaħ, nitwieled mill-ġdid. Nixtieqha għandi dil-pjanta ħa tħarisni u ttejjibli xortija. Jekk inżommha qribi toffrili l-paċi.
Minn wara l-ħġieġ nilmaħ għata ħafifa borra mroxxa fuq mafkar tal-iksaħ irħam. Il-bjuda fiddiena tal-ġebla Alpina welldet, fid-dawl ta’ qamar, sura ħajja, araha tikber hi u xxejjen il-blat. Il-laħam dgħajjef u r-ruħ titriegħed, la rieda la saħħa ma hemm; imma dan mafkar għal raġel li ħaqqu jitfakkar. Geddumu jmelles is-swaba’ tal-id tax-xellug, tal-lemin infilsata fil-paġni ta’ ktieb, u r-riġel iserraħ fuq żewġ kotba mmeddin. Narah bilqiegħda fil-pjazza jhewden lejl u nhar, ħarstu maqbuda fuq x’hemm quddiemu, ħsibijiet fuq x’hemm xi mkien ieħor. Ta’ kuljum jgħaddu minn quddiemu, maġenbu u warajh, mingħajr ma jerfgħu ħarsthom lejh, it-tfajliet u l-ġuvintur huma u sejrin il-liċeo fuq in-naħa l-oħra tal-pjazza ftit lil hinn minnu; jew huma u ġejjin lura fil-pjazza għall-pawża, jilagħbu l-ballun. Ipoġġu fuq il-bankijiet jieklu l-ħobżiet bil-ġobon u l-ħass. Jjipprattikaw il-passi taż-żifniet, jiġru wara xulxin jidħqu, jidħqu, bilkemm jafu għaliex. Fuq il-mafkar jinżel jistrieħ il-gawwi ta’ kull filgħodu għall-ħabta tal-ħdax, jinġabar fil-pjazza biex jiekol, il-gawwi wkoll, il-biċċiet tal-ħobż niexef li jġibilhom apposta wieħed li ma naf xejn dwaru ħlief li qatt ma falla jum kemm ilni noqgħod hawn. L-għasafar jilmħuh, jibdew iwerżqu jkun għadu żewġ triqat ’il bogħod. Bl-għajat tal-gawwi kull darba nistħajjilni se nilmaħ il-baħar mit-tieqa. Il-gawwi għadu mingħalih se jsib id-daħla żgħira tal-port li kienet twassal sal-pixkerija biswit il-Knisja ta’ Santa Katarina fejn illum tgħatta kollox u hemm vaska żgħira b’funtana u taħtu stazzjoni tal-metrò minflok. Għadni jien ukoll inxomm ħjiel tar-riħa mielħa tad-dgħajjes deħlin mal-għabex mis-sajda matutina. Nixxennaq għalih il-baħar. X’fettilli ġejt f’belt li ċaħdet l-ilma? Il-ħara tal-gawwi jimla l-pjazza, il-bankijiet, is-siġar u l-mafkar ukoll.
Ir-raġel tal-mafkar twieled f’dil-belt fi żmien is-sorijiet Agostinjani u l-kunvent tal-Warda ta’ Ġeriko, u l-belt kienet tagħmel parti mill-Pajjiżi Baxxi Spanjoli. Kont naħseb li ma naf xejn dwaru imma sal-lum għadna nużaw kelma li vvinta hu, daqsxejn logħba bil-kliem, meta mill-kelma “kaos” ħoloq il–kelma “gass” biex jagħti isem għal dak li la hu likwidu u lanqas solidu. Meta darba ħaraq faħma u ra li l-irmied kien inqas mill-faħma tal-bidu, intebaħ li minnha kienet ħarġet sustanza inviżibbli u sejħilha gas sylvestre, illum ngħidulha dijossidu tal-karbonju. Johannes Baptist van Helmont. Narah ta’ kuljum mit-tieqa, waħdu fuq il-pedestal imsawwar mill-ġebla kaħlana, issibha biss f’dal-pajjiż. Narah tqil, wisq fl-għoli tant li minsi fil-kobor tiegħu. Mhux kulħadd nesieh. Ismu qasam l-Atlantiku, u fl-Amerka ta’ Fuq semmew għalih pjanta tagħmel il-fjuri, jaf qatt ma kien raha jew sema’ biha dil-pjanta li issa ġġorr ismu. Nistħajjilni nisimgħu jhewden, bejnu u bejn ruħu minn filgħodu sa filgħaxija, dwar il-mediċina li t-triq għalija għażilha wara taħdita mal-Anġlu Rafel, dwar ruħu li kienet dehritlu tibber f’sura tal-kristall. Jirrakkuntali li snin qabel twieled, sajjetta laqtet kampnar u għeb għalkollox taħt l-art, kellhom iħaffru biex jerġgħu jsibuh. Ma nafx nemmnux. Dar-raġel tal-mafkar kien mistiku u xjenzat, kien hu li l-alkemija sawwarha f’kemistrija. Skontu, l-elementi veri mhumiex erbgħa imma tnejn, l-arja u l-ilma, u l-ilma, mas-sema u l-art, ġie ffurmat fl-ewwel jum bħal fir-rakkont tal-Ħolqien; iżda n-nar mhux veru li huwa element fundamentali, lanqas mhu biss materja. Jgħid li n-nar huwa l-mewt, it-tmiem, iżda f’idejn min hu kapaċi, in-nar isir il-mewt tal-bidla u bih jinħoloq il-ġdid. F’laboratorju kien wettaq esperiment biex jagħti prova li l-ħxejjex, kollha kemm huma, joħorġu mill-element tal-ilma biss. Poġġa, f’qasrija tal-fuħħar, mitejn libbra ħamrija mnixxfa fil-fran, saqqieha bl-ilma tax-xita, u ħawwel fiha zokk ta’ siġra tas-safsafa jiżen ħames libbri bl-eżatt. Biex żgur ma jitħallatx trab mal-ħamrija, ix-xoffa tal-qasrija għattieh bi pjanċa tal-ħadid miksija b’landa mtaqqba. Imbagħad, bis-sabar kollu, qagħad jieħu ħsiebha u jistenna. Il-werqiet li waqqgħet tul erba’ ħarifiet ma żammhomx u ma għoddhomx. Wara ħames snin is-siġra kienet twalet u ssudat, imma ħlief ilma tax-xita u ilma ddistillat ma kienx sqiha. Wiżen is-siġra waħidha, mingħajr il-ħamrija; minn zokk ta’ ħames libbri issa sabha tiżen mija u disgħa u sittin libbra u madwar tliet ewieq. Imbagħad nixxef il-ħamrija tal-qasrija, wiżinha u sabha tiżen mitejn libbra, l-istess bħal ħames snin qabel, ħlief għal biss żewġ ewieq. B’hekk kien ikkonkluda li mija u erbgħa u sittin libbra ta’ njam, qoxra u għeruq kienu ħarġu mill-ilma biss. Inħallih mitluf fit-thewdin u ma ngħidlux li nesa jqis il-gass li kien hu stess li nnutah u tah isem.
Nisimgħu, imbagħad, igedwed li l-materja ma tinqeridx, li l-metalli meta jinħallu fl-aċtu ma jispiċċawx għax hemm mod kif tirkuprahom. Li ż-żerriegħa hija sustanza li diġà tinsab fiha l-qawwa tat-trasformazzjoni, gass spiritwali li fih hemm ferment, ix-xbieha proprja tal-ħaġa li beħsiebha ssir. Għax l-ebda ħaġa ma tinbidel f’oħra mingħajr ferment, mingħajr żerriegħa. U issa qed jerġa’ jhewden dwar li l-veru tagħlim jiġi mill-prattika tal-kimika, li tkun taf, u tissepara, l-ewwel prinċipji tal-korpi, dak li jagħmilhom fissi, volatili, il-ħajja, il-mewt, it-trasformazzjonijiet, l-alterazzjoni, id-dgħjufija, il-korruzzjoni, is-soluzzjoni, il-koagulazzjoni, ir-riżoluzzjoni. Mhux bil-paroli imma kif muri mill-artiġjanat tan-nar, bid-distillazzjoni, it-tixrib, it-tnixxif, il-kalċifikazzjoni — hekk kif taħdem hi stess in-Natura. Il-perfezzjoni ta’ kulma fiha ġejja mill-opra l-kbira tal-alkemija.
#
Fil-kwiet tal-lejl il-qamar jiddi, jistrieħ fuq il-ksieħ, jixxarrab fuq l-ilma nġazzat tal-għadajjar. It-toroq imxarrbin iteptpu taqtiriet imlewnin, il-borra ssikket il-mixi llajmat tas-sagħtejn ta’ filgħodu. Bħal ħolma jtir il-qamar, imma wieqaf; marbut imma ħieles. Fil-lejl, jara l-art, idur madwarha, dejjem qrib, bħal għajn li tħares, attenta dejjem, ma tinsa qatt. Fil-ħemda tal-lejl jgħarrex ilmijietu stess li jostru storja għadha ma ntqalitx ta’ kometi antiki mitlufin u dinjiet primordjali, u fihom jirrifletti d-dawl mix-xemx, mid-dinja, mera ċelesti li taqbad iż-żifna ta’ dija u dell. Ma kull qatra jintiseġ rakkont, dwar ħolqien, qerda u twelid mill-ġdid. Dwar vjaġġ li joħodni mmiss il-kwiekeb biex forsi nirbaħ il-biżgħat. Nifhem li nista’ nintreħa fl-ilmijiet imsejħa divini minkejja li ma nafx xi jmiss wara dan. Jien u dieħla fis-saff li jmiss qabel nidħol kollni fl-irqad, insib ruħi f’dak il-post mudlam fejn kollox donnu jiżboxxla, jitmermer, jiġġarraf. Id-dija fiddiena twennisni, tfehemni u nibda nemmen li dan tiġrif tajjeb, meħtieġ. Dan mhux tmiem imma d-daħla ta’ bidu ġdid; it-tifrik li jkompli jiftaħ għad-dawl. Il-korpi ċelesti jħarsuni, l-univers ibenninni. Inċedi u nintelaq għas-seħer tal-mhux magħruf, biex noħloq dinjiet ġodda li qatt ma ħlomthom qabel.
Tmur għajni bija, ma nintebaħx. Għebet il-pjazza quddiemi, għebu l-binjiet, il-ħitan madwari stess. Jiddawwal id-dlam, l-iebes jirtab, il-borra tinħall. Waħdi, waħdi. Issa jien u l-qamar fil-għoli, il-baħar fil-fond. Bil-mod, iż-żiffa trewwaħ irwejjaħ l-imgħoddi mill-bogħod. Is-skiet tqil li tisma’ taħt l-ilmijiet. Inħares fuq il-lemin infittex il-mafkar tar-raġel tal-alkemija. Ninħasad xħin nagħraf li dal-lejl l-imfakkra hija jien. Narani minn ġewwa, naqbadni narani minn barra. Narani, bil-werrej minqux fl-irħam, jagħtini x’nifhem li b’ħarsa waħda naħfinni, naqrani. Imma ara, wiċċi sieket skiet is-smewwiet, u ċ-ċokon jostor kobor ma jitwemminx. Bilqiegħda jien ukoll fuq pedestal, geddumi jmelles is-swaba’ tal-id tax-xellug, tal-lemin infilsata fil-paġni ta’ ktieb, u r-riġel iserraħ fuq żewġ kotba mmeddin, madwari ilma baħar fond. Naħsibni mafkar għal kull min kien u llum m’għadux ħlief minqux fl-irħam bħal alla għal ħajja ta’ dejjem. Niftakar f’dak li baqa’ mfakkar għax bena ħajt biex iħares ’il-bniedem mill-għawġ, u mill-istess ġebel u rħam sawwar sura l-maħbub tiegħu, Antinous, hekk kif miet. Bnielu tempju, mafkar ta’ ġmielu u żgħożitu, u bħala alla, bħala eroj, f’mewtu riedu minsi qatt, spallejh jerfgħu s-smewwiet, meqjum iħares ’l isfel lejhom, iħarishom, ħajt sod madwarhom huwa wkoll. Fi tfuliti għext qrib għolja fejn xi darba, fi Żmien il-Bronż, kien hemm villaġġ u madwaru bnewlu ħajt wiesa’ jipproteġih. Għebu n-nies, għeb il-villaġġ għalkollox, imma l-ħajt għadu hemm, fis-sod, b’salib u statwa tal-Madonna, miżjudin ħafna sekli wara, maġenbu jipproteġuh. Jien, fis-sod irridni ma rridnix, riġlejja maqtugħin mill-art, għadni nbaħħar bir-riħ fil-qlugħ ta’ qalbi. Għad nibqa’. Għad ngħib jien ukoll.
X’inhu għaddej tassew fuq wara t’għajnejja, f’għerien il-menti tiegħi stess waqt l-irqad? B’ħarsti ġewwiena nsegwi erwieħ id-dħaħen jisserrpu minn ċmieni ’l bogħod. Naħseb bla ma nikxef il-ħsieb. Nirrifletti bla ma nitfa’ rifless. Dil-ħemda tbenninni, dil-ħedla ddewwini. Nerħi. Ġewwa jsir barra, id-dlam dawl, l-irqad qawmien. Nitqarreb, nitbiegħed, niġġenneb, inħares lil hawn lil hinn bi stagħġib nara n-nir jixkatta fl-isfar fl-aħmar fid-deheb leqqien. Iċ-ċar jisfuma, l-ilwien ikanġu. Ċrieki bħal xmux fil-bogħod jiddu jibbru jteptpu joqorbu lejja, ifesfsuli f’widnejja. Xenarju ta’ barra minn hawn, ġejt mistiedna narah b’għajnejja miftuħinmagħluqin, iqanqalni mill-ġewwieni, joħroġni minni nnifsi mingħajr ma jdgħajjifni, jissummani mingħajr ma jċekkinni, ikabbarni mingħajr ma tikbirli rasi. Biex nagħraf fejn qiegħda u nifhem fejn sejra, infittex tnemnima fis-sema, nagħrafha, nifhimha u nitkejjel magħha. Għanja ħlewwa ħjiel ta’ diqa. F’dawn l-ibħra ħalliema, il-kwiekeb u l-qmura jiżżeffnu max-xmux u l-fjur. Misteru, perfezzjoni, ħwejjeġ ta’ barra minn hawn jissieltu biex inessuni u jfejquni mill-griżiswed tar-reali madwari. Nistagħġeb, nogħxa għal dak li stħajjilt ordinarju, is-sema fuq rasi, il-baħar madwari. Jaħkmuni, jgħaġġbuni, nissara biex dawn il-meravilji la nqum ma ninsiehomx.
Kewkbet is-Safar ma tridx irbit iktar, tagħmel fattiha u titlaq, tħallini bla boxxla, bla tmun, bla pinnur; il-Kawkaw titfi wkoll, issa ’l fejn għandi mmur? Il-kewkba hija l-punt ta’ interess imma l-grad tal-ażimut jien x’għandi x’nambih? Kun af il-mogħdijiet, imma niżboxxla u nistrieħ. L-ebusija issa oħt l-irtubija, u f’dis-solitudni, qalb priżmi, trijangli, ħġieġ, dawl, ilwien, waħdi m’iniex u mxekkla miż-żmien m’għadnix. Fid-dawl ta’ qamar mużqaq ilmaħni dieħla d-daħla ta’ labirint b’sebgħa u sebgħin mogħdija imma l-ebda ma twassal għan-nofs. Naqdef. Nimxi. Waħda m’għadnix, waħdi m’iniex. Inserraħ rasi li l-qamar, il-kewkba u n-newba fuq ir-raba’ ma fihomx ħlief sewba u l-ġuħ mhux se nbatih. Ilbieraħ għoddejtni, għajn u għajn jagħmlu tnejn, id u id idejn, l-istess is-saqajn u wkoll il-ħuġbejn. Għaxart iswaba’, xagħriet mijiet. Snien ilsien għadmiet imnifsejn: tletin wieħed bosta tnejn. Għoddejtni u sibtni kollni hemm. B’għajnejja magħluqin għoddejt sa ma dalam il-lejl, għebu n-numri u magħhom jien. Bħalissa ma jgħoddx li nintilef ngħodd. Ma’ kull issa l-għadd idur lura għax-xejn. Bħalissa, mhux jien biss imma kollox hu wieħed, waħda, waħdanin. U issa waħdi m’għadnix. Nimxi. Naqdef. Nieqaf malli nsib quddiemi tfajla b’mazz fjuri f’id u xemgħa tnemnem fl-oħra bilkemm tintebaħ bil-barri jgerbeb lejha mill-ġenb. Ħarsitha, minflok, fuq debba midruba, maqbuda bejniethom, imsarinha sporġuti, mgħawġa taħt toqol mara gwerriera nofsha għarwiena; b’sejf f’idha tinfed il-barri, bilkemm ħadd jinduna. Xwejjaħ daqni tiela’ sellum ħa jiżgiċċa mill-kwadru. Mill-għoli, żewġ nisa jitgħaxxqu bix-xena tal-battalja, geddumhom fuq il-pali ta’ jdejhom, minkbejhom fuq ħoġor it-tieqa fejn għadhom kemm niżlu żewġ ħamimiet. Fl-isfond, fuq il-baħar fil-bogħod, dgħajsa tal-qlugħ, li magħha qed inserraħ għax nifsi maqtugħ.
Nagħraf l-imluħa fl-ilma baħar minn tfuliti u nifhem fejn ninsab u għaliex. Jekk inkompli naqdef, nidħol lejn il-kosta, hemm nilmaħ id-dgħajjes imgeddsin fil-ġenb tal-bajja s-sabiħa. Mad-dgħajsa tat-tarf hemm ommi, bħal dejjem xagħarha mgħotti biex ma xxarbux. F’jum sajfi fis-skiet ta’ kmieni filgħodu bilkemm għadu sebaħ, waħidha fl-ilma eżatt kif tħobb hi. Rasha wieqfa, kultant iddawwarha tħares ’il barra, kultant lejn l-art. Tħares mingħajr ma tfittex xejn. Ma tafx li jien qed naraha. Dirgħajha tiftaħhom bil-mod kemm kemm taħt wiċċ l-ilma u bihom tagħmel dawriet żgħar, waħda fuq ix-xellug oħra fuq il-lemin biex tibqa’ fil-wiċċ. Riġlejha qed jagħtu wkoll iżda ma jidhrux. Malli tħoss l-għeja, ittawwal driegħ minnhom, taħfen ħabel id-dgħajsa u tistrieħ. Nilmaħ ħarsitha bi ħjiel ta’ kalma u rabja wkoll, li forsi jxejnu ’l xulxin. Il-moħħ, minn rajh, ibaħħar f’ibħra ta’ ħsieb mingħajr qiegħ. Iżda, għall-ewwel darba nifhem li, bħali, l-ilma jgħinha ssikket it-thewdin.
#
F’ħanut tal-kotba użati u mqaddmin niltaqa’ ma’ ktieb b’titlu li jsejjaħli nixtrih, nieħdu miegħi d-dar, niflih, naqrah, nagħmlu tiegħi, inħallih isaħħarni, jibdilni. In-natura ħielsa, jfesfisli bil-kitbiet tiegħu Élisée Reclus. L-ambjent mingħajr xkiel. Il-persunaġġ prinċipali f’dar-rakkont mhuwiex bniedem, għalkemm il-bniedem hemm qiegħed ukoll. Mhuwiex minsi, mhu qatt minsi. Imma mqiegħed f’postu. Mhux fl-ewwel imma fit-tieni. Li kieku ktibtu jien kont inqiegħdu iktar ’l isfel. Iktar ma nikber iktar nimbotta biex inwaqqgħu minn hemm fuq, inniżżlu skaluna wara oħra, u nifraħ meta narah fil-qiegħ, biex fl-aħħar ikollu jgħolli rasu u jħares ’il fuq u jintebaħ li fuqu u madwaru hemm għeġubijiet ferm aqwa minnu. Naqra li jekk verament irrid insir nafni minn ġewwa, jeħtieġ li l-ewwel inħares sew lejn x’hemm hemm barra, dak kollu li ġie qabel ma wasalt jien hawnhekk, qabel ma waslu bnedmin oħra bħali u bdew jibdlu dak kollu li sabu madwarhom, iktar ma jibdlu iktar ikollhom iħabirku biex dak li jmejlu u jxattru b’għemilhom jerġgħu jġibuh dritt. U meta wasalt jien, jien ukoll għamilt bħalhom.
Jekk inċaqlaq ġebla minn postha, naħsadha u ddum biex tiġi lura f’tagħha tliet xhur. Imma jekk ma nneħħihiex jaf nixxiegħa qatt ma twelled xmara. Irrid ninsieha l-psikoloġija, il-filosofija, ix-xjenza politika, is-soċjoloġija. Irrid nieqaf niflini, ninsa nistudjani. Ma ħaqqnix, ma ħaqqniex dil-attenzjoni. Ix-xjenza li tassew jistħoqqilha hi l-ġeoloġija, dwar l-art li ngħixu fuqha, u dwar x’hemm taħt riġlejna, dwar il-ġebel li hi magħmulha minnu, u dwar kif il-ġebla tibdel surietha tul iż-żminijiet. Naf kemm għandha żmien din l-art? Nafha l-istorja? U l-ilma, u l-ħamrija? Il-ġebla, l-għoljiet, il-widien. Surithom tirrakkonta l-istorja tagħhom infushom u tiegħi, issawwar it-tlugħ u l-inżul, il-kif u l-għaliex tal-istorja. Il-muntanji, il-witat, l-isteppa, il-laguni, ix-xmajjar u l-ilmijiet jidderieġu, bil-mod sieket u llajmat tagħhom, l-imġiba tiegħi, tagħna, tal-annimali. L-istess il-qawwa tal-irjieħ, tal-irwiefen, il-qilla tax-xemx, tax-xita, tal-għargħar. Inqalleb il-paġni u naqra dwar dawk ir-roqgħat veru żgħar fid-dinja fejn jgħaddi ż-żmien u ma jinbidel xejn ħlief meta jasal il-bniedem u jagħmel ħerba minnhom. Fil-bqija, il-ħerba tiġri xorta, forsi ddum ftit iktar imma tiġri. Nirien, ilmijiet, terrimoti, maremoti. Lura d-dar, il-ktieb dwar in-natura ħielsa nqiegħdu ħdejn ieħor, li nkiteb qablu, fejn qrajt li għandi ngħix fiċ-ċokon imma naħseb fil-kobor. George Perkins Marsh kien tal-ewwel li għaraf il-ħerba tal-bniedem u wissa dwarha. Maġenbu hemm ktejjeb dwar il-mixi ’l bogħod mill-belt u l-ħsieb. Ħdejh poġġejt kitba ħafna eqdem, mill-viżjonarja Hildegard von Bingen, dwar il-ħaġar prezzjuż mil-Lvant, kull ħaġra tibda bħala ragħwa mill-ilma tax-xmajjar u n-nar tax-xemx. Ir-ragħwa tinxef, tibbies f’ħaġra kollha lwien b’setgħat tal-għaġeb, duwa għall-bniedem, għadu tax-xitan. Maġenbu, ktieb dwar ir-raġel tal-mafkar quddiemna u l-istorja tad-duwa u l-alkemija. Imbagħad ktieb dwar il-ġeomitoloġija u ieħor dwar l-għeruq u kontrihom. Inqiegħdhom flimkien għax naf li għandhom ħafna xi jgħidu ’l xulxin, u wkoll lili. Naqrahom u nintebaħ bix-xekel li ninsab fih. Naqrahom biex ninħeles minnu. Nafha lilhom il-mibegħda l’għandi għat-tirannija, il-kilba tiegħi għall-ħelsien.
Fuq dal-ixkaffar inqiegħed mhux biss il-kitbiet li sibt u qrajt, iżda oħrajn li ħsibt jien u ktibt. Mill-jasar infittex li naħrab billi wkoll nikteb, waħdi, nikteb u naqrani, niktibni u nqerr, inqerrni u neħlisni. Nistqarr jien ukoll ta’ kuljum bil-linka fuq il-karta dak li nħoss, li nara, li ngħix. Niktibni biex indewwem lili nnifsi. Inniżżel ukoll dak li noħlom u nfantas u li minnu mhuwiex. Bħal f’ħolma naf niftakar x’ġie qabel illum, għax ilbieraħ hu bħal għada, id-daħla għal li jmiss. Nista’ jekk jiftilli nniżżel tifkirieti fuq folja, ngħaddihom bħal finzjoni, miżgħuda silenzji sigrieti tħassir. Inħarbixhom għall-effett li jaf ikollha l-kitba fuqi, tibdel fija x’naf u x’ma nafx, tqanqalni nferra’ ħsibijiet u thewdin, insawwarhom f’suriet li nagħrafhom, nagħrbilhom, nelaborahom, nirrevedihom, inqishom mill-ġdid, narmihom jekk irrid. Il-kitba dejjiema, b’kitbieti niddewwem jien. Il-ħajja kaxxa msawra minn għodod imsinna u midluka ħa jżommu ’l bogħod it-tmiem. X’għodda se nqiegħed f’dil-kaxxa jien? Kitbiti jistgħu jsejħulha li jridu; min jagħżel jaqrani m’għandux jedd fuq x’għandi nikteb u kif. Jistgħu jħallu ħarsithom titbiegħed, toqrob, taħrab, jagħżlu bir-reqqa fuq xiex iħalluha taqa’. Imnifsejhom jiftħuhom, għajnejhom ibaxxuhom, ibexxquhom. Jemmnu li jridu; li se nikteb hu sewwa anki jekk ma jaqblux, li se jaqraw hu minnu anki jekk ma kienx. Għax l-ebda kelma li nikteb mhi b’oħra.
#
Nistħajjilni ngħum fid-dawl bati tal-għabex, jien xrara f’wiċċ l-ilma nixxennaq għas-sħana u d-dija melliesa tax-xemx kmieni filgħodu. Jien u l-ilma u ħjiel ix-xemx. Dir-rabta mħabba. Bejn baħar u sema. L-art ’il bogħod, taħti taħt l-ilma, lil hinn milli jistgħu jilmħu għajnejja. Riġlejja jagħtu, ħiemda, illajmati, fl-ilma la biered la fietel la sħun. Ġenbejja, kuxxtejja, qaddi, idejja taħt wiċċ il-baħar ukoll. Kollni mgħaddsa ħlief għajnejja, imnieħri, it-truf ta’ widnejja, l-iskutella ta’ rasi. Nisma’ ċ-ċafċif ħelu fir-roħob madwari, intiegħem l-ikħal mielaħ tal-ilma, inxomm l-ikħal frisk taż-żiffa, il-qiegħ vajrit u l-ikħal tal-ilma jkanġi fl-isfumaturi kollha tiegħu. Il-qamar għeb, ix-xemx ma naralhiex ħlief id-dija, is-sħana tagħha bħal donni naf li qiegħda hemm madwari imma ma nħosshiex. Għajnejja nagħlaqhom, niftaħhom, inbexxaqhom ħarira u mill-ilwien ma jintilef xejn. Riġlejja jibqgħu jaqdfu, li kelli nwaqqafhom f’nofs qadfa nibqa’ xorta fil-wiċċ. Dal-ilma jafu ’l ġismi, ma jridux jegħreq fih. Naqdef għax riġlejja ma jafux mod ieħor. Jagħtu għax nifraħ bit-tmewwiġ. Inwaqqafhom għal ftit u tieqaf kull taħrika, jiskot kull ħoss, madwari, l-ikħal jieqaf ikanġi hu wkoll. Nistħajjilni gżira-vulkan li tiżbroffa darba kull seba’ snin, l-aħħar darba m’ilux wisq, issa qed nistrieħ. Nagħti skoss ħafif biex ninżel ftit iktar ’l isfel mix-xfar li jofroq sema u ilma, barra issa għajnejja biss. Nagħlaqhom. U nagħti skoss ieħor. Xejn minni ma fadal fil-wiċċ. Kollni taħt sa ma naqleb l-istampa ta’ taħt fuq u l-qiegħ issa l-wiċċ. Niftaħ għajnejja u nara li hawn il-lejl, bħan-nhar, ma jeżistix. Niftaħ ħalqi u mnifsejja imma hawnhekk arja iktar m’għandix bżonn. Riġlejja jerġgħu bir-ritmu kajman tagħhom, jaqdfu biex joħduni iktar f’dal-fond mingħajr wiċċ lanqas qiegħ. Jekk indawwar l-istampa darba u oħra, ninsa minn fejn dħalt, innessi li qatt kont imkien ieħor qabel hawn. Naf biss li jien. Hawn. Issa. U f’dal-issa, il-qamar qsar, xjaħ u ntilef f’tebqa t’għajn.
Għejejt. Nixtieqni lura rasi fuq imħaddti, f’soddti, f’kamarti. Nixtieq qed nistenbaħ maż-żerniq ta’ jum xemxi ġdid. Fl-estasi tal-għeja nilmaħ ħjiel ta’ merżuq imma l-ilma jinħass kiesaħ madwari. Ninsab fil-fond ta’ mit invertit u l-bestja belgħet fl-istonku l-labirint sħiħ. Bhimakosmu ta’ arkitettura veġetali f’xifer il-kaos; bniedembhima wieqaf, b’ġildtu qoxra xewk u rix. Il-ġewwieni xibkataħbila mikxufa, għadmu ġebel turġien, l-intern kolonni Joniċi, qarn imwaħħal, ieħor le. Madwari inkubu ta’ baħar aħdariswed irrabjat iħabbat ma’ xatt il-blat iħaffer abbiss swidija. Is-sema msaħħab griż, sajjetta tinfed oċean, tifferuċjah. Ninsab fis-sotterran mudlam fejn nidfen tifkirieti mistkerrha, imgħoddi ta’ ħajja bħal ħmar il-lejl ta’ x’sar ħażin u x’ma sarx, finzjoni miżgħuda silenzji, tħassir, ġrajjiet miċħuda. Triq ’il barra mill-barri m’hemmx. Madwaru rajt maħbubin midrubin jitgħawġu f’agunija, uħud imbiċċrin. U f’nofshom il-maħbuba, sura ta’ siġra, wiċċ ta’ tulipan, tagħmel ħerba minn qlub dawk li jħobbuha. Ftakart żminijiet fejn kont waħda minn dawk minxurin mal-art. Oħrajn fejn is-siġratulipan kont proprju jien, b’torċa f’fergħa-driegħ inxerred kulm’hemm nirien it-terrur, fl-aħħar inħraqt anki jien. It-trijonf tiegħi kien qasir, l-uġigħ etern. Nisma’ għanja ttiegħem il-ħlewwa tal-inbid u naljena. Ħa jbusni bil-bews ta’ fommu! Oħla mħabbtek mill-inbid; ’ir-riħa ta’ fwieħatek ħelwa. Fwieħa msawba hu ismek, għalhekk iħobbuk ix-xbejbiet. Imħeddla narani niddaħħal fil-palazz tas-sultan. Għanja tidħol f’għanja oħra, jien il-bulbul, l-għasfur għannej ta’ ġnien li għadu ma nħoloqx. Distiċi rrimati jfakkru fiż-żegħil tal-bulbul lill-warda maħbuba li malajr jinbidel f’karba ta’ ċerva midruba, oħrajn jgħannu dwar id-devozzjoni tar-rużinjol għall-warda — forsi l-istess maħbuba tal-ieħor, forsi le. Ġmiel, imħabba, estasi, firda, passjoni, stmerrija, dulur. Xi mkien hemm muntanja ogħla mill-ogħla waħda li taf biha int. Kull mitt sena xi ħadd jagħtiha mesħa b’maktur tal-ifjen nisġa ħarir. Għad jasal dak il-waqt meta mesħa wara l-oħra l-muntanja tinħefa kollha u tgħib. Dakinhar inkun naf ngħidlek il-ħin bl-eżatt għax qaluli li meta mill-muntanja ma jkun fadal xejn tkun għaddiet kalpa. Tinħass eternità imma mhix. Twila tant li tisturdik int u taħseb dwar il-bidu u t-tmiem; l-ebda tarf minnha m’int se tilmaħ għax jinsabu qablek, warajk u fil-bogħod. Forsi l-ħin fiċ-ċokon aħjar biex taħseb fih. Ħu mill-kxana li, bil-kontra tal-kalpa, tinsab bejn taħbita u oħra tal-qalb, xi mkien bejn tektika u oħra tas-sekondiera tal-arloġġ. Farka waħda minn ħamsa u sebgħin oħra li flimkien jagħmlu sekonda. L-għannej jieħu nifs ’il ġewwa jaħli minnhom elf. Iċ-ċokon ukoll jistordih. Imbagħad jitwennes bl-inbid li jservih iż-żagħżugħ tad-dverna, jissara ma’ ġmiel l-imħabba u wġigħ il-firda, mal-ferħ li huwa wkoll diqa u swidija, u jittama li ma’ kull belgħa tax-xarba divina joqrob aktar lejn l-għarfien t’alla. Iżda għalxejn twissih li l-imħabba kiefra, ta’ min iżommilha ’l bogħod. Il-ġibda tal-baħrija għad-dawl bati tax-xemgħa tibqa’ sa ma taħraqha. Kollox jgħaddi, qisu xejn qatt ma kien. Jien m’għandix biex niffanfra, u fl-aħħar distiku ismi ma niktbux.
#
Inbexxaq ħarira għajnejja, nilmaħ il-qamar fil-bogħod, nistrieħ. Hemm fenek fuq il-qamar imma ismu ma nafux. Inħallih il-qamar jgħasses il-lejl min-nhar. Ma naħsibx fih bħala alla tal-kastità, tal-kaċċa, tal-fertilità, tat-twelid, tal-mogħdija taż-żmien, simbolu taż-żgħożija, l-immortalità, il-purità, sors ta’ illuminazzjoni, protezzjoni, għerf u prosperità. Imma nħares lejh u nitqanqal, il-maqsum inħossu jingħaqad, l-immejjel jiddritta, iż-żgħir jikber, l-istess jinbidel. Nitgħaxxaq bil-misteru, nimtela b’għerf ikbar minni, nintilef nhewden dwar ċikli u fażijiet ta’ bidliet. Dawl il-qamar duwa għal għajnejja. Niftakarni, f’dar ommi u missieri, nistenbaħ mal-lejl, inqum mill-friex, niftaħ il-bieb, ninżel it-taraġ fis-skiet, noħroġ fit-triq u nilwi lejn il-bandli, dik il-biċċa art li qatt ma nbniet, minkejja l-permessi, bejn l-iskola tal-primarja u l-binja tal-flett tagħna. Issa li dalam, it-tfal kollha marru lura d-dar, u l-bandli vojta jiċċaqalqu ftit bir-riħ. Il-lejl kenni jwennes l-injam, il-ġebel, il-blat u l-ħadid b’għata friska li ddewwihom u tnessihom il-kiwja ħarxa tax-xemx binhar. Nitla’ fuq il-bandla tan-nofs u nitbandal bil-mod, kemm kemm niċċaqlaq, kemm inħossni ninqata’ mill-art u ntiegħem ir-riħ jagħraxli wiċċi, idejja, riġlejja. M’għadnix tifla. Għadni m’iniex mara. Niftakar li, snin qabel, ħdejn l-istess bandla kont ippruvajt nigdem minkbi għax qaluli li jekk jirnexxili ma nibqax tifla, insir tifel. Ippruvajt kemm-il darba, qatt ma rnexxieli. Inħares lejn il-qamar, qalb il-bini, iħares lura lejja xi ftit mistħi. Niftakar, tant kien żgħir li, kelli nitla’ fuqu, inwaqqgħu minn hemm fuq. Nitbandal ftit iktar bis-saħħa mingħajr ma ninduna. Il-qamar tiela’ u nieżel. Inħossni ma niflaħx, ir-riħ saħan ma’ wiċċi, idejja jaħarqu mal-katina. Issa, bħal mara xwejħa nitbandal ’l hemm u ’l hawn, xagħri qotni bajdan niftakar f’hemm niftakar f’hawn. Nixxennaq għaż-żiffa friska li wegħedli l-lejl mudlam. Nieqaf u l-qamar ukoll, donnu nduna li jien bla ħtija. Niftakar li dakinhar fhimt li l-qamar, bħali, ma kienx mara. Ma kienx tifel. Ma kienx la ommi u lanqas alla. Tbissimli u tbissimtlu lura. U mort id-dar u ħallejt id-dmugħ igelgel minn għajnejja. Ma ħsibtx iżda ktibt bil-Malti, forsi għall-ewwel darba konxjament, u bkejt. Ħassejt għajnejja jitnaddfu minn ilmijieti stess, jinfetħu beraħ, jiffukaw.
Nitgħaxxaq b’kulma nara b’għajnejja, af li l-għajn li tant nafda fiha hi biss tieqa mbexxqa ħarira, la tara ’l bogħod wisq u lanqas wisq il-viċin. Il-kobor kbir u ċ-ċokon ċkejken tiqba’ ma tilmaħhomx. Il-ħeffa ma tlaħħaqx magħha, imma kulm’hu bil-mod m’għandhiex sabar għalih u wkoll tibqa’ ma tarahx. Għamja u ma nafx. Jaħarbuli minn taħt għajnejja l-eluf ta’ għeġubijiet maqbudin f’qatra nida fuq werqa ġdida fil-bidu tar-rebbiegħa. Li kelli narahom b’għajnejja nistħajjilhom ħutiet fl-ibħra, għasafar fis-smewwiet, pajsaġġi aljeni, xmajjar, muntanji, foresti, widien. Li kelli niflihom sew l-imkejjen li mingħalija ġa naf, insib li jien barranija, eżiljata mill-mikrokosmi u d-dinjiet minjatura ta’ barra minn hawn f’dari stess. Nissara biex nara dak li nibqa’ ma narax tant li d-dinja nħossha tinqasam fi tnejn, parti fuq parti taħt. Hemm min jemmen li dik ta’ fuq hija d-dinja vera kollha kemm hi. Hi li hi, ħudha kif inhi, tħaffirx biex tara x’hemm iktar taħt għax taħt m’hemm xejn, ħażin għalik — ħażina int — jekk tgħid li hemm. U għalhekk, taħt riġlejja, saff bla qiegħ ta’ storja rasha iebsa, ma tinbidel qatt, Seklu wara l-ieħor tippremja l-istupru u l-qerda ta’ kulma hu fraġli, dgħajjef, rari. Insieha s-sengħa divina li tagħraf tinseġ l-għaqda u l-armonija mid-differenzi u l-opposti. In-nisġa divina ħrafa. Fejn m’hemmx xebh tirrenja biss id-diskordja għax aħwa m’aħniex u lanqas ħbieb. Kompliċi, f’konfoffa bejni u bejnek għax beżgħana minn xulxin; lesta nkisser li hu tiegħi biex miegħek ma naqsmux. Is-setgħan lid-dgħajjef jagħsru, igawdi minn fuq dahru; jien fuq liema naħa taż-żarbuna rrid inkun? Mhux biżżejjed għalija nara x’hemm mgħaffeġ taħt saqajja; irrid inħaffer fl-ifned fond ta’ dil-art ħa niftakar x’għadda, inħares fil-qrib u fil-bogħod tat-toroq madwari ħa nifhem li għaddej, nittawwal mill-ogħla għoljiet ħa nbassar li għadu ġej.
X’inhu l-kobor ta’ did-dinja li ngħix fiha meta fl-abbiss bla qiegħ ta’ kwiekeb hi biss farka ramel? Mill-bogħod mhix ħlief traba, tfarfarha u tinsieha. Imma jien mill-viċin irrid nifliha, nintilef fiha mingħajr ma nilmaħ trufijietha. Inkejjel il-kobor madwari skont il-qisien ta’ ġismi stess, pied, driegħ, pass. Inqatta’ ħajti kollha nipprova nsir nafha u sal-aħħar nifs tiegħi inkun ilmaħt biss farka minnha. Nitgħallem li mill-qrib daċ-ċokon infinit, li d-dinja tiegħi kosmu, univers bla qies. Bl-inżul u t-tlugħ tagħha, bil-muntanji u l-widien, bl-ibħra u l-witat, bit-terren imħarbat kollu tagħha, se nsib it-tifsira tagħha għalija, u għad nifhem, xi darba, it-tifsira tiegħi nnifsi.
Taħt riġlejja, dil-ġebla ma tieqaf tibdel surietha qatt. Kemm għandha żmien din l-art, kif għandi nkejlu? Għandi nkejlu? Jien bajja ramlija. Kliemi didaskalija jinftiehem poeżija. Ngħodd il-logħob, it-teatru, il-farsa, l-ispettakli tal-gladjaturi ġellieda u l-bestji kurjużi, il-midalji, il-pitturi, ir-riklami, il-premjijiet, l-attrazzjonijiet-xkiel kollha tas-servitù li t-tirannija minn dejjem użat biex tgħammixni u tħeddilni fil-mogħdija taż-żmien, tisraqni ħajja hi u żżommni — nitbissem għax belha — mgħaffġa taħt saqajha. Sajf u xitwa, mal-ħamsa ta’ filgħodu jibda x-xogħol, jibqa’ sejjer sa filgħaxija tard. Arana naslu, għajjenin filgħodu, mifluġin filgħaxija. Dahar l-irġiel mgħawweġ, dirgħajhom bla saħħa, bla tama. Jafu li kollu għalxejn imma ma jifqux, ladarba jċedu se jiġi ħaddieħor minflokhom, jisirqilhom xogħolhom. Uċuħ in-nisa bla kulur, ġisimhom għuda, mixjin ħafjin fit-tajn, ix-xita bla ħniena nieżla fuq rashom, m’għandhomx ħlief fardal, dublett ta’ taħt, biex jgaħttu wiċċhom u għonqhom mit-tingiża mxarrba tax-xita u l-borra. Ma’ djulhom uliedhom, ħaddiema huma wkoll, daqshom jew iktar maħmuġin, imdellkin, miksijin ċraret żejtnin, ħwejjiġhom tax-xogħol. F’ħobbhom, loqma ħobż, l-ikel kollu li se jsaħħnilhom ġisimhom ċkejken fis-sigħat twal sa ma jsirilhom il-ħin biex m’ommijiethom u missirijiethom jimxu mifluġin lura d-dar biex jorqdu u jerġgħu jqumu għajjenin, illum iktar mill-bieraħ, għada iktar mil-lum. Arana, ilsiera tal-magna, magħkusin minnha. Ix-xogħol ma nqimux, nagħrfu ta’ li hu, skjavitù. Għalxejn wissewna l-għorrief tal-qedem biex ma nafdawhx ix-xogħol; lill-bniedem ħieles iniżżlu għarkupptejh, iċekknu, idgħajfu, iġibu fix-xejn. Għalxejn għannew il-poeti li l-għażż u l-mistrieħ doni m’għand l-allat. Għajnejna miftuħin u għomja xorta. Tgħallimna bl-amment, minflok, l-għanjiet tat-taqligħ f’ġieh l-alla tal-progress, l-iben il-kbir tax-xogħol, il-bniedembhima li jaħfinna minn daharna u jagħsar minna kull qatra li tista’ tissarraf f’xogħol għalina, setgħa u flus għalih. Arana nitilqu kollox minn idejna u nibdew inħabirku mal-ewwel tisfira matutina tal-magna tax-xogħol.
Insikket ħsibijieti, inwarrab beżgħati. Moħħi rrid nitfih u minflok nibda nħoss, b’ġismi, b’qalbi, b’ruħi, sensazzjonijiet u emozzjonijiet ta’ barra minn hawn. Nintebaħ li l-kura tiegħi nnifsi ma kienet xejn għaqlija. Beżżgħuni bix-xogħol monotonu fil-fabbriki u ħadt ħsieb kif wissewni, l-ewwel u biss il-qari u l-istudju għax-xogħol. U swieli għax f’fabbrika qatt ma ħdimt. Ħaddimt moħħi imma għażżint lil ġismi. Illum għandi kollox, imma l-aktar l’għandi hi l-għeja. Dirgħajja nixfin, ġildti mitfija, riġlejja għajjenin, saħħti marradija. F’ġurnata xemxija tax-xitwa għad noħroġ nimxi fit-tul, nitbiegħed bil-mod mit-toroq u d-djar biex nasal sal-baħar, sat-tarf. Niltaqa’ mas-siġar tal-qastan, waħda ħdejn oħra u oħra u, iktar ’l isfel, ma’ dawk taż-żebbuġ u tal-ħarrub, biċ-ċiklamini bi lwien jgħajtu roża, ħomor, vjola, jixxaħxħu f’dellhom. Hemmhekk se nneħħi minn fuq dahri t-toqol inutli tax-xalpi, l-iskufji, il-ġkieket u l-ingwanti, se mmiddhom mal-art u nimtedd fuq irtubithom qalb il-fwejjaħ tal-fjuri ċkejkin. Nistħajjel li b’ħarsithom se jieħdu ħsiebi dal-fjuri, se jkeċċu l-għajn ħażina minn madwari biex lili jħalluni nintelaq għall-fejqan tal-ħolm. Se nħossha bħal mixja fl-irqad dit-triq li twassalni sal-baħar fit-tarf. Tul il-vjaġġ se niltaqa’ ma’ siġriet tal-larinġ kull frotta magħquda, misjura, bl-oħla meraq jaqta’ l-għatx. La nilmaħ l-għaxar tarġiet li jwasslu sax-xatt se ninżilhom — waħda, tnejn tlieta — bil-lajma, quddiemi niċċassa lejn xenarju mpitter tal-kobor li jaf ikun tarf bla ħjiel ta’ tmiem. Nieqaf għal minuti twal fuq it-tarġa ta’ qabel tal-aħħar nitgħaxxaq bit-taħbit tal-mewġiet rashom iebsa mal-blat. Ninża’ ż-żarbun u l-kalzetti nħoss l-art mal-qigħan ta’ saqajja. Ninża’ l-bqija ta’ ħwejġi u b’ġismi għeri narani u naqrani dieħla kollni kemm jien rieżħa fl-ilma nġazzat u nintelaq għas-serħan. Mitluqa nibqa’ fil-wiċċ mingħajr ma nitħabat, astronawta fil-beraħ ta’ smewwiet-ilmijiet mingħajr il-ġibda tal-art, fuq u taħt xorta, fi qribi qamar ta’ kobor qatt ma rajt bħalu qabel, lil hinn minni arti, dari, dinjieti jitbiegħdu kif spiss noħlomhom jagħmlu iżda qatt ma rajthom jaħarbu minni hekk. Kif se nieħu ħsieb saħħti, ġismi, il-muskoli, l-għadam minn hawn fejn it-toqol ma jeżistix? Kif se nieħu ħsieb għajnejja minn hawn fejn il-kobor infinit ma joffri l-ebda konfini, l-ebda periferija biex nifhem fejn tispiċċa ħaġa u tibda oħra? Nintelaq għax m’hemmx iktar x’nagħmel. Nintelaq. Nistrieħ. Nagħraf li s-serħan huwa wkoll qawmien.
#
Minn imħaddti nara d-dawl biered bati tal-qamar. Il-qamar ġdid, għadu se jimla. La nqum se naqla’ l-friex, l-investi u l-għata, nitfagħhom għall-ħasil u nifrex il-ġdid riħa ta’ lavanda u ġiżimin. Se naqla’ l-purtieri, se nneżża’ t-twieqi, se nimsaħ waħda waħda l-ħġiġiet imtappnin mit-tidlik. Minn fuqi se nneħħi ħwejġi kollha, ta’ fuq u ta’ taħt, sa ma għerja nħoss dehxa fuq laħmi u xewk xewk ġismi jbierek jum ġdid. Se ninħasel bil-kiesaħ ħa nqum mir-raqda, nissapna, ningħorok, nixxotta, nitfewwaħ. Imbagħad se ninfexx innaddaf dari, nixkupa, infarfar, inbaħaħ; se neħles l-irkejjen mit-trabijiet, il-frak u l-għanqbut. Ma’ qamar ġdid bidu ġdid. Se narmi l-ħażin, se nilqa’ t-titjib.
Minn taħt il-friex nilmaħ il-qamar, reġa’ mużqaq. La nqum se niżra’ ż-żrieragħ għall-ġejjieni biex nistagħna, niffjorixxi, nindokra ’l għeżież qrib tiegħi. Se nofroq il-ħamrija, se niżra’ ż-żrieragħ, se ngħattihom bil-galbu u nsaqqihom, u f’qalbi nżomm biss ħsibijiet tajbin. Li nixtieq lilhom se jkattar f’tiegħi, igawdu huma, ingawdi jien.
Minn imħaddti nara dija, huwa l-lejl, ħsibtu binhar. Il-qamar kwinta, nara ċar, nifhem iktar, inħoss aħjar. Se nieħu ħsieb nikkarga l-kristalli, naħżen l-enerġija, naqra xortija. Se nitlef rasi, insir lupu, nagħmel ħerba minn dari, mill-ġnien, mir-raħal sħiħ. La jisbaħ se ninsa kollox daqslikieku mhux jien kont, imma se nkun mistrieħa u għalissa hekk għandi bżonn.
Il-qamar issa muqsar u mort lura għal sura ta’ bniedem. Se ninfexx għal darb’oħra fit-tindif. Biex ninħeles mill-piżijiet u d-drawwiet ħżiena, se niktibhom fuq karta u naħraqhom waħda waħda, se niġbor l-irmied u nonfħu ’l bogħod minni skont ’il fejn ikun jaqbel ir-riħ.
Minn imħaddti nara li d-dawl biered tal-qamar m’għadux hemm. Il-qamar jekk tfittxu jfittxek imma llum il-qamar mitluf, tliftu jien u tilef lili. Id-dawl barra ntefa biex insibni nixgħel ġewwa. Illum se nitbiegħed minn għajn ħaddieħor, se ningħalaq fija nnifsi, waħdi għall-kwiet. Dan żmien ta’ riflessjoni, meditazzjoni, introspezzjoni. Se nikkura lili nnifsi, ġismi, moħħi, qalbi, ruħi. Minn ħafna se nsir waħda, miegħi u tiegħi nnifsi.
Il-qamar bqajt ma rajtux, kifes fid-dell tal-art. Li jxekkilni se nerħih u se nafda li wara t-tmiem jerġa’ bidu kollu ġdid.
Ma’ sbiħ dal-jum se nfittex pajjiż il-Kukkanja, il-ġenna fl-art. Art ix-xaba’, art il-pjaċir. Art is-saħna, il-lussu, il-komdu, il-ħafna. Dar-reġjun fejn ikun? F’pajjiż il-Kukkanja la tiżra’, la taħsad, imma lanqas taf il-ġuħ. Ix-xita tqattar l-inbejjed, l-għoslien u l-ġbejjen. L-art mirakoluża, ma tinħadimx u mingħajr żrieragħ imma l-frotta ddewwaqhielek xorta. Il-jiem hawn la jafu ksieħ ix-xitwa, la għakar is-sajf, jafu biss l-hena kajmana tar-rebbiegħa dejjiema li kull frott tagħtik. L-ilma ma jiġix mill-fwar li sar sħab u niżel f’għadajjar tax-xita sa ma reġgħet nixxfitu l-qilla xemxija, imma isimgħu jgelgel lejl u nhar minn funtana żagħżugħa minn dejjem għal dejjem. Għax in-natura hawnhekk ġeneruża, fawwara ta’ abbundanza u żżomm lil dawk li jgħixu fuqha u ’l-mistednin tagħhom f’kuntentizza u xaba’ perpetwa, ’il bogħod mill-ġuħ, mill-għatx, mill-uġigħ, mill-għawġ, mill-gwerra, mill-mibegħda. Dil-art belt divina iżda mhix t’alla. Mhix belt in-nisa jew belt l-irġiel, mhijiex belt il-bniedem. Se nitlaq infittixha, irrid insibha. Għax din belt il-ħolm u l-festa ladarba tibda ma tiqafx. Il-logħob u l-mistrieħ dmir, ix-xogħol ipprojbit. M’hawn ħadd fuq ieħor, kull ħlejqa tgħix ma’ kull ħlejqa oħra u t-tebgħa tal-ħtija ma teżistix. Din l-art forsi ħlomtha, irrid insibha anki jekk ma teżistix. Din l-art santwarju, art l-inbejjed, l-għasel u l-ħlewwiet, art l-imħabba, il-ħedla u l-pjaċir. Hawnhekk ir-renju tal-qawwa sagra ħadranija tal-ħajja, il-ħdura f’kull sfumatura tan-natura; ħdura ħaddara, vitali, fekonda, fertili. Dil-belt veġetali. Din l-art duwa. Biex tiekol, kemm tiftaħ ħalqek u l-bajtra misjura tisqik.
#
Magħluqa f’dari, lok il-paċi mkien il-kwiet, drabi nħoss nifsi maqtugħ. Nixxennaq għal barra, naqfilni ġewwa, innessini għalfejn. Drabi nisfidani u noħroġ xorta, in-nifs waħdu jiġi mill-ġdid, it-taqbida ta’ ftit minuti qabel nibqa’ ma nifhimhiex. Ngħolli ħarsti u nieħu nifs wieħed twil, niħfief mal-ewwel pass. Drabi, riġlejja minn jeddhom joħduni tul il-bankina bil-pjazza fuq lemini, inserrep, kif inħobb, it-toroq biex nasal fejn donni nixtieq immur, u b’xorti tajba triq dritta ma wittewhiex minn dari sa Dar il-Kompassjoni, ġojjell bis-sisien mis-seklu tlettax, fl-eqdem kwartier tal-belt. Hawnhekk l-eħirsa xort’oħra, qatt minsija, sal-lum għemilhom jidwi tul it-trejqiet tal-kwartier li għadu jissejjaħħ Beginaġġ għalkemm id-djar, il-ħitan, il-mitħna — li kienet tati fuq ix-xmara Senne, illum mgħottija — , l-isptar u l-għajn tal-ħasselin tal-beginaġġ, meqjusa kkundannati, kienu twaqqgħu kollha mitejn sena ilu u flokhom inbena l-ospizju li sa ftit ilu kien għadu dar tax-xjuħ imma llum vojt għax qdiem ukoll. Il-knisja fil-pjazza tal-beginaġġ inbniet l-ewwel fuq stil gotiku u ssejħet il-Madonna tad-Dwieli, imbagħad tranġat fuq stil barokk fis-seklu sbatax bl-isem ġdid San Ġwann il-Battista tal-Beginaġġ. Ftit ilu ġiet mgħammda b’isem ġdid — f’ġieħ il-begini li s-saħħa ta’ għemilhom għadha tidwi mal-kwartier — Dar il-Kompassjoni. Saqaf fuq ras min bla dar, isem għal min bla dokument, appoġġ għal min qed ifittex ażil, protezzjoni għal min hu sfruttat — b’dirgħajha miftuħin tilqa’ lill-ilsiera tal-lum. Kulħadd jgħodd. Bħall-begini, li fadal tagħhom biss isimhom, din dar rasha iebsa u qalbha tad-deheb, b’id waħda tqajjem rewwixta u bl-oħra ddewwi, tindokra, twennes lil min hu fil-bżonn. M’hemmx kompassjoni mingħajr azzjoni. Is-sbuħija qawwa bla rażan fil-qofol tal-ġlieda kontra l-istmerrija. Lill-imkasbar terfgħu, tgħollih, tagħtih ġieħ. F’din id-dar jissieltu għall-ħaqq, jisħqu għal soċjetà ta’ tama u ħajja dinjituża għal kulħadd, u jemmnu li l-kura tal-ħolqien bħall-kura tal-foqra. Għandhom regola waħda biss, ir-regola tad-deheb li fuqha mibnijin kull twemmin, reliġjon, filosofija: li l-hena li nixtieq għalija nnifsi għandi nfittixha wkoll għal ħaddieħor, li nagħmel ma’ ħaddieħor dak li ħaddieħor jagħmel miegħi, li l-umanità nkattarha billi nieħu ħsieb ħaddieħor u ’d-dinja madwari, u nagħmel magħhom kif huma miegħi, u dak li jweġġgħani ma nixtiequ qatt lil ħaddieħor. Fejn soltu nsib oqbra jew labirint għar-redenzjoni taħt saqajja, fit-tul kollu tan-navata ta’ Dar il-Kompassjoni hemm mejda twila, tilqagħni npoġġi magħha biex nistrieħ, u jekk mal-mejda post vojt ma fadalx, tgħidli, titlaqx, il-mejda lesti nwessgħuha għalik, għax jekk għandna iktar milli għandna bżonn, mhux ħajt ogħla għandna nibnu imma mejda itwal. Joffruli widna attenta biex jisimgħuni, u ikla bnina jekk bil-ġuħ. Ifittxu l-paċi billi jwieżnu l-ġustizzja mal-kompassjoni. F’did-dar smajt u rajt minn kollox, testimonjanzi, velji funebri, dibattiti mqanqlin, protesti, wirjiet, strajkijiet tal-ġuħ, festi u ċelebrazzjonijiet, rabja, għaqda, silenzji. Niġi s’hawn l-aktar għall-kwiet, nippassiġġa f’ħemda li tikkwitali l-ħsibijiet. F’dal-kenn nirtira mqar għal ftit, biżżejjed biex nixtarr is-sigħat mudlama u bla tama li nixhed madwari. Hawnhekk nieqaf inħossni aljenata. Imsaħħa, ferħana nerġa’ nimxiha lura d-dar.
F’jum xemxi ta’ Mejju ħriġt interraq, inserrep mat-triqat sa Dar il-Kompassjoni għall-Festa tad-Dinjità. Fil-pjazza tal-beginaġġ ġiet mgħammda ġganta tad-dinjità li tħares ’il dawk mingħajr karti ffirmati, ittimbrati, apostillati għax id-dinjità ma teħtieġx dokument. Hi l-vuċi għal min m’għandux jedd u saħħa jsemma’ leħnu. Imsemmija għal dik li kienet ilha tgħix fil-belt snin twal imma tkeċċiet u ntbagħtet lura fil-pajjiż minn fejn kienet ħarbet. Riedu jidfnuna, jirbombja leħinha mal-pjazza tal-beginaġġ, ma ntebħux li aħna żrieragħ. Qafluna, keċċewna; m’għarfux li se niġu lura b’saħħa ta’ bagħal. Aħna ġganti, bil-qilla nkasbru ’l min jgħakkes; liż-żgħir u lid-dgħajjef ngħolluh fuq spallejna, niffesteġġawh. Mill-għoli nieħdu nifs. Nagħmlu jidher dak li ma jidhirx. Inħallu jidwi dak li ma jinstemax. Naqilgħu sigrietna minn taħt l-art, nikxfuh. Ngħannu l-imħabba, ngħassu l-ġustizzja. Ningħaqdu, waħda mal-ieħor mal-oħra, ngħannu lilna nfusna biex nerġgħu nieħdu nifs f’dinja li qed tifnina.
#
Mistiedna f’dar qrabati f’belt viċina, pajjiż ieħor, offrewli l-qamħ għall-ħobż, l-għeneb għax-xorb, ikliet divini kuljum. Stħajjilna l-Madonna fil-kċina, dir-roqgħa art xtaqna nibnulha maqdes ħa tkompli tisqina. Fl-ewwel jum servewlna, biex nibdew, qaqoċċ mixwi fil-ġobon maħlul, komplewlna bir-ross u l-asparagus aħdar, temmew bil-larinġ u t-tamar mgħarraq fl-ilma żahar imħawrin bit-trab fin imfewwaħ ta’ bastun il-kannella. L-għada ħadnielhom iċ-ċirasa, pattewlna b’soppa piżelli mgħaffġin u n-nagħniegħ mal-larinġ. Ħarġulna fuq il-mejda fenek, brunġiel, patata mixwija. Fit-tielet jum sqewna bit-torti tal-pastard, iż-żebbuġ u l-kappar, irringrazzjajniehom bi frotta tal-ananas, qalulna li binhom jitgħaxxaq b’surietha iżda ma jikolha qatt. Tħadditna dwar ommijietna, missirijietna u kif rabbewna, qbilna li wliedna se nrabbuhom mod ieħor. Jien u noħlom bil-mustarda ta’ Dijon, serraħt il-pala t’idi fuq it-tundjatura iebsa ta’ żaqqi. Ibni għadu f’ġufi u missieri għadu ħaj, imma binhom, quddiemna, moħħ ir-riħ medhi jgerrem il-ġunġlien. Fir-raba’ jum żorna l-eqdem knisja fil-belt, bil-kolonni ħodor u s-saqaf tal-kor impitter, imbagaħd l-isbaħ knisja, ta’ San Severin, bil-kolonna tan-nofs milwija fuqha nnifisha terfa’ salibha bi ġmielha stess. Filgħaxija ħadnielhom il-bettieħ, ir-raġel wasal tard u l-mara sajritilna l-kinwa u ħuta mixwija. Mal-frawli fil-meraq tal-lumi u l-weraq frisk tan-nagħniegħ u l-bżar mitħun, tħadditna dwar dnubiet missirjietna; irqadna f’nofsillejl. Fil-ħames jum żorna t-tempju tal-mejtin, sibt lil dak li ħallielna bil-miktub li, għal darb’oħra u għal darb’oħra, aktar u aktar distinti, bħallikieku kienu qed joqorbu lejn l-art, il-kumpanni kienu qed iħabbtu. Fl-imrieżaq nirien tal-kewkbiet, f’din l-għodwa żagħżugħa, kien b’dal-ħoss li n-natura kienet qed iġġorr wild f’ġufha. Qed tlesti biex tfelles l-irġiel ta’ armata sewdiena, ġellieda għall-ħaqq; ġa bdiet iġġelben bil-mod fil-kanali, tikber ftit ftit għall-ħsad li se jseħħ fis-seklu li jmiss; ladarba tisponta se tifqa’ l-art. Jien ukoll qed inħejji għall-ħsad, riġlejja għajjenin, it-turġien u s-sħana qed jagħmlu bija, dħalt inserraħ f’maqdes ieħor imnebbaħ minn stil Biżantin-Ruman. Jien u dieħla sibt magna li titfagħlha munita, tippressahielek u tgħaddihielek lura mġebbda b’xi immaġni ġdida fuqha bħala rikordju. Qabbditni n-nervi, erġajt ħriġt mort nieħu kafè minflok. Qrajt f’ġurnal dwar xi jħossu l-ulied u n-neputijiet ta’ mexxejja tiranni meta jsiru jafu dwar l-atroċitajiet li kienu kapaċi jwettqu qrabathom. Meta rġajna bdejna mixjin intlifna għax il-mappa li kellna ma twassalx sa fejn ridna mmorru. Fis-sitt jum ħadnielhom qoffa frawli, servewlna canard sauce framboise u gratin de pomme de terre, spiċċajna bil-flieli tal-bettieħ milli ħadnielhom ftit jiem ilu, tħadditna dwar in-nutrijenti tal-laħam tal-papra, dwar li titrabba titkellem tliet lingwi, u dwar il-biża’ mid-djar antiki u l-kastelli.
Fis-seba’ jum, jum ieħor sħun, infittxu kenn minn xemx bla ħniena fil-ġewwieni mudlam, umduż, kiesaħ ta’ katidral iddedikat lill-Madonna għall-interċessjoni tagħna l-midinbin biex bis-saħħa tagħha nidħlu l-ġenna. Ġejna nfittxuh biex naqrawh u nifhmuh bħal kotba f’librerija. Raġel ta’ sebgħin jgħidilna li ilu minn mindu kellu ħmistax li nħakem mis-seħer u l-ġmiel ta’ dal-bini. Qalilna, ħarsu lejn il-ħġieġpitturi tat-twieqi maestużi, lejn l-istatwi tal-portal tan-Nofsinhar u aqraw. F’tieqa nilmħu ’l Kristu msallab fuq salib aħdar, għax l-għud għadu ħaj, maqtugħ minn siġret il-ħajja fil-Ġnien tal-Għeden. F’dal-katidral, id-dar favorita tal-Qaddisa Marija fuq l-art, hemm żewġ Madonni suwed u relikwa tal-velu tagħha; tul is-sekli stajt tagħmel pellegrinaġġ, titlaq timxi mill-bogħod biex tiġi tarahom u tqimhom. Ġol-art tal-ġebla tal-ġir, labirint imraħħam b’linji suwed li jiffurmaw tnax-il ċirku bi ħdax-il vija, maqsum f’erba’ kwadranti bħal f’salib, fuq l-assi weqfin erba’ dawriet, fuq dawk mimdudin tliet dawriet kull naħa, fin-nofs fjura b’seba’ ċrieki — in-numru sebgħa hu l-Verġni Marija — sitt petali u ċirku fin-nofs li fih, xi darba, l-insara ma ddejqu xejn juru x-xbieha tal-Minotawru u Teżew li rnexxielu jsalvana minnu. Il-plakka b’dix-xbieha m’għadhiex hemm għax waqafna nqabblu ’l Teżew ma’ Kristu u l-bestja mad-dnub, jew ’il Teżew magħna u l-ħajta ta’ Ariadne f’idejna mas-salvazzjoni b’tagħlim il-Knisja, don Sidtna Marija. Maċ-ċirku l-aktar wiesa’ kullana ppizzjata magħmula minn mija u tnax-il nofs qamar, imqassmin fi tmienja u għoxrin fuq kull kwadrant. Tmienja u għoxrin jum jagħmlu xahar il-qamar, il-qamar hu s-simbolu tal-Madonna, ta’ Kristu huwa x-xemx. Ix-xemx tinsab barra, tisreġ bla ħniena; għall-ħniena, it-tama u l-interċessjoni trid tidħol ġewwa, timxi t-tul kollu tal-passaġġ waħdieni tal-labirint li jwassal, dur minn hawn dur minn hemm, eżatt għan-nofs, u meta trid terġa’ toħroġ kemm terġa’ lura minn fejn ġejt. Int u dieħel terħi, fin-nofs tirċievi, fi triqtek lura għal barra tieħu miegħek li rċivejt. Sagra tassew dil-ġeometrija, ħolqien imfassal minn moħħ divin, minn id divina bl-użu tal-kumpass divin skont liġijiet sagri ta’ numri u proporzjon li l-ewwel ma nsibuhom fin-natura stess. Bihom nistgħu noħolqu anki katidral. La ħadd ma jidħol li mhux midħla mal-ġeometrija. In-numru wieħed huwa ċ-ċirku, bħal punt imwessa’, li jfisser l-unità divina tal-wieħed, il-kollox primordjali. Il-linja minn punt għal ieħor hi dik il-mixja min-numru wieħed għan-numru tnejn, dak l-akbar misteru tal-għaġeb li qatt ġie kkuntemplat ta’ kif mill-unità morna għad-duwalità, il-multipliċità, id-diversità madwarna li biha nħoloq l-univers. Il-ħolqien sar possibbli malli l-wieħed sar tnejn, għax jekk din t’hawn siġra, dik t’hemm xi ħaġa oħra għax siġra bħal din mhijiex. Tliet punti joħolqu l-ewwel forma, it-trijanglu. It-tlieta n-numru tal-ispirtu, tar-ruħ, tal-jien inviżibbli tagħna, imma wkoll in-numru tat-trinità. Jekk tqiegħed żewġ ċrieki wieħed fuq ieħor, biċ-ċentru ta’ wieħed jistrieħ fuq it-tarf tal-ieħor, jinħoloq bejniethom pont bejn id-dinja fiżika u dik metafiżika fil-forma ta’ lewża, bħal vulva, jew bużżieqa tal-awrina ta’ ħuta. U miċ-ċentri taċ-ċrieki sal-ponta tal-lewża bit-tliet linji ndaqs tifforma trijanglu. In-numru erbgħa jfisser l-erbat irkejjen tad-dinja fiżika, l-erba’ direzzjonijiet, l-erba’ elementi, u dan in-numru huwa l-ġisem, il-parti viżibbli tagħna. B’erba’ punti toħloq forma tridimensjonali. Tlieta u erbgħa jagħmlu sebgħa, tlieta għal erba’ darbiet jagħmlu tnax, in-numri mistiċi f’dil-ġeometrija divina u f’dan il-labirint kollha hemm qegħdin. Bħall-bużżieqa tal-awrina tal-ħuta u bħal-lewża, il-labirint huwa l-pont bejn id-dinja fiżika tal-bniedem u dik metafiżika tad-divin ħallieq. Il-labirint timxih għax jekk għandek l-inkwiet, solvitur ambulando, bil-mixi ssolvih. Dil-mixja att ta’ devozzjoni, simbolu ta’ vjaġġ il-ħajja, vjaġġ lejn Alla jekk trid. Din mixja għas-salvazzjoni, biex jiskot it-thewdin niffoka fuq id-divin. Sors ta’ meditazzjoni, esplorazzjoni spiritwali; nimxi tul il-labirint biex niċċara ħsibijieti, nikkalma l-moħħ xadina m’għandux kwiet. Niftaħ qalbi, inħoss sens ta’ paċi, nissoda riġlejja fl-art, nerħi moħħi jtir lejn is-sema. Dal-labirint pellegrinaġġ, vjaġġ lejn Ġerusalemm. Dil-mixja penitenza; nafda fit-triq taħt saqajja, kull pass bħal talba, kull dawra eżerċizzju spiritwali. Nimxi biex ġismi jsir wieħed ma’ moħħi, u moħħi ma’ ruħi. Biex insir strument ta’ ċarezza, ta’ ftuħ, ta’ bidla mill-għeruq ’il fuq. Biex nasal għall-fejqan tad-dinja magħdura marida madwari. Nimxi biex nasal fil-fjur tan-nofs, la nasal niċċelebra għax hemm insib mhux bestja imma dawl il-ġenna u l-fehim. Nintebaħ li l-kor u l-ambulatorju kienu magħluqin għar-restawr imma fejn diġà lestew stajna naraw li d-differenza hi tremenda. Fuq ġewwa, l-aħħar li l-ġebla kienet miżbugħa kien tliet mitt sena ilu. Iżda araha, il-ġebla, kemm kienet ċara, u kemm jixirqulha l-isfumatari ta’ aħdar, aħmar, isfar u blu. Qalilna, ir-raġelgwida, li qatt qabel dawn l-aħħar xhur ma kien rah imlewwen ferrieħi daqshekk. Imma l-kesħa, b’dawn l-ilwien u mingħajrhom, xorta baqgħet, tinsa li barra hemm xemx kiefra lesta ġġibek irmied.
L-għada, fit-tmien jum, dħalna f’tempju tal-arti, tgħaxxaqt nara xogħlijiet ta’ Modigliani, Kisling u Soutine, tal-aħħar għoġbuni biss l-uċuħ. Ħadna te bl-ispezji u tkellimna dwar il-biża’ mill-mewt, l-iżbilanċ ormonali waqt it-tqala, u kif x’aktarx ngħaddu biżgħatna lil uliedna. Bejn trab u trab hemm żmien għal kollox, żmien li tagħli, u żmien li tiżfen; kull ħaġa se ssib waqtha taħt das-sema. Il-ħajja hi l-kollox li jbiegħed il-mewt li tagħti lil kollox tifsira. Imxejna fid-dell tas-siġar tul il-kanal miżgħud nies mimdudin imħeddlin mis-sħana ta’ Mejju, oħrajn qlubin jilagħbu l-petanque, il-kliem dejjem jaqa’ fuq l-ikel, l-ulied u l-biżgħat. L-issa diġà kien; u dak li għad ikun ġa kien qabel illum. X’naqilgħu minn xogħolna tul ħajjitna? Waqafna għal biċċa torta tal-ispinaċi u plattina bil-patata l-forn. Il-ġurnata temmet mingħajr frott. Fid-disa’ jum żorna mejtin oħra, u sibna hemm midfun il-poeta ta’ dawn il-vrus: meta tmur torqod, sabiħa tiegħi swied id-dlam, f’qiegħ mafkar irħam iswed, meta darek kantina għall-ilma tax-xita, meta tieqatek ħofra mimlija vojt, meta l-ġebel — li jagħfas fuq sidrek beżgħan, fuq ġenbejk imrattbin minn kalma bellusija — iwaqqaflek qalbek milli tħabbat u tixtieq, u riġlejk milli jkomplu jimxu l-mixja ħajjithom, il-qabar li miegħu naqsam il-ħolm infinit tiegħi, (għax il-qabar jifhmu dejjem ’il-poeta), tul dawn l-iljieli twal imċaħħdin mill-irqad, jgħidlek: “Xi rbaħt, ja imperfetta kortiġġana, b’li ma sirtx taf għala jibku l-mejtin?” U erħilu d-dudu jmexmex ġildtek bħal rimors. Dħalt fi knisja, imbagħad f’oħra, infittex id-dell, is-skiet, il-mistrieħ, infittex xi ħaġa dejjem imma qatt ma nkun naf xiex. Dik il-lejla servewlna ħxejjex imsajrin mill-anġli f’zalza mħawra ħruq l-infern, serraħna griżmejna, għal darb’oħra, b’larinġ mgħarraq fl-ilma żahar. Fl-aħħar jum qomna għal ħlewwa zokkrija waqt li l-ktieb ta’ Mishima, dwar il-baħri li tilef il-kredtu mal-baħar u miet, qrajtu maġenb l-ilma tal-kanal. Xemx, xemx, kuljum xemx. Nieqaf naqra, u nikteb minflok il-ħsieb li l-poeżija — mistoqsija bla tweġiba, baħar bla tarf — tegħreq f’qiegħ ilmijiet l-arzell. Li l-aħmar u l-isfar, l-aħdar u l-blu jistgħu jikbru mis-siġar bħal frott imma biss jekk nemmen jien. Mal-aħħar vers qomt u bdejt il-vjaġġ lura d-dar.
#
Għadu Mejju imma t’issa, u mit-tieqa min-naħa ta’ ġewwa tidħol l-għanja ta’ żewġ għasafar huma u jħabirku jibnu l-bejta fil-friegħi tas-siġra fil-bitħa ta’ taħti. Jaslu mill-bogħod u jieqfu fuq il-ħajt ta’ faċċata u jpespsu. Jaqbżu għall-ħoġor tat-tieqa tiegħi u ninduna li għandom tentufiet griżi f’ħalqhom. Iħarsu naħa u oħra, imbagħad jaħsduni bin-niżla sparata sas-siġra. Għal ħin twil jieqaf kollox. Bilkemm nintebaħ li jkunu reġgħu taru xi mkien ’il bogħod. Ninduna biss meta jerġgħu jaslu fuq il-ħajt ta’ faċċata tiegħi u jibdew jgħannu, imbagħad b’qabża jiġu fuq il-ħoġor bi dritt wiċċi jekk inkun bilqiegħda mal-mejda, nikteb. It-tentufa issa ikbar u bajda. Insellmilhom. Ma jafux, x’aktarx, kemm isebbħuhieli l-ġurnata. Jgħannuli għanja l-ġmiel tagħha u mbagħad jinżlu sparati, kull darba ninħasad, nistħajjilhom qed jaqgħu. Jgħaddu l-jiem u issa wieħed minnhom biss jagħmel it-titjira lejn xi mkien ma nafx fejn, forsi ’l bogħod forsi mhux wisq, imbagħad lura, jgħannili waħda twila, jifli kull naħa u jispara ’l isfel. L-għasfura fil-bejta tistenna, kwieta. Jgħaddu l-jiem u l-għasfur jibqa’ jitlaq u lura, jgħanni l-wasla biex javżani li kien telaq u issa ġie. Jien inqum, nersaq lejn it-tieqa kif hu jabqeż mill-ħajt għall-ħoġor biex nistħajlu qabeż lejja għalija, imma naf li ftit sekondi wara se jagħti s-salt għas-siġra ta’ taħti. L-għanja mhix għalija, avolja għamiltha tiegħi. Nittawlilhom kuljum. Bil-weraq taż-żraġen ma narax sew x’qed jiġri fil-bejta, ħlief nilmaħ taħrika tar-rix iswed ta’ ġewnaħ l-għasfura. Jgħaddu l-ġranet, il-ġimgħat u jum minnhom, mal-għanja li drajt, nisma’ tpespis mhux tas-soltu. Niftaħ beraħ it-tieqa u nittawwal. Ir-rix iswed nagħrfu, u miegħu rix griż, eħfef, jitħarrek iktar maż-żiffa ħelwa ta’ Ġunju. Miċ-ċaqliċ ninduna li l-għasfura fellset u l-bejta mtliet ġmielha. L-itwal jum tas-sena jasal mimli għana. Ikomplu jgħaddu l-ġimgħat u l-għana nieqaf nistennieha. Ifettilli, jum minnhom, inħares ’l isfel u nara li l-bejta żvujtat u kollox donnu siket. Nistenna. Bil-ħerqa nistenna li Mejju jerġa’ magħna. Biex iż-żmien nidħaq bih nerġa’ noħroġ mid-dar.
#
Nimxi tul ix-xmara fid-direzzjoni ta’ tempju li jinsab fuq ix-xellug. Fuq il-mappa mixja qasira, imma nimxi kemm nimxi, it-tempju jibqa’ ’l bogħod. Il-mappa ttini t-tama, imbagħad tqarraq bija. L-għeja taqa’ fuqi mad-dlam li hawn jaqa’ f’daqqa. It-tempju nsibu magħluq. Inpoġġi nikteb, minflok, maġenb it-tieqa l-kbira li tħares dritt fuq ix-xmara, bil-pont fuq il-lemin, kull tant ħin tgħaddi dgħajsa ħamra, mgħottija, b’ħafna twieqi. La ma nistax nimxi, nikteb. Kull kelma li nniżżel nistħajjilha pass.
Inħares ’il fuq u nisma’ l-għajta ta’ Nakiryu, id-dragun impitter fuq is-saqaf tat-tempju fil-maqdes ta’ Toshogu, tidwi mad-daqqa tal-klavi jien u nsir naf dwar il-gwardjani Ċiniżi abbinati mas-snin — il-ġurdien, is-serduq, id-dragun… Barra mit-tempju, nimxi fil-kwiet lejn ix-xmara. Jaqbad jidlam malli naqsam il-pont biex immur infittex il-Jizo mlibbsin bil-kappun u l-vavalor aħmar skjerati maġenb xulxin tul it-trejqa qalb il-ħdura salvaġġa tal-foresta, bl-ilmijiet imqanqla faċċata tagħhom. Jgħidu li jekk ngħodd l-istatwi jien u dieħla u nerġa’ ngħoddhom jien u ħierġa, in-numri ma jaqblux. Nibda ngħodd imma hemm wisq minnhom u nieqaf. Nemmen li l-għajdut huwa minnu għax nistħajjilhom qed jieqfu jiċċaqalqu biss xħin inkun qed inħares lejhom jien; kull wiċċ b’ħarsa differenti minn tal-ieħor, se jibdluha malli nitlaq minn quddiemhom. L-ilma jkompli jitqanqal u, f’dak il-punt magħruf bħala l-Abbissi, tant isir feroċi li jtarraxli widnejja. Kalma fuq naħa, qilla fuq l-oħra. Ilni nixxennaq li nkun hawn.
L-ebda staġun mhu aqwa minn ieħor għal żjara fit-Tempju tat-Tlieta u Tletin Spazju Bejn Kolonna u Oħra; fih għaxqa s-sena kollha. Imma nżuru kmieni filgħodu, malli tiftaħ is-sala, f’jum sajfi ta’ sema mikxuf, u nilmaħ dijet ix-xemx hekk kif tolqot id-deheb għasli tal-elf figura u waħda ta’ Kannon, l-alla tal-ħniena bi ħdax-il wiċċ u l-elf driegħ. Fuq ġewwa, it-tempju bħal foresta f’ħolma. Nidħol. Fuq naħa l-alla tar-ragħad, fuq l-oħra l-alla tar-riħ, bejniethom ordni, kalma u hena fuq l-uċuħ tal-ispirti-għassiesa tal-ġmiel, l-għerf, il-prosperità, il-karità, is-saħħa, l-armonija. Jekk inqimhom, nagħtihom ġieħ, in-natura tkun ħanina miegħi. Xufftejja jfittxu kliem ta’ qima hekk kif merżuq jinfiles mill-ewwel xaqq li jsib, u sparat jolqot id-deheb warajhom. It-tempju jsir ħuġġieġa imma għajnejja ma nbexxaqhomx. Ngħodd il-figuri dehbiena skjerati waħda ħdejn l-oħra, kull wiċċ mhux bħall-ieħor, kull ħarsa hienja. Fl-eluf ta’ jdejn nilmaħ mera li tqanqal l-għarfien, qamar li jżomm ’il bogħod is-semm, xemx li tbiegħed il-mard tal-għajnejn, sħaba mlewna għal ħajja twila, skutella ċkejkna għall-uġigħ ta’ stonku, fergħa minn siġra tas-safsafa li tfejjaq il-mard, id miftuħa b’xejn fiha għal kontra l-ansjetà, mannara tal-ħadid ħalli tiżgiċċa l-għawġ, vleġġa biex tlaqqagħni ma’ ħbieb ġenwini, kunjett għall-armonija bejnietna, għanqud għeneb għall-barka tan-natura, żibeġ tat-talb għall-protezzjoni, rota biex kollox jimxi ’l quddiem u qatt lura, qanpiena għal vuċi mill-isbaħ, siġill biex żgur nartikola ruħi sewwa, sunnara biex naqbad id-draguni krudili, fjura tal-lotus bajda biex nirnexxi, fjura tal-lotus vjola biex niltaqa’ mal-Buddha, xabla għal kontra l-ispirti mxajtna, qaws li jkattar l-unur, ġarra tal-ilma li tlaqqagħni ma’ mexxejja tajbin, tarka għal kontra l-bestji, lanza li tegħleb lir-ribelli, xbieki biex bihom nikseb il-paċi dejjiema.
Jilqgħuni dija tgħammex u riħ sħun. Mal-ewwel pass inħoss il-ferħ ta’ meta nterraq waħdi. Naqra dwar il-qabar ta’ mara devota li għexet ħajja diffiċli bħala prostituta, il-leġġenda tirrakkonta li minn ġisimha warrdet fjura tal-lotus. Fiċ-ċimiterju ħemda sabiħa ħlief għall-werżieq. Il-qabar tal-mara tal-leġġenda ma nsibux imma jien ma dħaltx infittxu. Ftit ħin waħdi f’daċ-ċimiterju qalb l-erwieħ, bilkemm tinduna bina mit-triq. Inkompli miexja sa ma nasal fit-tempju fejn tgħammar l-ikbar statwa tal-injam tal-Buddha fil-pajjiż kollu. Nitla’ fuq, nitfa’ munita, nieħu l-bqija waħdi għax m’hemm ħadd mal-flus u nsib quddiemi l-Buddha bit-Tmun tad-Deheb, magħmul mill-injam taċ-ċipress, għoli għaxar metri u tmenin ċentimetru, jiżen tletin tunnellata. L-istatwa mhix antika kif ħsibt, jien ixjeħ minnha. Nilmaħ mal-ħajt warajh ħamest elef Buddha żgħir. Ngħaddi minn daħla fuq ix-xellug tal-pedestall, mal-ħajt nilmaħ impittrin aħmar u iswed xjaten imqanqlin jagħmlu ħerba mill-bnedmin u Buddha f’nofshom bi lwien imdawla, bojod u dehbien. Fit-tarf l-ieħor nintebaħ li l-mixja tkompli minn fetħa mudlama fejn l-ebda dawl m’għandu qatt jinxtegħel. Nipprova nidħol imma d-dlam, ċappa swidija magħquda, jbeżżagħni. Jaslu tlieta, nitlobhom nimxih magħhom dal-passaġġ mudlam. Jiggustawni, jieħdu ħsiebi imma d-dlam ikexkixni u nerġa’ lura. Huma jkomplu jimxu mingħajri, bil-mod, bl-għama, u jaslu fi mkien imdawwal. Jien minn hemm ikolli ngħaddi biex noħroġ, imma kif? Nibża’ issa mhux mid-dlam imma l-għeluq. Irrid noħroġ minn hawn, imma kif? Inħares madwari u nilmaħ xemgħa żgħira tnemnem dawl bati quddiem waħda mill-pittura tal-aħħar. Niġborha u ngħattiha bil-pala ta’ idi kemm naqta’ ħarira mid-dlam u nagħmel kuraġġ. Nidħol. Malli nibża’, ngħolli kemm kemm il-pala ta’ idi, indawwal ftit it-triq quddiemi u nkompli. Nitlef għalkollox il-punt ta’ li nafda sa ma ssib id-dawl, imma jwaħħxuni d-dlamijiet u l-inċertezzi li jġibu magħhom. Ir-rotta qasira. Tulha jittawwal mid-dubju u l-mixi bil-mod, u l-immaġinazzjoni tagħmel bija. Statwetta tal-Buddha nsibha tistennieni fid-dawl bati, imbagħad noħroġ f’kamra żgħira b’iktar immaġnijiet, iktar statwi u iktar dawl. Inqiegħed ix-xema quddiem l-istatwetta u nitlob maħfra għal dgħufiti u biżgħati. Inħares lejn wiċċ l-istatwetta sa ma nħoss li nista’ naħfer lili nnifsi, imbagħad ngħolli ħarsti ’l fuq. Ninduna li dal-labirint imdallam hu minqux taħt l-istatwa l-kbira tal-injam, il-passaġġ jinsab ġo fiha stess. Malli nfeġġ lura fis-sala, insib lit-tliet min-nies tal-ewwel iħarsu lejja, jifirħuli u jċapċpuli talli fdajt u mxejt. Inħoss li qarraqt bihom. Naf li qarraqt bija nnifsi. Insellmilhom u nerġa’ nħares ’il fuq, lejn wiċċ il-Buddha. Fuq ħajt fil-kamra mal-ġenb nara wirja ritratti tat-tiswir tal-istatwa, mill-wasla tal-injam tas-siġar taċ-ċipress, donnhom għadhom kif inqatgħu friski, sa ma tlestiet ir-ras bl-għonq twil taħtha u ddaħħlet f’postha. Mir-ritratti ninnota li fuq wiċċu l-Buddha għandu l-mustaċċi rqaq, ma kontx ilmaħthom fuq l-istatwa nnifisha. Nerġa’ nidħol fis-sala nifliha. Iva, għandu l-mustaċċi rqaq ħafna.
Inqumu nieklu d-dulliegħ kiesaħ u nixorbu t-te aħdar bil-lest biex inżuru x-Xmara Gifu u ninżlu ngħumu fiha. Qatt m’għomt fi xmara. Il-pajsaġġ narah jinbidel aħna u nitbiegħdu mill-belt u noqorbu l-ħdura qamħija tal-kampanja, l-aħdar karg tal-foresta. Nimxu tul trejqa qalb is-siġar. Mal-ġenb kanal dejjaq ta’ ilma ġieri, kemm kemm toqgħod sieqi, l-ilma baxx, inġazzat, dħalt nimxi fih. Kaskata ħjiel ta’ qawsalla nieżla f’għadira mfawra ċara kristall. Nixxabbat mal-ġebel u ninżel fl-għadira nbaħbaħ wiċċi fl-ilma bi lwien il-qawsalla maqbudin fih. Insir naf li mhux permess ninżel hemm, għax dal-post perikoluż, għax dal-post sagru. Inkomplu nimxu max-xmara u nieqfu fejn mhux perikoluż basta noqgħod b’seba’ għajnejn għax il-kurrent jitqawwa u joħodni. F’idejna basktijiet xugamani, ġkieket tas-salvataġġ, dulliegħa, ħjar u tadam x’nieklu, u te x’nixorbu u bastun tal-injam biex meta jsir il-ħin, nagħtu d-daqqiet fuq id-dulliegħa bih, b’għajnejna mgħammdin, u min jirnexxilu jaqsamha jirbaħ, imma ma nifhimx xiex. Ninżlu t-taraġ u nimxu, qaddna fl-ilma u l-basktijiet fuq rasna, biex naslu sal-blat. Is-sħana mhux wisq qalila, fl-ilma nħoss qalbi tieqaf bil-ksiħ. Ilma ħelu, ċar, nadif. Nintelaq fih, ingawdih. Id-dulliegħa u x-xorb inħalluhom fl-ilma ħa jibqgħu friski, inpoġġu fuqhom ġebla minħabba l-kurrent. Il-ħoss tal-ilma jserraħni. Nistħajjilni mitluqa bħal mera maħlula f’għadira mfawra. Il-ħin jieqaf u jien għadni hemm. Arani. Għal jum wieħed biss li għadu għaddej, dal-post mimli dija u rwejjaħ ifuħu, indafa u freskezza, bil-ħoss li jtarrax tal-ilma ġieri u t-twerżiq tal-grillu li mhu se jieqaf qatt, huwa tiegħi, għalija biss. U meta jsir il-ħin, se nqum u noħroġ mill-ilma biex nitla’ nagħti xebgħa bastun lid-dulliegħa friska sa ma naqsamha u nikolha, imbagħad immur lura d-dar.
#
Id-dar m’għandix kwiet, malli ġewwa nixtieqni barra. Nixxennaq li naqbad tal-linja u nitla’ sal-Belt, imma hawn ġa ngħix fil-qalba ta’ belt u naf kull triq, sqaq u pjazza madwari. Il-kontinent ċekkintu f’belt li rġajt ċekkintha f’raħal li sar jaqtagħli nifsi tant nafu. Nixxennaq li nerġa’ nitbiegħed biex għajnejja jaqgħu fuq xenarji li la naf u lanqas għadni drajt. Ma rridx nimxi l-istess mixjiet, tul l-istess mogħdijiet tal-belt, il-mixja mal-kanal, il-mixja sal-katidral, il-mixja sal-mużew tal-arti li għad irid jiftaħ. Jgħaddu l-ġimgħat bl-istess xenqa li naf li ma nistax nissodisfaha sa ma niftakar li hemm bliet oħra li nista’ nżur minflok. Naqbad ferrovija, nistħajjilha tal-linja sserrep it-toroq ta’ Ħal Għaxaq, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid, li dejjem ifakkruni fl-ewwel darba li għaddejt minnhom fil-vann tal-iskola, niġbru l-bniet bħali li konna mmorru l-iskola tas-sorijiet ta’ San Ġużepp. Il-vjaġġ bil-ferrovija inqas minn nofs siegħa, fi tfuliti daqshekk ukoll kien jieħu biex mir-raħal nitla’ l-Belt. Noħroġ mill-istazzjon u l-pjazza, għalkemm nafha, ilni ma naraha, u qalbi tibda tfur. Ġejt hawn bit-tir li nżur l-Abazija Premostratensi Norbertina mis-seklu tnax, illum magħrufa bħala l-Abazija tal-Park. Nixxennaq li nitla’ l-Belt imma riġlejja joħduni għall-kwiet, f’komunitajiet qodma lil hinn mill-bliet. Il-mixja sa Heverlee toħodli tliet kwarti, u iktar ma noqrob, iktar inħalli warajja l-bini, il-karozzi u t-toroq storbjużi tal-belt. Naqsam pont li jagħti għal fuq mogħdija tal-ferroviji u n-naħa l-oħra nilmaħ il-baqar għażżenin jirgħu f’għelieqi li daż-żmien tas-sena jkunu ħodor jgħammxuk. Malli ngħaddi mid-daħla prinċipali, Bieb San Norbertu, għall-qaddis fundatur, inħoss l-ewwel taqtiriet xita u nikser fuq ix-xellug biex immur dritt għall-abazija. L-istorja tal-post tibda bix-xogħol tal-biedja u l-ħidma tal-art għaż-żrigħ li wettqu l-ewwel patrijiet biex jitimgħu l-poplu fqir tal-madwar. Nistaqsi, malli nasal, hawnx kamra fl-abazija għal ftit jiem ta’ rtir, diġà naf li m’għandhomx. Il-mara tweġibni li m’iniex l-ewwel u lanqas tal-aħħar li qed nistaqsi għaliha iżda għalissa kamra għall-kiri għad m’hawnx. Naqta’ l-biljett u nidħol fil-qalb tal-abazija indur minn kamra għall-oħra, nimxi tul il-kuritur bit-twieqi mpittrin li jagħtu għal fuq il-bitħa interna mdawra bil-loġoġ, nieqaf inħares lejn lavabo ikħal kbir imqiegħed fil-ħajt li kien itella’ l-ilma mill-bir fil-kantina taħtu, użat mill-patrijiet li kienu jieqfu jaħslu jdejhom qabel jidħlu jieklu fis-skiet. Nidħol fir-refettorju bil-pitturi xogħol Claude Duplessis il-wisa’ u l-għoli tal-ħitan, l-aktar li laqtitni dik tat-tieġ ta’ Kana, u bix-xena tal-aħħar ċena bl-istukko fin-nofs tas-saqaf. Nitla’ fl-ewwel sular inżur ir-residenza tal-abbè, bil-kappella privata tiegħu, il-librerija xkaffa fuq oħra mimlijin kotba, fuq wara bieb żgħir li jagħti għal kamra sigrieta fejn l-abbè kien jaħbi t-teżori, l-uffiċċju u l-kamra tas-sodda li wkoll għandha bieb żgħir li jwassal għall-kamra sigrieta. Nitla’ fis-sular li jmiss u ftit turġien oħra biex nasal fil-librerija bl-art tal-injam iżaqżaq, bis-suffitt tal-istukko bħal tar-refettorju mis-seklu sbatax kollu xenarji altoriljiev, xogħol Jean Christian Hanscke, mill-ħajja ta’ San Norbertu. Kmamar fil-fatt, hawn kemm irrid, mhux li kellhom iwarrbu waħda għal nisa bħali li jixxennqu għal ftit jiem għall-ħsieb fil-kwiet.
Fil-kmamar tar-riċevimenti nżur il-wirja dwar l-estasi u l-istorja tal-mistiċi nisa mis-sekli tlettax u erbatax mill-bliet ta’ dawn l-inħawi, irrakkuntata minn waħda minnhom, Lutgarda minn Tongeren. Minn fomm Lutgarda nitgħallem dwar ix-xorti, tajba u ħażina, ta’ Christina Mirabilis, bil-Malti nsejħilha Kristina Tal-Għaġeb, li ta’ tnejn u għoxrin sena mietet imma qabel indifnet b’miraklu reġgħet irxuxtat b’saħħa liema bħalha. Lura qalb il-ħajjin, għażlet li titbiegħed mid-dinja tal-bnedmin, iżda l-aktar minn dik tal-irġiel, u sabet kenn fin-natura salvaġġa, qalb is-siġar fil-għoli, dejjem fil-għoli biex taħrab mir-riħa tinten ta’ dnubiet il-bnedmin. Jekk ma kinitx issib siġar ma’ fejn titla’, kienet tfittex l-għoli tat-torrijiet u l-kampnari, dejjem tixxabbat qisha għafrid tant li ħasbuha maħkuma mid-dimonji. U għalhekk ġrew warajha, qabduha u rabtuha bi ktajjen tal-ħadid biex tieqaf tagħmel fattiha u ġegħluha ssofri kastigi u tbatijiet. Lejl minnhom inħallu minn magħha l-ktajjen u reġgħet ħarbet lejn il-foresti fejn għexet fil-għoli tas-siġar, ħielsa ferrieħa bħall-għasafar. U meta bdiet tbati l-ġuħ, għażlet li xorta ma terġax lura fil-belt, iżda tibqa’ waħedha fil-ħelsien tal-imwarrab, issofri u titlob. It-talb tagħha nstema’ u sidirha, li sa dak iż-żmien kien niexef u verġinali, issa sabitu mimli ħalib bnin li sqieha għal disa’ ġimgħat sa ma reġgħu sabuha niesha, li qabduha u bħal qabel rabtuha bi ktajjen tal-ħadid. Imma kien kollu għalxejn għax il-ktajjen reġgħu nħallu u, ħielsa, ħarbet, did-darba lejn il-belt ta’ Liège.
#
Inżur tempju fil-belt fejn ix-xmara tofroq kontinent minn ieħor. L-ewwel ma nintebaħ bl-irwejjaħ u l-ħwawar; induq il-ħlewwiet u l-kafè, inħoss il-ksieħ. Nitwennes bid-dehra tal-moskej u tal-qtates dħulin-għażżenin tat-triq. Bil-qastan, il-qamħirrun, iż-żafran mill-Iran, 28 lira l-gramma. Il-ħut mixwi fit-toroq. L-għasir tat-tronġiet u l-larinġ fid-daħliet tal-ħwienet. Fuq l-imwejjed il-bżar mixwi, il-brunġiel moħxi bl-għads, ir-ross imgeżwer fil-weraq imfewwaħ tad-dielja. Fuq l-ixkafef irqaq tal-ħġieġ plattini kkuluriti bil-ħlewwiet: il-pudina axxura minn nisel Noè, ikla tal-foqra bit-tilqit ta’ żrieragħ, ċereali u frott imqadded, servuta lill-ġirien u ’l-qraba biex il-mejtin ma jintesewx, imsajra mill-ommijiet ta’ tarbija malli tfiġġilha l-ewwel sinna u mogħtija lill-ħbieb, ’il-maħbubin u ’l min m’għandux x’jiekol biex jiżżu ħajr ’l Alla li skansaha minn kull għawġ; il-pastini tal-lewż bħalma niftakarha tagħmilhom ommi għal żmien il-Milied; il-lakumja bi lwienha mitfija mit-traxxixa ħafifa taz-zokkor fin; il-ħalwa ġunġlija ramlija u żejtnija, tqattar ħlewwitha għaslija riħitha ta’ ward u tqanqal tifkiriet minsija tat-tfulija. It-tfal. It-tfal narahom kull fejn inħares. Dal-pajjiż, mat-twelid tiegħu, ġie ddedikat lit-tfal u llum festa pubblika, Jum is-Sovranità Nazzjonali, imma wkoll Jum it-Tfal. Fit-toroq parati, fil-pjazez ċerimonji tat-tfal. Illum, għal-lum biss, it-tfal jokkupaw is-siġġijiet fil-parlament, ifasslu programm elettorali, jaħtru president minn fosthom biex jagħmel diskors nazzjonali. Illum, għal-lum biss, it-tfal jiggvernaw il-pajjiż u sal-aħħar tal-jum jingħataw rigal.
Ma’ sbiħ il-jum, nitgeddes għas-sħana fil-ġakketta kkuttunata u nimxi bil-mod lejn il-binja Ottomana li ġejt apposta għaliha, tempju b’koppla fuq oħra, ħitan imżejna b’nofs koppla ħdejn oħra u sitt minaretti m’ogħl’hawn. Il-moskea tas-sultan, mill-bidu tas-seklu sbatax, nistħajjilha miraġġ fantastiku ġej lura mis-seklu sebgħa u għoxrin. Nistagħġeb mill-bogħod bil-ġmiel, mill-qrib nitgħaxxaq bil-kobor. Malli nsib ruħi fuq ġewwa nistħajjilni maqbuda f’ġeometrija minsuġa ta’ bizzilla imlewna, iffjurita. L-ilwien ilellxu, jgħammxuni, jinkuni. X’nista’ nagħmel jien b’dal-ġmiel? Nitpaxxa bl-ikħal kobalt tal-madumiet miċ-ċeramika maħduma Iznik, bil-fjuri mpittra mas-soqfa u l-ħitan, bit-toqol massiv tal-kolonni li jerfgħu ’l-koppli mdaqqsin. Il-ġewwieni ta’ dil-arkitettura ma jfakkarni xejn fuq kif rajtha minn barra. Jistordini l-vojt tal-ittundjar tas-saqaf fil-għoli fuq rasi, tistordini l-irquqija tad-dettall u r-ripetizzjoni tad-disinn stilizzat, it-tlellix jagħmel bija, imma m’għandi ma’ mkien fejn inserraħ. Ingedwed minn taħt l-ilsien, ma rridx ninsa, ma rridx ninsa. Il-linji, id-disinji, l-arabesk ornamentali bil-liedna u l-friegħi, il-weraq u x-xenxul deħlin u ħerġin minn waħda għall-oħra, ripetizzjoni ritmika ossessiva ta’ spiralli u dawran tal-qtugħ ta’ nifs. L-interzjar, l-ilwien ikanġu, id-dwal bħal fati ferrieħa mill-fanali fuq rasi. Il-minbar imtarraġ indurat għall-prietka ta’ nhar ta’ Ġimgħa, il-miħrab imqiegħed fil-ħajt. Iċ-ċeramika donnha ilma, il-ġebel donnu njam, l-injam donnu drapp, l-ilwien donnhom dwal. L-art ħamrija ħamranija miksija b’mgħaseb u fjuri rqaq; nistħajjilni qed inxommhom sa ma nintebaħ bl-irtubija tat-tapit.
#
Il-masġar ġie qabel il-maqdes. Inbena biex jipproteġi s-siġriet li fihom jgħixu l-ispirti sagri, is-siġriet imħarsin mill-allat, mill-qaddisin, u silet minnhom ftit qdusija. Fl-Abazija tal-Kamra ta’ Sidtna kienu jgħixu s-sorijiet Ċisterċensi, mill-bidu tas-seklu tlettax sa ma tkeċċew waqt ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Kont naħseb li msemmija għall-bosk viċin tagħha iżda sirt naf li isem il-bosk tathulu hi għax kienet hawn qablu. Qabel ma l-bosk sar bosk fis-seklu dsatax — biex in-nies jiġu jippassiġġaw qalb l-aġġru, is-safsafa, il-fagu, iċ-ċedru, il-betula, il-ballut, u jieħdu nifs nadif mid-dħaħen tal-belt — kien hemm il-foresta u kienet tissejjaħ b’isem ieħor. Il-masġar l-ewwel, imbagħad il-maqdes.
L-abazija mdawra b’ġonna kbar, imtarrġin naħa minnhom fl-istil Franċiż tas-seklu sittax. Dawn il-ġonna nbnew ħafna wara l-abazija nnifisha, meta l-abessi tahom li l-post jibdluh għalkollox u jibnuh mill-ġdid b’ġonna grandjużi mogħnija b’daħla u turġien monumentali. Spiss niġi sal-Abazija tal-Kamra; fil-kesħa tal-jiem qsajrin f’Diċembru, fid-dija tal-jiem twal f’Ġunju, fil-ħedla ta’ Santa Marija f’Awwissu. Inżuru biex nimxi tul il-ġonna tagħha, imfasslin b’mogħdijiet għal mixi li bi pjaċir inħossu jtawwal iktar milli nkun qed nistenna. Drabi nibda tiela’ min-naħa t’isfel tal-ġnien imtarraġ, nippassiġġa min-naħa għall-oħra tal-ġnien ikkurat u mżejjen tant li jnessik kif veru tidher in-natura. Ngħaddi, imbagħad, mit-trejqiet fil-ġnub li joħduni minn livell għall-ieħor u nasal, fl-aħħar, fl-ogħla parti tal-kumpless kollu fejn niltaqa’ mal-monument iddedikat lil Camille Lemonnier, insellimlu dejjem għax nafu bħala wieħed minn tagħna. Minn hemm fuq inħares lejn il-firxa kbira tal-artijiet tal-abazija. Drabi oħrajn nibqa’ biss isfel, nibda mill-parti magħrufa bħala l-passiġġata tal-abessi, inpoġġi fuq wieħed mill-bankijiet nitgħaxxaq bis-siġriet imqegħdin f’żewġ ringieli faċċata tiegħi, tnejn oħra warajja, bil-parti t’isfel taz-zokk miżbugħa bajda għall-kontra l-mikrobi, il-fungi, l-insetti qerrieda u l-qilla tax-xemx. Jew nimxi madwar il-vaska msejħa tal-papri imma jien wiżż biss dejjem rajt, u tul il-passaġġi moħbija tal-masġar warajha, minn qalb is-siġriet tad-dorf u l-qastan, nasal sa ħdejn il-kappella ta’ San Bonifazju u nerġa’ nimxi lura. Nidħol fil-knisja, imbagħad ngħaddi minn bieb fil-ġenb biex inżur, sa fejn nista’, il-klawsura. Nistaqsi hawnx kamra, fil-klawsura jew fl-abazija, għal ftit jiem ta’ rtir, jgħiduli li għalissa għad m’għandhomx, għaddejjin bix-xogħlijiet. Nimxi tul il-kurituri u naqra dwar in-nisa nobbli sorijiet li għexu hemm u baqgħu mfakkrin b’isimhom fuq il-ħġiġiet imlewnin tat-twieqi ta’ madwar il-bitħa interna. Għaddej bħalissa l-pellegrinaġġ għall-ġubilew tat-tama, jibda mill-Knisja ta’ Sant’Andrija u jtemm fil-Katidral. Din l-abazija hija t-tieni waqfa, u tfakkar fis-sagrament tal-magħmudija li toffri lill-mgħammdin id-dawl li tul ħajjithom jgħinhom jagħżlu t-tajjeb mill-ħażin. Fl-aħħar nerġa’ lura fil-ġonna li qatt ma nixba’ minnhom, nitgħaxxaq nifli s-siġar u l-fjuri mill-viċin, nipprova naqta’ isimhom, nivvintalhom wieħed jien. Qalb dil-ħdura nitbattal minn kull ħsieb ta’ inkwiet, inħossni niġi f’tiegħi. Taqa’ fuqi kalma, inħoss il-kwiet madwari, inħossni nistrieħ, nibda nagħraf x’inhu tajjeb, x’inhu ħażin f’ħajti ta’ kuljum. Inkompli nimxi bil-lajma, kultant inħalli l-ponot ta’ subgħajja jmellsu zokk, werqa jew petala. Qabel nitlaq infesfsilhom li għalija kull waħda minnhom hija sagra, u li huma t-tempju li ġejt inżur.
#
Ngħaddi għall-ġnien imdaqqas bi sqaqien ċipressi u ġardina wara l-oħra bis-siġar tal-frott. Ħadt ħsiebu u minn art għall-biedja bdiltu fi ġnien sfiq, imlewwen u ffjurit. Żrajt żrieragħ tal-peprin, tal-ġirasol, tal-krexxuni. Fir-rebbiegħa ħawwilt il-basal tar-ranċis, il-ward ta’ Malta u s-safsafa. Partatt ma’ ġardinara oħrajn żrieragħ u żraġen, pariri u għarfien dwar l-indukrar tal-fjur. Bnejt serra u ppropagajt il-fjurdulis, il-lavanda, il-leblieba kaħla, il-peonji, il-margeriti tal-ħarifa, il-papoċċi tat-tliet werqiet, il-kamelji, il-pimpinelli, il-kriżantemi, għajnejn Santa Luċija, il-bamja Melliħija. Il-ġnien ikkurajtu b’għajnejn pittur, għattejt kull pulzier bil-weraq ta’ pjanti li t-tul taċ-ċiklu jvarja minn staġun, għal sena, għal tnejn. Ħawwilt il-fjuri bl-akbar reqqa biex malli jinxfu wħud jiftħu oħrajn; bħal tila ġdida, b’taħlita mqanqla ta’ rwejjaħ friski u ġigġifogu ta’ lwien. Tfajt għajnejja, imbagħad, lil hinn u lmaħt art mistagħdra b’għadira żgħira li minnha l-bdiewa kienu jisqu ’l-bhejjem. Issaħħart infantasha fi ġnien imtarraġ Levantin, imżejjen bl-ilma, bl-injam, bil-ġebel, biċ-ċagħaq u biż-żrar. B’materjali mqaddmin li jfakkruna li l-eżistenza tagħna fraġli u li ż-żmien għaddej u ma jieqaf għal ħadd: jista’ jkun ġa se ngħib met’ilni hawn biss il-ħin li qatra nida ddum isserraħ ma’ werqa tal-lotus? B’veduta misruqa tal-quċċata tal-muntanja bir-rovini tal-monsteru fil-bogħod. B’pajsaġġ replikat fih li jqanqal l-għajnejn u r-riġlejn ta’ telgħat u nżul u b’artijiet invell. Inħallihom ifakkruni fil-muntanji u l-għoljiet, fil-widien, fl-għelieqi u l-witat. B’kaskati ta’ ilma ġieri kull waħda mitfugħa minn għoli differenti, titgerbeb fuq blat taħsbu mqiegħed bl-addoċċ imma maħsub biex jitqanqlu widnejja jisimgħu s-sinfonija tal-ilmijiet. B’żewġ pontijiet imqawsin biex naqsam l-għadira minn fuq, u ġebliet bħal gżejjer fl-ilma biex nimxi sa nofsha meta nixxennaq għall-baħar, li n-nuqqas tiegħu hu l-akbar għafsa ta’ qalb minn mindu ħallejt warajja raħal tfuliti. Bl-għeruq tal-lotus fil-fond mimli tajn tal-għadira biex niftakar fil-miżerja tal-bniedem, u bil-bjuda ta’ fjuritha f’wiċċ l-ilma ngħanni l-qalb safja jekk ħajti ngħixha man-natura f’armonija. Mad-dawra tal-għadira nżejjen bil-fjurdulis u bil-ġilji tal-ilma fi sfumaturi ta’ aħmar, roża, vjola u lavanda. Insib post għall-klematis Ġappuniża u għall-kaboċċa, għalija ġojjelli t-tnejn li huma. Nistieden f’dal-ġnien il-mazzarell, il-werżieq, il-brimba, il-baħrija, il-ħanfusa, il-musbieħ il-lejl, il-farfett. B’kull element li nżid nistinka biex nikseb l-akbar effett. Fuq ġewwa nibni niċċa u hemm inqiegħed ċagħqa kbira fuq ċagħqa żgħira, nixgħel xemgħa quddiemhom u kull meta ngħaddi minn hemm nieqaf, siekta, nitpaxxa bil-ġmiel tal-ġnien, naqrah bħal ġrajja fi ktieb, niskot u nħallih jgħannili għanjietu. Nimmedita dwar iċ-ċokon tiegħi u niftakar li dal-ġnien hu biss minjatura tan-natura u nifhem kif il-qies tiegħi għandu jirrelata b’mod rispettuż u dinjituż mal-immensità tagħha għax għalija l-akbar kobor hija hi. Infassal kull rokna biex tidher l-isbaħ minn fejn ninzerta nkun wieqfa, imma wkoll nostorha biex ma tidher minn ebda mkien ieħor, inħalliha tinkini jien u nedha nerġa’ nfittixha. Meta l-ħolma nwettaqha mmur nixtri iktar żrieragħ, tal-ġjaċint kewkbi, l-istramonju, l-epilobju, ir-riħan. F’dal-ġnien, f’kull ġnien, ninqata’ mill-ħsibijiet u t-thewdin, nintilef nitpaxxa bl-ilwien, ingawdi l-irwejjaħ u l-ħsejjes. Naf min l-art iħaffruha, jum wara jum iħaffruha, lejl wara lejl iħaffruha imma qatt ma jfaħħruha u għorrief jibqgħu ma jsirux. La jgħannulha l-oħla għanjiet, la jlissnulha l-isbaħ kelmiet. Iħaffru biss fis-skiet. Iqanqlu, minflok, il-korla tal-irwiefen, u ’l-ibħra jifferuċjaw. Jiena nħaffer, inti tħaffer, id-dudu jħaffer, u l-għannej jgħanni biss li aħna lkoll inħaffru, inħaffru għal xejn u għal imkien ħlief biex inħaffru lejn xulxin. Fejn imur dak li ma jmur imkien? Mhux jien. Mhux jien. Jien immelles il-ħamrija niedja u ngħannilha b’tifħir f’qalbi u dmugħ f’għajnejja biex inbiegħed minni l-ħsejjes li jgħattnu u jtarrxu tal-magna bla heda medhija titħanżer bil-bejgħ, ix-xiri u l-qliegħ.
Ġnien tal-ħolm kont darba pittirtu fuq tila għal re li mkien ma kien imur mingħajr il-buffu tiegħu. Qalli, il-buffu, li r-re xtaq ġnien impitter għalih, imma li kien hu li se jgawdih. Għax jien il-buffu, le roi c’est moi! Dar-re xejn ma kien maħbub u l-ħdura tiegħu, li mhix il-ħdura tal-ġonna, tas-siġar u tal-pjanti, kienet magħrufa mal-irkejjen kollha tal-kontinent. Ried ġnien irjali, impitter imma reali, u riedu biex jiffanfra u jitkabbar mar-rejiet tar-renji l-oħrajn. Ried mhux biss ġnien iżda kumpless ortikulturali vast fuq artijiet li jagħmlu parti mid-dominju rjali, mhux wisq ’il bogħod, però, mill-palazz tar-re, u li jiftaħ fuq il-belt minn masġar-fruntiera. Ried parti bħala ġnien tal-frott irjali, oħra biex il-pjanti eżotiċi li kien jisraq b’arroganza tal-għaġeb mill-kolonji jkunu jistgħu jidraw il-klima, u oħra għall-kultivazzjoni tal-fjuri ornamentali biex iżejjen u jfewwaħ is-swali u l-kurituri vasti tal-bosta residenzi rjali. F’din l-istess parti, qalli, ried ukoll ġardina rikreattiva għan-neputijiet tar-reġina. Il-ġnien pittirtu kif xtaqu, fassaltu fuq linji li jimxu, uħud dritti uħud iserrpu, mit-truf lejn l-assi tan-nofs. Ħawwiltu bi xtieli varji, jibdew minn dawk l-iktar spontanji u li jeħtieġu l-inqas attenzjoni għal dawk l-iktar ortikulturali, imbagħad dawn iwasslu l-għajn sal-isfond ta’ xenarju panoramiku spettakolari. Meta lestejtu urejthulu, ammirajna l-weraq ħadrani jkanġi u d-dija tax-xemx fl-ilmijiet tan-nixxiegħa, is-sħab qotni u t-tjur sewdiena fis-smewwiet, it-trejqiet imserrpa jgħibu fil-bogħod, l-għar f’qiegħ muntanja fejn jgħammar għafrid. Is-siġar twal li, s’issa, kienu qed iħaxwxu bil-mod fir-riħ f’daqqa waħda waqfu. Is-sħabiet ukoll ma tħarrkux; twal, ħomor fis-sema, u bħallikieku kollox kullimkien sospiż fis-skiet. Għedtlu lir-re, ejja idħol ippassiġġa fih ħa tgawdih dal-ġnien irjali mpitter imma reali; imma beża’, qalli le. Forsi ġmielu stħajlu qarrieqi jew twerwer mill-għafrid. Forsi ried jammira ġmiel il-pajsaġġ biss mill-bogħod. Jew forsi ħasibni qed niżboxxla, m’emminnix. Il-buffu kien donnu mmeraviljat. Issaħħar, ħa l-ewwel pass u daħal. Il-ġnien għeb għalkollox bil-buffu fih u r-re baqa’ l-art. Tani dahru u qalli nista’ mmur lura f’dari. Fhimt li mill-bidu kien xtaqu għall-buffu dal-ġnien, mhux għalih. Dar-re aħdar mill-ħodor nett u qatt ma kien se jaċċetta li jitqanqal jew ikun immeraviljat.
Fis-salvaġġ privat solitarju tiegħi, f’did-dinja nonumana fiċ-ċokon tad-dar, ta’ kuljum inqatta’ sigħat twal, tiela’ u nieżla tul il-passaġġ li jserrep u jdur u jintewa fuqu nnifsu. Mingħalija nafu fuq li nafu, iżda ma’ kull żjara għajnejja jinfetħu iżjed, nilmaħ il-ġdid. Hemm statwa tal-bronż ta’ għasfur ix-xemx, oħra ta’ għasfur il-qamar, imqegħdin f’passaġġi misturin jaf qatt ma ssib ruħek fihom tant imfasslin b’makakkerija. Nisma’ t-tfesfis mill-mogħdijiet ta’ ħaxix sfiq u rkejjen moħbija, imqanqla b’għerf li l-poeti, il-mistiċi, l-għorrief għaqlin żammew għalihom u f’kitbiethom ma niżżluhx. Bħal kewkba fis-sema fl-għabex. Kull fjura sigriet, kull werqa sagra, kull dielja bħal ħrafa divina. Dawl irrakkmat fid-dlam, ilwien minsuġa fid-dellijiet. Mar-riħa vjola l-paċi, man-nida jċarċar il-fejqan, serħan il-moħħ, taħbit u rbit il-qalb. Mill-ħama titla’ l-lotus mgħarrqa f’dija safja, tron għall-allat, mir-ramel tax-xmara Nil tikber fjura grazzjuża, tiftaħ man-nida bikrija ta’ filgħodu. Bħal fil-ġonna Persjani nisma’ jgħanni r-rużinjol fid-dawl ta’ qamar bati li l-ġiżimmin ifewwaħ il-lejl u jdawwal id-dlam. Twieled mid-dmija taż-żogħżija, mid-dmugħ tal-allat, il-ġaċint bi ġmiel dejjiemi. Mal-jum bħal xemx għammiexa, mal-lejl kewkba qalbiena, il-ġirasol. Il-liedna tiggranfa mal-ġebel mittiekel ta’ ħajt mill-qedem, tinseġ ir-rakkont tagħha nnifisha, rifless fl-ilma ħelu ta’ għadira, fil-qiegħ tgħix ħuta kbira ma titwemminx. Jekk tilmħek titla’ tittawwal, taqralek xortik, taqtagħlek xewqietek, imbagħad tittradik. Inbexxaq quddiemi l-grada tal-ħadid u nidħol fil-ħolm ta’ ħsibijieti. Jiddi dal-ġnien fid-dawl ta’ qamar; ħlejjaq minsija jitwieldu mill-ġdid. F’kull pass, f’kull nifs, jinħass kemm ’l hinn kemm ’l hawn, jimxu, f’dal-ġnien, id f’id. F’dal-ġnienlabirint jaf tilmaħ bajda sserraħħ fuq ilmijiet id-dinja, tfakkrek li omne vivum ex ovo, kulm’hu ħaj minn bajda ġej. Ma jidhirx imma fil-ħarifa qalgħet daqqa ħafifa u li kellek tifliha sew tilmaħ xaqq bħal xagħra mill-ifjen. La tinfaqa’ għad tfaqqas univers u xxejjen l-inċertezzi tad-dawl u dellijietu; il-ħeffa tal-ġenna titla’ m’ogħla s-smewwiet u hemm jistrieħu x-xmux, il-qmura u l-kwiekeb, u t-toqol jinżel ġewwa l-art. Imbagħad hemm bieb li jwissina li ninsabu f’art il-bejn, bejn ġewwa u barra, bejn bestja u alla; fil-lewża bejn żewġ ċrieki fejn dak li għadu ġej jikkonfondi bejn l-istorja u d-destin. Nimmeravilja, nitqanqal, ma jkollix kwiet. Riġlejja kompliċi f’dil-logħba, jimxu bħallikieku tul trejqa twila l-Buskett, b’ritmu mħeddel. Ħsibijieti jaljenaw, pass pass. Hawnhekk moħħi, ġismi u l-ġardina bħal f’taħdita armonjuża bejniethom, tliet noti jagħmlu korda mużikali. Ħrafa miktuba mill-ġdid li tispjega l-ħajja mingħajr l-ebda farka ta’ ħażen fiha. Din hi l-ħrafa li rrid nisma’ qabel norqod. Din hi l-ħajja li rrid għalija.
#
Intiegħem il-ħlewwaqarsa tal-frott, innessi fejn kont u mnejn ġejt. Il-marmellata nagħmilha biex iċ-ċirasa ma tinħeliex. Iżda l-frott nippreferi nieklu frisk, u naqtgħu mis-siġar tiegħi. Fuq wara tal-ġardina msaħħra tieghi tikber il-Morello — Prunus cerasus — iċ-ċirasa sewda u morra. Ngħalliha f’taħlita ta’ xropp, meraq tal-lumi u butir sa ma tagħqad, titkemmex u ssir ħmura sewdiena bħad-demm magħqud. Kull sena naħmi torta taċ-ċirasa sewda, mgħaddsa fil-kunjakk imħawwar bil-bsaten tal-kannella mitħunin, biex f’għeluq sninek ngħidlek li nħobbok u nferrħek bil-ħlewwaħarra tat-togħmiet. L-ewwel torta li ħmejt urietni ommi kif nagħmilha. Kelli tmintax kellek tnejn u għoxrin konna żgħar. Iċ-ċirasa ħelwa — Prunus avium — naqtagħha, nitgħaxxaq nikolha; l-għadma nobżoqha imma ma narmihiex. Kull għadma naħsilha u nnixxifha; uħud nużahom biex nagħmel ħall, likuri u ġulepp; oħrajn inqaddidhom u nħitilhom borżetta tal-qoton biex fix-xitwa nsaħħanhom fiha għal kontra l-uġigħat u fis-sajf inkessaħhom għal kontra s-sħanat. Nitfissed b’kulma taf toffrili ċirasa u nħalliha tbegħedni mit-thewdin dwar baġanati bla sugu li nisma’ u nara kuljum, mill-ħsibijiet u t-tbaqbiq dwar x’inhu t-tajjeb x’inhu l-ħażin li jtellfuli l-ferħ u l-pjaċir tal-mument u ma jħallunix ninduna bil-ġmiel li nkun tlift. Iċ-ċirasa ċkejkna imma b’saħħa liema bħalha. Tfakkarni, ma’ kull gidma ma’ kull dewqa, li jekk ma nwaqqafx kollox u nitfissed bil-ferħ ta’ pjaċiri żgħarkbar bħal dawn, qatt m’jien se ntiegħem il-veru ħelsien, li bħal inbid qawwi jitlagħli għal rasi u jtellagħni miegħu; nibda nara, nifhem, inqum. Nibqa’ ngħix, minflok, bħal marbuta fil-ktajjen, maqfula taħt l-art.
Is-Saturnia pavonia hi baħrija bi ġwinħajn għaslin, ċrieki suwed suriet l-għajnejn u dbabar lewn il-larinġ tal-bakkaljaw, u tifraħ biċ-ċirasa, tikolha minn meta tkun għadha biss xagħat. Bħalma kien jifraħ bil-fjura taċ-ċirasa, minn tfulitu sa xjuħitu, Prinċep il-Fjuri Carl Linnæus, li fi Żmien id-Dawl, tana l-ewwel titrif dwar dawk l-ilwien, id-dbabar, il-ġwinħajn, u ’l dil-baħrija għammidha b’żewġ ismijiet bil-Latin, l-ewwel wieħed b’ittra kbira għall-ġenus, it-tieni b’ittra żgħira għall-ispeċi. Jgħidu li fi ċkunitu trabba qalb il-ġmiel, il-fwejjaħ u l-għaxqiet l-iktar safjin tal-ġonna ffjuriti, u meta, għadu ċkejken, kienet taħkmu għafsa ta’ qalb, fjura bla isem kulma ried biex tikkalmah. Il-ġnien kien ġenna ġugarelli ta’ lwien, u hu l-prinċep tiegħu u l-gwardjan. Huwa u jikber, ċanfira mill-missier ġegħlitu jaħseb li mhux biżżejjed tagħraf fjura minn oħra minn lewnitha, fwiħitha, surietha. Isimha ried biex ma jinsihiex u ma jitgerfixhiex ma’ oħrajn. Deus creavit; Linnæus disposuit. Beda jemmen li, dak li ried minnu Alla setgħan kien li, bħal librar paċenzjuż, joħloq taqsim li bih jagħmel sens u ordni tal-ħlejjaq f’dal-ġnien għax dawk li kien hemm qablu kienu ħallew warajhom taħbil u taħwid. Irnexxielu. Għexieren ta’ snin wara, il-mogħdija taż-żmien ta’ tfal bħalu kienet tfisser il-ġbir, it-tpinġija u l-ippressar tal-fjuri salvaġġi u l-għarfien tagħhom skont is-Sistema tan-Natura ta’ Linnæus.
Iż-żmien mhux biss delizzju; jien nippreferi nimxih pass pass, nieqaf kultant, nitbaxxa hawnhekk nifli werqa selq, donni qed naraha għall-ewwel darba, nipprova nifhem kif waslet hawn iż-żerriegħa li jien niftakar li ma żrajtx. Iż-żmien ma rridx biss ngħaddih, u lanqas ma rrid noqtlu, ma mmurx nidrob l-eternità. Iż-żmien nimxih, irrid, bħal mixja llajmata fil-ġnien tiegħi, bħal kull mixja f’kull ġnien.
Il-bieb tad-daħla għall-ewwel ġnien botaniku li qatt kien hawn fil-pajjiż, li saħansitra kien jeżisti qabel beda jeżisti l-pajjiż innifsu, jinsab fil-punent ta’ belt qadima li ta’ sikwit niġi nżur. Il-bieb qiegħed fi Triq il-Patrijiet Minuri u ilu wieqaf mitejn u ħamsin sena. Il-bieb biss għadu hemm. Il-ġnien, li kien hemm qabel il-bieb, kien parti mill-Università tal-Mediċina u l-pjanti fih kienu jintużaw għar-riċerka. Ir-riċerka kibret, il-pjanti żdiedu u l-ġnien beda jinħass żgħir u — bl-istess raġunament bħal dak tas-suq tal-qamħ fejn noqgħod jien — sas-seklu ta’ wara kienu bnew ġnien botaniku ieħor, ikbar. Abbandunaw il-ġnien l-antik u s-siġar ta’ fih ħaduhom fil-ġdid. L-antik, għall-ewwel, baqa’ jintuża bħala remissa għall-ġnien il-ġdid imbagħad waqqgħu kollox u minfloku nbniet skola. Żammew biss il-bieb tad-daħla l-antika għall-ġnien, b’tabella mqaddma li, jekk jirnexxilek tagħraf il-kitba mitfija ta’ fuqha, taqra Hortus Botanicus, l-unika tfakkira li xi darba kien hemm ġnien f’dal-post. Għad hemm ukoll żewġ rożetti tal-weraq tal-ħannewija waħda f’kull ġenb, mhux wisq differenti minn dik li hemm fuq nett fil-binja ta’ fejn noqgħod jien. Illum, il-bieb insibu mgħotti, qed jirrestawrawh, la jlestuh forsi nkun nista’ naqra aħjar il-kitba fuqu. Iżda ninduna li warajh kollu twaqqa’ u l-ħajt fejn hemm il-bieb qisu perpura. M’għandix ħjiel x’hemm maħsub li jsir minn dal-post.
Il-ġnien botaniku l-ġdid għadu kif għalaq mitejn sena. Inbena fuq ir-rovini tal-Kunvent tal-Kapuċċini, faċċata tal-ewwel ġnien botaniku, eżatt fejn jiltaqgħu Triq il-Kapuċċini u Triq il-Patrijiet Minuri. Mogħni b’binjiet neoklassiċi għat-tkabbir tal-pjanti u l-ħxejjex mediċinali u għall-istudju tal-botanika. Maż-żmien żdiedu l-pjanti ornamentali u dawk rari, inbnew serer rotundi fejn jitkabbru s-siġar tal-palm u s-siġar taċ-ċitru u oħrajn nofs tond bil-qafas tal-ħadid, imma ma basrux li s-siġriet tal-palm se jibqgħu jikbru u jogħlew u jaħbtu mas-saqaf. Qalgħu s-soqfa u tellgħu sular iżda lanqas hekk ma kien biżżejjed. Snin wara tellgħu sular ieħor, iżda l-għoli ma marx tajjeb mal-wisa’ u kellhom jerġgħu jħottu s-soqfa, ineħħu l-palmi u jerġgħu lura għas-soqfa kif kienu fil-bidu. Xħin nidħol fil-ġnien insellem lil Carl Linnæus li għadhom kif qiegħdu l-bust tiegħu fid-daħla bi tfakkira li l-ġonna botaniċi kollha li għandna huma bis-saħħa tiegħu u ta’ botanisti oħrajn bħalu. L-ewwel statwa tiegħu, tat-terracotta, kienet tqiegħdet f’dal-ġnien fl-1848, imma nsterqet fil-lejl ta bejn il-15 u s-16 ta’ Mejju tal-1946 u qatt ma reġgħet tfaċċat u l-ġnien baqa’ mingħajr statwa għal ħamsa u sebgħin sena.
Mill-aħħar li kont hawn il-ġnien qed narah jinbidel. Tnieda, f’parti minnhom, ġnien tal-klima li jinkludi speċijiet li jifilħu sew għan-nixfa u s-sħana. Il-pjanti fil-belt mhumiex qed ilaħħqu sew mat-tibdil fil-klima, is-siġar tal-fagu qed jitħabtu ħafna man-nixfa u max-xemx qawwija li tiddi fuq il-qoxra tagħhom. Qed jimirdu. Qed imutu, avolja qed jisquhom iktar ilma. Il-ġardinara qed iħarsu lejn il-pjanti mill-Mediterran biex jispiraw ruħhom. Għax huma aktar reżistenti għat-tibdil fil-klima, u jifilħu għan-nixfa u s-sħana sew. Nitħasseb dwar dan għax naf li l-pjanti nattiva huma dawk li huma l-iktar ta’ għajnuna għall-ekosistema. Qed ifasslu bħal passaġġi għall-ilma biex il-ġnien ikun jista’ jiflaħ maltempati qawwija; qed jibnu widien, bħal ħofor, fejn jinġabar l-ilma biex jinfiltra bil-mod fil-ħamrija. Il-belt, id fid mal-ġnien, beħsiebha tuża qsari tat-terracotta għall-irrigazzjoni, midfunin fl-art biex bil-mod jirrilaxxaw l-umdità. Il-periti, il-kuntratturi, id-disinjaturi u l-bennejja medhija jittrasformaw il-pajsaġġ fejn it-tħawwil isir bir-reqqa, qed jibnu terrazzi u pavimentar li jipproteġu mis-sħana u jippermettu li l-ilma jinfiltra, b’ħitan veġetali u funtani bl-ilma biex iżommu l-arja friska. Ir-residenti mistidnin jagħmlu l-istess fil-ġonna tad-djar tagħhom. Il-ġnien maħsub mill-ġdid biex jifilaħ għas-sħana, in-nixfa, ir-riħ estrem, ix-xita torrenzjali u xorta jibqa’ jwennes bil-pjaċir li tkun fi ġnien fejn tirrilassa, tkabbar il-ħaxix, il-frott u l-ħwawar imfewħin, fejn toħroġ tilgħab, fejn tiffriska, speċjalment waqt mewġiet ta’ sħana. Ġonna mfasslin bħal suldati f’armata bil-lest għall-ġlieda kontra l-avvelenament tad-dinja naturali.
Nidħol iktar ’il ġewwa fil-ġnien botaniku, ma’ kull pass nimmeravilja bl-ilwien tal-fjuri sfumaturi ta’ isfar, vjola, ikħal, oranġjo, roża, aħmar. Aħmar fjakk ħjiel biss tiegħu, aħmar nirien, aħmar sewdieni karg. Fjuri żgħar, fjuri kbar, fjuri bħal xmux, bħal kwiekeb, bħal buqari, dbielet, fanali, ġmiemen, bil-petali ppizzjati, imfdewxin, lixxi, imkemmxin, mandoralti, tawwalin, miftuħin, għadhom imkebbin. Nixtieq insejħilhom kull waħda b’isimhom. Nara li għal kull pjanta hemm tabella bl-isem li tahulhom Carl Linnæus, jew xi botanisti oħra warajh, ħafna minnhom influwenzati minnu, li żiedu isimhom mal-varjetajiet li ħarġu minnha, u fl-aħħar l-isem vulgari li jużaw għaliha n-nies t’hawnhekk, bil-Fjamming u bil-Franċiż. Infittex iktar dwarhom, nibda mill-isem xjentifiku bil-Latin li joħodni għall-isem bl-Ingliż. Imma jien nixtieq isimhom bil-lingwa tiegħi, bil-Malti, u taqbadni diqa li mhux dejjem insib.
Tilqagħni, iktar fil-fond, figura mnaqqxa minn ġebla ramlija Ingliża, iddedikata lil John Tradescant iż-żgħir, esploratur, riċerkatur u preservatur diliġenti li kellu faxxinu kbir għall-kurżitajiet naturali, għall-propagazzjoni ta’ pjanti mhux magħrufa u għall-akkwist ta’ raritajiet. Dal-faxxinu kien ġej minn missieru, John Tradescant il-kbir, ġardinar u kollezzjonist ta’ żrieragħ, pjanti u oġġetti naturali u artifiċjali rari u kurjużi. Kien missieru li fetaħ l-ewwel mużew għall-pubbliku fl-Ingilterra bl-isem Musaeum Tradescantianum, fil-bini tad-dar tiegħu msemmija L-Arka, imdawra bil-ġnien botaniku. Bis-saħħa ta’ diversi spedizzjonijiet lejn Virginia, Tradescant iż-żgħir ġab fl-Ewropa speċijiet aljeni ta’ siġar u pjanti, bħall-manjolja, iċ-ċipress qargħi, l-aġġru u d-dorf oċċidentali — li meta tlaqqmet mal-ispeċi tad-dorf orjentali li diġà kienet teżisti fl-Ewropa nħolqot speċi ġdida ta’ siġar li huma proprju dawk li hemm fil-pjazza ta’ quddiem id-dar tiegħi. Ippubblika l-ewwel katalgu tal-pjanti fl-Ingilterra u meta wasal fix-xena Linnæus bil-klassifika tiegħu tal-pjanti, dan għażel li jsemmi ġenus ta’ fjuri dekorattivi, Tradescantia, għalih u għal missieru, bħala rikonoxximent ta’ xogħolhom.
Inħossni xxurtjata li hawn dal-ġmiel qrib tiegħi, x’jimporta xi nsejjaħ lill-fjuri meta dal-ġnien dejjem lest jilqagħni u nista’ niġi meta rrid. Dal-ġnien pubbliku, m’hawn ħadd jipprova jikkapitalizza minn sbuħitu. Din ġenerożità rari ħafna, bilkemm inkun irrid nemmen. Nista’ nidħol mingħajr ma nħallas, mingħajr ħadd ma jwaqqafni. Il-ħidma f’dal-ġnien isseħħ proprju għal xi ħadd bħali, jien li niġi nippassiġġa hawn, nikkura lili nnifsi, inżomm lili nnifsi f’saħħti, f’sikkti, għalija biex inħoss li jien parti mill-ġnien innifsu. Ħolqu għalija ġnien bi pjanti, siġar u fjuri mid-dinja kollha, ħolqu passaġġi minn fejn ngħaddi, bankijiet fejn inpoġġi nistrieħ, tagħrif dwar kull ħaġa madwari. Dan kollu nista’ narah, nista’ nammirah, nimxi minn ġo fih, insir parti minnu għal ftit ħin. Li nammira dil-ħidma kollha huwa l-mod tiegħi kif niftaħ għajnejja u naċċedi għall-ġmiel fid-dinja, kif nesperjenza l-preżenza ta’ sbuħija li qed temerġi quddiemi, kif nieħu nota tagħha b’mod rispettuż u diliġenti. Dal-ġmiel demokrazija. Imma quddiem il-ħdura li tibber fid-dija ta’ ġurnata xemxija xorta nħossni impotenti li m’hemmx mod kif il-ġmiel nieħdu miegħi lura d-dar, nagħmlu tiegħi, insejjaħlu tiegħi biex il-ferħ isir dejjiemi. Ritratt jibqa’ fjakk, minkejja li la nitlaq se jġibli memorji sbieħ ta’ dal-jum. Iżda lanqas il-memorja mhi biżżejjed għal mument bħal dan. Nixtieq nista’ mpittru bħalma stħajjiltni pittirtu għar-re u l-buffu tiegħu. Għalhekk jeżistu tant pitturi tal-ġonna, kulħadd jara kif se jagħmel biex joħloq verżjoni minjatura tan-natura u jdendilha mal-ħajt f’daru. Li kelli noħloq biċċa mużika ma nagħmel xejn ħlief niġi hawn u nismagħha, tħaxwix u żanżin, għasafar fil-bogħod, kultant tgħaddi żżarżar naħla viċin ta’ widinti. Nipprova nsib il-kliem biex niddeskrivi kull tpespisa ta’ għasfur moħbi fil-friegħi, tal-farfett itir naħsbu l-petali tal-fjura rabbew il-ġwienaħ, inqatgħu mill-magħseb, qed jiżfnu ħielsa madwari. Tal-għasfur iswed b’daqqa ħamra fuq denbu li għadu kif għadda minn ħdejja u ħasadni, insejt x’kien għaddej minn rasi. B’dil-kitba hekk qed nipprova nagħmel iżda sentenza wara l-oħra nħoss li xorta nibqa’ ’l bogħod minn dak li qed iseħħ bħalissa madwari f’dal-ġnien. Nista’ biss ingawdih — nixtieq biss ingawdih — fl-issa u fl-hawn, bis-sensi kollha tiegħi, ingawdih b’għajnejja, bi mnfisejja, b’widnejja, bil-pali ta’ jdejja, kważi nista’ ntiegħem kulma nisma’, inħoss u nara, b’xufftejja. Għalhekk qed nipprova naqbad b’għajnejja l-ilwien u l-isfumaturi, it-tqassim li ħadu ħsieb jagħmlu l-ġardinara li poġġewhom waħda ħdejn l-oħra, u meta poġġewhom lanqas biss kienu għadhom kibru, fassluhom u ħadu ħsieb jikkurawhom. Inħares madwari u nħoss li dal-ġnien tfassal għalija biex jien nintilef fl-isbuħija u ngawdi l-ferħ li tqanqal fija mingħajr il-bżonn li nagħmel xejn iktar. F’dawn il-mumenti ta’ kobor hekk biss nista’ nagħmel. Nimmeravilja li ninsab hawn, mhux biss li nista’ nħares lejn dal-ġmiel, imma li ninsab fih, l-eqreb li nista’ nkun għalih. Dal-ġnien meravilja, nammirah mingħajr ma rrid. Nagħraf li l-meravilja fost l-ewwel mit-tqanqiliet li kapaċi nesperjenza u dak li jista’ jimmeraviljani huwa infinit. Ninħakem mill-ilwien jibbru tal-fjuri u jkolli nammirahom irrid jew ma rridx. Dak li nammira jħarbat il-kategoriji u joħloq ir-rotta tiegħu stess. Nammira l-ħolqien u f’għajnejja jsir hu stess il-ħallieq. Joħloq fija mod ġdid kif naħseb, kif naġixxi. Dil-meravilja tqajjimni, tħarrikni, iċċaqlaqni, malli nagħrafha m’għandix kwiet, ma nistax nibqa’ iktar passiva, ma nistax nibqa’ għamja. Irrid inwarrab ħarsti minn fuq l-innifsi. Inħares ’il barra, ’il bogħod, lil hinn minni. Irrid nifhem kif nista’ nsib interess diżinteressat fid-dinja madwari. Kif niddiċentra ruħi, inċaqlaq lili nnifsi. Kif nitfejjaq u nitbiegħed mill-individwaliżmu estrem li nixhed madwari. Dal-ġnien inħossu jġegħelni nosserva xi ħaġa oħra għajr żokorti. Dal-ġmiel iħallini bla kliem. Is-sensi nħallihom jitħeddlu. L-istagħġib jikkalma, ma jsirx indifferenza imma nħossni niċkien, nidħol fid-dell u lanqas biss nibqa’ osservatur. Inħoss li jien ħajja qalb dil-ħajja kollha. Nista’ bil-mod il-mod nerħi u ma nibqax nipprova nara, nisma’ jew inxomm. Inħalli lili nnifsi ninħakem mill-qawwa li qed tħabbat fuq is-sensi kollha tiegħi minn barra madwari għal ġewwa fija. Nerħi u nħalli lilil nnifsi nitfejjaq mill-ġnien.
Qabel nitlaq nidħol fil-librerija tal-ġnien botaniku, inniżżel mill-ixkaffar kotba li donnhom għandhom ħabta jinqasmu f’disa’ taqsimiet meta jiġu biex jitkellmu dwar ix-xitel u l-ħwawar u l-ġebel li hawn f’ġonna bħal dawn, u l-ġid u anki l-ħsara li jafu jagħmluli li kelli nużahom. F’wieħed insib li l-kapitli jissejħu kotba u l-kapitli nfushom m’humiex ħlief paragrafi nofs paġna kollox. L-itwal ktiebkapitlu hu dwar il-pjanti, l-oħrajn dwar l-elementi, dwar is-siġar, il-ħut, l-għasafar, ir-retilli u l-annimali l-oħra kollha, dwar il-metalli u dwar l-ħaġriet. Inqalleb fihom, nitgħaxxaq naqrahom bħal rumanz. Minn ktieb dwar id-duttrina tas-sinjali nsir naf dwar twemmin antik mis-sekli sittax u sbatax li jgħid li Alla jiżvelalna l-użu tal-pjanti mill-għamla tagħhom. In-natura tħallilna s-sinjali fuq il-pjanti biex turina kif nużawhom għall-fejqan billi tagħmilhom jixbhu ’l dawk tal-organu li jistgħu jfejqu. Bħall-ġewża, li meqjusa tajba għall-moħħ għax tixbhu. Fi ktieb ieħor naqra li l-ilma tax-xmajjar għandu effetti tajbin fuq il-ġilda. L-iżmeraldi jsaħħuna kontra d-dgħufija u l-mard tal-qalb u tal-istonku. Il-ġaċint għall-problemi fl-għajnejn u ċ-ċarezza mentali. L-oniċi għall-problemi fl-istonku u s-saħħa tal-milsa. Is-siġra tat-tuffieħ sħuna u niedja, nigdimha u nara kemm hi tajba kontra l-mard tal-għajnejn u l-uġigħ fil-kliewi. Tal-lanġas hi aktar kiesħa milli sħuna, fost il-virtujiet tagħha hemm li tfejjaq mill-mard fis-sider u l-pulmun. Is-siġra tal-ġewż sħuna u morra, nikolha u tikolli d-dud taħt il-ġilda li jqattagħni bil-ħakk. Il-qamħ tajjeb kemm għall-ġisem kemm għad-demm ta’ min hu b’saħħtu u ta’ min mhux. Is-segala noqogħdilha attenta għax taf idgħajjifni jekk għandi l-istonku kiesaħ. Il-ħafur ikel ferrieħi, tajjeb għas-saħħa u jfejjaqni meta saħħa ma jkollix. Is-sugu ta’ galizja nieklu kif nieklu, jagħtini ċ-ċarezza fil-vuċi u fl-għajnejn, iserraħli l-menti mill-ġenn u t-tbaqbiq il-moħħ bi ħsibijiet ta’ kalma u serenità u jtaffili l-istonku mill-indiġestjoni. In-noċemuskata sħuna, tiftaħ beraħ bibien il-qlub u teħlishom mill-ġudizzju obfuskat. Ngħaffeġ ftit noċemuskata, kannella u msiemer tal-qronfol u nħallat kollox mad-dqiq tal-qamħ fin u l-ilma. Naħmi t-taħlita u nikolha ta’ spiss għax tikkalmali l-imrar kollu tal-qalb u tal-moħħ, tqawwili s-sensi dgħajfa u tagħmilni ferrieħa. Tippurifikali s-sensi u tnaqqas fija dak li hu ta’ ħsara. Il-warda kiesħa, u din il-kesħa fiha moderazzjoni li hija utli. Filgħodu, jew mas-sebħ, naqbad petala tal-ward u npoġġiha fuq għajnejja. Din tiġbed l-umur u tiċċarali l-mod kif nara. Jekk għandi ulċera żgħira fuq ġismi, fuqha npoġġi petala tal-warda u nħalliha tiġbed il-materja minnhom. Jekk mifnija bil-korla infarrak il-petala tal-warda u ftit salvja u nżomm dat-trab imfewwaħ ma’ mnifsejja. Is-salvja tnaqqasli l-korla, u l-warda tagħmilni kuntenta. Is-salvja nista’ nsajjarha max-xaħam frisk u mdewweb u ftit ilma, u bihom nagħmel ungwent ħalli nogħrku u jtaffili l-bugħawwieġ. Nixtieqni niktibhom jien disa’ volumi, imqar disa’ kapitli, u nirrakkonta dwar kif kollox madwari jaf ikunli duwa, mhux biss skont jekk jarmix sħana, jew kesħa, jew kemm hu niedi jew xott.
#
Kulma rrid kmajra għerja, ċella ċkejkna f’sular minsi f’abazija maqtugħa mill-belt u minn kulħadd; kamra kennija għall-kwiet, għall-ħsieb fil-mistrieħ. Insib ruħi, minflok, f’kamra b’gallarija li tagħti fuq ġnien imwarrad, avolja għadu Lulju, maġenb ġnien imfewwaħ bi ħxejjex aromatiċi għall-ikel, biswit vaska bl-ilma miżgħuda mazzarell u mdawra bil-fjuri jiddakkru minn naħal imbaċċaċ żaqqieq, ftit lil hinn mill-ġonna bil-passaġġi mserrpin donnhom ma jwasslu mkien, f’kastell fuq l-għolja taċ-ċitadella. Fit-8 ta’ Lulju 1891, ir-re — l-istess wieħed tal-ġnien impitter — kien ordna li ċ-ċittadella ma tibqax titqies fortizza militari u għaddieha lill-belt bil-ħsieb li tintuża għal skopijiet ta’ pjaċir, divertiment u rilassament. Fi żmien sentejn, neguzjant ippropona li jibni lukanda mdawra bil-ġonna u mgħammra b’ċentru ta’ idroterapija, li setgħu jaslu għaliha jew b’funikular jew bi tramm li jgħaqqdu l-lukanda, minn naħa waħda mal-bażi tal-fortifikazzjonijiet, in-naħa tax-xmara u, min-naħa l-oħra mal-istazzjon tal-belt. Inkella bit-toroq li bdew jinbnew, kull waħda minnhom tixxeblek u tisserrep mal-għolja. Fil-għoli taċ-ċittadella, fil-Grand Hôtel de la Citadelle stajt issib dar komda ħielsa minn dak il-lussu li jiswa ħafna mingħajr ma jagħtik xejn lura, b’ilma kiesaħ u sħun f’kull sular u liftijiet telgħin u niżlin bla heda. Iżda l-flus spiċċaw u n-neguzjant ippropona li l-belt terġa’ tieħu l-konċessjoni f’idejha. Fit-8 ta’ Lulju wkoll imma tal-1911 ġie ffirmat l-att tal-bejgħ u l-lukanda ġiet modernizzata sa ma reġgħet fetħet il-bibien tagħha fit-8 ta’ April 1914. Iżda erba’ xhur wara, il-Grand Hôtel ġiet ibbumbardjata u t-tiġrif dam jinħaraq jumejn sħaħ. Meta n-nar fl-aħħar batta, mil-lukanda ma kien fadal xejn. Sittax-il sena wara minflokha nbena kastell. Mhux kastell Medjevali iżda binja monumentali neo-Barokka li minkejja kienet se sservi bħala lukanda u skola għal-lukandiera, issejħet Chateau biex forsi tbiegħed in-nar milli jerġa’ jaħkimha. Il-kamra tiegħi, għal ftit jiem ta’ rtir, hi waħda mill-kmamar fuq l-ewwel sular ta’ dal-kastell. Ġenerożità minn dawk ir-rari nsibha hawn ukoll għax, minkejja l-gradi fuq quddiem u wara tal-proprjetà, il-kastell miftuħ għall-pubbliku s-sena kollha għal mixjiet senswali qalb il-ġonna mad-dawra kollha tiegħu, u l-gradi qegħdin biex jilqgħuni bi stedina. Għaddi, jgħiduli, imxi qalb il-ġonna u skopri l-ilwien u l-ħsejjes, mhux biss l-irwejjaħ, senswali u maġiċi, tal-pjanti u s-siġar. Imxi, ara, miss, xomm u ħalli l-pjanti jqanqluk, iferrħuk. Ħalli l-irwejjaħ jibdlulek il-burdata, iġibulek tifkira, iqajmulek is-sensi wieħed wieħed għal ġmiel ta’ barra minn hawn. Il-masġar ġie qabel il-maqdes u għalhekk għażilt li niġi hawn.
Taħt il-gallarija tiegħi hawn il-ġnien tal-ward fragranti, imfassal f’nofs tond b’żewġ kwadranti. F’kull kwadrant hemm żewġ passaġġi dojoq fit-tond minn fejn nimxi, wieħed bil-kannizzati tal-injam u l-arkati tal-ħadid fuq naħa u l-kaxxi mdaħħlin fl-art imħawlin bil-ward, u l-ieħor bejn dawn il-kaxxi u ġabra ikbar ta’ ward fuq medda fit-tond, il-qofol ta’ kull kwadrant, b’kull warda ġmielha, reġina tar-renju tal-fjuri, imperatriċi tad-dinja tal-pjanti mfewħa. Ninżel indur qalb il-wardiet, uħud minnhom b’taħlita ta’ kuluri li qatt ma rajt bħalhom, bħal donnu pittur qattar il-pinzell biż-żebgħa fuq il-petali qabel mar jistrieħ. Nistħajjilhom wardiet miġjubin mill-futur iżda fwejħiethom joħduni lura għal sekli li lili ma jafunix, fwejjaħ antiki mhux minn żmieni, fwejjaħ ta’ dari. L-irwejjaħ jiżżeffnu madwari, ħerġin mill-arbuxelli tal-ward, mill-ward fil-qsari, mill-ward imxabbat mal-arkati u mxeblek mal-kannizzati, mill-ward li jikber fiċ-ċokon fi gzuz u l-ward imxerred bħal tapit jiksi l-art fil-medda tan-nofs. Ġunju huwa l-isbaħ żmien tiegħu dal-ġnien, naħsibni li tliftu bl-eżatt, iżda nsir naf li l-varjetajiet ta’ ward t’hawnhekk jiffjorixxu iktar minn darba. Inħossni xxurtjata.
Nimxi lejn ix-xellug, insib ġnien l-erba’ staġuni mogħni b’siġar u pjanti li jfewħu fi staġuni partikolari miġburin flimkien skont l-istaġun, bħas-Sarcococca, imsejħa hekk għall-frotta sewdiena tagħha, li tagħmel il-fjuri fix-xitwa; il-Lonicera fragrantissima li tfewwaħ l-arja bir-riħa qawwija tal-lumi tagħha minn Novembru sa April; iċ-Cercidiphyllum li l-werqiet tagħha riħa ta’ karamelli u fil-ħarifa, meta jaqgħu, jiksu l-art b’tapit imfewwaħ; l-Osmanthus, li l-fjuri tagħha jfuħu ħafna u jiffjorixxu tard fis-sena. Dal-ġnien iwassalni sal-grada ta’ wara minn fejn ġieli jidħlu n-nies iżuruh. Indur lejn il-lemin u nerġa’ ngħaddi minn qalb il-ward. Lura f’kamarti tibda nieżla x-xita. Bilqiegħda wara l-ħġieġ tal-gallarija naraha nieżla, nilmaħ iż-żnażan kbar li kultant jaħbtu mal-ħġieġ bi dritt wiċċi jippruvaw jidħlu s’għandi. Il-bieb inħallih ħarira mbexxaq, biżżejjed biex nisma’ l-ħsejjes ta’ barra u ma nħossnix mabquda ġewwa, iżda mhux iżżejjed biex iż-żnażan jidħluli ġewwa. Daż-żnażan qatt ma rajt kbar daqshom.
Ninżel, nerġa’, l-għada filgħodu, fil-ġnien tal-ward imbagħad indur fuq il-lemin fejn hemm miżrugħin, f’kaxxi kwadrati waħda ħdejn l-oħra, ringiela fuq oħra, il-pjanti aromatiċi tal-ikel. Qed inqum filgħodu qabel jisbaħ biex nimxi madwar l-irwejjaħ tal-ħwawar u l-ispezji, nagħfas b’subgħajja l-weraq u nqanqal minnhom fwiħathom. Is-sagħtar u l-merdqux qegħdin f’kaxxi b’nota li tgħidli nista’ naqta’ minnhom u noħodhom għall-ikel. L-oħrajn, is-salvja, in-nagħniegħ, l-origanu, il-bużbież, it-tursin, il-kamumilla, il-klin, il-karfus, iċ-ċitronella, l-estragon, il-kammilta, nista’ mmellisshom, nagħfashom ħarira minn isfel għal fuq u ngawdi l-aroma li joffruli. Il-kosbor hawn min ixommu riħa ta’ insetti imma lili jogħġobni. Il-buqexrem — il-ħaxixa tal-banju, id-dmugħ tal-allat — narah jiġbed il-friefet u n-naħal lejh. L-Angelica archangelica m’għandix isem għaliha bil-Malti imma xorta ttellagħni l-ġenna bil-ġwienaħ ta’ fweħitha. Li nista’ naqtagħha noħodha d-dar biex infewwaħ il-likuri, il-marmellata, il-konfettura biha.
Faċċata tal-ġnien kulinari nilmaħ il-ġnien ta’ rwejjaħ strambi. Naqsam biex inxomm bi mnieħri. L-istramberija ta’ wħud mill-pjanti hija pjaċevoli minkejja li tħallini xi ftit bid-dubju jekk hix suppost togħġobni jew le. Nistħajjilhom dal-pjanti qed jistidnuni nibdel fehemti dwar xi rwejjaħ jogħġbuni jew le. L-iktar li nieħu pjaċir inxomm, u ndur lura għaliha iktar minn darba, hija pjanta li tagħmel fjuri sofor żgħar bħal buttuni bellusin — Tanacetum vulgare kien semmiha Carl Linnæus, li kien tal-ewwel li semmiha u ddeskrivieha fl-1753. Bilkemm għadni lħaqt missejtha li ma tarmix fi mnifsejja r-riħa qawwija tagħha. Ir-riħa tferraħni iżda konxja minn ħjiel ta’ dubju li hemm f’dal-pjaċir. Tikber fis-salvaġġ u fil-fatt iktar tard insibha tikber mal-ħajt tul il-kanal minn fejn tgħaddi x-xmara Sambre, taħt iċ-ċittadella. Iżda r-riħa ta’ wħud mill-pjanti l-oħrajn insibha biss spjaċevoli, mingħajr l-iċken dubju. Mhux talli ma nibdilx fehemti talli nkompli nqawwiha u lejn il-weraq ta’ dawn il-pjanti nibqa’ ma nersaqx. Jekk xogħolhom hu li jbiegħdu ’l-predaturi billi jġiegħluhom jaħsbu li t-togħma tagħhom ħażina daqs ir-riħa, miegħi rnexxew. Għax l-Arum maculatum, pereżempju, bil-weraq imtebba’ bi dbabar purpra, għandha riħa t’għaraq, ħara u awrina u tbiegħed lil kulħadd minnha, ħlief lil tip ta’ dubbien jixbhu ’l-baħrija, li għandha bżonnhom biex il-pil fuq ġwinħajhom jinkesa bit-trab dakkari tagħha u jtajruh magħhom ’il bogħod minnha. Mill-pjanti mxebilka mal-kannizzati naqbad irwejjaħ ta’ ċikkulata, għasel, tuffieħ, u curry. Dawn il-pjanti ma nixxennaqx li nikolhom għax jaf anki joqtluni, u t-togħma tagħhom mhi xejn bħal fwiħathom.
Tard waranofsinhar ninżel nimxi lejn il-vaska mdaqqsa tonda fejn hemm ġnien ieħor, imsejjaħ il-ġnien tal-emozzjonijiet għax imfassal fuq il-ħsieb li, mingħajr ma nafu u mingħajr ma rridu, nassoċjaw il-kuluri ma’ rwejjaħ u sensazzjonijiet. Bħall-fwieħa friska tan-nagħniegħ jew il-ħelu togħma ta’ klorofilla li mingħajr ma rrid nabbinah mal-abjad, l-aħdar, jew il-ikħal metall, mentri rwejjaħ bħall-misk jew il-ward iqanqluli s-sħana ta’ lwien bħall-vjola u l-purpra. Il-ġnien tal-emozzjonijiet, dir-rabta bejn il-kulur u r-riħa juriha billi l-pjanti kkuluriti fl-isfond tiegħu huma ta’ lewn li jaqbel mar-riħa tal-pjanti fragranti mħawla fil-qsari tal-fjuri mal-bordura tal-mogħdija madwar il-vaska tiegħu. Quddiem il-pjanti u l-fjuri vjola u nir hawn pjanti bi fwejjaħ ta’ misk, quddiem dawk roża hawn pjanti bi fwejjaħ ħelwin, quddiem l-aħmar u l-oranġju spezji u fwejjaħ florali, quddiem l-aħdar u l-abjad fwejjaħ friski, quddiem l-isfar fwejjaħ taċ-ċitru, quddiem l-ikħal fwejjaħ kesħin. Faċċata tal-vaska nsib ġnien ikkulurit bil-lavanda, li fih nara u nxomm ’il fuq min għoxrin varjetà tagħha, fi sfumaturi ta’ ikħal, abjad u roża. Il-lavanda hi waħda mill-iktar fjuri mfewħin. Nibqa’ hemm bilwieqfa fit-tul, nagħfas fjura minn kull speċi, inxomm ponot subgħajja u naħseb. Imbagħad nieħu pass, nagħfas oħra u nerġa’ nxomm. Ma kontx naf li hawn tant speċijiet u varjetajiet ta’ lavanda, kull waħda tqanqalli ħsibijiet ġodda. Meta fl-aħħar ngħolli rasi u nħares lil hinn, nilmaħ siġra taż-żebbuġ u madwarha mmarkat “le garrigue”. Hawn nara mħawlin is-sagħtar u l-klin li jkomplu jqanqluni u jimlewni sensazzjonijiet u emozzjonijiet bir-riħa aromatika tagħhom. Dan il-ġnien ċkejken, tant ċkejken li fl-ewwel jiem bilkemm intbaħt bih, jirnexxielu jġorrni lejn l-isfumaturi u l-irwejjaħ tal-Mediterran li anki hawn, f’dil-ħdura li diffiċli tirreplikaha fil-klima ta’ Malta, nispiċċa nixxennaq għalih.
Imma l-post favorit tiegħi f’dal-kastell taċ-ċittadella huwa ġnien moħbi mis-siġar twal u sfiqi li wħud mid-daħliet għalih qegħdin viċin tal-vaska. Dal-ġnien mhux talli moħbi talli jqarraq bija għax fih iktar minn passaġġ wieħed. L-ewwel darba li ninnutah nieħu l-passaġġ li jdur man-naħa ta’ barra, mixja dellija mħarsa mill-friegħi kollha weraq li jsaqqfu l-passaġġ, f’kull fergħa mistoħbijin għasafar li nismagħhom imma ma narahomx. Mal-art quddiemi, jien u dieħla, jibdew jaqgħu l-werqiet safranin, jilqgħuni u jistidnuni nidħol iktar fil-fond. It-tieni jum nieħu rotta oħra jien u miexja lura minn żjara fiċ-ċittadella, u nidħol minn daħla maġenb in-naħa t’isfel tal-ħajt tat-terrazza tal-kastell. Jien u dieħla nagħti ħarsa lejn il-ġnien mingħalija qed narah kollu u nistħajlu żgħir. Huwa biss fit-tielet jum wara lejl xita bla waqfien li nintebaħ b’passaġġ ieħor li joħodni b’dawra iċken għan-nofs fejn, moħbija minn siġriet twal, tilqagħni dehra mlewna ta’ medda miżgħuda varjetajiet ta’ ortensji. Hawnhekk jissejħu ortensji, bħal Malta. L-isem Ortensja ngħata lil fjura l-ewwel darba b’dedika għal mara sabiħa li kien jisimha hekk għax sabiħa daqs ġnien. L-ewwel ġie isem il-mara, imbagħad dak tal-fjura. Fil-botanika dawn il-fjuri jissejħu, kif sejħilhom Linaeus, Hydrangea, għax dal-fjuri dejjem għatxana għall-ilma. Il-fjuri tal-Hydrangea quercifolia u l-Hydrangea paniculata bojod, tal-Hydrangea paniculata Dharuma minn bojod isiru roża, u l-fjuri tal-Hydrangea macrophylla vjola. Il-petali u l-weraq qed jibbru bit-taqtiriet tax-xita, u taħthom hawn tiżjina bil-weraq bħal imriewaħ imqasqsin tal-felċi, ilwienhom ikanġu fid-dija tax-xemx minn aħdarsewdieni għal aħdardehbi, aħdarsafrani aħdarbajdani. Niġi nintilef f’dal-ġnien kull ċans li nsib, nieħu kull darba rotta differenti nara fejn se toħodni, imma nipprova nispiċċa dejjem fin-nofs għall-premju ta’ festa ortensji. Il-forma sħiħa tal-ġnien nibqa’ ma naqbadhiex għax is-siġar twal ma jħallunix nara barra mill-periferija tal-ġnien u ma’ kull mixja qed nieħu impressjoni ta’ forma differenti minn dik li nieħu fiż-żjara ta’ qabilha. Fl-aħħar jum tiegħi f’dal-gnien, f’dal-imkien tal-ferħ tiegħi, inħoss qalbi tinqasam u jaqabizli d-dmugħ. Ma rridx nitlaq imma jkolli. Qabel nitlaq inwiegħed lill-ġnien li nerġa’ niġi nżuru, kulm’hu siegħa ferrovija ’l bogħod mid-dar. Nitlaq iżda nħalli biċċa minni qalb il-ward.
#
Inħoss il-qarsa tal-elettriku fil-petali jqarmċu taħt subgħajja kesħin. Waslet ix-xitwa u naqta’ qalbi milli niknes il-weraq mitfi imqarqaċ mal-art. Is-siġar jippuntaw friegħethom lejn is-sema bi swaba’ tawwalin, għadmin; jistennew il-miġja tal-leħħiet. Fil-ħemda nistenna anki jien, ninsa li rrid nieħu nifs. Il-qniepen siekta, jistennew magħna l-mewġatheżżiża, it-tfaqqigħa. Malli jibda jberraq, nisimgħuh ukoll iriegħed. Nitkexkex; wisq viċin. Nistenna berqa oħra, inħossu jiġġebbed il-ħin. Leħħa fil-bogħod. Inħoss li qam ir-riħ, jibda t-taħrik u t-tbandil tal-friegħi u ż-żraġen. Nibda ngħodd sa ma tasal karba fonda tirbombja bil-mod, imbagħad tgergira minn qiegħ l-istonku tiegħi, bi tweġiba, tfakkira li għandi nidħol lura d-dar. Nixtieq nibqa’ hawn barra nisma’ t-tifqigħ tas-sajjetti, nara l-ġnien ħadrani tiegħi jsir fiddien imbagħad sewdien, xejn ma jibqa’ jidher kif nafu jien. Ix-xita mill-ewwel tinżel bil-qliel. Nidħol niġri ġewwa, nagħlaq il-bieb. Nitwennes bis-sħana u l-irwejjaħ tal-ikel, bit-tanbir u t-taptip u t-tvenvin li jfakkruni fl-ispettaklu tal-għaġeb tal-maltempata għaddejja mingħajri hemm barra.
#
Din l-art mingħajr isem, mingħajr bir, mingħajr ilma, inħossha tħabbat malli nirfes fuqha. Hawn nibni dari. Jgħiduli l-art żonqrija, rasha iebsa, din l-art għatxana, mur sib xi mkien ieħor. Ninża’ ż-żarbun, il-kalzetti u mmidd il-qigħan fuq il-blat mikxuf lil hinn mill-ħamrija. Din l-art kiesħa. Infittex siġra tal-ħawħ u ma nsibx. Infittex siġra tas-safsafa u ma nsibx lanqas. Lil hinn mal-ġenb tal-wied fejn hemm il-belt, nilmaħ siġra deluwa, ilha fuq din l-art iebsa minn qabel wasal l-ewwel bniedem, tagħmel frott bħal żibġiet ħomorsewdiena li bihom titma’ ’l-għasafar tal-passa u għelk li jdewwi l-feriti u jfejjaq il-mard. Issejjaħli, dis-siġra, naqta’ minnha zokk bil-ġewwieni tari ħadrani. Noforqu minn tulu iżda nħalli l-aħħar xiber tiegħu sħiħ, inżomm ħafif ħafif naħa f’kull id, bil-pali ta’ jdejja jħarsu lejn is-sema u t tarf taz-zokk jipponta ’l barra minni. Nagħlaq għajnejja u nistaqsi, ilma hawn? U z-zokk jiġbidni ’l quddiem, jurini li, iva, hawn. Inross, imbagħad, il-qabda ta’ jdejja fuqu hekk kif it-tarf ippuntat idur ħesrem, jibda jagħfas ’l isfel lejn l-art bħal donnu jwiddibni, isa, ħaffer hawn. Nemmen u nobdi. Inbaqqan u nħaffer jiem sħaħ bla waqfien avolja jidħqu bija, jgħiduli rasi żonqrija bħall-art li qed inbaqqan. Iżda z-zokk meta jħoss l-ilma ma jigdibx, u lanqas ma nigdeb jien meta bħal b’seħer inħoss l-ilma mill-qigħan ta’ saqajja. Nista’ nuża’ virga, bastun, pendlu, għasluġ, nista’ bl-injam jew il-ħadid, nista’ ma nuża’ l-ebda oġġett, imsaħħar u mhux, l-ilma se nħossu xorta jiġri u jiżżerżaq taħt il-blat poruż tal-qawwi ta’ fuq, taħt il-ġebla s-safra tar-rina, fuq is-saff tal-globiġerina. Nibni bir. Fih nerfa’ l-ilma li nsib mistoħbi kwiet kwiet maħżun fil-blat, ilma nadif, tajjeb għax-xorb u t-tisqija tar-raba’. Bih għandi xhud taż-żjarat innoċenti u l-inkontri li jħollu u jorbtu li jseħħu ħdejh, dal-bir semmiegħ sew ta’ kull taħdita, wara li jseħħu jberikhomli, jisħithomli, xejn ma jibqgħali kif kien. Fih leħni jirbombja, bih jien ninkixef. Inqiegħed maġenbu tliet ġebliet imdaqqsin fuq xulxin biex niżżih ħajr, inbierku u nbiegħed kull saħta minn fuqu u minn fuqi. Naħseb li fl-aħħar nista’ nibda nibni dari, imbagħad nistrieħ. Iżda l-ilma jibqa’ ġej u jibqa’ tiela’, jibda jfur mix-xoffa tal-bir u jgħarraq kollox taħtu. Ittini rasi. Il-barka nbidlitli f’saħta f’ħakka t’għajn. X’naqbad nagħmel? Naqta’ zokk ieħor? Ngħid kliem ta’ seħer minn taħt l-ilsien? Nagħti fuq sidri, tort tiegħi tort tiegħi, imissni nisma’ minnhom, jafu iktar minni. Bid-dmugħ f’għajnejja, inħabbat il-pala ta’ id waħda ma’ dik tal-id l-oħra u nitlob b’qalbi u b’ruħi kollha, ilma nitolbok, jaħasra, agħtini ilma li jisqini, imma tagħtinix għargħar! L-ilma jikkwieta, jikkalma, jibda jbatti, jieqaf ifur. Jinżel lura bil-mod fil-bir u hemm insibu jistennieni kull meta mmur infittxu.
#
Meta kont għadni ngħix ħdejn il-baħar, il-Ħdud tat-tfulija, mill-bidu tax-xitwa sa tmiem il-ħarifa, kienu jfissru mixjiet. Wara l-ikla tal-Ħadd, riġlejna kienu joħduna sparati ’l barra, dritt għall-baħar. Il-mixjiet kienu għalija l-premju fi tmiem il-ġimgħa. Nixtieq immurha dil-mixja sar-raħal tat-tfulija tiegħi fin-Nofsinhar ta’ Malta. Nimxi hemm, mal-baħar, noħodha bit-tul mill-għar sal-kalanka. Li kellha dil-gżira tkun ħuta, inkun qisni qed nippassiġġa madwar ħalqha. Se nimxi lura fiż-żmien. Għaż-żmien meta l-Ħdud xemxin jgħammxu l-għajnejn kienu jfissru mixjiet twal m’ommi u missieri tul il-kosta, lejn il-Punent minn Bengħisa sa Ħal Far, jew il-Lvant lejn Marsaxlokk. Kont naħseb li nitbiegħed kemm nitbiegħed mid-dar, dejjem nista’ nivvjaġġa lura. Id-dar, kont mingħalija, titjira biss ’il bogħod. Għaddew bosta snin minn meta tlaqt, u llum nifhem li d-dar huwa post li jeżisti l-iktar fiż-żmien. Ir-raħal hemm għadu, imma meta nżuru m’għadux jinħass dari. Ir-raħal tiegħi jeżisti biss fl-imgħoddi, u l-ivvjaġġar fiż-żmien fantasija. Kif se nimxiha dil-mixja lura? Jien u nikber it-tifkiriet ktibthom biex ma jintilfulix, imma llum, jien u naqra mill-folji mhux dejjem nagħraf l-ismijiet tan-nies u l-postijiet li għandi miktubin; mhux dejjem niftakar il-ġrajjiet li kont iddeskrivejt b’tant entużjażmu. It-tifkiriet jintilfu tul it-triq u l-kliem ma jirnexxilux iġibhomli lura.
Waqt il-mixjiet l-għaxqa ta’ missieri joħdilna r-ritratti lili u ’l ommi. Lilu tilmħu dell mal-art. Darba fis-sena r-ritratti narawhom fuq ħajt fid-dar, intaqtqu dwar l-iċken ġrajjiet waqt dal-mixjiet. Niftakar l-irwejjaħ tal-baħar, tal-alka, tal-ilma qiegħed. Niftakar kif kien jinħass id-drapp tad-dublett li kont liebsa. Niftakar lil missieri jfasslu, ’l ommi tħithuli. Niftakar kif kont nitliflu t-tempra ’l missieri għax ma kontx inkun irrid nisserja għar-ritratt. Niftakar id-daħq u l-mutetti m’ommi. Dik is-sarvetta m’għonqi jien u niżżegleg għar-ritratt, daħqa mċarrta fuq wiċċi, niftakarha sew. Niftakarni nitwiha, niftaħha, indeffisha fl-għonq tal-flokk. Hawnhekk ftit snin wara, jien ħarira itwal, xagħri iqsar, liebsa qalziet li fassluh u ħituh missieri u ommi, u hawn għadna, nippassiġġaw mal-kosta. Illum, dik il-grada m’għadhiex hemm. Nogħxa nara ritratti ta’ dawn l-istess inħawi li ttieħdu fi żminijiet għalkollox differenti, fit-tmeninijiet, fis-sebgħinijiet, fis-sittinijiet jew lura fil-bidu tas-seklu għoxrin. Niflihom wieħed wieħed u nħoss dehxa jien u nilmaħ id-dettalji jkanġu minn wieħed għall-ieħor. Qed nivvjaġġa fiż-żmien. Nimxi sal-ġnien ta’ San Ġorġ, fejn missieri ħadli ritratt bilqiegħda fuq bank. Kont daqs ibni llum. Sħabna jgħiduli li f’dar-ritratt fula maqsuma miegħu. Dan ukoll mod kif nivvjaġġa fiż-żmien. Nasal Wied il-Buni, fejn kien hemm is-salini. Ara, hawn għadhom, l-istess kif niftakarhom. Hemm affarijiet li donnhom ma jinbidlu qatt. Iż-żmien jieqaf. Niftakar.
Niftakar żmien fejn anki filgħaxijiet fost il-ġimgħa kont immur nimxi waħdi mal-kosta, bla ma ngħid ’il ħadd. Mixja mgħaġġla mhux illajmata, nibdieha bin-niżla lejn il-bajja, imbagħad nerħi lejn il-lemin u nibqa’ dieħla ’l ġewwa, naqbeż ir-ramla u ninżel fuq il-blat. ’Il fuq minni nista’ nisma’ l-ilħna, it-taħbit u t-tektik tal-boċċi tal-logħob. Iżda moħħi hu biss fuq il-pass li jmiss jien u ntawwal riġlejja biex nevita l-blat ippuntat u l-ħofor mimlijin ilma qiegħed. Nieqaf ħdejn is-salini, inserraħ saqajja fuq ix-xoffa ta’ ħawt minnhom, inħares daqqa minn naħa daqqa minn oħra biex nilmaħ l-ilwien ikanġu tal-kristalli tal-melħ fid-dawl ta’ nżul ix-xemx, imbagħad lejn il-baħar. Nstħajjel li l-fetħa tal-baħar quddiemi għad xi darba tittiekel gidma gidma u nkun jien li nibqa’ bil-ġuħ. Nimxi fuq il-ħitan baxxi minquxa fil-blat ta’ madwar l-għanqbuta ta’ ħwat kwadri wieħed maġenb ieħor, nipprova ma naqa’ fl-ebda wieħed minnhom. Xi darba ma kien hawn xejn ħlief il-kristalli jleqqu tal-melħ li l-baħar u x-xemx kienu joffru ’l-art. Bdew jieqfu mal-kosta l-baħħara jiġbru l-melħ biex jerfgħu fih il-laħam, il-ħut u l-ġlud ħa jservuhom għal żmien ieħor. It-tmelliħ fost l-eqdem taħwir tal-ikel, u l-imluħa waħda mill-ħames togħmiet li universalment mifhum li jien kapaċi ntiegħem. Insalata mhix ħlief werqa mmellħa. Immellaħ l-ilma tax-xorb sa ma jtiegħem ilma baħar u nsejjaħlu salmura; il-laħam nimmarinah biex inrattbu u ntejbu ħa nomogħdu bi pjaċir. Jekk ma nikolx melħ nimrad, jekk nieħu wisq immut. Bil-melħ nissiġilla ftehim bejnietna, inroxxu biex nuru ’l Alla li nafda fih. Nibni toroq għall-melħ biss, bih nixtri, inbiegħ, inpartat, nagħmel il-kummerċ. Nibda gwerra minħabba l-melħ. Naħkem irħula, naħarqilhom id-djar u niksilhom l-uċuħ tar-raba’ bil-melħ biex xejn ma jikber, immut bil-ġuħ anki jien jekk inkun għadni ħajja. Immur ix-xogħol, fl-aħħar tax-xahar jagħtuni salarju, mil-Latin: salarium, sal, melħ. Bħalma beda jifhem tard wisq Mida, id-deheb ngħaddi mingħajru, il-melħ le. Għalhekk, nimxi mixja ta’ protesta twila erbgħa u għoxrin jum, 387 kilometru biex nuri s-saħħa tal-verità. Tul il-kosta nevapora l-ilma, nikser il-liġijiet tal-kolonizzatur u l-melħ nerġa’ nagħmlu tiegħi. Fit-Tramuntana tal-gżira ta’ tfuliti, ’il bogħod ’il bogħod, hemm raħal imsemmi għall-melħ minħabba s-salini li m’għadx hemm u l-bur salmastru li sal-lum hemm għadu. Is-salini, imxerrdin fi trufijiet l-art imkebba madwar dal-kobor ta’ baħar, ifakkruni f’xulxin, nistħajjilhom aħwa, kuġini mill-viċin u mill-bogħod, nista’ nitlaq inżurhom bil-mixi, malli nasal għandhom nagħrafhom, jagħrfuni minnufih, jilqgħuni. Nasal lura d-dar b’għajnejja jibbru, bi ġwinħajja jħabbtu, riħa ta’ baħar f’xagħri, togħma ta’ melħ fuq ilsieni.
Niftakarni ftit ikbar, ma’ sħabi nkompli dar-ritwal tal-istess mixja mal-baħar, l-ewwel ninżlu sal-bajja, imbagħad nerħulha sa ħdejn il-pitch tal-waterpolo. Jekk jifdlilna l-ħin inkomplu mixjin fuq il-blat u nibqgħu sejrin sal-pont tax-Shell. Dejjem xtaqna nistgħu nitilgħu fuqu u naraw kif jidhru dawk ta’ fuq il-blat min-nofs il-baħar. Imbagħad, induru lura sar-ramla u nidħlu Wied il-Buni. Jew nibqgħu sejrin San Ġorġ, nitilgħu lejn Borġ in-Nadur. Kelli ħdax-il sena meta fuq folji ktibt sigriet twil, logħba bil-kliem dwar ħbieb tiegħi stess, u ħadthom miegħi fil-but tul il-mixja ma’ sħabi qalb l-għelieqi f’Borġ in-Nadur. Niftakar biss il-biża’, is-sens ta’ ħtija, meta ġew għalina żewġ nassaba bis-snieter f’idhom, qalulna nitilqu minn hemm, ma kellniex permess. Ħsibt li kien kliemi miktub li nkurlahom avolja l-folji kinuli fil-but. Dakinhar fhimt li s-sentimenti mhumiex logħob. Il-folji bil-kitba ma ridtx inqattagħhom, l-ebda kitba, dejjem emmint, m’għandha titqatta’ u tintrema. Infilsajthom, minflok, qalb il-ġebliet tas-sejjieħ. Kont naf li se jitmermru. Ħallejthom warajja, forsi jsibhom ħaddieħor, jew jien stess iktar tard. Kultant naħseb fihom, narani sejra lura għalihom, mhux biss bil-ħsieb imma wkoll b’riġlejja, nitla’ minn San Ġorġ sa Borġ in-Nadur infittex il-ħofor fil-ħajt bis-sigriet qalb il-ġebliet.
Niftakar li kuljum, darba filgħodu jien u tielqa mir-raħal, darb’oħra filgħaxija jien u dieħla lura, kieku ridt stajt nara d-dar li ġġegħelni noħlom biha billejl. Iżda domt ma lmaħtha, mistura kif kienet qalb il-friegħi tas-siġriet. Għodwa minnhom xi ħaġa laqtitli għajnejja għax niftakar li ħarist iktar bir-reqqa lejn is-siġar u, fejn zokk kien donnu safa għeri minn werqietu, ilmaħt gallarija, u jum wara jum bdejt nifliha aħjar u lmaħt it-twieqi maqbuda qalb il-friegħi bħal gwarniċ, il-persjani tal-injam ħarira mbexxqin. Il-bieb qatt ma rajtu għax kien mgħotti għalkollox, imma fil-ħolm kont narani niftħu u nidħol f’did-dar, niltaqa’ man-nies li jgħixu fiha. Qatt ma rajthom fil-verità. Bqajt, kull għodwa u kull għaxija, kemm jekk inħares, kemm jekk le, niftakar li hemm dar moħbija qalb is-siġar tistennieni mmur inżurha matul il-lejl.
#
Il-mixja ta’ tfuliti la hi passiġġata, la ħarba u lanqas pellegrinaġġ. Insejħilha ritwal, l-istess mixja kuljum fl-istess ħin u post. Jien dik li nsir il-mixja. Il-mixi jsawwarni ma’ kull pass li nieħu. Insir min jien, min nixtieq inkun, pass wara pass. Il-mixja toħodni ’l barra mid-dar u ’l bogħod minnha, nagħrafha għax biha noħloq distanza minn dak li jien għal dak li nsir fl-aħħar tagħha, nibdieha u nispiċċaha fl-istess punt iżda dik li tinbidel hi jien. Dil-mixja illum nipprova nimxiha kuljum. Nibdieha, nipprova, mhux bir-riġlejn imma bil-ħars, inħalli ’l għajnejja jilmħu l-ewwel ’il fejn nixtieq nimraħ. Imma fil-mixi tat-tfulija kienu riġlejja li jagħrfu qabel għajnejja fejn riedu joħduni.
Jien marbuta ma’ mkien, m’jien marbuta ma’ mkien. Ma’ mkien li xi darba kien xkiel. Jien illum inġorr fija post mill-imgħoddi mogħni tifkiriet. Tant tbigħedt minnu li dort dawran sħiħ u rġajt wasalt fih. Mhuwiex biss raħal tfuliti, mhuwiex biss il-pajsaġġ, mhuwiex il-baħar, mhux is-salini, lanqas mhu biss il-blat. Irkejjen fi mkejjen, ħajjiet fi ġrajjiet, f’għomri jibqgħu fondi inċiżjonijiet; ma ninsihomx imma mafkar ma nibnilhomx. Ġeografija intima, mhijiex min jien imma nafha daqs palet idi u l-linji la huma għeruq lanqas xenxul. Dan il-post ilsien ommi, ikellimni, nifhmu, nitkellem bih; dan il-post tiegħi, imma tiegħi mhuwiex. Bla dnewwa ħakem lili, bil-ħlewwa ħkimtu jien. Sjieda tiegħu m’għandix, biddel lili, jien ħallejtu li kien. Dal-post mhuwiex post, huwa mixja. Mingħajr irbit bil-ħsieb nimraħ fih, imma t-tifkiriet xhieda, dil-mixja nimxiha b’kollni kemm jien. Inċedi għat-tifkiriet, nilmaħ fihom l-iċken irqaqat, insawwarhom infinità ta’ verżjonijiet. Tfakkira dejjiema li l-ħajja mhix manwal ta’ kif għandi ngħixha jien. Jien marbuta ma’ mkien, m’jien marbuta ma’ mkien li mill-bidu sal-aħħar hu jien.
Illum il-Ħadd u sejra mixja tul ħalq il-ħuta. Ta’ tliet snin konna għadna ngħixu f’raħal ieħor, ’il bogħod mill-baħar, imma f’Diċembru, għal żmien il-Milied, inżilna bil-karozza sa Wied il-Buni, ipparkjajna u mxejna sa fuq il-blat fejn hemm is-salini, jien id waħda f’id ommi, l-oħra f’id missieri. Malli wasalna fit-tarf, ittawwalt biex nara x’kien hemm taħt wiċċ l-ilma, taħt wiċċi rifless. Irħejt kemm kemm id ommi, id missieri, u ġġebbidt, u l-ilma kompla jiġbidni lejh sa ma waqajt fih, inġazzat. Missieri ħatafni minn ħwejġi mxarrbin, ħariġni mill-ilma u t-tifkira tieqaf hemm. Imma jekk indawwar wiċċi lejn il-ħanut tax-xorb faċċata, ninduna li spiċċat ix-xitwa u issa s-sajf. Twalt, għandi sitt snin u mill-ħanut ħierġa ġgajta nisa u rġiel kollha jgħajtu għax ġewwa hemm erbgħa f’dagħdigħa qed jagħtu bil-ponn. Missieri jaqbadli idi u jiġbidni lejn il-lemin, lejn id-dar. Ftit xhur qabel, konna tlaqna minn fejn m’hemmx baħar u ġejna noqogħdu hawn. Dit-tifkira tieqaf malli nibdew nimxu, imma jekk nibqa’ miexja sa qabel tibda r-ramla nintebaħ li issa għandi disa’ snin u f’idi għandi kopp. Qiegħda ma’ ħabibti u żewġ ħutha iżgħar subien fuq il-moll ta’ San Ġorġ — mir-ritratti sirt naf li fl-imgħoddi l-bastimenti tal-Ingliżi kienu jibqgħu deħlin s’hawn — u nimxu sa tarfu, l-erbgħa li aħna bil-kopp nistadu suppost għall-gambli, għall-vopi, imma nqattgħu s-sigħat u ma naqbdux ħuta waħda. Meta nixbgħu, ninżlu għar-rizzi, hemm huma kannella skuri ara nolqtuhom bi żball. Nibża’ li nniggeż ponot subgħajja u ma mmisshomx, nipprendihom, ma nikolhomx. Għal erbgħin sena oħra bqajt ma doqthomx. Għandi għaxar snin, ix-xitwa u issa t-triq ta’ maġenb il-bajja mgħarrqa fl-ilma, għadni ma nafx nifhem jekk hux minħabba x-xita, jew tela’ l-baħar jew far id-drenaġġ. Għandi tnax-il sena, is-sajf u qed nidlek ġildti biż-żejt qabel ninżel ngħum. Il-kopp refgħetu ommi xi snin qabel u baqa’ merfugħ. Għandi tlettax, ix-xitwa filgħaxija u qed nimxi ħosbiena, idejja fil-bwiet, fuq il-blat fid-dawl tal-qamar fiddien, tad-dwal inemnmu tat-triq. Għandi erbatax u qed nimxiha bil-kontra dil-mixja, mil-lemin sax-xellug, minn San Ġorġ sejra Wied il-Buni, nhewden dwar ħsibijiet ix-xitwa li għaddiet, dwar l-inkwiet tar-rizzi ppuntati, tal-ħut li ma qbadtx, tal-ġlied bil-ponn tal-irġiel u tal-ħwejjeġ tax-xitwa għasra bl-ilma baħar inġazzat żmien ilu f’Diċembru. L-istess sena imma s-sajf, u rġajt qed nimxi, did-darba mix-xellug sal-lemin, tul iċ-ċint li hemm mat-triq fejn fis-sajf ipoġġu n-nies, miġbuda minn driegħi minn wieħed li ma jridx iħallini ngħum ma’ ħabibti u lanqas immur id-dar għax jgħidli, inti ma tafx imma inti isbaħ minn ħabibtek, u għalija dan kastig għax jien irrid immur id-dar imma dan ma jħallinix. Ngħaddu minn quddiem l-għassa, irrid ngħajtilhom lil dawk bl-uniformi biex jgħinuni, jeħilsuni mill-qabda ta’ drigħu, ta’ idu madwar spallti, ta’ xufftejh sħan fuq għonqi, imma jsellmilhom qabli u jidħqilhom għax kollha jafuh u jegħmżuh għax ħelwa dit-tfajla żgħira li qed jagħfas miegħu. Ftit xhur wara rġajt Wied il-Buni, waħdi fl-ilma nitlob biex ħabib tiegħi sirna ħbieb sew dal-aħħar ma jmutx, imma jmut. Għandi ħmistax u miexja fuq is-simenta li għadhom kif wessgħu bejn il-pitch tal-waterpolo u r-ramla, id f’id ma’ wieħed għax issa għandi għarus, naħseb li hekk għandu jkun. Għandi għoxrin u qiegħda fuq wara ta’ karozza pparjkata Wied il-Buni, fuq wara tal-ħanut fejn rajt ġlieda ponnijiet kelli biss sitt snin. Għandi sebgħa u għoxrin u m’għadnix ngħix hawn imma darba kultant ninżel sal-bajja bi ktieb f’idi; ma naqrax, niċċassa lejn il-baħar minflok. Għadni hemm imma issa għandi ħamsa u tletin u r-ramla ħakmet il-bajja kollha u mtliet siġar tal-palm. Il-baħar tbiegħed u xejn iktar donnu m’għadu li kien. Għandi tnejn u ħamsin u miexja id f’id ma’ ibni mir-ramla sa Wied il-Buni nfittixni, sibt is-salini b’tifkirieti fihom immellħin.
#
Kbirt u tbegħidt mill-baħar. Illum, fil-bliet li nżur infittex l-ilma, il-kanali, ix-xmajjar, l-għadajjar, il-vaski, saħansitra l-funtani u l-bjar, biex intaffi għan-nuqqas tal-ilma baħar. Dik diqa li taqbadni kull darba li niftakar li dil-belt fejn għażilt li niġi ngħix xi darba kienet mibnija madwar l-ilma. Iżda f’nofs is-seklu dsatax, ix-xmara Senne saqqfuha, il-kanali għattewhom. L-ilmijiet difnuhom taħt l-art għax tniġġsu bl-iskart tal-fabbriki, biż-żibel u d-drenaġġ. U l-għargħar kienu ġmielhom ixerrdu l-kolera u l-irwejjaħ ta’ miżża fil-qalba tal-belt. L-ilma jnaddaf imma l-ilma mniġġes jinfetta. Jew forsi bi skuża għax ix-xmara esposta kienet tifkira tal-belt qadima u r-re, dejjem l-istess re, ried belt moderna bit-toroq wesgħin, il-bini neo-Rinaxximentali, is-swieq u l-pjazez kbar, biex tħaqqaqha mal-Pariġi moderna, urbana u grandjuża ta’ Haussmann. Biddlu l-vija tal-ilma biex jgħadduh taħt l-art u għadu moħbi taħt il-belt sal-lum.
Kultant ngħid, x’fettilli tbegħidt mill-gżira ċkejkna mdawra bil-baħar biex mort ngħix ġo belt fejn l-ilma xi darba kien imma m’għadux? Id-dar li ngħix fiha tiftakru ż-żmien meta l-belt l-ilma kienet għadha ma ċaħditux. Wasalt hawn tard wisq. Kull meta nitlaq mill-belt għid li nitlaq biex immur infittex l-ilma. Jien minni miġbuda lejn l-ilma, il-preżenza tiegħu nħossha mingħajr l-għajnuna taz-zokk, l-għasluġ, il-virga, il-pendlu. Żgur ġejja mix-xenqa li għandi għall-Mediterran. Qalbi maqsuma li minnu tbegħidt. L-ewwel mixja tiegħi kienet mal-kosta f’raħal tfuliti u l-mixjiet li llum infittex dejjem ifakkruni f’dik l-ewwel mixja. Mixjiet fit-truf. Mixjiet ħdejn il-baħar, mixjiet bħal tiftix ħerqan, kultant iddisprat, għall-ilma. Niġri wara l-kaskati, naqsam ix-xmajjar, infittex l-istatwi tal-Jizo maġenb l-ilma fferuċjat tal-Abbissi, infittex l-ilmijiet biex nimxi tulhom, biex nintelaq fihom. Naqsam san-naħa l-oħra tad-dinja biex nimxi fit-truf ta’ gżejjer żgħar f’oċeani u f’ibħra li ma nafhomx, nimxi mat-tarf ta’ Vanuatu, ta’ Nouvelle Caledonie, u nerġa’ lura f’ibħra aktar qrib tiegħi biex interraq il-kosta ta’ Salina, ta’ Stromboli. Dak ferħ li nħoss viċin l-ilma, dak ferħ li nħoss meta nkun fih, meta l-ilma nħossu ma’ rasi. Fl-ilma, taħt l-ilma, jiġuni biss ħsibijiet sbieħ, ideat tajbin. It-tarf, it-truf, l-orizzjont. Irrid, il-gżira, nimxiha minn tarf sa tarf. Irrid indur dawra sħiħa magħha. Irrid insib l-iktar tarf imbiegħed u nħares ’il barra. L-ilma, id-dgħajsa, il-baħar, l-għerien, taħt il-baħar, il-ħut; irrid inżur il-gżejjer ta’ Malta bid-dgħajsa, bil-moqdief. Irrid nintilef bejniethom. Irrid ninżel fl-ilma, nidħol ġol-għerien. Il-bidu hu l-baħar, it-tmiem fil-baħar. Meta ma nsibx qatra, għattxana nfittixha fil-kamra tal-banju u nħalli l-ilma tad-doċċa nieżel igelgel fuq rasi, jikkalmali l-ansjetajiet, imewwitli l-biżgħat, jagħdirni, jwennisni u jbiddilli l-inkwiet fl-isbaħ tifkiriet.
Fil-jum iddedikat għall-ilma, għalhekk, immur nimxi wara n-Ninfa efimera tas-Senne, f’idejha żigarelli lwien vjola, ikħal, roża, bil-ġnieġel iġenġlu mat-truf. Niltaqgħu quddiem bini neoklassiku awsteru mit-tieni nofs tas-seklu dsatax, li nbena biex ikun is-sede tal-proġett grandjuż tal-passaġġi msaqqfin tax-xmara. F’dal-bini kien hemm ukoll il-magħlaq li kien jirregola l-fluss tal-ilma qabel ma x-xmara tgħattiet mill-boulevards fiċ-ċentru tal-belt; il-bibien kienu jitħaddmu minn ċilindri idrawliċi massivi, u għadhom jaħdmu sal-lum. Ix-xmara, imbagħad, ġiet devjata ’l barra mill-qalba tal-belt, il-bini żvojta u llum ristorant. X’inhi belt mingħajr ilma? Għebu mill-belt il-gżejjer imfasslin mir-rotot tal-ilmijiet, għebet għalkollox il-gżira tapit isfar bil-fjurdulis tal-ilma u l-knisja ta’ San Gaugericus wieqfa f’nofsha. L-art nixfet għalkollox u llum ma fadal l-ebda traċċa tal-ilma li jiċċorkola u tal-ħajja akkwatika tax-xmara. Għebet ukoll it-tifsira ta’ isem il-belt u nsejna għalfejn tissejjaħ hekk għax art mistagħdra ma baqgħetx. Imma hemm xmara inviżibbli li tkompli ġġorr l-ilma tax-xita u l-iskart u kultant nistħajjel qed nisma’ ħjiel ta’ ilma jgelgel taħt l-art. Insegwi għalhekk, ħerqana, lin-Ninfa tas-Senne f’purċissjoni urbana li tfixkel lill-belt bil-personifikazzjoni tax-xmara nnifisha li qed tfittex ir-rotta minsija tagħha fil-qalb bla ruħ tal-belt. Tgħidli n-Ninfa li dil-mixja ribelljoni għax it-toroq traffikużi tal-lum jidderieġu l-fluss tal-karozzi u l-muturi minn spazju privat għal ieħor, malajr kemm jista’ jkun, bl-iktar mod privat possibbli. Imma jekk nimxi b’saqajja fit-toroq wesgħin jaf naqla’ rewwixta. Nagħlaq it-toroq għall-karozzi, niftagħhom għall-mixi biex naqsam min-naħa għall-oħra tal-belt bir-ritmu ta’ riġlejja u nazzarda nħoss il-qtar frisk tax-xita fuq rasi… Jien, bħal qatra ilma, nimxi fis-skiet wara n-Ninfa fid-direzzjoni tal-fluss nisma’ t-taħbita ta’ qalbi mal-pass ta’ riġlejja, twennisni u nħoss l-ilma li jiċċirkola taħt saqajja. Ma’ kull pass qatra ilma taqa’, ma’ kull qatra nistħajjilni nilmaħ l-ispirtu tal-ilma li fl-imgħoddi kien jiġri ħieles tul it-toroq tal-belt li bħali jissielet ifittex kif se jmur lura d-dar. Ma’ kull qatra pass ’il quddiem, ma’ kull pass, nipprova niftakarni lbieraħ, narani llum, nistħajjilni għada. Kif nista’ napprezza xmara meta tinsab moħbija minni? Kif nista’ nerġa’ nitgħallimhom it-toroq, it-tributarji u x-xmajjar tal-belt bħala spazji ta’ inkontri u ta’ passaġġ? Meta naslu fi tmiem il-mixja nsibu li l-vaska quddiem il-Knisja ta’ Santa Katarina, li s-soltu tkun bl-ilma, illum żvujtata wkoll. Nifhem li għandi mmur infittex xmara oħra xi mkien ieħor.
#
Immur insib il-ġebla li tferrgħa l-ilma f’Pouilly-en-Bassigny, għajn bħal funtana tarmi l-ilma minn żaqq l-art, tħallih jitlaq ħieles u jsir nixxiegħa żgħira, ilma ġentili, ilma nadif, ilma frisk offrut mill-Plateau ta’ Langres. L-għajn imdawra bi struttura tal-ġebel ordinarja u stekkat baxx li ma jagħtu l-ebda ħjiel tal-kobor li għad jilħqu dawn l-ilmijiet. Imma fuq plakka naqra li hawn huwa s-sors, minn fejn jibda, minn fejn jitlaq, l-ewwel post, fejn jitwieled, fejn jeħles, il-bidu nett tal-miraklu etern tal-ilma ħiereġ sparat mill-art. Għalfejn ġejt hawn? X’ġejt infittex hawn? Inħoss sens ta’ parentela, ta’ kompliċità ma’ dal-ilma? Bħal meta jien biss inkun naf bi ġnien sigriet? Jew kemm inzertajt għaddejja minn hawn, mingħalija nista’ nibqa’ indifferenti meta nixhed twelid ġdid, meta niġi wiċċ imb wiċċ ma’ destin magħruf iżda li kollox dwaru għad irid jinkiteb?
L-ilmijiet li jitilqu minn hawn se jieħdu rotta ta’ kważi elf kilometru tul tliet pajjiżi differenti, fosthom dak li nsejjaħ tiegħi, sa ma jinħelsu fil-Baħar tat-Tramuntana. Madwari, art ċatta tal-biedja, baqriet għażżenin, jirgħu. Xejn ta’ barra minn hawn. Inħares lejn l-ilma ħiereġ mill-art nipprova nifhem x’hemm għaddej taħt l-art fejn għajnejja ma jistgħux jaraw jistgħu biss jimmaġinaw. L-ilma ġieri taħt il-blat jara kif se jsib żbokk u jaħrab ’il barra. L-ilma li jinbeżaq minn dil-art kien donnu jaf fejn irid imur. Fid-direzzjoni tiegħu nibda miexja anki jien, għajnejja iktar fuq l-ilma milli l-pajsaġġ ta’ madwari, biex nilmaħ is-salt ferrieħi tiegħu, narah igelgel ’l hawn iserrep ’l hemm, it-tisrip dejjem tiela’, dejjem iżid. Nitilfu għal ftit, imbagħad nerġa’ nsibu. Minn nixxiegħa naħsibha se tinxef qoxqox mal-ewwel ġurnata xemx, narah jimtela, jogħla, jitwessa’, iżegleg qalb l-għelieqi u l-widien, li mhux huma sawru r-rotta tiegħu imma ssawru huma bih. Inkompli miegħu, naqsam l-ewwel pont li l-ilma jgħaddi minn taħtu u nintebaħ li l-ilma issa xmara u għandu isem. Dal-ilma x-Xmara Meuse.
Naraha xi drabi tinferaq u fuq naħa waħda ttemm iżda l-ilma ma jaqtax qalbu u jkompli r-rotta fl-oħra. Jinferaq darba oħra u jtemm f’għadira fuq il-lemin iżda jibqa’ sejjer fuq ix-xellug. Naqsam il-Pont de Malroy, il-Pont du Pâtis des Vannees, il-Pont de Val-de-Meuse, il-Pont de Lavilleneuve, il-Pont de Bassin court sur la Meuse, li malli naqsmu nara x-xmara tinferaq u tinħoloq xmara falza li jerġa’ jibdielha u tmur tiltaqa’ mal-Meuse għal darb’oħra qisha l-firda qatt ma ġrat. Nara x-xmara tinferaq kemm-il darba u tħalli warajha nixxigħat u għadajjar li jimirħu ’l bogħod minn fejn l-ilma tax-xmara għandu f’rasu jmur hu iżda jieħdu l-memorja tiegħu magħhom. Jibqa’ jserrep, naħsbu sejjer naħa, jinkini u jdur in-naħa l-oħra u malli nilħqu jerġa’ jibdel il-vija, iżda xorta nibqgħu telgħin dejjem ’il fuq. Ngħaddu minn ħdejn il-Knisja ta’ Saint Remy u nieqaf biex nidħol nara l-istatwa ta’ San Eloff b’rasu maqtugħa f’idejh. Inżur, imbagħad, id-dar ċkejkna, erbat ikmamar kollox, li fiha twieldet Jeanne D’Arc u fejn għexet għal ftit snin. Nibqa’ miexja sa ma x-xmara terġa’ ddur fuqha nnifisha u toħloq gżira f’nofsha. Nieqaf nimxi u nidħol saċ-ċimiterju, naqra l-ismijiet tal-mejtin u nifli l-fjuri mqegħdin fuq l-oqbra, imbagħad inkompli nsegwi l-ilma tax-xmara li joħodni għal għarrieda meta filli tiela’ filli jdur u jerġa’ jibda nieżel. Meta nieqaf inżur il-Kappella Vieux-Astre u nintebaħ li rġajna bdejna telgħin. Mill-mappa naħsibha xmara li r-rotta linja dritta ’l fuq iżda jien u nimxiha ninduna li l-linja dritta ħrafa, magħmulha biss mit-tidwiriet li jiċċattjaw u jiddrittaw jekk titbiegħed minnhom biex tara l-istampa kollha. Ngħaddi mill-villaġġi li jieħdu isimhom mix-xmara, Tilly-sur-Meuse, Villers-sur-Meuse, Dieue-sur-Meuse, Dugny-sur-Meuse, Belleville-sur-Meuse, Thierville-sur-Meuse. Ngħaddi mill-belt Medjevali ta’ Verdun u nimxi bil-lajma tul il-kanali, ngħaddi minn Sedan u nieqaf sal-kastell-fortizza, minn Charleville‑Mézières, minn Laifour u nħalli x-xmara ddawwarni żugraga, ngħaddi mill-boskijiet tal-Ardennes u nara x-xmara titwessa’ u tinżel iktar fil-fond, ngħaddi minn Givet u ninduna li d-daqs tad-dgħajjes kiber ġmielu. Kien proprju minn hawn li beda l-mixja tiegħu l-Abbè Evrard fl-1967, mixja ta’ 450 kilometru ’l isfel, bil-kontra tiegħi, sa ma wasal għal dik in-nixxiegħa fjakka f’Pouilly-en-Bassigny u qatagħha li hemm kienet l-għajn tax-xmara. Dix-xmara tinkini. Kull darba li tersaq viċin il-fruntiera, jibdielha u terġa’ lura, l-ilma donnu jrid itawwal kemm jista’ qabel jidħol f’pajjiżi. Sa fl-aħħar naqbżu l-fruntiera imma jien biss konxja tal-linja mniżżla fil-mappa. Hawnhekk nibda nħossni ftit eqreb tad-dar.
Dix-xmara labirint li jilwi u jserrep minn pajsaġġ għall-ieħor, jgħaqqad pajjiż ma’ ieħor, iżda n-nies tal-Meuse ma jagħrfux fruntieri ħlief dawk bejn l-art u l-ilma. Jgħidu li r-riħa ta’ dix-xmara tferraħhom, iġġibilhom l-isbaħ memorji, u meta jinżlu jgħumu fiha daqslikieku qegħdin btala, festa kmandata. Jistgħu jkunu l-Greċja, jistgħu jkunu t-Turkija, imkien mhuwa isbaħ mill-Meuse. Il-baħar ma jqanqalhomx daqskemm iqanqal lili. La l-kobor, la l-fond, la l-ftuħ, la t-temperatura iktar sħuna, la l-imluħa li żżommok fil-wiċċ, la l-kurrenti tal-ilma u lanqas l-ilwien — xejn minn dan ma jagħmel bihom. Jgħidulek li l-ilma tax-xmara l-aqwa ilma biex tinżel fih. Trabbew ħdejn l-ilma tax-xmara u jemmnu li dak li joħolmu se jwettquh. Twieldu u għexu f’pajjiż ta’ nixxigħat u xmajjar, u l-isbaħ dar għalihom hi biss fil-widien, ħdejn l-ilma ġieri, fid-dell qsajjar tas-siġra tas-safsafa u tal-qasab.
Nibqa’ nimxi sa ma nasal Anseremme fejn il-Meuse tiltaqa’ mal-Lesse u nidħol nistejqer fid-dverna fejn seklu u nofs ilu kienu jiltaqgħu l-poeti u l-artisti biex jgħumu, jaqdfu, jieklu, jixorbu u jukkuntemplaw il-fatt li n-natura sabiħa, tħossha iżda qatt ma tista’ trendiha tassew biż-żebgħa. Narmuhom il-pniezel, nismagħhom jgħidu, narmuhom il-lapsijiet u l-ġebliet tal-litografija jekk verament inħobbu s-sbuħija, u ma nkunux redikoli, għax la r-ruħ u lanqas in-natura ma nistgħu qatt inpittruhom, ta’ xejn niffanfraw li kienet il-Meuse l-ewwel pajsaġġ impitter fir-Rinnaxximent. Niġġerrew, minflok, fil-bosk, naħsdu ruħna bl-irwejjaħ kollha tar-rebbiegħa. U l-art u n-natura jikxfulna s-sigrieti tagħhom, u aħna se nqumu iktar b’saħħitna, iktar ferħanin. Nitla’ fid-dgħajsa ma’ ġgajta minnhom, fosthom Lemonnier, li nagħrfu għax drajt insellimlu kull meta nilmħu fil-ġonna tal-Abazija tal-Kamra. Jgħid li, jekk nisktu, il-ħoss li nibqgħu nisimgħu jkun id-daqqa ritmika ’l hawn u mbagħad ’l hemm tal-moqdief, u, malli jibda jonfoħ ir-riħ, it-tħaxwix maħnuq u dejjiemi tas-siġar mat-tarf tat-triq. Miegħu hemm kuġinuh, Félicien Rops, il-pittur bi mħabba kbira għall-botanija, li jgħajjar lill-artisti redikoli għax ipittru n-natura. Nerħulha ftit ’il fuq lejn Dinant. Ninżlu nistrieħu fi kmajra imdeffsa fil-ġebel taħt iċ-ċittadella u nqumu nieklu torta taċ-ċirasa sħuna għax illum għeluq sninek u f’dal-jum dit-torta minn dejjem naħmilek. Nitilgħu bil-funikular inżuru l-belt fortizza fis-sħab, u fl-aħħar nerġgħu ninżlu għall-mixi max-xmara. Ħalqna u mnifsejna mgħottija għax id-dinja bħalissa marida, iżda nitwennes bi kliem il-mistika li tisħaq li l-ilma tax-xmara duwa.
Ngħaddi minn belt oħra fejn hemm ċittadella, fejn il-Meuse tiltaqa’ ma’ xmara oħra u tirbħilha. Din tiegħi mhix l-ewwel żjara hawnhekk. Inħalli x-xmara u naqbad it-triqat li jwasslu sal-quċċata tal-għolja. Kull tant ħin, minn fuq rasi nilmaħ għaddejjin siekta tliet kabini ta’ funikular li jaqsam ix-xmara miċ-ċittadella sal-belt antika. Niftakar li meta ġejt hawn l-ewwel darba snin ilu, dal-funikular ma kienx hawn ħjiel tiegħu; it-tieni darba rajthom jibnuh, did-darba ġa bdew iħaddmuh. Nibda tiela’ telgħat u turġien, nerġa’ ninżel minn bnadi oħra, kull ftit nittawwal lejn ix-xmara setgħana tinfetaħ taħti, imbagħad naqsam pont tal-injam u nidħol fil-qalba taċ-ċittadella. Nibqa’ dieħla tant li nerġa’ nsibni f’tarf ieħor, nistagħġeb xħin nilmaħ tliet nagħġiet jirgħu f’għalqa dejqa u twila maġenb il-ħajt wiesa’ u impenetrabbli tal-fortifikazzjoni. Nistħajjel qed nara xena mpittra, inħoss li wisq ġmiel mhuwiex reali, imbagħad nagħġa minnhom tgħolli kemm kemm rasha. Nieħu, bid-dawra, ir-rotta tal-meravilji u nasal ħdejn bejjiegħ tal-fwejjaħ, jgħidli, xomm! Inxomm il-fwieħa ħjiel ta’ frott, isejħilha ġnien id-delizzji innu għall-ħajja; il-fwieħa florali, fsied ħeddieli ġnien tal-maħbubin, il-fwieħa orjentali, deheb ta’ Luxor innu għall-fwejjaħ kollha, il-fwieħa ħjiel ta’ għuda, ta’ papiru, fwieħa rjali innu għall-ferħ. Bl-irwejjaħ fi mnieħri ninżel ferħana sikrana niżla ħarira mtarrġa, infittex l-istatwa tal-fekruna tal-utopija. Insibha; imdaqqsa, dehbiena, b’ħarsitha ’l barra, ’l isfel, lejn l-ispettaklu fejn jiltaqgħu ż-żewġ xmajjar u tkompli biss il-Meuse. Imrikkeb fuq dahar il-fekruna hemm is-sura tar-raġel li ħoloqha. Naqra dwar l-imġiba ħażina tiegħu man-nies, l-aktar ma’ nisa bħali, u jnissel fija biss stmerrija, dal-post m’għadux ta’ ferħ għalija. Lilu ċanfruh u qafluh, lill-fekruna tfewlha d-dawl billejl imma ħallewha hawn. Binhar, fuq dil-għolja maestuża, wiċċu jibqa’ tbissima dejjiema minkejja l-għawġ. Dil-fekruna tal-mistħija, dil-utopija ipokrizija; qatt ma jmissha tħalliet hawn. Nimxi ngħaġġel biex nitbiegħed minnu u minn irġiel bħalu, nibda nitbiegħed miċ-ċittadella, nintilef, iżda nibqa’ miexja u nsib ruħi fi trejqiet weqfin imħarbtin qalb is-siġar u d-djar bilkemm jidhru mgeddsin fil-ħdura ta’ din l-għolja. Nitqanqal mill-ħdura ta’ kull sfumatura, ninħasad mill-qilla ta’ lwien il-fjur. Nerġa’ nsib post il-ferħ tiegħi, nintebaħ li jfakkarni fi mkejjen u mixjiet oħrajn. Nistħajjilni waqt mixjiet oħra ta’ ferħ kbir għalija, nilmaħni m’ommi u missieri Borġ in-Nadur naqtgħu l-fjuri tal-kamumilla u l-kappar; narani nterraq infittex l-ispirti fil-ġebliet imlibbsin vavalor aħmar; niftakarni tiela’ ħerqana ferħana għall-ilmijiet indimunjati tal-kaskati. Il-ħoss tal-weraq u ż-żraġen jitmewġu u jħaxwxu fir-riħ nistħajlu l-ħoss tal-ilma ġieri. Nifhem li la nitlaq, hawn ukoll se jibqagħli tifkira li nista’ nġib lura kull meta nsibni f’post ta’ ferħ u hena bħal dan.
Malli nerġa’ nasal ħdejn ix-xmara, inkompli l-mixja. Ngħaddi minn Huy iżda ma niqafx. Nibqa’ tiela’ u ngħaddi minn nofs il-belt ta’ Engis fejn kważi seklu ilu taħlita ta’ tniġġis mill-fabbriki, kesħa f’daqqa u nixxiegħa ta’ gass tal-fluworin ħalliet lin-nies b’nifishom maqtugħ u qatel iktar minn sittin persuna f’temp ta’ ħamest ijiem. Nibqa’ siekta, diqa f’qalbi, sa ma nħalli l-belt warajja, ħerqana sa ma nasal Liège.
Meta Kristina Tal-Għaġeb waslet fil-belt ta’ Liège talbet lill-qassis ta’ San Kristofru biex isaħħaħha mit-tbatijiet tagħha bit-Tqarbina Mqaddsa. U meta l-qassis weġibha li ma setax jagħmel dan f’dak il-mument, ma setgħetx tissaporti u marret għand il-qassis ta’ knisja oħra u talbet il-ġisem ta’ Kristu. Huwa qabel mat-talba tagħha u qarbinha. Impuls qawwi ġegħelha taħrab f’daqqa mill-belt u l-qassis stagħġeb bil-ħarba tagħha u ġera warajha u miegħu ngħaqad il-qassis l-ieħor, ta’ San Kristofru, u baqgħu jiġru warajha sax-Xmara Meuse. Ferħu li l-ilma kien se jwaqqafha mill-ħarba tagħha u li kien se jirnexxilhom jaqbduha imma baqgħu skantati meta raw lil dil-mara, f’ġisem reali iżda wieħed li deher aktar bħal spirtu, tidħol fl-ilmijiet profondi u mqallba u toħroġ bla tbatija u feriti fuq ix-xatt tan-naħa l-oħra. Fix-xitwa, fi żminijiet ta’ kesħa u silġ, Kristina kienet spiss tintefa’ f’dan l-ilma ffriżat tax-xmara u tibqa’ fih għal sigħat u jiem u ġimgħat sħaħ. Imma l-qassis li kien responsabbli għall-kura tagħha kien jiġi, u wieqaf fuq ix-xatt tax-xmara kien jitlobha toħroġ mill-ilma sa ma tobdi. Fix-xitwa wkoll kultant kienet tintreħa biex tinġarr ’l isfel mill-kurrent max-xmara lejn mitħna fejn kienet toqgħod taħt ir-rota u tħalli l-ilma jgħaddi minn fuq rasha u riġlejha sa ma r-rota taħtafha u ddawwarha, ittajjarha u twaqqagħha lura fuq ir-rota għadha ddur b’mod wisq tal-biża’ biex niddeskrivih hawn. Iżda ġisimha qatt ma wera sinjal ta’ ġrieħi, qatt ma donnu sofra dislokazzjoni lanqas ksur fil-għadam. Uġigħ biss.
Il-Ġimgħa billejl u għadni Liège. Ix-xita nieżla bla waqfien b’qilla feroċi li tfawwar l-ilmijiet tax-xmara u l-għargħar jibilgħu b’ħasda ċ-ċentri tal-belt. Ikollna ninsewh l-irqad u s-serħan dan il-lejl. Inqumu min-nagħas u ntiru bil-ħeffa mis-sodod, noħorġu minn darna, nitilgħu t-turġien sal-ogħla sular. Mit-twieqi naraw ix-xeni tal-għaġeb tal-ġirja sfrenata tal-ilmijiet qalb it-toroq tal-belt. Ix-xmara nkurlata titwaħħad mal-ilmijiet vjolenti tax-xita u ma nagħrafhiex; naraha sewdiena bil-ħmieġ, togħla u tinfirex bir-rabja fuq l-art, tiknes magħha kulma ssib quddiemha, bla ħniena taħkem, teqred u tħammeġ kulm’hemm. Spettaklu tal-għaġeb li jwaħħaxni, ġmiel tal-biża’, inħossni m’jien xejn fiċ-ċokon inisinifikanti tiegħi. It-toroq isiru xmajjar u x-xmara nnifisha titqawwa tant li tinħeba minnha nnifisha. Il-pumpiera jiġu bil-mijiet jippumpjaw id-dulluvju mit-toroq, mid-djar, mill-ġonna, mill-għelieqi mgħarrqin. Is-Sibt jibda jbatti l-ilma, nisma’ li mhix l-unika xmara li qed tagħmel ħerba fil-bliet. Niftakar fil-maltempati u l-għargħar ta’ tliet snin ilu biss. Dakinhar ix-xmara kienet ħalliet warajha mejtin u midrubin. Did-darba tiġiha ftit ħniena u ma tweġġa’ u tgħarraq lil ħadd. Iżda l-ħerba li tħalli warajha hi ferita li ddemmem u ddum ma tfieq, l-iktar għal dawk li għadhom ma rkuprawx sew mill-għargħar ta’ qabel. Xi nies mill-villaġġi u l-bliet fil-qrib u wkoll mill-bogħod jibdew ġejjin biex jagħtu daqqa t’id lil dawk li tilfu kollox fl-ilmijiet. L-ilma jonqos sa ma jgħib mit-toroq u d-djar, li jibqa’ huwa t-tajn. Tajn kullimkien u kollox isir żibel. Qabel nitlaq nimpala ftit tajn anki jien. Għal xi wħud, il-korla tax-xmara, li f’ħamsin sena ma kienet urietha qatt imbagħad esprimietha b’tant qilla darbtejn fi tliet snin, hija sinjal li għandhom jerfgħu ħwejjiġhom u jitilqu minn hemm, jitbiegħdu mill-ilma ta’ xmara li waqfet tfisser għalihom tifkiriet ħelwin mit-tfulija, u lanqas ma għadha xbieha ta’ ħajja, indafa, ġmiel u serħan. Kif nistgħu nkomplu ngħixu hawn, ħarsitna dejjem lejn is-sema nistennew minn jum għal jum l-għargħar li jmiss? B’qalb imnikkta nsellem lill-belt u nibda nitbiegħed. Inkompli l-mixja tiegħi tul xmara li issa kkalmat, ma’ kull pass nistagħġeb b’kif nixxiegħa fjakka tista’ teqred belt sitt mitt kilometru ’l bogħod minnha.
Naqsam fruntiera oħra, nintebaħ jien biss, il-Meuse ma tagħtix kas. F’Maastricht il-linja li nistħajjilha tiela’ dritta fil-mappa tikser ħesrem lejn ix-xellug u tibda rotta fit-tond u issa x-xmara qed naraha tifforma sinjal ta’ mistoqsija. Minn hawn ’il quddiem, l-ilma nħossu ħerqan biex jasal fil-kosta u jitferra’ u jeħles fil-Baħar tat-Tramuntana. Il-jiem ta’ mixi tul ix-xmara ma ngħoddhomx, naf li huma biss ġimgħat imma jinħassu snin. Meta fl-aħħar naraha tinħeles fil-baħar, insellmilha, ħsibijiet mħeddlin b’tifkiriet minn tfuliti. Indur u nibda mixjiet oħra fejn l-ilmijiet tagħha ma jaslux. Naqsam pontijiet ġodda u nfittex xortija mod ieħor. Mhux se narak għal żmien twil imma naf li fejn kont ilbieraħ, għada hemm se tkun għadek. Issa nafek tibda mix-xejn, nafek mill-baxx tal-mergħat bir-rgħajja u l-merħliet, nafek mill-fond tal-widien, nafek għaddejja setgħana qalb il-bliet. Naf ukoll li int qatt ma tħossha bħali l-għafsa tat-tluq, għaddejja dejjem, titbiegħed qatt, dik li titbiegħed hija jien. Se nitlaq. Ibqa’ ġentili; il-qilla żommha ’l bogħod minn xtutek, titlax bil-korla fuq l-art. Ibqa’ hienja sa ma nerġa’ narak. Jien se nibda l-mixja lura d-dar.
#
Niftakar meta, wara sajda għal-lampuki, il-magna ma startjatx. Is-sajjieda tellgħu l-qlugħ u rħewlha lejn id-dar bil-mod, id-dgħajsa titbennen bil-lajma maċ-ċafċif imqanqal miż-żiffa. Niftakar ir-riħ kien Xlokk. Lemħu l-art riesqa lejhom. Lemħuha tibqa’ l-istess bogħod. Imbagħad lemħuha taqbad titbiegħed minflok. Ħobżhom u darhom il-baħar, imma issa xtaqu jmorru lura fuq l-art għall-mistrieħ. Ir-riħ dar f’daqqa, mingħajr ħniena. Niftakar ir-riħ jonfoħ Grigal. Iż-żgħir fosthom tqalleb fl-irqad, għadu joħlom bil-qabda lampuki. L-irġiel ħallewh rieqed. Għalxejn jinkwetaw; xwew xi ħutiet li kienu qabdu u kiluhom bil-kwiet. Fid-dlam, ’il bogħod mill-art, tħaddtu dwar il-qabda, l-irjieħ, il-qlugħ, l-art, il-baħar, in-nisa u t-tfal jistennewhom id-dar. Imbagħad siktu u ħarsu lejn iż-żgħir li kien għadu rieqed. Imteddu bil-mod biex ma jqanqlux id-dgħajsa u ma jqajmuhx. Għalqu għajnejhom iżda kienu jafu li l-oħrajn, bħalhom, kienu se jibqgħu mqajmin. Ir-riħ Grigal ma ċediex. Filgħodu qamu u sabu ruħhom ftit mili ’l bogħod minn Filfla. Waħedhom. Kien fadal ftit loqom ħobż; l-ilma tax-xorb kien wasal fl-aħħar. Fuq ir-radju semgħu li kienu ntilfu erba’ sajjieda fuq il-baħar. Remew il-ħut li beda jinten. Iż-żgħir qam, imbagħad reġa’ raqad. Ma kienx muġugħ, għajjien biss, inkwetat. Għadda ħelikopter imma ma lemaħhomx, għalxejn xejruhom il-gvieret. Meta reġa’ dalam xegħlu t-torċi iżda d-dawl ma rah ħadd ħliefhom. Sid id-dgħajsa qatta’ l-lejl ħarstu lejn is-smewwiet, lanqas kewkba waħda tibber ma ra. Il-qamar ħares lura lejh iżda ma kellu xejn x’jgħidlu. Tant kien hemm nies li seta’ jaħseb dwarhom li qatagħha li jinsa kollox u ’l kulħadd. Tefa’ ħsibijietu fuq il-lejl innifsu, fuq il-ħoss imċafċaf tal-ilma jaħbat mad-dgħajsa, u fuq is-sura tal-qamar. Qatt ma kien se jinsieh dal-lejl. Filgħodu ma’ tlugħ ix-xemx qabdu żewġ lampukiet kbar, kull waħda tiżen erba’ kilogrammi, u għamlu festa. Ġurnata sħuna f’Ottubru perfetta għall-festi. Iċċelebrawha b’ikla tajba u nofs tazza ilma kull wieħed, niżżluha bħal tazza nbid, u offrewha għal saħħet qrabathom. Ir-radju ma xegħluhx u r-riħ ma semmewhx. Did-darba, meta reġa’ għadda minn fuq rashom il-ħelikopter, ma għollewx rashom għax għalxejn l-għajjat u t-tixjir. Iżda ż-żgħir bħal qam mir-raqda u beda jgħajjat b’dirgħajh mgħollija bħal qisu bil-pali ta’ jdejh se jaqbad il-ħelikopter u jniżżlu ħdejhom. Il-ħelikopter baqa’ hemm, u bħal f’ħolma, it-tliet sajjieda għajjiena għollew wiċċhom maħruq lejn ix-xemx u raw li dawk t’hemm fuq kienu rawhom lura. Is-sajjieda talbuhom iġibulhom batterija oħra, kienu biss sagħtejn ’il bogħod mill-art, setgħu jagħmluha. Imma t’hemm fuq ħasbuhom telqu minn moħħhom u ġegħluhom jitilgħu fuq il-ħelikopter biex joħduhom l-isptar. Imma sid id-dgħajsa kien fehem li biex jieħdu lilhom id-dgħajsa kienet se titħalla warajhom, fl-ilma, u Alla m’għamilha. Ix-xemx kienet laħqet il-quċċata. Ir-riħ kien għadu Grigal.
#
Żmien ilu, xbejba minn dar il-għana ħarġet taqta’ l-fjuri biex tagħmilhom bukkett, l-isbaħ fjuriet kienu dawk ta’ maġenb il-ħorża tal-bir. Hi u tiġbor papoċċi, peprin, lellux, qniepen u leblieb, għażlet l-isbaħ peprina mill-ħomor u qegħditha f’xagħarha. Kuntenta, ittawlet fil-bir biex tara r-rifless tagħha fl-ilma. Damet tħares u tidħaq għax ġmielha kienet tagħrfu sew, iżda ġara li waqgħetilha fil-fond tal-ilma kullana tad-deheb maħduma biex tgħammar fiha taħlita ta’ ġawhar — żmeraldi, agati, rubini, żaffir — wirtitha mingħand bużnannitha. Snin kbar għaddew u tat-tfajla bil-fjura f’xuxitha ma fadal l-ebda ħjiel. Mietu u saru trab il-fjuriet li kienu jikbru madwar il-ħorża u wkoll dawk li kienet qatgħet u qiegħdet fil-buqar. Trab ukoll il-mazzarell, in-naħal u l-għasafar tal-bejt li kienu taru madwarha dik l-għodwa li t-tfajla qattgħet tħares lejn wiċċha f’wiċċ l-ilma. Illum fadal biss, legat dil-frugħa, tnemnima tpetpita li kultant tifġġ mill-ilma tal-bir meta d-dija li tgħammex ta’ binhar u dik fjakka ta’ billejl jinzertaw jolqtu għal għarrieda l-kullana tad-deheb u l-ġawhar li għadha s’issa tistrieħ hemm fil-qiegħ. Baqgħet ukoll l-għanja li tgħannih dar-rakkont, għanja li darba smajtha u darb’oħra qrajtha.
B’qalb imfawra lura f’dari, nittawwal lejn il-qamar minn taħt il-friex u nibda ngħanni l-għanja tat-tfajla bil-fjura f’xagħarha li tilfet kullana tal-ġawhar fil-bir. Ngħanni bħan-nisa li jgħannu biex ma jinsewx, jgħannu mhux jiktbu, jgħannu waqt li qed imellħu l-brunġiel, jgħallu t-tadam, iqallu l-basla, jgħannu huma u jinżgħu u jneżżgħu, jilbsu u jlibbsu, l-għanja hija l-pass li magħha jimxu r-riġlejn, bl-għanja jiddeskrivu l-pajsaġġ, jagħtu xiehda ta’ tqanqiliethom, jgħaddu l-kelma dwar min twieled, min miet, min għeb, u jżommu kont tal-għadab tal-gwerer fil-pajjiż. Tard fir-rebbiegħa, taqa’ l-ewwel anċipriska u n-nisa jgħannu waqt li jindukraw id-dud tal-ħarir. Jgħannu hekk kif jiġbru ċ-ċawsli bejn ix-xmajjar. Jilagħbu viċin il-palazz u jgħannu. Jgħannu, dak wiċċha ħelu ħarir, dirgħajha ħjut bojod jixxejru mar-riħ. Fid-dell tal-liedna jgħannu li l-ħuttafa qed tgħarrex fil-ħaxix għad-dud, waslulha ż-żgħar. Jgħannu biex bħallikieku jitimgħu r-ruħ u jtaffulha l-ġuħ. Jimirdu jekk iwebbsu rashom u jibqgħu fl-imgħoddi, imma jistħu malli jiċħduh. Id-demm li nxtered ilbieraħ, illum jiftakruh ma’ tazza nbid, mielaħ bi ħjiel ta’ dmugħ. L-għanja ngħanniha, naqraha, nismagħha, nara, kif spiss inġarrab it-tifkiriet waqt l-irqad.
#
Min se jibqa’ jgħanni warajna l-fdalijiet mill-ġrajjiet ta’ kuljum biex ma nintesewx? Ilbieraħ storja ta’ bniedem mill-bogħod, ilbieraħ vrus ta’ poeżija, ilbieraħ filosofija. Ilbieraħ petali mnixxfin ippressati qalb folji ta’ ktieb. Ilbieraħ misteru li flimkien ma’ dak tal-lum, aħna u nixtarruhom, jiftħu ġwinħajhom u jgħibulna. Ħajti dak il-baħar bla bidu bla tmiem li hemm nieqes bejn linja u oħra ta’ kitba li ħarbixt fil-folji ta’ ktieb. Li kelli nqiegħed il-folji waħda ħdejn l-oħra nagħmel minnhom l-istrixxun tiegħi ta’ Bayeaux, rakkont fi tmienja u ħamsin xena bi ħjut ikkuluriti tas-suf irrakkmati fuq xoqqa għażel. Li kieku nista’ nsib il-kelmiet it-tajbin iss’issa u nqegħedhom xi mkien biex xi ħadd isibhom xi darba u jaqrahom, imma anki jekk ma jsibhom ħadd, kemm biex inqegħedhom xi mkien u nħallihom jieħdu n-nifs. Il-folji fi ktieb il-jum karta bla ħajja. Il-ħajja bħal xibka, u x-xbieki metafora. Dil-kitba ta’ kuljum bħal nisġa minsuġa bil-ħsieb li taqbad, iżda huwa ħafna dak li jirnexxilu jaħrab mill-ispazju bejn għoqda u oħra. Il-ħajja hija dak kollu li jaħrab; mela x’inhu dak li jibqa’ maqbud? X’inhu s-sens tal-kronoloġija? Il-fatti huma t-traċċi li jifdal fina minn dak li jseħħ. Naqrahom iżda nibqa’ bil-ġuħ. Il-ġuħ ukoll metafora. Irrid nagħti, ma rridx nieħu. Id-dejn ma rridux. Fil-mixi, triq dritta jew triq isserrep, it-tnejn jafu joħduli tliet mija u ħamsin folja sa ma nasal. Fi xjuħiti għad nieqaf nikteb u nibda naqra ħajti b’lura minflok. Nixtieqni nżur kmamar li fihom qatt ma miet ħadd u hemmhekk niltaqa’ ma’ dik li tirrakkonta l-istejjer dwar il-mewt u l-memorji, nintebaħ li hi jien stess. Nirrakkuntahom għax niftakarhom, niftakarhom għax nirrakkuntahom. Ir-rakkont hi n-nisġa tal-memorja li tibqa’ minn jeddha mat-tifkiriet li ġġegħelhom inti ma jmutux.
Li kieku nista’ nsib dak li jċaqlaqni biex nikteb dwaru u niktbu mhux kif ħaddieħor kieku jiktbu imma bil-mod tiegħi ta’ kif nikteb jien, anki jekk ħadd ma jieħu pjaċir jaqrah, anki jekk ħadd ma jifhimni. Għax naf li, li kellha d-dinja tkun kollha bħali, jien mod ieħor inkun. Li kieku kelli post fejn inqiegħed l-affarijiet li nixtieq nikteb dwarhom, xi karta li għalija speċjali għax differenti. Forsi għax tħalli l-pinna tmellissha kif l-ebda karta ma taf tagħmel u b’hekk nikteb ġrajjiet li nistagħġeb jien stess li ktibthom, jgħaġġbuni ladarba naqrahom, idaħħquni, iġegħluni naħseb li l-kittieba ħarira mtektka, imbagħad niftakar li dik jien. Li kieku m’għandix għalfejn nieqaf nikteb minħabba l-irqad għajjur, l-id għajjiena, il-pinna bla linka, il-karta mimlija. Li kelli nikteb dak kollu li joħodli ħajja sħiħa biex ngħixu, oħra biex niktbu u terġa’ oħra biex nikkuntemplah; dak li jaf jieħu ħajjet ħaddieħor biex jifhmu, biex jidħaq u jibki huwa u jaqrah. Li kelli nsib iktar kelmiet biex nipprova dil-pinna fuqhom, bl-iskrittura tiegħi, li taf tkun differenti kull darba li nibda nikteb, u tibqa’ tinbidel sa ma nispiċċa li nkun bdejt. Li kelli nsib x’nikteb li jġegħelni nibki u mhux nidħaq biss, u nara demgħa taqa’ fuq il-karta żżelleġ il-kliem biex kull darba li naqrah niftakar li kont ktibt kelma li bikkietni, anki jekk ġrat darba biss. Li kieku kelli iktar xi ngħid dwar kollox u mhux inqas milli jkolli ngħid. Li kieku ma kellix għalfejn nieqaf nikteb. Li kieku nista’ nikteb mingħajr kliem. Li kelli nikteb ħajti bħal mappa, inpinġiha bil-faħam ma’ ħajt fejn nista’ naqraha u nżid daqqiet, sfumaturi u lwien kuljum. Jew bħal għanqbuta ninsiġha bil-galbu, bħall-ifjen bizzilla biha nżejjen l-irkejjen tad-dar. Li kelli niktibha mhux bil-memorji jew il-ħars lura fi tfittxija għat-tifkiriet iżda mniżżla fid-daqqa u l-ħin jum wara jum, miġbura f’kapitli nnumerati ta’ rumanz epiku li jinqara biss ladarba l-ħajja, bħall-kitba nnifisha, tintemm. Li kelli fl-aħħar nifs naqrah f’nifs wieħed, naħfen minnu t-tifsira ta’ ħajti, imbagħad immut. Li kieku kellu jkolli, żgur ikun aħjar minn dak li se jkollu jkun.
#
Tal-linja ma ssegwix ir-rotta tas-soltu sal-bajja, tgħaddi, minflok, minn pontijiet li jaqsmu minn ponta għal oħra tal-port, nista’ ngawdi xenarju spettakolari minn barra għal ġewwa tal-port, u fl-aħħar mill-aħħar xorta twassalni sal-bajja. Insib post taħt it-tined quddiem il-baħar, bil-lest li nqatta’ ġurnata nitgħażżen nisma’ l-mewġ iċafċaf ħafif u l-għajta tal-grillu. Ninżel fl-ilma u nħossni nintelaq bħalma dejjem inħossni meta nkun fl-ilma. Nitla’ u nieħu nagħsa żgħira, niftaħ id-djarju u nibda nikteb. Qiegħda tlett ijiem b’lura, l-aħħar li ktibt dwar l-akbar bini tal-injam li qatt dħalt fih. Ma nixtieqx inkompli minn hemm, nixtieq nikteb li qed inħoss proprju issa, fl-immedjat, u mhux li niftakar. Naf ninsa malajr anki mument importanti. Ninsa l-ħsibijiet, id-dettalji tat-taħditiet, nispiċċa nikteb biss dwar fejn mort u fi x’ħin. Inħalli xi folji vojta, nimliehom darb’oħra, nikteb dwar dalgħodu stess, nipprova niftakar l-ewwel ħaġa li ħassejt filgħodu malli stenbaħt, niftakart fl-iskumdità ta’ meta ibni jorqod fis-sodda miegħi u jkolli norqod dritta, wiċċi ’l fuq jew fuq ġenbi, jien li norqod komda milwija għall-kumdità ta’ dahri.
Inqum minn fuq ir-ramel u mmur mixja waħdi. Infittex post ieħor għall-kwiet u nkompli nikteb. Malli nsib ruħi nimxi waħdi nħoss it-toqol jitbiegħed minn fuq spallejja, jgħib mill-istonku u qisni nieħu r-ruħ. Kulma jkolli bżonn hu li nitlaq interraq waħdi, imqar għal kwarta, bħal meta mmur nimxi f’ċimiterju fi sħana tremenda bil-gdim tan-nemus, qalb il-lapidi tal-oqbra mqegħdin mat-telgħa ta’ għolja, nitgħaxxaq bil-veduta, nitpaxxa bil-ħoss tal-werżieq, niftakar li hawn ukoll kont għamilt wegħda miegħi nnifsi snin ilu li xi darba nerġa’ nżuru. Mingħajr irbit naf inħossni bla direzzjoni, mingħajr skop. Imma meta l-irbit jibda jagħfas inħossni nifga. Dil-mixja ħarba żgħira waħdi, kemm nerġa’ nibda nieħu nifs, nibda nħoss id-distanza li ġġegħelni nkun irrid indur lura. Nitbiegħed biex lill-maħbubin tiegħi nilmaħhom bħal żlieġa mill-bogħod u nħoss dik l-għafsa ta’ qalb li ġġegħelni mmur niġri lura lejhom. Insib il-kliem li ilni nfittex u nkompli nikteb. Il-kitba tal-mixi litanija, ma jiġri xejn ħlief pass wara l-ieħor, bil-mod kemm hemm bżonn. Imma jiġri dak kollu li hemm bżonn jiġri biex il-mixja sseħħ u magħha ġġib it-tifkiriet bi lwien jibbru iktar milli qatt kienu. Nixtieq nimxi biex naqsam għan-naħa l-oħra ħalli mmur lura d-dar għalkollox mibdula minn meta bdejt. Bil-ferħ niktibha, nirrakkuntaha, u min jaqrani jifraħ miegħi, vers wara vers. Il-kitba bħall-mixi, pass imbagħad ieħor, u meta jgħaddi ż-żmien u nħares lura nintebaħ li terraqt mhux ħażin. Nikteb minn fuq bank taħt xelter mix-xemx, quddiemi baħar kalm, nies ħadd, għax din-naħa mhix tajba għall-għawm. Fuq il-ġenb l-għoljiet, warajja ġnien żgħir bis-siġar ikkurati sew. Inħoss dik l-għafsa ta’ qalb, ħerqana li nqum u nerġa’ nibda miexja lura. Imma jgħaddili suspett li għad jiġi l-jum fejn riġlejja joħduni ’l bogħod minn kollox u minn kull persuna li nħobb u dik l-għafsa biex immur lura nibqa’ ma nħosshiex.
Irrid ngħallimni t-triq għall-ħelsien. Nerħi minn fuq spallejja għal mal-art sorra ħwejjeġ ma jiġunix u nimxi ’l hemm. Li nsib f’idi filgħodu rrid narah jaħrabli ftit ftit minn bejn is-swaba’ sa filgħaxija mingħajr tberrin li forsi l-għada se jirnexxili naħfen inqas jew xejn. Mix-xejn irrid insawwar festa. Inbattal u nwessa’, niftaħ għall-arja u nnaqqas mit-toqol. Il-ħafif aħjar mit-tqil, il-wisa’ aħjar mid-djuq, ħaġa nieqsa tferraħni iktar minn ħaġa żejda għax it-tbissim ma jimxix id f’id mal-ġamma’ u l-ħżin. Ma rrid xejn ħlief il-ħelsien minn kollox. Ħielsa m’iniex, ilsira bla ma naf mit-twelid. Iderruni nibla’ s-semm tas-servitù sa ma nieqaf intiegħem l-imrar, minn jeddi nitlob għal iktar, nistħajjilni xxurtjatha li għandi x’nixrob biex naqta’ l-għatx. Irrid ngħallimni nobżoq dil-morra, ngħallimni nfittex il-ħlewwa minflok. Irrid inqum u nitlaq. Inqum fuq saqajja u nimxi. Pass pass. Il-moħħ hu pajsaġġ li rrid naqsmu bil-mixi. Kull pass eħfef minn ta’ qablu, għax ma’ kull wieħed se tinħalli qafla li kont qfilt b’tant galbu, ma kinitx għajr tixkil fil-vojt. Ilsira tiegħi nnifsi, naħrat mal-ħamrija għall-kompost dak li hu l-aqwa fija. Hemm jiem nara ċar, nara aħjar, li ilni li lmaħtha l-art li dejjem inwiegħed lili nnifsi. Hemm jiem reġa’ ċ-ċpar, nistaqsi, il-għala għandi nitlaq infittixha meta hawn art isbaħ minnha taħt saqajja? Ma nimxix. Nitpaxxa b’kull tentufa daqslikieku ħjut mill-ifjen u dehbijiet. Noħlom li lbieraħ u l-għada ma jkollhom l-ebda jedd, l-ebda piż fuq illum. Ilbieraħ u għada jafu jkunu l-istess kelma għax it-tnejn imbegħdin indaqs mil-lum.
Niftakar f’meta kont inħares dejjem ’il barra, dejjem nistenna l-wasla. Mill-pruwa ta’ xini kont narani nipprova nilmaħ l-art imwiegħda li żmien ilu bdejt inbaħħar lejha biex xi darba nilħaqha. Hekk għallmuni li għandi ngħixha ħajti, nissara jum wara jum mal-mewġ u l-maltemp bit-tir li xi darba nasal f’art il-ġid mogħnija bis-sniedaq dehbien. Nitbagħal kull jum biex forsi fl-aħħar jasal jum it-tgawdija. Ħarsti ’l bogħod, għajnejja mpeċpċin nipprova nilmaħ ’il fejn sejra, il-ħmieġ madwar saqajja ma narahx, ma nxommux, kuntenta li iktar ma l-vjaġġ itawwal iktar qed joqrob u jikber il-ġid li xi darba għad insib. Moħħni biss fuq il-wasla, ma nintebaħx li t-tbaħħir huwa kastig. Kont nifraħ bl-għeja li iktar ma jmur iktar saret taqa’ fuqi kmieni matul il-jum, sinjal li ma tlajjajtx, sinjal li dejjem middejt idejja u ħabrikt, sinjal li xi darba għad niġi kkumpensata. Sinjal li kont ilsira mingħajr ma naf.
Ninħasad meta kultant nintebaħ li mxejt biss b’riġlejja imma moħħi nsejtu warajja, għadu jhewden id-dar. Id-dar, id-dar, il-maħbuba u l-misħuta dar li dejjem nispiċċa mwaħħla u kkakkmata fiha. Irrid nitlaq ’il bogħod u nimxi, nimxi iktar milli nimxi fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, li dal-aħħar sirt inqattagħha l-iktar id-dar, li nisħitha għax iżżommni ġewwa bil-kumditajiet li dawwart lili nnifsi bihom. Mingħalija qed nimxi u nitbiegħed, niżvojta moħħi u qalbi mill-ħsibijiet, l-emozzjonijiet, ir-rabtiet, u vojta minnhom niħfief, iżda mal-wasla lura jerġa’ jibda jinħass it-toqol. Nitbiegħed kemm nitbiegħed il-punt tal-wasla jibqa’ dak tat-tluq, nibqa’ ndur u nagħqad fejn jien. Nedha, narani, ninseġ bħall-brimba għanqbuta mirquma bi ħjut tal-ħarir — uħud ħoxnin biex nimxi fuqhom jien, oħrajn iwaħħlu imma li riġlejja jagħrfu jevitaw, biex magħhom nara x’jaħsel jinqabad matul il-jum. U jekk ma’ tmiem il-jum ma nsib xejn jistennieni għal taħt snieni, ngħaddi l-lejl inħott u mmaxtar għanqbuti stess ħa ntawwal sal-għada u nqum nerġa’ ninseġ, nistenna li nħoss l-għanqbuta tirtogħod u nittama mill-ġdid. Għadni nistenna l-jum li nagħraf li hawn m’għadux jgħodd għalija, ninseġ għanqbutaqlugħ minflok u nqabbad ’ir-riħ joħodni fuq dahru lil hinn.
Ħsibijieti jimirħu mergħat u witat imbiegħda li jtarrxu mill-kakofonija tat-toroq ħabrieka tal-belt. Kliemi wegħda mlissna għal widnejja stess, patt miegħi nnifsi. Nixtieq nitfa’ basket fuq dahri, noħroġ minn dari u nitlaq nimxi, fil-but il-mapep li pinġejt minn fejn għandi ngħaddi, fejn għandi mmur, mingħajr l-ebda tfassila tal-vjaġġ lura. Inwiddeb lili nnifsi, imxi, tħarisx lura u ikteb. Narani nieħu miegħi ġurnal ġdid bil-qoxra lewn isfar il-ġirasol biex fih nikteb dwar il-mixjiet u l-ħsibijiet tiegħi jien u nterraq fi bliet aljeni u foresti msaħħra ’l bogħod mid-dar, wisq ’il bogħod biex qatt nerġa’ lura. Hemmhekk ninżel fl-ifned fond sigriet tal-jien biex nirrakkonta bl-iktar sinċerità qalbiena, daqslikieku m’hemm ħadd ieħor jismagħni. Irrid nitlaq bit-tir li nimxi fi nħawi li qatt ma smajt bihom, li qatt ma rajthom b’għajnejja, għalkollox differenti minn dawk li nimxi fihom is-soltu. Irrid interraq mogħdijiet li ma nafx, inżid mal-għarfien tiegħi, u nibdel dak li kont mingħalija ġa naf. Irrid nitbiegħed u nimxi fl-imbiegħed. Mhux biex nibqa’ nissovrapponi l-mixjiet li nimxi fuq dik il-waħda minn tifkiriet it-tfulija, dik il-mixja li tinkludi fiha kull mixja oħra li nagħmel, hekk, waħda fuq l-oħra. Imma biex intemmha u ninsieha.
Nitlob li llum, malli nqum, nieqaf inkejjel il-ħin. Inqum u nibda ngħix fil-ħin bla ħin. Ngħix bla ħin. Ngħix. Ninsa li llum it-Tnejn u ma nistenniex li nisma’ s-silta fuq pjanu twila għaxar sekondi, seba’ mija u ħamsin kxana biex ninqala’ mill-mawriet tal-lejl li mal-qawmien għandhom ħabta jgħibu fix-xejn u jħallu warajhom biss togħma riħa kulur. Bħall-Ħadd. Bħas-Sibt. F’dawn il-jumejn, bil-kontra tal-bqija tal-ġimgħa tax-xogħol, l-ewwel nistenbaħ imbagħad nara x’ħin hu. Iżda llum, anzi mil-lum, irrid nistenbaħ u ma nfittixx li nara l-ħin. M’hemmx għaġla. Inħaffef, imma bil-mod. Il-granċ inlaqqgħu mal-farfett, il-fenek mal-bebbuxu u l-fekruna, id-denfil nistħajlu jitkebbeb jimbaram mal-ankra bil-ħlewwa. M’hemmx bżonn, lanqas li nqum. La nistenbaħ, lanqas se nfittex l-isem li bih is-soltu nsejħu dal-jum daqslikieku kull jum b’dan l-isem huwa l-istess. Mhuwiex, u b’hekk m’jien se nsejjaħlu bl-ebda isem. Biss, se nsellimlu bl-ewwel ħoss li joħroġ minn fommi malli niftaħ għajnejha. Hienja. Il-ħsieb jisfidani u jagħti bidu minn jeddu għall-ewwel għaxar noti sostnuti fuq pjanu ’l bogħod, mistoħbi ’l fuq minn twavel ta’ tempju. Mal-ħdax inbexxaq kemm kemm għajnejja u nilmaħ traxxix ta’ ġmamar żeffiena fuq il-wiċċ illustrat ta’ rħama sewdiena. Nisma’ mhux b’widnejja, nara mhux b’għajnejja. Il-qniepen siekta llum. It-tpaqpiq għadu ma bediex. Fil-ħemda tal-għabex, mistħi, mistoħbi, jibda jgħanni bagħal tal-għollieq. Jisimgħu vjolin tal-faxx u ma jweġibx, f’munqaru ħanfusa għajjiena. Bekkafik iwieġeb bil-ħlewwa f’gerżumtu mis-siġra tan-naspli. Viċin fejn qed jistaħba l-bagħal tal-għollieq, tinżel sparata bufula sewda, ilħaqt ilmaħt denbha tawwali, għalhekk naf li hi.
Kuljum, malli niftaħ għajnejja, itini li nitlaq. M’għandix kwiet. Ma rridx indirizz, fejn sejra ma nafx, lanqas ħjiel m’għad għandi minn fejn se ngħaddi biex nasal hemm. Ħajti nixtieq nimxiha, b’ras iebsa. Kull fejn se mmur, hemm se nkun. Nixtieq nimixi lejn ix-xemx, lejn id-dawl li jgħammex. Imma l-ewwel jeħtieġ li nnaddaf, niżbarazza, neħles minn kull m’għandi, niżvojta, inwessa’, niftaħ għall-arja, innaqqas mit-toqol — dat-tħaffif jistordini malli jfakkarni f’kemm hawn iktar wisa’ milli qatt nista’ nkun naf. Niftaħ il-bieb u nħares ’il barra, ’il bogħod, lil hinn minni minn issa minn hawn; b’għajnejja diġà wasalt fejn nixtieq immur. Nixref minn taħt saqaf missieri, noħroġ rasi ’l barra mill-bieb, ngħolliha għal sema ħanin li ma jaf qatt jgħid le għal xewqati. Niftaħ il-bieb u ngħajjat bir-rabja, bi wġigħ, tlaqt ’il barra!, għax nifferoċja li qiegħda hawn u mhux hemm, ilni wisq fl-istess post, midfuna hawn ġew mat-tifkiriet. Mhux bilfors li hemm barra aħjar, imma hemm dejjem aħjar minn hawn għax huwa ’l bogħod minn hawn. Inħoss għafsa xħin niġi biex nitlaq iżda naf li malli nixref mill-bieb, se nħossni niħfief jien u nħalli kollox u ’l kulħadd warajja, u l-ħeffa se ġġorrni magħha bħar-riħ. Jien se nkun dik li timxi, xejn iktar. Mingħajr ma jkolli għalfejn niġi lura nirrakkonta minn fejn għaddejt, it-toroq li terraqt, l-art li middejt saqajja fuqha, is-siġar li ltqajt magħhom, il-pajsaġġ li nfetaħ quddiemi malli wasalt fil-quċċata tal-għolja, li kollox bħal mafkar sibtu qed jistennieni. Id-dawra fit-triq, il-ġebliet mal-ġnub, is-siġra tal-ballut — il-pajsaġġ miktub għalija u jien u nimxi nintilef naqrah. Nimxi, nivvjaġġa ’l bogħod, biex insir naf il-ġeografija tiegħi stess.
Minflok, nibqa’ nterraq minn ġewwa għal ġewwa mingħajr ma nintebaħ li barra nimxih qisu ma jeżistix, li ngħaddi minnu b’rasi baxxuta, ħarsti u ħsibijieti mkien ieħor, sa ma nasal u nerġa’ nidħol ġewwa, il-post l-ieħor fejn kelli mmur. Nifraħ baħnana malli nara li t-traġitt barra seraqli inqas ħin milli stennejt. Il-ħin misħut, irrid ninsieh. Ikolli naqleb kollox ta’ taħt fuq biex noħroġ minn ġewwa għal barra u nibqa’ hemm, interraq fit-tul bla ħin bla skop, infittex il-ħajja u nimxiha, ngħixha, ngħanniha. Qiegħed barra l-pajsaġġ li rrid ngħix fih, li jista’ jsir tiegħi bil-mod, pass wara pass. Ġewwa nidħol biss għall-bżonn, biex nistrieħ ftit, nistkenn, sa ma nkun nista’ nerġa’ nitlaq ’il barra, qalbi mfawra bil-pjaċir li jġibu magħhom mixjiet twal fil-foresta, passiġġati tul ix-xmara, telgħat u nżul tal-għoljiet. Barra kollox jista’ jseħħ. La ngħeja nerġa’ nitrejjaq u nistrieħ b’li nsib. Tgħid x’se nsib? Ġismi jifraħ bl-istennija. Norqod u noħlom ħolmiet ta’ barra minn hawn. Narani nimxi mixjiet twal waħdi, kuljum, u nieħu nifs. Nimxi bil-mod u l-ġurnata ngħixha fit-tul, nimlieha iktar. Il-mixi jimxi pass pass maż-żmien li nkejlu skont kif ngħixu mhux bis-sekondi u l-minuti u s-sigħat. Il-ħin jiġġebbed iktar ma nimxi bil-mod. Il-ħin bħal donnu jieqaf. Bil-mixi rrid nitbiegħed u ninħeles mill-bżonn li ninfena bi ġrajjiet ħaddieħor. In-nifs imajna, in-nifs jinqata’. Moħħi jittanta li jibda jhewden fuq x’qed jagħmel ħaddieħor. Nibża’ li malli nwaqqaf riġlejja, bħal kastig, moħħi dak it-thewdin se jerġa’ jitlobni biex nibqa’ kkakkmata mal-mument ta’ meta u fejn iseħħ kollox. Irrid nimxi, irrid nimxi u ninħeles.
Irrid nimxi u ninħakem mill-ħsejjes li jtarrxu tal-bhejjem u s-siġar, mit-tisfir tar-riħ qalb il-weraq, it-taħbit fuq l-injam. Nieħu nifsijiet twal u nintelaq għas-sentiment ta’ kuntentizza kalma, illajmata. Pjaċir sielem li ninsab hawn, li nħoss is-sħana tal-imrieżaq tax-xemx xitwija fuq ħaddejja, li nisma’ t-tqarmiċ u t-tfaqqigħ ħafif tal-insetti tal-foresta. Irrid nimxi fit-tul, fis-salvaġġ infittex fija nnifsi l-bniedem li jimxi, il-bniedem mhux mimsus, mibdul u sfigurat. Dak li ġie qabel il-belt, ix-xogħol u l-infiq. L-ewwel bniedem, dak li n-natura għaġnet hi stess. Irrid nimxi u nfittixni. Irrid insibni, salvaġġa, innoċenti. Ngħanni l-għanja tiegħi. Waħdi u hienja f’armonija mas-siġar u dellhom, li f’dirgħajhom nintelaq għal jiem trankwilli, nikkuntenta bis-sempliċità u nifhem xi jfissru mħabba u kompassjoni, nifhem kif il-mixi jxejjen il-mibgħeda, l-għira u r-rabja. Nistenbaħ għalihom jekk nilmaħ id-dmugħ f’għajnejhom u ferita fuq ġenbhom. Inħossni tajba miegħi nnifsi mingħajr ma jitlagħli għal rasi, tajba ma’ ħaddieħor mingħajr farka mibegħda għalihom.
#
Għadni nistħajjilni miexja għax it-toroq hemm għadhom, hemm barra, jistennew. Dawn il-mogħdijiet mhumiex mappa, ma nistax narahom kollha f’salt; ikolli nimxihom waħda wara l-oħra, u l-mixi jieħu l-ħin. Sa ma nasal fejn beħsiebni nasal se nkun diġà nsejt dawk li terraqt fil-bidu tal-vjaġġ. Kulħadd jimxi. Minn dejjem nimxu. Irrid nimxi biex niltaqa’ mad-dinja ta’ barra, biex inħarbex poeżija, biex ma mmutx. Nimxi u ngħanni l-għanjiet ta’ dari biex niftakar ir-rotot li għandi nsegwi, nimxi tulhom biex niftakar vrus l-għanjiet. Irrid nimxi u niltaqa’ ma’ min hu ifqar minni, ma’ min jara kif se jisraqni, ma’ min għandu ġrajja x’jirrakkuntali, ma’ dak li mhuwiex bniedem. Nimxi biex inkun waħdi, ma’ ħsibijieti, ma’ tifkirieti. Nimxi biex nitbiegħed mill-pretenzjuż u noqrob lejn it-tfulija, in-natura, lejn idea ta’ demokrazija li mhix dik tal-belt, il-magna tal-progress, imma tal-ikkultivar tal-ġnien. Infittex il-ġnien biex nikkultiva lili nnifsi. Nimxi, waħdi, ninqata’ minn kollox u minn kulħadd u nħalli ’l moħħi jiġri bija, ħaġa ġġib ’il oħra, inħalli ’l riġlejja jintilfu fit-trejqiet u l-mogħdijiet ta’ moħħi, ifittxu d-distrazzjoni u l-aljenazzjoni tal-mhux mistenni. Minn barra nara ġewwa, ħarsti tasal sal-fond mistur u l-moħbi ġġibu fid-dieher, il-mhux magħruf jinftiehem. Minn ġewwa nara barra u l-mistur jikxef li dak li kont mingħalija naf ma kienx minnu. Irrid nimxi waħdi, mingħajr għaġla, il-pass kajman dejjem. Ma nafx nimxi mgħaġġel wisq imma nista’ nimxi ġimgħat sħaħ, il-mixi ma jaqtagħlix qalbi. Li nimxi jgħodd mhux li nasal. Il-wasla ma nqishiex, u l-mixi waħdi la jrodd rebbieħ u lanqas tellief; il-gwerra nibqa’ ma nafhiex. Waħdi qatt m’jien se nkun, imdawra mill-pajsaġġ, kollox ikellimni, iż-żiffa, il-weraq, iż-żarżir tal-insetti, l-ilwien, it-tgelgil tal-ilma, il-ħoss tal-passi tiegħi stess, it-taqtiriet tax-xita. Impossibbli nkun waħdi jien u nimxi. Nimxi u nżur irkejjen ħodor, iffjuriti, ikkuluriti li qishom ilhom hemm żmien twil jistennewni, bħal qrabati imma ’l bogħod, ikolli nimxi bil-mod, fit-tul biex nasal għandhom. Jien u nimxi ma nibqax waħda imma mill-inqas tnejn — ġismi u jien — anki tlieta, jien u nitħaddet ma’ riġlejja, kuxxtejja, dahri, l-innifsi. Nixtieq nimxi, narani nimxi, u nagħmilli kuraġġ. Nimxi toroq li mxew fihom ta’ qabli, mixjiet-rikordju ta’ dawk li m’għadhomx hawn. Nerġa’ nimxihom jien biex intenni fehmiethom, twemminiethom. B’bastun imnaqqax bħal lanza f’idi, infittex it-telgħat l-aktar weqfin, nixxabbat mal-ogħla għoljiet. L-art iebsa, taflija, taħt saqajja qaddisa iktar mis-sema f’għoli ma nilħqux, nistħajlu pinzellati ħfief ta’ lwien. Barra jsir ġewwa jsir barra. U iktar ma nitla’ fl-għoli, iktar nara madwari, nistagħġeb bl-ispettaklu dinji li nara taħti u nagħmlu tiegħi. Kollox isir tiegħi. Huwa tiegħi għax kelli nissara għal xenarju bħal dan. Id-dinja tiegħi, għalija, miegħi. Maqtugħa mill-bniedem u miż-żmien, inħares ’il bogħod u nifhem. Smajt leħen mis-sema jkellimni. Dija nar itteptep ħerqana, ħierġa mill-kaxxaforti miftuħa beraħ tas-sema u mferrgħa għal ġo moħħi, timlieh kollu kemm hu. Bħal fjamma sħuna ma taħraqx kebbset ’il qalbi kollha, ’il sidri kollu. F’leħħa waħda stajt nifhem. Dal-ħsibijiet ifiġġu biss hawn fuq.
2.
Jitħarrek riħ biered f’lejl ħiemed fil-bidu tal-ħarifa u t-taqtiriet tan-nida fuq tarf petali, zkuk u werqiet jissummaw. Is-swaba’ ta’ saqajja jirżħu fil-peduni rqaq taħt il-friex ħafif tal-qoton, ħsibtu se jtawwal das-sajf. L-arja tqarmeċ il-purtieri; il-ħġieġ ilma. Nitħarrek jien ukoll, f’soddti. Nofsni mqajma għajnejja mċefċqin jiflu suriet ċwajlin id-dell qalb id-dija; nofsni xi mkien ieħor, b’mus misnun fil-but u b’ħarsti msammra fuq lanza ppuntata msawra minn zokk ittemprat, niftakarha tispara minn idi, niftakarni nużaha bħal bastun. Nistħajjel il-fwar ħiereġ minn bejn xufftejja ma’ kull nifs ’il barra. Bil-kesħa, bis-sħana? Ma niftakarx. Ir-riħ inkurlat iħaqqaqha mat-twieqi, x’għamiltlek biex tant irrabjat? Ara, il-mantell ma ħadtux miegħi, lejl wara lejl qattajt nirrakkmah, niftakarni bilqiegħda ħdejn it-tieqa, ma niftakarnix inlestih. L-insetti bil-mijiet nismagħhom iweżwżu, ma narahomx. Nilmaħ ħmura madwari; naraha bil-mod tiħdar, tisfar, tibjad u qalbi tidgħam. Għoddu se jibda jbexbex? Jew il-qamar għadu jiddi setgħan? Għadu mhux ħin li nqum nomxot xagħri, inxarrab wiċċi b’ilma li jnessini għalkollox fejn kont, mnejn ġejja, bil-ħruxa tiegħu kiesħa ma’ ħaddejja. L-arloġġ itektek, imma ma jdoqqx u ħinu jibqa’ ma jgħidulix. It-tweżwiż jinbidel fi tfesfis, joqrob lejn widinti, nibqa’ ma narax mnejn ġej. Sigħat is-sħaħar ma temmewlniex, ifesfsuli. Orqod. Id-dawl isir dell isir dlam. Tawluli l-lejl u għannewli għanja melatoninija sa ma ċedejt u rġajt għalaqt għajn m’għajn. L-għasafar tal-lejl itennu, orqod, orqod, orqod. Id-diwja tal-għajta tagħhom traxxax bil-mod bla waqfien bħal borra fina bajda fiġla fuq il-wara t’għajnejja. L-isfond ta’ moħħi għasel dagħmi magħqud, ibellaq u jkanġi, bi sfumaturi ta’ aħmar qrolli, bajju, aħdar kaħlani, aħdar Grieg tal-firdirram. Minn ilwien rajthom darba waħda biss ma nsejthom qatt fuq dahar bufula passajra, għal oħrajn ta’ barra minn hawn, aħdaraħmar, isfarblu, ma rajthom qatt ħlief jien u noħlom li mqajma, jien u nistenbaħ fil-ħolm, meta l-ħsejjes jieħdu suriet imlewna f’għajnejja u b’widnejja nisma’ t-tpaċpiċ bejn iċ-ċrieki, it-titriż u l-ilwien. Meta jien u nċedi għat-tħeddil jibda t-tbennin u t-tmewwiġ, nisma’ anki ċ-ċafċif, hekk kif ġismi jiftakar u jgħix mill-ġdid dawra bid-dgħajsa sal-kalanka. Nifhem li dal-ħitan għoljin mhux jagħfsu ’l ġewwa fuqna qegħdin imma jħarsu ’l barra weqfin, iħarsuna waqt li reqdin.
Ħiemed, reġa’, lejl il-mistrieħ, ’il bogħod minn dari nżomm swied il-qalb. Qabel nidħol fil-friex, bħal kull għaxija, mat-twieqi niġbed it-toqol tal-purtieri għal lejl kenni mingħajr inkwiet, mingħajr il-biża’ tad-dlamijiet. Niftakarni niftaħ u nagħlaq il-kxaxen, is-sniedaq u l-bibien, il-passjoni tiegħi nifli, immiss, inqalleb, nerġa’ nqiegħed kollox f’postu, ninnota l-grif, it-tiżrit, it-tiċrit, it-tibdiliet żgħar kollha li seħħew fihom bil-mod il-mod tul is-snin u nifhem li l-ħajja titkejjel hekk. Nistrieħ bil-ħsieb tat-tessuti, il-karti, l-għuda, il-ħjut li mellist ħarira bil-ponot ta’ subgħajja. L-irtubija u l-ebusija tal-għamara u l-materjali, il-kuluri, id-disinji. Inpoġġi f’kantunieri li mhux soltu npoġġi fihom, fuq siġġijiet li qatt ma nsorġi fuqhom. Inħares lejn il-kmamar minn irkejjen ġodda u nilmaħ id-dellijiet li mhux soltu ninduna bihom. Immiss il-kikkri, inħosshom kesħin, qalbi jsaħħnuli, ifakkruni fl-hena li jġibuli dawn l-artefatti li magħhom ngħix ta’ kuljum.
Ħiemed dal-lejl, ukoll, sakemm iħarrkuni fl-irqad taħbit, għajjat, twerżiq. Barra daħal ġewwa. In-nar, in-nar! Imbagħad, ir-riħ, ir-riħ! Inbexxaq għajnejja, nipprova nissielet mal-qawmien li jisraqli ta’ dejjem il-ħolm. Irrid barra jibqa’ barra. In-nar l-ewwel mhuwa dawl, iżda naħlef li mħeddla fil-ħolma kif kont, smajtu jwerżaq f’widnejja mbagħad għammixli għajnejja. Mis-smewwiet bħal tvenvin mela dari fejn fuq soddti qomt bilqiegħda, u madwari dehruli ilsna tan-nar, kull wieħed jistrieħ fuq kull biċċa għamara li żżejjen kamarti. Bkejt, twaħħaxt, twerwirt. Jgħidu li d-dinja se ttemm f’konflagrazzjoni. Għajnejja ftaħthom beraħ. Waħdi, f’dari, maħkuma mid-dija tal-ġamriet jaħarqu ħajjin. Għalaqthom erġajt, dawn għajnejja, u sħitt, imbagħad tlabt, u fl-aħħar wasalt biex berikt isem dak li l-ewwel tani mbagħad ġie joħoduli, iħallili biss tifkira trab. Biex ifakkarni li tmejjel bija, li tiegħu kollox dejjem kien, qatt tiegħi u li jifdalli jkunli biżżejjed. Sħittu, erġajt, dak l-isem meqjum, bżaqtlu, sfidajtu. Għedtlu, in-nar bgħattli, li ħaj daqsu m’hawn xejn, imma li kollox ixejjen u jtemm f’tebqa t’għajn? In-nar, bkejt, li nħossu jvenven f’qalbi bi mħabba ġejja mill-għoli tas-sema, li nħossu jbaqbaq b’għejra u mibegħda fil-fond tal-art? Bin-nar, tbikkimt, se nitlef kollox?
Dan-nar potenza, vjolenza, ambivalenza. Dan-nar spettaklu tal-għaġeb, poeżija, dan-nar reġina. Dan-nar huwa jien, huwa tiegħi, nagħmel festa bih. Imħabbti nirien għal għarrieda, inxandarhom mal-irjieħ. Arani nkebbisha jien stess dil-ħuġġieġa tal-frugħat, bl-imkatar, il-purtieri u d-drappijiet. Nonfħilha ħa nqanqal ruħha bħalma tqanqlet ruħi. Inħeġġiġha bil-mirja, bl-għamara u l-karti tal-logħob. Fiha nitfa’ l-kremi, il-fwejjaħ u l-irtokk, inwaddab il-vjolin, iċ-ċimblu u l-flawt. Nixħet il-kotba li għandi, narahom jinbelgħu min-nirien. Fil-ħuġġieġa nara jfernqu l-pitturi tal-ġonna u l-pajsaġġi, il-figurini tat-tafal, it-tapezzeriji kollhom xeni maestużi ta’ tigri pilhom ħamrani daqs in-nirien, Nitfa’ l-folji tal-kotba dwar is-seħer u l-magħmul, l-alkemija u l-ġeografija, id-duwa tal-frottiet u l-ħaġriet. Dwar it-tbassir tal-ġejjieni fil-ħġiġiet u l-ilmijiet, fil-kwiekeb tas-smewwiet, fil-weraq tat-tejiet. Nitfa’ l-ispirti u l-likuri u b’dari nagħmel flambò. Lin-nirien nitmagħhom waħda waħda l-folji mill-manuskritti tad-drammi li jien u niktibhom kont tħebbirt li se jibqgħu ma jittellgħu qatt, mid-djarji li jien u nimliehom kont naf li se jibqgħu ma jinqraw qatt. Nonfħilhom. Il-fjammi jitbeħbħu bil-partitura tal-għanjiet u l-innijiet li waħdi ngħannihom biex ma jisħtunix. Vampa. Fid-dagħdigħa tal-lejl tal-ħuġġieġa nitfa’ l-mogħża, it-tiġieġa, il-kelba, il-qattusa, id-debba, il-ħanżira, il-baqra, u l-ħuġġieġa tieħu kulm’hawn. Eżaltazzjoni! Rasi ddur bija. Il-qerda totali. Dari vulkan, dar id-demonju. Dan-nar il-bidu. Dan-nar it-tmiem. Dan-nar dramm infernali. Dan nar sagru, nar pur, ħażin qatt ma jista’ jkun. Nar it-tajjeb, nar il-verità. Nar li jfejjaq, iwassal għall-għerf. Dan nar tal-pirolatrija, biex inqimuh. Dan nar tal-forġa, la jinfirex se jaħraq kullimkien biex kollox itemm u jerġa’ jibda, mibdul.
Fl-eqdem xenqa għall-estasi nintilef, ninqala’ minni nnifsi, nitbiegħed minn did-dinja ta’ kuljum, lil hinn mil-limiti ta’ ġismi konxju minnu nnifsu u madwaru. Naħrab minni fi tfaqqigħa ta’ furja, ewforija, ferħ pur. Dan-nar ferħ, dal-ferħ uġigħ, dal-uġigħ diqa, did-diqa estasi. Nintilef f’saħna tad-demm, nitqabad ma’ dagħdigħa ta’ mħabba, inċedi għal xenqa-maltempata. Imħabba tbegħren fjamma tbaqbiqa, taqbida, imħabba tal-mewt. Dal-estasi nixxennaq għalih b’xenqa mqanqla bħal ta’ Lutgarda minn Tongeren, qaddisa patruna tal-għomja, Benedittina mbagħad Ċisterċensi għax ordni iktar stretta, hi u tistejqer bid-demm ta’ Kristu mill-ġrieħi f’ġenbu, hi u tagħtih qalbha u tieħu tiegħu, hi u ddewwi lill-marid sa ma jfieq, hi u, fil-jum qaddis ta’ Pentekoste meta s-sorijiet fil-kor kienu qed ikantaw il-Veni Creator Spiritus, bdiet tinqata’ ftit ftit u rawha, mitlufa minn sensiha, tintrefa’ fl-arja żewġ kubiti ’l fuq mill-art. Bħal ta’ Hadewijch il-Begina mill-Brabant hi u tgħanni l-għanjiet dwar l-imħabba li bħal fjamma feroċi kapaċi taħaraq kulm’hawn, l-imħabba li hi l-kollox tal-kollox li qatt huwa, li qatt kien u li qatt għad ikun. Ruħ bħal din, tgħid l-imħabba, tgħum fil-baħar tal-ferħ, fil-baħar tal-pjaċiri li jnixxu u jinferrxu mid-Divinità, u ma tħoss l-ebda ferħ, għax hi stess hija ferħ, għax permezz tal-qawwa tal-ferħ hi stess hija ferħ, li biddilha fih innifsu. Dal-kliem, miktub mill-Begina Marguerite Porete minn Hainaut, tqies theddida, ereżija, iżda għamlet fattiha, webbset rasha u kompliet tikteb dwar l-imħabba divina. Bin-nirien ħarqu ’l-begina, imma fommha sal-aħħar baqa’ sieket. Ħarquha flimkien mal-folji b’kitbietha dwar il-mera ta’ erwieħ sempliċi annjentati li jibqgħu biss fix-xewqa u x-xenqa għall-imħabba. Iżda kliemha ma ċediex għan-nar, għax kull kelma merżuq u n-nirien lid-dawl ma jaħarquhx. Bħan-nirien tal-estasi ta’ Beatrijs minn Tienen, mgħallma mill-Begini ta’ Léau u l-ewwel prijoressa tal-abazija tas-sorijiet Trappistini fl-inħawi msejħa Nazareth, hi u tikkomponi s-seba’ rotot għall-imħabba divina. Bħall-viżjonijiet ta’ Juliana minn Liège, il-kanonessa Norbertina. Bħall-istigmata ta’ Ida, minn Liège wkoll. Bħal ta’ Kristina Tal-Għaġeb minn Leuven, ħabiba ta’ Beatrijs, li bin-nirien u fin-nirien wettqet l-akbar għeġubijiet. Jgħid il-Kardinal Jacques de Vitry li kien iltaqa’ ma’ din Kristina, u jirrakkonta li kienet ta’ spiss titfa’ lilha nnifisha fi fran jaqbdu u hemmhekk tbati l-akbar torturi għal ħinijiet twal, tgħajjat għajjat tal-waħx, iżda ladarba toħroġ minnhom, l-ebda sinjal fuqha ta’ ħruq ma kien ikun hemm. Kienu jiġru warajha l-klieb u jigdmuha. Kienet taqbeż fil-fran imkebbsa fejn kien se jinħema l-ħobż, u ċċedi għat-turment tal-fjammi wikkiela, tibki u tixher b’uġigħ li ma jħalli l-ebda sinjal fuq ġisimha daqslikieku qatt ma kien. Meta forn ma ssibx kienet titfa’ lilha nnifisha f’nar kbir fid-dar ta’ xi ħadd, jew iddaħħal idejha jew saqajha fih, u żżommhom hemm għal żmien twil tant li kien biss b’miraklu divin li ma kinux isirulha rmied. Kienet tidħol f’kaldaruni ta’ ilma jagħli li kien jilħqilha sa’ qaddha jekk mhux sa sidirha, u tkompli tferra’ l-ilma jagħli fuq il-partijiet ta’ ġisimha mikxufin, u tgħajjat u tixher bħal mara waqt il-ħlas, iżda ladarba toħroġ mill-misħun, l-ebda sinjal ta’ ġrieħi fuq ġisimha ma kien ikun hemm. Tixher b’agunija ta’ ferħ, b’ewforja ta’ dulur. Estasi. Bħal Kristina Tal-Għaġeb irrid nixher f’dagħdigħa estatika jien ukoll. Din xenqa tal-għaġeb. Xenqa għal konkwista fija nnifsi biex nasal negħleb kull xikel li dejjem nafni maqbuda fih. Mhux ibħra salvaġġi jew xmajjar feroċi, mhux blat wieqaf jew ppuntat, mhux l-għoli li jaqtagħlek nifsek, lanqas l-ifned fond tal-waħx. L-ebda għadu, l-ebda bestja ħlief ix-xjaten u d-dimonji ta’ ġo fija, l-għażż, il-biża’, il-mistħija. Nemmen li jekk negħlibhom wieħed wieħed waħda waħda se nsibha sa fl-aħħar l-imħabba bla rażan bla qies bla qiegħ bla trufijiet. X’rotta se nsegwi biex nasal għall-estasi jien? Nitlob, nimmedita, nikkontempla, ma nikolx jiem sħaħ. Nintilef inħares lejn immaġnijiet, nisma’ l-ħsejjes, inxomm il-fwejjaħ u l-irwejjaħ u nħallihom iqanqluni, imexxuni. Nimxi bla waqfien, niftaħ ħalqi u ngħajjat sakemm ma niflaħx ngħajjat iktar. Nieħu l-vot tas-silenzju u nibqa’ siekta ġimgħat sħaħ. Nissawwat sa ma noħroġ id-dmija. Norqod fuq il-ġebel, nimxi ħafja fil-borra, nilbes qafla tax-xwiek ma’ qaddi. Niżfen. Niżfen sa ma nitlef il-kontroll, niżfen qalb il-folla sa ma nsir hi u ma nibqax jien, niżfen bħal miġnuna sal-eżawriment u naqa’ mal-art. Nintefa’ fl-ilma nġazzat imbagħad fin-nirien u nerġa’ noħroġ qisni mhux jien. Dix-xenqa passjoni, m’hemmx kliem għaliha. Dil-passjoni konnessjoni profonda imma ma nafx ma’ xiex. Mal-kobor li hu kollox u sħiħ u kullimkien. Dil-ferneżija ġo fija hi l-mod kif nintreħa fih, insir waħda mal-kollox u nistrieħ. Dil-estasi maltempata fil-fond ta’ qalbi, xenqa mqanqla li ma nista’ nissodisfaha qatt. M’hemmx kelma għal dal-ferħ muġugħ, did-diqa ferrieħa, dix-xenqa bla tarf. Irwiefen, ilmijiet, maltempati, nirien. Nirien ħajjin ifernqu bl-imħabba, inħosshom jaqbdu ġo fija. Fjammi feroċi, imġewħa, kapaċi jaħarqu kulm’hawn.
#
Maż-żerniq taqa’ ħemda u jbattu n-nirien. Xi fdalijiet minn kamarti jibqgħu jikwu, iġammru, inemnmu sa ma jitfu. Id-dija tal-għodwa tiżżattat tħaqqaqha man-nugrufun. Vojta se jibqgħu s-sniedaq immermra, il-kmamar, il-kxaxen, id-dar. Irmied biss. Arja tqila mfewħa bħal bil-bħur. Ħjiel li n-nar kien fuq li kien. Inqimuh dal-griż iswed irmied? F’ġieħ dak li qabel kien u issa m’għadux? Daqshekk stidintek f’dari, naqsmu ħobża bejnietna u tazza nbid, b’xemgħa tnemnem f’nofsna aħna u nbattlu ruħna, infesfsu tifkiriet mill-imgħoddi bejn dawn il-ħitan. Ħemda biss. Wara n-nirien dinja mqammra. Frugħa dan kollu? Saħħiet, saħħiet. Ma fadalli xejn. Issa tassew ma fadal xejn li jżommni milli nitlaq nimxi.
3.
Nitlaq mingħajr m’għandi bieb biex nagħalq warajja. Hekk nibdieh il-mixi li m’għandux ħsieb iwasslni lura d-dar. Nitlaq mingħajr ma nħares lejn x’jifdal mingħajri. Bil-ħarsa ’l quddiem, hekk jibda pellegrinaġġ lejn art ma nafhiex. Widnejja nagħlaqhom għat-twiddib, minn madwari, minn ġo fija, biex naħsibha sew qabel nitlaq. Biex nimxi ma rridx għerf, kemm nagħmel pass imbagħad ieħor, xejn iktar. Ma nħalli ’l ħadd jibdilli fehemti; id-dritt li nimxi huwa kollu tiegħi anki jekk nagħżel li ma nimxix fid-dritt. Dahri, bħal moħħi, ma ngħabbihx. Kulm’hu żejjed inħallih. Biex nimxi par riġlejn tajbin għandi bżonn, u b’xorti tajba riġlejja għadhom tajbin.
Kont naħseb li l-mixi l-istess għal kulħadd, kemm jekk int għaref kemm jekk baħnan, iżda nintebaħ li biex nimxi rrid inkun, l-ewwel u qabel kollox, ħielsa. Se nħalli warajja ’l missieri, ’l ommi, ’l ħija, ’l oħti, ’l marti, ’l żewġi, ’l uliedi u ’l ħbiebi u qatt m’jien se nerġa’ narahom; ħallast id-dejn, ħallejt it-testment, kull mibdi temmejtu, kull miftuħ għalaqtu; jiena bniedma ħielsa, u lesta għall-mixi. Inħalli l-kwiet imexxini, ibattalli l-menti mit-tgedwid tal-ħsibijiet li jtellfuli s-serħan. Nixxennaq għall-kalma mhux tal-irqad imma tal-qawmien. Kull magħluq ftaħtu, kull mimli battaltu, kulma kelli ġibtu rmied, issa ħielsa u qed nimxi. Bil-mixi jkomplu jinħelsu riġlejja. Jinħeles moħħi, jinħeles ġismi, tinħeles ruħi, ninħeles kollni kemm jien. Nitlaq minn dari baħnana u jekk qatt niġi lura, insibni mogħnija daqs l-aqwa fost l-għorrief għax irnexxieli nsib x’lanqas kont naf li qed infittex. Nimxi bħalma nieħu nifs, mingħajr ħsieb. Nitlaq minn arti, infittex imkejjen oħra fid-dinja li nista’ nagħrafhom bħala tiegħi, magħhom insawwar rabta ġdida tad-demm. Ebda pass mhu bħal ieħor, kull wieħed nieħdu jien minn jeddi malli nasal għalih. Għad inħares lura u nara li kollox kien kif kellu jkun, tajjeb jew ħażin, meħtieġ biex nasal fejn għandi mmur u fuq medda infinita ta’ żmien, kollox se jerġa’ jkun, għal darba u oħra, u ma’ kull pass inħoss tikber ix-xewqa li ngħix l-istess ħajja darba wara l-oħra għal dejjem.
Ninża’, inneħħi minn fuqi ħsibijiet, thewdin, ansjetajiet. Il-ħin, l-itqal mit-tagħbijiet, ninsieh warajja, naf li xorta se jibqa’ għaddej mingħajri. Inħalli miegħu t-tqassim tal-ġurnata, l-impenji u l-iskadenzi. Noħroġ ħafifa, moħħ ir-riħ. Il-mixi jnessini dwar dak kollu li mingħalija bżonnjuż. Niekol, nixrob, nistrieħ biss jekk u meta nsib, u jekk ma nsibx tant l-aħjar, ngħożż is-sensazzjoni tan-nuqqas jien li dejjem sibt qribi kulma ridt, nerħilha teħlisni mill-irbit tal-bżonnijiet. Nimxi u nitbiegħed mill-inkwiet tal-għaġla. Ninħeles u nintebaħ li kulm’hu tixkil; kont mingħalija neħtieġhom dawn kollha imma kienu huma li jeħtieġu lili nixtieqhom. Qabel illum kont noħroġ u nimxi imma dejjem kont naf li f’xi ħin se nerġa’ nidħol, noħroġ kemm naqta’ ftit imbagħad nerġa’ lura u nkompli minn fejn ħallejt. Imma llum noħroġ biex ninħeles għalkollox mill-għeluq tal-erba’ ħitan u dak kollu li jġibu magħhom: is-sigurtà li ddgħajjifni, ir-rutina tal-istess. Fil-kumdità tad-dar jinbet u jiffermenta l-ħsieb iswedgriż maħluq mill-għeluq. Kont naf li jekk nixref mill-antiporta se nilmaħ żegliga ħelwa ta’ qattusa bebbuxija u ġemgħa sturnell, mija jtiru bħala wieħed.
Nitlaq, nimxi, jiġri minni li jrid. Niżżegleg jien u nimxi nistħajjilni l-qattusa bebbuxija li dalgħodu ma rajthiex. Ma nafx fejn tmur meta ma narahiex. Nimxi. Sejra ma nafx fejn biex nara ma nafx xiex, inħoss f’kull parti ta’ ġismi tferfir li bil-kumditajiet kollha tiegħi qatt ma jirnexxili nħoss. Mingħajr ħin mingħajr spazju nduq ħjiel tal-infinit, niżboxxla, nibża’ bl-eċitament, neċita ruħi bil-biża’, nistordi, nistrombla b’kemm m’għandix ma’ fejn inżomm. Nimxi. Dan vjaġġ mhux żjara, mhux passiġġata. Nimxi, nomgħod u nixtarr. Bħall-gabillott nitlaq għal għonq it-triq u nimxi triqati. Nimxi ’l isfel, lejn in-Nofsinhar, mhux biex xi darba nasal minn fejn tlaqt, iżda biex inkompli nitbiegħed — minn dawk bħali, minni stess. Dal-mixi inutli għalhekk nimxih. Biex nerġa’ nitbiegħed nimxi lejn il-Lvant, lejn il-Punent, nerġa’ naqbad trid ’il fuq għax dal-mixi bla pinnur. Nimxi waħdi, warajja jien ilbieraħ, jien t’għada quddiemi. Nimxihom flimkien, dil-purċissjoni dimostrazzjoni. Nimxi u nisfida ’l-mexxejja li jmexxu bla ma qatt telqu jimxu u li l-mixi fis-salvaġġ qatt ma daquh. Nasal sat-truf ta’ dak li naf dwari. Nitla’ sal-quċċata f’għoli tal-qtugħ ta’ nifs u naqbeż bl-għama fil-baħar fond ta’ dak li qatt ma stajt inkun naf sa ma nisker bl-għeja u nħoss f’ġismi splużjonijiet. Intir fis-sema mal-isturnell. Nitlifni u m’għandix farka ħajra nerġa’ nsibni, nitlifni għax anki ismi u min jien hu ta’ rbit. Ninħeles minn dak li hu mistenni minni. Nitlef ma’ kull pass l-istorja tiegħi, inħalli warajja biċċa memorja. Jien biss ġisem, nifs, għajta qalb il-ġebel, is-siġar, l-għoljiet. Ħolma biex nagħti dahri lill-belt imnawra, imniġġsa, infestata, marida, inkun indifferenti għal dak li kien u dak li ġej. Nitbiegħed mill-imgħoddi, nitbiegħed anki mill-ġejjieni, biex insir il-jien ta’ issa, jien bla pjan, bla skop, bla età. Insir l-issa dejjiemi u nseħħ għal għarrieda.
#
Nimxi. U ngħanni. Il-bogħod joqrob, il-qrib jitbiegħed. L-istejjer mapep, il-pajsaġġ rakkont. Se nibqa’ ngħanni wkoll jekk isikktuni. Se nibqa’ nimxi anki fejn mhux permess. Il-vespri oħla mill-matutin, l-għodwa mhix ħlief żerriegħa ta’ nofsinhar. Nimxi sa ma ngħeja, meta ngħeja nimtedd, nagħlaq għajnejja u nkompli l-mixi fil-ħolm. Nimxi biex insir, bħal frotta fis-sħana sajfija. Tiħrax il-ġilda fix-xemx, tinxef u titqarqaċ bir-riħ. F’dil-qilla ta’ barra nħossni nqum mill-irqad. Nintebaħ li m’jien niltaqa’ ma’ ħadd. Nimxi u d-demm jimxi aktar lejn moħħi, miegħu jgħaddu l-ossiġnu, in-nutrijenti; l-ippokampu jikber u l-memorja titjieb. Il-mixi jgħinni niftakar, jgħinni nibqa’ niftakar. Nistħajlu maġija, logħba ta’ perspettiva. Jien, hawnhekk, miexja lejn l-hemmhekkijiet kollha possibbli. B’peprina rubina f’xagħri, l-għanja tal-bagħal tal-għollieq f’widnejja, u folja b’kitbieti f’idi, nitlaq mill-ħsejjes tal-belt bil-mixi bla ma naf ’il fejn għandi mmur ħlief li qed inħalli warajja ’l dari, ’il ħwejġi, ’l arti, biex nagħmel kruċjata minn dil-mixja sal-art imqaddsa tal-masġar maqdes. Din l-art, dil-ħamrija taħt saqajja, inqimha. Irrid nimxiha fiċ-ċatt u nitla’ magħha fil-għoli. Irrid ninqata’ ftit minnha, nixxabbat maz-zkuk tas-siġar u ngħolli lili nnifsi ftit iktar. Irrid nitbiegħed mit-toroq, lagħqiet pinzell swidija mdennsin bejn qigħan il-binjiet għoljin, sa ma nsib il-ftuħ, il-kwiet. Nitbiegħed mill-vetrini tal-ħwienet, mill-ħitan għoljin tad-dipartimenti, tal-ministeri, tal-ambaxxati, mill-kampnari tal-knejjes, mil-lapidi taċ-ċimiterji, mill-btieħi tal-iskejjel, mill-persjani tad-djar, miċ-ċnut tal-ġonna, mis-swidija leqqiena tal-asfalt tat-toroq. Ngħaddi minn toroq żdingati, minn nofs artijiet mitluqin fejn binja twaqqgħet u ma reġgħetx inbniet, minn maġenb oħrajn imdawrin bi stekkati ta’ njam maħkum mill-ħażiż iswedħadrani. Jibdew ġejjin l-imħażen wieħed wara l-ieħor, u l-fabbriki l-kbar biċ-ċmieni għoljin jirreġettaw in-nugrufun fuq il-kampanja mħammġa, imnittna, stuprata taż-żona industrijali. Fit-tarf jilqgħuni erba’ siġriet tal-luq. Insellmilhom, imbagħad indur fuq il-lemin u nsib ruħi fil-ftuħ ta’ triq prinċipali.
Nimxi, mingħajr tir, u nħalli kull pass li nieħu jtir mar-riħ. Nimxi għall-maħfra, il-fejqan, il-verità. Nimxi biex infittex il-post tal-pjaċir, tal-ferħ, tal-akbar kuntentizza tiegħi, nitbiegħed mill-bliet biex insib rifuġju miż-żmien fil-kastelli ta’ dari, iċ-ċittadelli bil-ħitan wesgħin u l-kanċelli. Insib teatru silvan qalb il-ħdura mitluqa, bil-palk u l-kolonni, żmien ilu kienet in-nobbiltà li timxi s’hawn mill-belt, imdandna minn rasha sa saqajha biex tgawdi l-opri, il-kunċerti, iż-żfin u l-varjetà, għaż-żiffa ħelwa ta’ lejla mdawla fir-rebbiegħa. Illum, jien hawn, waħdi bilqiegħda għat-tgawdija tal-għana tal-għasafar, iż-żarżir tal-grillu, it-tħaxwix tal-friegħi. Il-bqija ħemda.
Nimxi tul xmara dejqa, l-ilma nisimgħu jgelgel bilkemm narah minħabba s-siġar fuq kull naħa tulha, nistenna li nsib pont biex naqsam għan-naħa l-oħra. Nimxi siekta fil-kwiet li jaqa’ malli nitbiegħed mill-kakofonija u l-ġenn tal-belt. Qed infittex id-daħla moħbija lejn il-belt siekta tan-nisa mis-seklu tlettax. Insibha u nidħol. Nilmaħ it-toroq li minn fuqhom ma għadda l-ebda żmien, nimxihom jien u magħhom nimxi lura fiż-żmien. Dal-beginaġġ belt żgħira, belt il-ħemda. Xejn mill-belt kbira t’hemm barra ma jidħol ġewwa. Ix-xmara biss titħalla tgħaddi minn nofsha, darba lejn naħa u darb’oħra lura bil-kontra biex terġa’ tingħaqad u tinqabad f’dawran mingħajr bidu mingħajr tmiem. Hekk tieqaf il-mogħdija taż-żmien f’dal-post minsi. It-trejqiet passaġġi bejn il-knisja, id-djar, il-ġonna, il-bjar. Nittawwal f’kull bir u nfesfes, isma’ sew. Siġar, pjanti, fjuri, ilma, u bank fid-dell. Arkitettura mfassla bħal rifuġju, twennes bħan-natura. Dal-post belt-bebbuxu, nidħol u nibda ndur bil-mod, dejjem riesqa lejn in-nofs għall-kenn u s-serħan. Għall-ħemda, għall-ħoss tal-ilma. Għall-ferħ li dejjem inħoss mill-irwejjaħ tal-pjanti u s-siġar. L-għarfien dwar il-ħelsien kont l-ewwel li ltqajt miegħu hawn. Ġejt nagħtih l-aħħar tislima qabel nitbiegħed.
Barra mill-belt-bebbuxu nkompli nimxi. F’dal-kwiet, nieħu nifs fil-fond, inħalli ’l widnejja jilqgħu s-silenzju bħal riħ frisk li jtajjar ’l hemm is-sħab. Joħodni għall-ħemda tal-foresti bħal ħitan li jżommu kollox mistur fihom. Għall-kwiet tal-art iebsa ġebel li ma jikber fiha xejn. Is-skiet ta’ filgħodu kmieni, is-silenzju tal-mixi fil-borra, il-passi maħnuqa taħt sema abjad silġ; xejn ma jitħarrek, kollox wieqaf, sospiż, imkebbeb fil-bjuda qotnija. Is-skiet ta’ binhar nistħajlu s-skiet profond tal-lejl, tal-irqad taħt kanupew kwiekeb; f’dil-ħemda nistħajjilni nisma’ għanjiethom mill-bogħod. Das-skiet waqt il-mixi mhuwiex ħlief it-tmiem tat-taqtiq, dik l-għagħa dejjiema li drajna nħalluha ttarraxna, tisturdina, taħkimna minn kull naħa, toħdilna rasna u ma tħallina nisimgħu’ xejn iktar. Kollox madwarna fil-ħajja tax-xogħol, tal-belt, għandu dmir x’jaqdi. Għal kull ħaġa hemm kelma u post. Hemm kelma għal kulma naraw, kulma nħossu, grammatika għal kull emozzjoni. U għalhekk, hawn fis-skiet qed nisma’ u nara aħjar, mingħajr l-indħil ta’ lingwa limitata. Fil-ħemda nfakkar lili nnifsi biex qabel nitkellem l-ewwel nara. L-uniċi kelmiet li jifdal għal min jimxi huma kelmiet ix-xejn, dawk li malli nleħħinhom jaħsduni għax lanqas inkun ħsibthom qabel, ngħidhom kemm biex inħoss leħni jivvibra u nħoss lili nnifsi nirreżona miegħu.
Nieqaf fid-daħla tal-maċċ u nxomm ir-riħa tal-injam ħjiel ta’ karamelli, vanilla, imsiemer tal-qronfol u te karg; l-aroma tal-balzmu mir-raża, tal-misk mill-pjanti; l-irwejjaħ tax-xita fl-arja, tax-xita mħallta mal-ħamrija, tax-xita mitluqa f’taqtiriet fuq aħdar bellusi bużbieżi tal-werqiet. Miġnun min jaħseb li x-xamm tal-irwejjaħ l-inqas fost is-sensi u jinjurah. Ix-xamm lili joffrili l-iktar rabtiet profondi u immedjati bejn dak li hu madwari u l-memorji u l-emozzjonijiet tiegħi; bl-irwejjaħ inqajjem is-sensi l-oħra tiegħi mill-irqad. L-irwejjaħ jidħlu fi mnifsejja, jitilgħu dritt għall-imħażen ta’ moħħi ta’ tifkiriet u emozzjonijiet. Nagħraf l-istess irwejjaħ minn żmien ħsibtu minsi u nħallihom iġorruni magħhom lura lejh. Il-vjaġġ iħaffifli qalbi. Nitħeddel, nintelaq fl-irqad.
Nimxi, fit-tul. Sa ma nieqaf ma’ xifer is-simenta u nara d-dgħajjes mistrieħa, marbuta, jitbennu ħafif waħda ħdejn l-oħra, din għas-sajd bix-xbieki, din għall-ġarr tal-merkanzija daqqa leċita daqqa mhux, din biex biha sidtha toħroġ tfittex il-kwiet għas-sajd bil-qasba, din mhix dgħajsa imma dar, titbandal inqas mill-oħrajn, fil-fatt le, ma titħarrikx, din għamlitu żmienha u issa, għajjiena, tpoġġiet hawn, mafkar, din baqgħet hawn għax sidha miet is-sena l-oħra u ħadd minn familtu m’għandu s-sejħa għat-tbaħħir, din biex biha jaħarbu minn pajjiżhom dawk li qed ifittxu l-kenn għal ħajja aħjar f’artijiet ’il bogħod mid-dar.
Nimxi. Sa ma nieqaf, insorġi fuq kantun imserraħ ma’ ħajt tas-sejjieħ nofsu mwaqqa’, inħares lejn il-lenza quddiemi u nisma’ l-mitt taħbita fil-minuta ta’ qalbi jirbumbjaw f’widnejja, in-nifs ’il ġewwa ’l barra llajmat; ġemgħa ekori bi ġwinħajn ittarżin iswed fuq aħdarsafrani jpassu minn fuq rasi, jgħannu l-ħelsien. It-tħaxwix tal-għoxb għattxan; iż-żarżira akuta ta’ ġwienaħ il-grillu, mistoħbi, ħerqan; it-tperpir mar-riħ ħafif ta’ għata tal-plastik imċarrta, minsija, mitfugħa fuq wiċċ ir-raba’ ħawli, rieqed wara staġun il-ħsad; it-trewwiħ ’l isfel u ’l fuq, qatt la ġenba, ta’ denb il-vjolin pastard, jgħidu li sidru isfar ħadrani wkoll, bil-kalma tas-soltu tiegħu jħuf waħdu qalb iz-zkuk u l-werqiet tax-xitel salvaġġ, iqalleb għall-brimb u l-insetti għall-ikel, ma nafx kif qed iħallini nisimgħu, rari jħallini narah.
Nimxi. Sa ma nieqaf u ntiegħem il-ħlewwa tal-larinġa tad-demm biż-żokra li n-natura għoġobha twelled minn jeddha fuq il-gżira ta’ tfuliti f’nofs is-seklu dsatax; il-qrusa morra tal-larinġa zapparita, nafha wkoll tal-bakkaljaw; il-ħlewwa aċiduża tan-naspla, avolja ħlewwitha biss xammejt mill-bogħod. Nimxi. Sa ma nieqaf u mmiss l-irquqija ta’ werqa pinnuta ppuntata ppizzjata tal-fraxxnu, għadha kif raħħset; dis-siġra tal-paċenzja, imma malajr titlifha jekk ma tissaqqiex. Xi mkien fil-fraxxnu hemm in-ninfi Meliae.
Ngħolli ħarsti lejn l-għoljiet fil-bogħod, il-witat madwari u lil hinn. Nintebaħ li siket kull thewdin il-moħħ, fil-waqfien hekk fil-mixi. Fil-mument nistħajjilni nikseb il-fehim dwar l-eternità. L-ewwel eternità hi dik tal-ġebel, tal-witat, tal-orizzont, ta’ dak li l-aktar joffri reżistenza għat-tibdil u ċ-ċaqliq. Siġra tinbet qalb il-ġebel, għasfur jieqaf, iħares. L-ilma ġieri, bilkemm jintebaħ. Madwari, fil-kwiet, kollox hu li hu, xejn mhu jistenna xejn lura. Jien bħalhom qed infittex li nkun, jien li dejjem nedha nagħmel ħaġa wara l-oħra biex nikseb ħaġa mbagħad oħra, jien li qatt ma nieqaf biex sempliċiment inkun, jien li moħħi dejjem iwegħedli li llum nagħmel, imbagħad għada forsi nkun, jekk mhux għada dejjem hemm darb’oħra. Niftakar li għalhekk qed nimxi, biex bħal f’pajjiż il-Kukkanja la nagħmel u lanqas ikolli, biss inkun.
Nimxi u nistagħġeb bi ġmiel it-tqanqil u ferħ il-ħajja, bħal fit-tfulija. Dal-mixi, passju, logħob tat-tfal. Nifhem li fejn hemm is-sabar, hemm il-meravilja. Bilkemm għadni rajt farka mill-kollox li hemm x’nara. Fil-mixi, jien biss ġisem, jien biss ħarsa. Fl-imsaġar, fil-witat, fl-għoljiet, fil-widien, żogħżija dejjiema. M’jien xejn, nara kollox. Bi skossi liema bħalhom, in-natura theżżiżni, tqajjimni mill-ħmar il-lejl li hu l-jien medhi bl-ieħor. Bħal leħħa nsir il-ħamrija u l-art li miexja fuqhom, insir il-ġebel, nitwaħħad mal-pajsaġġ u nsir eterna bħalhom. Inwaqqaf riġlejja u nifhem il-mixi fil-waqfien u l-waqfien fil-mixi.
Nitbiegħed u nkompli nfittex il-fetħa, l-ilma, il-bosk, il-wita. Nintelaq għalihom, jagħtuni lura lili nnifsi. Ħarsti tinħeles mill-ħakma taċ-ċokon tal-viċin u titlaq timraħ ferrieħa tfittex il-kobor fil-wisa’, fil-bogħod. Minn medda għal oħra nterraq, moħħ ir-riħ. Jgħaddili l-ħsieb li l-ħolma ħaddieħor għax il-ħalliem huwa jien. Bi tbissima nħalli warajja l-aħħar triq, inpaxxi ’l għajnejja b’xenarji lwien. Riġlejja jimxu bil-pass kajman eku ta’ nifsi. Intawwal il-wasla ma’ ħsieb mingħajr bidu mingħajr tmiem.
Nimxi jiem, ġimgħat, xhur. Meta nsib triq li tofroq fi tnejn jew tlieta, nieqaf nistaqsi bejni u bejn ruħi jekk waħda minnhom hix it-triq li se twassalni għall-qalba ta’ labirint jew biss waħda minn bosta f’logħba makakka ta’ devjazzjoni biex kemm ngħaddi l-ħin sa ma nasal san-naħa l-oħra. Jekk jirnexxili naqsam għan-naħa l-oħra, jaf anki nsib kollox mibdul. Ninsa għal ftit li dal-mixi qed nimxih biss biex nimxi u mhux biex nasal. B’għafsa ta’ qalb jgħaddili minn rasi li dieħel id-dudu tad-dubju. Forsi ma kontx kejjiltha sew dit-triq li bdejt interraq. Ngħolli rasi, nibqa’ wieqfa, u naħseb. Li kelli nerġa’ lura fuq il-passi tiegħi stess, li kelli nerġa’ lura għat-triq il-qadima, il-passaġġi tal-belt-bebbuxu, it-toroq tal-fabbriki, it-toroq tal-belt, it-triq sewdiena li twassal sal-bieb tiegħi issa rmied, inreġġa’ lura l-mixja u nwaqqaf il-mixi bl-għama, kif donni ilni nimxi żmien twil. Il-viċin qed narah ċar, huwa ’l bogħod li donnu mżelleġ.
Nitfa’ ħarsti lejn ix-xefaq lil hinn mit-toroq imferrqin. Jgħaddili l-ħsieb li f’dal-mixi m’hemmx għażla ta’ triq minn oħra. Niftakar fit-twissija tal-mistika, kun af il-mogħdijiet. Iċ-ċpar jiċċara ftit ftit u l-għażla tgħib. Biex insir nafhom il-mogħdijiet kollha kemm huma rrid nimxihom. Nifhem, għall-ewwel darba, li jien fin-natura ħriġt nimxi mhux bħalma mxew fiha l-poeti u l-profeti rġiel ta’ dari, iżda bħal dawk il-qalbiena li waqfu jsejħu lilhom infushom nisa meta stenbħu, fetħu għajnejhom, taw ħarsa sew madwarhom u raw li kienu kollha l-istess, u fehmu li l-kelma nisa ma kellhomx bżonnha iktar u saru gwerrieri.
Ngħaffeġ id-dubju taħt saqajja u nerġa’ nibda nimxi. Nimxi issa b’par għajnejn oħra fuq ħuġbejja, fuq widnejja, fuq il-wara ta’ rasi. Nieħu rotot itwal, dejjem itwal milli hemm bżonn. Niftakar li dal-mixi sovversiv. Nitlajja, niċċassa lejn is-sħab, niġbor mill-art ġebel ikkulurit, weraq niexef, qxur tal-bebbux, nitfagħhom fil-but. Dal-mixi jiswa daqs l-ifjen dehbijiet u l-ħela ma jagħrafhiex, lanqas tal-ħin. Nimxi fil-beraħ biex niċċelebra l-ħelisen tal-ftuħ, nimxi biex niddefendi l-art mill-għeluq. Nimxi f’dagħdigħa nipproklama li m’għandu jkollna l-ebda ħajt, l-ebda bieb, l-ebda grada jew kanċell. Il-passaġġi għandhom jibqgħu miftuħin għal kulħadd, anki għax-xmajjar u l-ilmijiet. Bil-mixi nfisser li m’għandix proprjetà, bil-mixi niġġieled kontra l-fruntieri, kontra s-snieter, kontra s-sjieda tal-art, għax l-art m’għandha tkun ta’ ħadd imma ta’ kulħadd. Bil-mixi nidħollok fl-għalqa għax jekk dik tiegħek hi tiegħi wkoll.
#
Hawnhekk, ġewwa barra, barra ġewwa. Fl-id tal-lemin għandi fanal, mixgħul anki mal-jum, jekk tistaqsini għaliex mhux se ngħidlek li qed infittex bniedem onest għax jidhirli li ma qed infittex lil ħadd. Ħlief wieħed. Li kelli b’xorti nilmaħ lil dak ir-rgħaj tar-rakkont medhi jiżra’ mitt ġandra kuljum, mitt elf fi tliet snin, inkun iltqajt mal-bniedem onest li qatt ma rnexxielu jsib Djoġenu. Nisimgħu jgħidli li siġra mhux kemm taqbad tħawwilha. Siġra trid il-wisa’ fejn tikber u titwal, titmattar, tiftaħ friegħtha u tħaddar. B’werqietha tixrob saħħitha mid-dija xemxija, mill-arja tassorbi l-ispirtu mitfi tal-karbonju, tiffiltraha, tippurifikaha, tirregola l-umdità. B’alkemija siekta tfewġilna arja nadifa, saħħa ġdida, indewwa friska. Tikber u timmatura fil-ftuħ, issebbaħ u ttejjeb madwarha, toffri d-dell mix-xemx qalila u kalma bi sbuħitha, tnaqqas il-fluss tal-ilma lejn id-drenaġġ. Imma l-ewwel, iwissini, trid tara kemm se tikber ’il fuq u ’l barra l-massa tal-kuruna tagħha, biz-zkuk, u l-friegħi u l-weraq, kemm se jifirxu ’l isfel l-għeruq fil-medda fejn se tħawwel. Ifakkarni li dil-ħdura ħajja kollha, tas-siġar, tal-ħxejjex, tax-xitel, u l-ilmijiet u l-għadajjar, hija armata qalila fi ġlieda kontra l-qerda u t-tmiem. Imbagħad ikompli jaħdem fis-skiet. Naf inqatta’ nofstanhar, lejl u jum miegħu fil-kwiet, nosservah iħawwel, isaqqi, jiżbor, bil-paċenzja jindokra kull fergħa kull werqa, u nitlaq minn ħdejh mistagħġba, mibdula għalkollox. Inħallieh ikompli bil-ħidma tiegħu, fil-paċi b’dik is-saħħa solenni li għandu ġejja mill-arja friska tal-muntanji, il-frugalità, u fuq kollox, is-serenità tar-ruħ. Sab l-isbaħ mezz għall-kuntentizza. Nistaqsi lili nnifsi, kemm-il ettaru ieħor se jilħaq ikopri bis-siġar sa ma jmut?
U nkompli nimxi, qalbi se tfur. Għax naf li għaxra, għoxrin, tletin sena oħra, jekk nerġa’ nsib ruħi hawn se nkun miexja f’foresta sfiqa ballut, fraxxnu, betul, fagu fejn, li ma kienx għal dal-proxxmu ta’ barra minn hawn, għadu deżert, mitluq. Il-foresta ħabiba antika tal-qalb, inżurha mhux għax nafha jien imma għax tafni hi minn qabel kont naf lili jien. Isma’. Ismagħhom it-tektieka tas-siġar isammru b’munqarhom mal-għud ifittxu l-insetti għall-ikel. Jgħiduli, jekk qalbek sewda, mur imxi mixja fil-foresta u qalbek tiħfief. U nimxi fil-foresti, fil-boski, fil-widien, ngħaddi bil-lajma mill-mogħdijiet u niġbor zkuk żgħar mill-art. Dan, ara, kemm jidher stramb, u dan tad-daħq. Għalija tad-daħq. Dan twil, dan irqiq, dan jigref, dan fin. Insib iz-zkuk kullimkien. Sabiħ għalija dal-mixi waħdi fil-bosk. Nimxi u niġbor mill-art. Mhux biss zkuk. Werqiet, ġebliet, qxur, ġewżiet, prinjoli, żrieragħ, ħażż, rixiet, għadmiet, biċċiet minn qarn. Inżommhom fil-but. Jien u nimxi niġbor minn madwari dawn ir-relikwi ta’ kuljum, minn dawk sagri dejjem żammejt ’il bogħod. Jien u nimxi nħares, nisma’, immelles, inxomm, intiegħem, iżda b’idejja, li s-soltu jikluni, nibqa’ ma noħloq xejn. Dal-mixi peripezija; bil-mixi nsawwar id-dinja, bil-mixi nqiegħed lili nnifsi fiha. Pass pass inkejjilha u nagħraf li d-dinja kbira, imma jien m’iniex. Nimxi biex insir naf il-wisa’ mingħajr kejl, il-ħeffa mingħajr użin. F’moħħi biss noħloq dak li għadu mhuwiex u qatt qabel illum ma seta’ jkun. Nimxi biex insib. Għaddew tant jiem u x’qed infittex nibqa’ ma nafx. M’jien infittex xejn imma bil-nimxi xorta nsib: dak li ma jidhirx, dak li ma jingħaddx. Nimxi b’saqajja ħarira maqtugħin mill-art bil-lest sa ma nilmaħ id-dija tal-għaġeb, l-ilwien, il-fwejjaħ, l-għanjiet li jibqgħu jiġbduni lejhom. Għajnejja niftaħhom u nħares lil hinn minni, inħalli lili nnifsi nitqanqal b’ammirazzjoni ġojjuża ta’ kull m’hawn madwari. Dil-fjura ma nqaċċathiex, dil-ħanfusa ma ngħaffiġhiex, dil-werqa ma niżinhiex, ma nkejjilhiex. Imma bħal ammiratur rispettuż u bl-aktar mod dinjituż inħares biex nilmaħ sinjal ta’ dak li jista’ jkun hemm mistur iżda mhux qed narah. Dan hu l-ferħ li jġib miegħu l-ħjiel li hemm iktar u iktar lil hinn minn dak li hawn quddiemi, minn dak li diġà naf. Nammira mhux biex nikkonsma dak li qed nara, mhux biex nikkontemplah b’mod passiv u għażżien. Lesta nitlaq kollox minn idejja u dix-xitla niddedikalha l-ħin kollu li hemm bżonn biex niflilha kull dettall, inħares lejha minn kull lat, biex insir naf iktar dwarha u nistagħġeb. Nifliha bħalma nifli l-kewkbiet waħda waħda fis-smewwiet, u nilmaħ ħolma maqbuda f’kull waħda. Qaluli, oħroġ imxi fil-foresta, imbagħad erġa’ lura. U jien ħriġt imma lura bqajt ma ġejtx avolja qalbi sewda m’għadnix. X’jimporta la qed inħossni tajba. Naf li jekk nibqa’ nimxi u nitbiegħed mid-dar se nkompli nħossni aħjar. Għadni nterraq mingħajr ħjiel ta’ fejn se mmur, nista’ anki nimxi u xorta nibqa’ hawn. U jekk niltaqa’ ma’ siġra qed tmut, ma ninkwitax wisq, l-għud mejjet bżonnjuż biex fih jilqa’ speċijiet ġodda. Naf li s-siġar imutu imma l-foresta ma tmutx. Taħt l-art hemm xibkataħbila ta’ fergħat fungali li żżomm il-foresta ħajja u reżiljenti. Nisimgħu, nistħajjel, it-tgedwid tas-siġar, il-lingwaġġ tal-molekoli bejn iz-zokk u ż-żarġun, bejn il-werqiet fil-għoli u l-għeruq taħt il-ħamrija, bejn siġra u oħra, kollha f’konfoffa jtaqtqu u jfesfsu bid-djalett tagħhom biex iqarrbu jew iwarrbu lil dak l-insett, dak il-mikrobu, dak il-fungu iżda mhux lill-ieħor. Nistħajjilni nismagħhom jonsbu għas-sinjali madwarhom biex jifhmu x’se jiġri minnhom jekk ma jiħdux ħsieb, jibagħtu sinjali oħra ’l barra, dawn biex iqanqlu x-xita, dawn biex isejħu għall-għajnuna, dawn biex iħejju għall-ġlieda kontra dik l-imniegħel baħrija tal-lanġas li qed tgerrmilhom il-fergħat minn ġewwa għal barra u teqirdilhom il-frott, ħa jmarrduha, jekk hemm bżonn anki joqtluha. Jargumentaw, jinnegozjaw, iwissu. Jafu jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Jafu bil-bżonnijiet u l-isfidi tal-oħrajn u b’sens qawwi ta’ solidarjetà, kollaborazzjoni u empatija profonda, jieħdu ħsieb xulxin. Jekk titqaċċat waħda minnhom, nismagħhom javżaw lis-siġar fil-qrib bil-periklu, narahom jidderieġu fil-pront in-nutrijenti u l-ilma lejn iz-zokk tas-siġra l-midruba biex jippruvaw isostnuha ħalli tibqa’ ħajja, biex ħadd ma jkollu jiffaċċja d-diffikultajiet waħdu. Dawn is-siġar jgħallmuni t-tifsira ta’ kura, komunità u kompassjoni, ta’ qalb tajba u appoġġ, tat-tqassim ekwu tar-riżorsi. Ta’ xi tfisser li foresta tiffjorixxi billi tkun f’saħħitha kull siġra, kull pjanta, kull fjura ta’ ġo fiha. Il-foresta turini kif tieħu ħsieb tagħha nnifisha, turini li trid tgħix.
Kull għodwa kull lejl, nismagħhom igedwdu l-qċaċet tas-siġar tal-luq li jkattru fil-widien, nismagħhom ifesfsu dwar xemx, xita, umdità. Fi tmiem il-ħarifa taqa’ l-aħħar werqa bellusija u fl-aħħar jisktu, xitwa twila. Nitbaxxa, niġborha, nitfaħha fil-but. Fil-widien tal-muntanji nara siġra li tagħmel fjuri sura ta’ ras ta’ bniedem; ma jlissnu ebda kelma, jitbissmu, jitbissmu biss sa ma taqa’ l-aħħar petala, hekk. Niġborha, inxommha, inqiegħda fil-but u nimxi.
Innaqqax lanza minn fergħa bil-mus, kont sinnejtu qabel ħriġt mid-dar; ingaraha ’l bogħod kemm nista’ bħalma niftakarni nagħmel darba fil-ħolm. Insegwi t-traġitt tagħha b’għajnejja u naqtagħha li l-mixi se nkomplih ’l hemmhekk. Il-lanza tal-għud mill-fergħa tal-fraxxnu nilmaħha minfuda fiz-zokk xwejjaħ ta’ siġra tax-Xewk ta’ Kristu. Nimxi lejha. Niflilha l-weraq, il-frott, l-għesieleġ irqaq xewkija u nifhem kif seta’ nibet il-ħsieb ta’ girlanda niggieża żeblieħa għar-re tar-rejiet. Kemm mix-xewkiet laħqu nifdu s-swaba’ ta’ dawk li qaċċtu l-għesieleġ mis-siġra, li għawġuhom bil-mod biex jaraw sa fejn kapaċi jċedu qabel jinqasmu, li mmaljawhom bil-galbu, sawruhom f’kuruna frott il-ħażen u l-ħdura? Dis-siġra tħaddar is-sena kollha; la xemx lanqas nixfa qatt kidduha. L-eqdem waħda l’għandna jaf nibtet fis-siegħa stess li qegħdulu l-kuruna xewwieka fuq rasu, tinsab f’raħal ċkejken ta’ pajjiż misħut, sittin ruħ kollox li jemmnu li hi saħansitra eqdem minn hekk, li bil-friegħi u x-xewk tagħha stess kienu ppruvaw iżebilħuh lil dar-re. Ix-xewkiet tal-kuruna tar-re damu ħodor u friski mijiet ta’ snin, tqiesu mbagħad relikwa meqjuma, tfakkira solenni li l-kuruna xewk kienet l-ewwel tqiegħdet fuq ras ir-Redentur mhux biex tkażbru u tumiljah imma biex b’qawwitha taħsad xewkiet id-dinja u tagħmel ħerba minnhom kollha darba għal dejjem. Twaħħmet mas-sekli mill-ogħla kbarat u setgħat, inġarret b’qima minn art għal oħra, don mingħand imperatur lil isqof, rigal m’għand duka lil re, lil prinċipessa, lil re ieħor; sa ma ttieħdet fit-teżorerija tas-sagristija ta’ katidral bħala l-aqwa fost l-artefatti fit-tiżjin imħejji għall-inkurunazzjoni ta’ imperatur li ġie mix-xejn. Qiegħed, hu stess, żewġ kuruni fuq rasu; l-ewwel dik mifhuma imperjali, bil-friegħi u l-weraq ifuħu tar-rand, sinjal ta’ rebħa festuża, u l-oħra — xbieha tal-kuruna mitlufa ta’ Karlumanju biex bħallikieku setgħan daqsu — mgħonija mhux b’xewkiet u friegħi mfewħin imma deheb, gamewwi u ħaġriet semiprezzjużi. Illum tinsab maqfula wara l-ħġieġ f’mużew. In-nirien li rajt b’għajnejja stess jikluh minn barra u minn ġewwa ’l-katidral lir-relikwa tal-kuruna tax-xewk ta’ Kristu baqgħu ma laħquhiex u smajt li, sa ma ssewwew il-ħsarat u l-bibien infetħu solennement mill-ġdid bid-daqqiet ta’ baklu pastorali, baqgħet esposta hi wkoll fl-istess mużew bħall-kuruna tal-imperatur, dik li wkoll issawret bħala kopja ta’ kuruna ta’ imperatur ieħor. Fil-ħanut tal-mużew, imbagħad, ikomplu jinbiegħu kopji ta’ kopji tar-relikwa tal-kuruna ta’ Kristu, tal-girlanda tar-rand, tal-kuruna ta’ Napuljun u dik ta’ Karlumanju. Jien relikwi sagri u kuruni imperjali ma jqanqlunix, u ħerqa għall-mużewijiet ma fadallix. Iżda lesta nimxi l-ġimgħat, anki xhur sħaħ, biex inżur l-eqdem Ziziphus spina-christi. Li kelli nasal quddiemha nqiegħed il-ġenb ta’ rasi u l-pala ta’ jdejja jserrħu fuq iz-zokk, bid-dmugħ f’għajnejja ngħarrafha li r-re bil-kuruna tax-xewk miet għalxejn.
#
Dieħla, nistħajjel, fil-ħemda dellija ta’ tempju mill-qedem, ħosbiena għadni nhewden dwar il-kuruni tar-rejiet. Ċkejkna nħossni bilwieqfa, avolja issa fuq ponot is-swaba’ ta’ saqajja, quddiem is-sekwoja ġganta li titfaċċa minn imkien. Inħares ’il fuq fil-għoli kemm nista’, imma hi togħla miegħi u l-kuruna fuq rasha tintilef fis-sħabiet. Ġganta fost l-ogħla ġganti, gwardjana tal-foresta, dis-siġra taħsibha mwielda għall-eternità. Li kelli d-dinja nimxiha kollha ma nsibx siġra oħra kbira daqsha u ixjeħ minnha. Serraħt idejja mal-qoxra u ħarist ’il fuq. Għaraft li bil-kobor tagħha ħadd ma jasal jirbħilha. Is-serrieq jistmerrha, il-mannara tisħitha, in-nar ma jaħraqhiex. Ir-ragħad u s-sajjetti jdawluha, iqimuha. Tarrfitli li fl-ogħla friegħi hemm moħbija l-ispirti tas-sema li jwelldu minnha l-eqqel maltempati; li fil-weraq jistaħbew l-eħirsa li jħarsuna minn kull ħażen; li fl-eħxen u l-eqdem mill-friegħi jgħixu, ilhom mill-bidu taż-żminijiet, in-ninfi mibgħuta jixhdu l-mogħdija taż-żmien, fis-skiet josservaw l-armonija tan-natura madwarhom. Ressaqt xufftejja mal-qoxra, għedtilha li kienet għalija l-isbaħ fost l-isbaħ siġriet u tlabtha rakkont. Weġbitni li, fi żmien qabel l-għagħa tal-bliet, qabel il-ħsejjes tal-ħadid, fi żmien meta l-art kienet titħaddet bis-skiet, mal-qalba ta’ staġun is-siġar kienu jħarrku frigħathom biex jgħidu ’l xulxin x’setgħu joffru lid-dinja. Il-balluta qalbiena b’għeruqha sodi u fondi offriet saħħitha. L-arżnu mill-għoli offra l-veduta. Il-luq offra s-sbuħija, il-fraxxnu l-grazzja, u jien, is-sekwoja, offrejt il-kobor tiegħi. Il-ġinkgo biss ma tħarrkitx. Bil-werqiet rewwieħa dehbiena ħarira mifruqin tagħha, dis-siġra antika mingħajr żmien hi eqdem mill-istorja nnifisha. Sejjaħnielha b’isimha u staqsejnieha x’toffri lid-dinja iżda hi baqgħet siekta. Kienet rat ħafna staġuni jitwieldu, imutu, jibdew mill-ġdid, kienet ilha fuq l-art mijiet ta’ miljuni ta’ snin. Fil-monasteri ssibha għax fejn iħalli ruħu għaref twajjeb, hemm tinbet hi, u l-għerf tiegħu toffrih f’kull werqa safranija-dehbija li tħobb tagħmel f’salt wieħed fil-ħarifa. Dan kienet tafu u għaliha kien biżżejjed. Iżda meta l-ispirti tar-ragħad mill-ogħla friegħi tiegħi invokaw maltempata biex iħarrkuha u jġegħeluha tkellimna, qam ir-riħ mill-għadab tal-baħar u l-borra mill-wegħdiet miksurin tal-muntanji u nqasmu ħafna mill-friegħi tas-siġar kburin iżda l-ebda minn tagħha. Il-maltemp fl-aħħar batta u l-ġinkgo baqgħet wieqfa fis-skiet. Il-ġinkgo tisfida, u tikber fejn soltu tmut kull ħaġa oħra bl-inkwiet. L-insetti ma jmarduhiex, il-mard ma joqtolhiex. Ġiet in-nixfa, bdew in-nirien, iżda dis-siġra bħali, min-nar ma tibżax u baqgħet ma nħarqitx. Waqgħet fuqha bomba, minn dawk l-iktar qerrieda, u minn nofs il-ħerba kienet hi minn tal-ewwel li reġgħet nibtet, ħdura ħajja tielgħa qalbiena minn fost l-irmied. Sejħulha għalhekk is-siġra tal-memorji biex tibqa’ tfakkarhom li qatt m’għandhom jinsew. Nixxfulha l-weraq, għasruh għaż-żejt, sajruh bħal te, u kielu u xorbu minnha biex jibqgħu ma jinsewx. U fejn xorta nesa l-bniedem baqgħet tiftakar hi. Temmet tgħidli s-sekwoja, il-ġinkgo mhux biss tiftakar, iżda hija hi stess it-tifkira. La ttemm id-dinja se jkun fadal biss hi biex tiftakar u tfakkar li aħna qatt konna. Is-sekwoja, imbagħad, tiskot u nibqa’ nisma’ t-tħamħim tan-ninfi minn qalb il-friegħi ħoxnin. Bil-ponot tas-swaba’ mmellisha. Niżżiha ħajr, lil dis-sekwoja ġganta, tar-rakkont ġeneruż tagħha dwar siġra oħra. Hija ħafna ikbar milli mmaġinajt.
#
Tibda minn żerriegħa mnixxfa mitlufa f’nagħsa ħelwa, ċkejkna daqs nitfa imma ġa toħlom bir-renju tal-ħlejjaq u l-ispirti maqbudin taħt l-art u tan-ninfi u l-allat jittajru ħielsa fil-għoli. Tistħajjel li bħas-siġra — forsi tal-ballut jew taż-żebbuġa, tal-aġġru jew tal-bajtar — li tinsab fil-qalba tad-dinja jew fil-quċċata tal-ogħla muntanja għad xi darba hi wkoll tiftaħ beraħ u tgħolli dirgħajha u terfa’ s-smewwiet; biex is-sema, l-art u r-renju ta’ taħtha, u kull m’hemm fihom, jingħaqdu f’ordni u f’armonija mingħajr ma hi qatt titħarrek minn fejn hi. Tilmaħ bejta ta’ ajkla mserrħa fuq l-ogħla friegħi u barbaġann ħosbien fuq fergħa għan-nofs. Fuq kobba suf iswed imkebbeb mal-ġidra tas-siġra f’qiegħ iz-zokk hemm dragun, rieqed, u taħtu hemm serp qed jitkagħweġ qalb l-għeruq. Fit-tarf ta’ kull werqa jibbru l-kwiekeb mija mija. Dis-siġra l-għira tal-allat, tar-rejiet u l-irġejjen: li kieku jistgħu jaqilgħuha mill-għeruq u jħawluha fil-ġnien tal-palazz, jiklulha l-frott sa ma jixbgħu, ineżżgħuha mill-weraq tal-għerf, jagħsrulha ż-żjut biex jitfejqu, u jqattgħu minnha sa ma tispiċċa fix-xejn biex għudha jsawruh fi tron maestuż.
Hekk kif tistenbaħ min-nagħsa, iż-żerriegħa tfelles u tixħet ’l isfel ir-rimja tal-għerq biex tibda tfittex l-ilma u tankra lilha nnifisha fil-post. Imbagħad twaddab ’il fuq ir-rimja nebbieta biex tinbet u tittawwal ’il barra mill-ħamrija tfittex id-dija sħuna tax-xemx u tibda tissaħħaħ u titwal. Dak l-ewwel għerq ċkejken fih ċelloli biex minnu jinbtu iktar għeruq, u oħrajn biex jieħdu ħsieb idewwu ’l-għeruq dgħajfin. Għax saħħet u suret is-siġra xogħol l-għeruq. Hemm għeruq ġodda li jikbru ’l isfel bħall-ewwel għerq, oħrajn jimirħu lejn il-ġnub, skont x’l-aħjar għas-siġra li se tkun. Hemm dawk li jimteddu u jinfirxu lejn naħa u oħra biex minnhom jikbru għeruq li jmorru ’l isfel minflok. Bħal gaġġa, jew bħal xibka, jew bħal kobba suf, li taqbad fin-nisġa soda tal-għeruq il-ħamrija biex lis-siġra tkompli żżidilha l-piż. Iz-zokk, il-friegħi u l-faxxina jikbru ’l fuq lejn kull nofs riħ, bħalma jagħmlu l-għeruq u x-xniexel imma ’l isfel. U s-siġra kollha kemm hi titqal u tissaħħaħ biex tibqa’ f’postha. Kollox dwar l-għeruq maħsub bir-reqqa biex is-siġra ma titħarrikx. Ma taqax. Ma titgħawwiġx. Ma tinqasamx. Tibqa’ soda u b’saħħitha biex l-ebda buffura ma ttajjarha. Sistema kumplessa ta’ għeruq li ħafna drabi ssibha kollha kemm hi tħabrek, taħt it-tmexxija tal-ħares jew in-ninfa tas-siġra, f’dak l-ewwel metru ħamrija taħt is-siġra għax hemmhekk l-iktar li ssib ossiġnu u minerali. Taf li l-ilma tax-xita se tilħqu aħjar minn hemm milli iktar ’l isfel. Li kellna nħaffru, iktar ma ninżlu, iktar insibu ħamrija sfiqa u dejjem inqas ossiġnu. L-għeruq ibatu biex jgħaddu u ma jinżlux. Iżda l-għeruq makakki u kultant jeħtieġ jagħżlu bejn tbatija u oħra skont xi tkun dik is-sofferenza li l-aħjar jgħaddu minnha biex is-siġra tibqa’ ħajja fit-tul. L-għeruq tas-siġar li jgħixu fi klima sħuna jafu li lanqas fil-parti ta’ fuq mhu se jsibuh l-ilma, u f’dal-każ erħilhom jinżlu jfittxu iktar fil-fond. It-timjila tal-għeruq hi lejn fejn hemm l-indewwa, tfittxija siekta ’l ġewwa, fejn id-dinja tistenna biex toffri lilha nnifisha lill-għeruq biex jassorbuh permezz ta’ osmożi. Ġildithom iebsa, miksija xniexel, jitmiegħku fil-ħamrija jgħarrxu għall-ilma bla ma ssirilhom ħsara. Mhux l-għeruq il-ħoxnin, taħsibhom ġa saru għuda, imma l-irqaq, dawk l-iktar fini, li l-iktar li jsoffu ilma, u b’ħeffa jwassluh lis-siġra. Jilħqilhom biżżejjed biex jagħrfu meta s-siġra bil-għatx u meta mhix. Bid-dawl tax-xemx is-siġra l-ilma tibdlu f’ikel. Iktar ma jkollha ilma, iktar ikollha x’tiekol, biex tikber u tissaħħaħ, tfieq meta timrad, tiġġieled kontra l-pesti u l-mard u tieħu ħsieb tagħha nnifisha. Iż-żejjed taħżnu fl-għeruq għal iktar tard. L-għeruq jafuh u jifhmuh l-ambjent ta’ madwarhom. U dak li jintebħu bih jgħadduh ’il fuq bħala sinjali f’forma ta’ ormoni lis-siġra biex din tikber u tkattar bl-aħjar mod possibbli skont il-kundizzjonijiet li tinsab fihom.
Kull għerq iħabrek jipproduċi kimiċi biex jibdel kemm aċtu jkun hemm fil-ħamrija ta’ madwaru ħa jservi ta’ kenn għal fungi u organiżmi żgħar żgħar oħrajn bħall-batterji. Hu jgħin lilhom, li jgħinuh lura. Bħalma s-siġra sservi ta’ kenn għall-għasafar, l-insetti u annimali żgħar oħrajn li taf li ma jagħmlulhiex ħsara. Il-fungi joffru lis-siġra ilma u nutrijenti, u s-siġra toffrilhom lura sustanzi li jkollhom bżonn, bħaz-zokkor. Ħidma bla waqfien biex is-siġra tissaħħaħ u tibqa’ fejn hi. Iktar mas-siġra tixrob ilma, iktar tikber u titwal. Iktar ma tikber is-siġra, iktar l-għeruq jankrawha fil-post biex tirreżisti li tittajjar mir-riħ. Meta jaqa’, iċ-ċpar jipprovdilhom l-ilma li jistrieħ fuq il-weraq u l-friegħi sa ma jċarċar bil-mod u jaqa’ mal-art u jiġi assorbit mill-għeruq. Iċ-ċpar huwa sors ta’ nitroġenu, l-aktar meħtieġ biex jinħolqu l-proteini, u b’hekk iservi wkoll ta’ fertilizzant. L-għeruq ma tarahomx, faċli jintesew, imma ta’ rashom u kapaċi jikbru fejn l-inqas tistenniehom, jisserrpu fil-konkos, jgħaddu mill-bankini, jintlewew taħt il-pedamenti u fil-kanen u l-katusi tas-sistemi tad-drenaġġ fejn ġmielhom jespandu u jifqgħu kull m’hemm. Nixħtulhom il-melħ, nixħtulhom is-sulfat tar-ram, nippruvaw niġġildulhom ħa neqirduhom l-għeruq. Nibqgħu ma naqtgħux qalbna u ninsistu sa ma anki s-siġar inqaċċtu biex neħilsu minn għeruqhom, inġibuhom fix-xejn u nħossuna rebbieħa u setgħana fuqhom. Iżda jien nilmaħ siġra f’nofs triqti nieqaf taħtha, inserraħ dahri f’dellha. Kelli bżonn pulmun, għalhekk l-ilma tal-ħajja sarli werqa biex inkun nista’ nieħu n-nifs. Imbagħad meta n-nifs ħadtu, il-werqa waqgħet, u jien ma mittx. Fil-frott tiegħi jinsabu ħsibijieti dwar il-ħajja. Għal dellha jien dejjem mixtieqa, u l-frott tagħha ħelu għal togħmti. Tiegħi t-tgawdija jekk hi r-rebbieħa. Dis-siġra reġina dejjiema.
#
Nasal ħdejn ċipressa qargħija, siġra tan-niket b’weraq bħal labar; hi wkoll siġra tal-ispirti. Jingħad li tixrob ruħ l-imsejken li jmut ħdejha u hi tikber iktar b’saħħitha u titwal ma’ kull ħajja li tisraq. Iżda l-erwieħ tal-mejtin li għerqu jew mietu ’l bogħod mill-familji tagħhom jidħlu minn jeddhom jistrieħu fiha u l-artijiet mistagħdra fejn jikber iċ-ċipress qargħi jiftħu d-dinja tal-ħajjin għal dik tal-mejtin. Jgħidu li dis-siġra makakka għax jirnexxilha tara dak li l-oħrajn jaħbu. Nara telgħin mill-art ta’ madwar iz-zokk tas-siġra bħal irkupptejn tal-għud kollha għoqiedi ġejjin għall-ponta. Ma nistax narahom imma naf li mqabbdin mal-għeruq taħt l-art, taħt l-ilma. Nismagħhom igedwdu u nara dwal ħfief jibbru bejn irkoppa u oħra, dawn huma l-erwieħ li joħolmu li jerġgħu lura d-dar. L-ispirti tal-mejtin li għerqu medhija jħarju lill-vjaġġaturi jitilfu t-triq tagħhom u jidħlu fl-ilmijiet magħhom minflok. Fi żmien l-ewwel għargħar, kienet biss dis-siġra li rnexxielha tħaqqaqha mal-ilmijiet, l-oħrajn inġarru u għerqu. Iċ-ċipressa qargħija baqgħet wieqfa twila, tikber bil-mod u fil-kobor, bl-għeruq fondi u minsuġin flimkien, u bl-irkupptejn tal-għud telgħin mill-art biex jieħdu n-nifs u jżommu s-siġra dejjem ankrata fl-art u wieqfa, tisfida l-irjieħ u l-uragani u tgħix fit-tul. Wara d-dulluvju, iċ-ċipressa qargħija ntagħżlet biex tipproteġi dawn l-artijiet mistagħdra, għal dejjem b’għeruqha fl-ilma, għal dejjem tgħasses.
Inqum u ndur biex iċ-ċipressa qargħija b’irkupptejja fl-għadira mtajna nħalliha warajja. Jien u nibda nitbiegħed nifhem li jien se nitlaq iżda hi se tibqa’ hemm. Nitlaq medhija nimxi minn siġra għal siġra. Għax riġlejja u rkupptejja għall-mixi, u l-mogħdijiet, li spiss joforqu fi tnejn u fi tlieta, irrid nimxihom kollha minn tarf sa tarf anki jekk naf li truf ma jafux. Siġra m’iniex, għeruq m’għandix u jekk ifettilli nieqaf xi mkien naf li se jiġi jum mhux wisq ’il bogħod fejn inżarma u nitlaq mill-ġdid, mingħajr indiema. Ankra ma’ żokorti m’għadx għandi, xejn ma għadni nħalli jorbotni ma’ mkien u lanqas żmien. Il-korda bi snieni drajt naqtagħha u narmiha. Imm’hekk kif jibda jmellisni u jfesfisli f’widinti post ġdid, jisseduċini biex inħawwel fih għeruq ġodda, hekk kif inċedi u nintelaq fih, lesta ninseġ korda bil-ħjut li nsib madwari mil-liedna soda, mill-għeruq ħoxnin, u ankra nsawwarha jien mill-itqal ħadid. Nieqaf. Imma nerġa’ nitlaq. Jien marbuta ma’ mkien, jien m’jien marbuta ma’ mkien. Inrabbi għeruq li naf li se nqaċċathom minn jeddi. Nitlaq forsi bi ftit diqa, it-tluq dejjem iħallili għafsa xi mkien, għadha marka dik li ħassejt ma’ koxxti, ma’ ġenbi, fl-istonku. Nitlaq, għax dik il-mara li wliedha għaxart ixmux qed tħejji biex tidħol traqqadhom. Nitlaq, imma nixtieq nibqa’ hawnhekk fejn jinġabru l-ispirti u l-eħirsa li tismagħhom igedwdu imma tibqa’ ma tarahomx. Ma nixtieqx nitlaq imma nitlaq. Nitlaq, naqta’, nitqaċċat. It-tqaċċit iweġġa’, insofri u ndemmem. Imma mill-feriti fuq dahri jinbet ġewnaħ u ntir.
Nintebaħ li wasalt ħdejn xmara tlellex bi lwien jgħammxuk; nistħajjilha nġibdet b’saħħa barranija mis-smewwiet u tniżżlet fl-art quddiemi mill-ajkla, il-barbaġann, id-dragun u s-serp. Meddewha fi triqti waqt li kont mitlufa nhewden dwar l-ilma u l-għeruq. L-ilma tax-xmara ġieri, dejjem sejjer ma jasal qatt. Nilqa’ mal-għabex l-ilma fil-pali ta’ jdejja u nixrob. Maż-żerniq nixrob in-nida li tinġabar fil-werqa tal-ficus, x’għandi bżonnhom jien l-iskutelli, il-buqari tal-fuħħar. Inħares lejn il-muntanja fuq ix-xellug, lejn il-muntanja fuq il-lemin. Nistagħġeb bil-kobor, bil-ġmiel, dawn l-għedewwa naturali tal-progress, iżda għalissa ħajra nitlagħhom m’għandix. Inħares lejn il-weraq madwari u nintebaħ li waqgħu għax staġun spiċċa u beda ieħor. Norbot, għalhekk, l-għeruq u l-fjuri li jirnexxili naqta’ u nagħmel bihom girlanda. Bil-weraq imnixxef tal-qastan tal-ilma nżejjen il-ħwejjeġ ta’ fuq, bil-fjuri nfewwaħ il-ħwejjeġ ta’ taħt. L-irwejjaħ tal-ħwawar u l-ħxejjex jinfduk sal-għadam. Inħares lejn ix-xena quddiemi bl-għajn ġewwiena tal-imħabba. Naraha kollha, nismagħha kollha, nikkontemplaha kollha. Nistenna minnha s-sejħa għall-qawmien, tħeddilni minflok. Nerħi għonqi, spallejja, dirgħajja, dahri, riġlejja. Nagħlaq għajnejja. Kwiet, hena, li jitħalltuli mal-irqad. Noħlom. Iva, huwa tajjeb li norqod, li noħlom; fl-irqad nissaħħaħ, fil-ħolm ma nweġġax, fil-qawmien ma mmutx. Norqod u noħlom il-qawmien. L-aħjar qawmien mal-għodwa mhux mal-lejl, ħa ntiegħem il-ħolma eħla taż-żerniq.
It-tpespis tal-flieles iħarrikni mill-ħedla tal-ħolm. Inqum għall-għana tal-għasafar, l-għajjat taċ-ċawl, it-tektik tat-tektieka tas-siġar, imbagħad taħsadni t-tfaqqigħa ta’ ġwinħajhom xħin jiftlilhom itiru ’l hemm. Nisma’ n-naħal, il-grillu, il-werżieq. Kull tħaxwixa nismagħha mill-ħaxix, mill-weraq u l-friegħi. Għadda volpi, għaddiet ċerva, ma rajthomx, naħlef li smajthom ipassu warajja. Nisma’ t-tgergir, ma nafx ta’ xiex imma nisimgħu. Nisma’ żrinġ, imbagħad xi ħaġa tiżloq fl-ilma. Nisma’ l-ħsejjes niexfa tal-gremxula u tas-serp. Nisma’ r-riħ, nisma’ l-friegħi jitbandlu fih, nisimgħu jsaffar minn qalb il-blat. Nisma’ l-ilma minn nixxiegħa, nisma’ qatra, imbagħad oħra, nisma’ x-xita tqattar fuq il-weraq u l-ġebliet; ngħolli wiċċi ħalli ngawdi t-taqtir jien ukoll. Nisma’ ż-żiffa. Nisma’ l-kwiet. Nisma’ s-skiet. Nisma’ l-eku tiegħu. Nisma’ nifsi. Nisma’ qalbi. Nisma’ l-passi tiegħi stess.
Maġenb ħarruba għandha elf sena nsib fdalijiet ta’ miġbħa mill-qedem minquxa fil-hitan tal-għerien mitluqin. Il-ħlewwa ntiegħma fuq ilsieni. Il-ħarruba xwejħa tħaddar is-sena kollha. Werqitha ħoxnin, skuri fuq, ċari taħt, jilqgħulha biex l-ilma ma jinsterqilhiex mix-xemx qalila, li bħal Mida għandha don li jagħmel dannu u deni għax kulma tmiss jinxef u jsir deheb. Nimxi t-telgħa waħdi sa ma nilħaqha, ilha tistennieni. Taħtha, faċċata, l-ikħal tal-ilma baħar jidher isfarbajdani jirrifletti sema mifqugħ bid-dija ta’ Awwissu. Ninżel bilqiegħda, riġel fuq ieħor imsallbin, dahri maz-zokk aħrax, inħares ’il barra, subgħajja jmellsu l-imżiewed ġludin tal-ħarruba — tawwalin, kannellavjola skuri, ileqqu — imferrxin mal-art madwari. Niftaħ imnifsejja u nintebaħ li għadu kmieni imma ġa bdiet tfewwaħ. Nagħlaq għajnejja u nara għeruqha jinfirxu minn taħtna t-tnejn u jitbiegħdu minna lejn kull naħa, għatxana jgħarrxu għall-ilma. Inħalli ħsibijieti jinġarru magħhom. Ma nitħarrikx. Lesta nibqa’ fejn jien żmien twil, sa ma bħall-frotta tal-ħarruba ġildti u laħmi jinxfu, jinxtorbu, għadmi jitmermer u jsir trab. Nibqa’ hawn nistenna sa ma jasalli d-dawl jgħammex tal-ogħla għerf li jqajjimni mill-ħedla u nagħraf it-tmiem għal kull tbatija. Nistieden memorja mit-tfulija. Missieri jħarrek il-friegħi tal-ħarruba biex minnhom tinżel xita ta’ mżiewed misjurin u ommi, mgħawġa taħt il-friegħi, tiġbor fi xkora kulma jaqa’ mal-art. Oħra fejn l-imżiewed tal-ħarrub narahom imxerrdin fuq il-madum tal-bitħa biex jinxfu, jitqarqċu. Imbagħad fil-kaldarun jissajru fix-xropp, bl-aniżetta u t-taċċi tal-qronfol. Il-vażett tal-ġulepp kien donnu bla qiegħ, niftakarna nieklu minnu s-sena kollha. Intiegħem siġar, foresti, witat, ħolmiet mistura fil-kikkra te dehbi sħun tal-ġulepp maħlul. Nitrejjaq, nissaħħaħ bil-pjaċir.
It-tifkira tgħib, tħalli warajha togħmiet ta’ għoslien ħjiel ta’ aniżetta. Quddiemi, id-dija xemxija tferra’ fil-baħar għelk dehbi erba’ u għoxrin karat, niftakar li l-kelma ġejja minn carat bil-Franċiż, il-kejl tal-finezza tad-deheb; li ġejja minn carratus bil-Latin, insibuha fil-kotba tal-alkemija; mill-Għarbi قيراط, il-frotta tal-ħarruba, imma wkoll użin ta’ ħamest iżrieragħ jew waħda minn erba’ u għoxrin parti ta’ dinar, biċċa deheb li tiżen erba’ grammi u kwart; li ġejja mill-Grieg keration, iż-żerriegħa tal-ħarrub u wkoll kejla ta’ piż. Fi żmien il-qedem, biż-żerriegħa tal-miżwed tal-ħarruba kienu jiżnu l-iżgħar kwantitajiet. F’dawn il-jiem sajfin, mis-sema s-sultana dehbija bint il-qamar fiddien minn kmieni tibda tmidd idha daħkana tittanta tuża d-don imwiegħed lilha mill-allat. Tmiss ħaġa ħaġa u tistagħġeb, bilkemm temmen hi stess, hekk kif taqsam fergħa, nibtet m’ilhiex, minn elċi baxxa u f’idha l-fergħa ssir deheb; tiġbor mill-art ġebla li tisfar lewn il-berquq; taħfen ċappa ħamrija li b’maġija ssir iebsa, dehbija; taħsad qamħiet nixfin li jsirulha ħasda deheb; taqta’ tuffieħa u bħal donnha f’idha għandha frotta mill-ġnien mgħasses min-ninfi Esperidi; u jekk bi żbrixx kemm kemm tħokk mal-għoli ta’ zokk, fil-pront tarah jibda jlellex u jleqq. Jekk tbill idejha u saqajha fl-ilma ġieri, l-ilmijiet li jqattru minnhom iqarrqu b’Danae u jtaqqluha b’wild Żews. Setgħana, daħkana, dix-xemx ta’ Awwissu bilkemm tiflaħ tiġbor fiha t-tamiet kollha tagħha hi u tistħajjel dinja sħiħa tad-deheb.
Nitħajjar jien ukoll nieħu sehem f’das-seħer ta’ waranofsinhar. Ngħolli driegħi u nitfa’ idi x-xellugija lura, wara rasi. Nintelaq, wiċċi ’l fuq, għajnejja magħluqin, xufftejja ħarira mbexxqin. Idi l-leminija nserraħha ponn fuq koxxti, bil-lest — ħerqana, imbeżża’, qluqija. Irrid, imma wkoll ma rridx. Għerja, ilbies fuqi ma fadallix. Dahri jserraħ ma’ mħadda u taħti mifruxin drappijiet porpra bellusin. Nitmelles nistenna minn ħin għall-ieħor li ninħakem mill-qilla ta’ xita qamħija, l-istupru tal-allat. Jiena warda, jien ġilju tal-widien, ġilju fost ix-xewk, siġra tat-tuffieħ fost is-siġar tal-bosk. Taħt dellha nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-frott tagħha. Il-fjuri qed jiftħu, wasal żmien l-għana, u l-fekruna ssemma’ leħinha. Is-siġra tat-tin tagħmel il-frott, id-dwieli jfewħu bil-fjur u jien, bħal gazzella, bħal ferħ ta’ ċerva, niġġerra fuq il-muntanji jrejħu l-ispezji u l-ħwawar. Tasal ix-xita mbassra u nċedi. Madwari nistħajjel qed iddur waħda mill-qaddejja tiegħi. Ngħanni l-mistoqsija bħal madrigal mill-ewwel ktieb tal-mużika, min hi dik li tfeġġ mas-sebħ, b’dija bħax-xemx, ġmiel bħal tal-qamar, tkexkex bħal armata bnadar u trombi? Naraha. Dħulija, ferrieħa, sabiħa, la taf x’inhi rabja u lanqas stmerrija. Nismagħha ddoqq, nismagħha tkanta, u xejn fija ma jibqa’ li kien. Min hi? Imma l-qaddejja tinjurani, medhija tgħolli l-bordura tal-libsa bil-lest biex tilqa’ fiha, qabel jgħibu, il-biċċiet tad-deheb neżlin mis-smewwiet. Naf li jekk qatt jistaqsuha dwari se tiċħdu b’ruħha u ġisimha dal-assalt. Dix-xena tifkira tiegħi biss.
Mat-tnehida aħħarija, inqum u noħroġ minn taħt id-dell tal-ħarruba. Nibda nieżla n-niżla li tagħti għall-ilma. Inbill saqajja u ma nitħarrikx sa ma x-xemx tqattar l-aħħar taqtira magħquda dehbija u naraha tistrieħ fuq wiċċ l-ilma bħal mera indurata, fuljetta tad-deheb. Inniżżel idi biex jew ninfidha jew naraha tinqabeż lura malli taħbat mar-rifless. Subgħajja jiltaqgħu, minflok, ma’ karta saħħara dehbiena, donnha feġġet minn imkien. Dil-folja mill-ifjen li ttanbret bil-lajma miż-żmien, teħel mal-ponot tas-swaba’, tperper għal ftit imbagħad b’ħeffa ttir minn idi malli nerġa’ nieħu nifs. Titfarrak fi trab porporina li jlellex żifna leqqiena madwari u mbagħad, bħal kull tifkira, jgħib huwa wkoll qisu xejn qatt ma kien.
Nieqaf għal ftit biex insorġi ħa nserraħ riġlejja, ħalli ’l widnejja nħallihom jitfissdu bl-għajta tal-werżieq, it-tqarmiċ tal-weraq niexef u l-għana tax-xemx. ’L għajnejja noffrilhom il-vista tal-għeġubijiet ta’ madwari, nintebaħ li l-għoljiet fil-bogħod ma jitħarrku qatt, kemm jekk jien miexja kemm jekk wieqfa. Nintebaħ li mal-werżieq, max-xemx u l-għoljiet, m’għadux jinxtegħel ukoll it-tpaċpiċ, it-tqasqis u z-zekzik, thewdin il-moħħ li niftakru dejjem ifittex isir jaf x’ġara lil hinn minni. L-assalt fuq is-sensi lil moħħi jsikkitli u jitfih. L-għolja quddiemi, il-muntanja, is-siġra li għandha ħamest elef sena, dawn ilhom hawn, u mhumiex hawn jistennew lili. Meta nitlaq jien hawn se jibqgħu huma. Ma nfisser xejn jien għalihom dal-ġebel, das-siġar u l-għoljiet. Niggranfa, nixxeblek, nixxabbat magħhom biex xi darba nilħaq qċaċet li juruni ftit iktar min jien. Mill-bogħod allat, irġejjen, inqimhom bl-ifejn offerti. Mill-viċin kalvarju, arahom idejja, irkupptejja, riġlejja — pjagi.
#
Dieħla narani, issa, f’foresta fil-ġewwieni, fuq rasi x-xeblik minsi mill-bliet ta’ niesi. Tinseġ dil-foresta d-dwieli mix-xquq ta’ belt mitluqa; tgħannaqha, tħaddanha. Il-bankini tisfigurahom biex għeruqha tniffidhom fl-asfalt. Mix-xquq fil-passaġġi jiftħu fjuri salvaġġi; tinbet mill-madum, tħallih frak u ddellel toroq u swali f’kenn ħadrani. Il-ħażiż terħih jitkaxkar mat-tiġrif, tħallih jgħatti ħajjiet minsija b’aħdar bellusi; bil-liedna tedha tiksi l-ħitan, it-twieqi u l-bibien. Il-ħaxix jitla’ bis-salvaġġ mill-art u l-għesieleġ tas-siġar jinfdu l-bjut. Il-ħġieġ jitfarrak u fil-ħofor fejn qabel kien hemm it-twieqi jbejtu l-kokka bir-rix imtarraż, il-merill kaħlani, l-isturnell, il-fjorentin. Il-magni jissikktu mill-ħoss tar-riħ irewwaħ fil-ħaxix twil. Iż-żerriegħa tqum mir-raqda u tfelles taħt it-torrijiet tal-ħġieġ. Il-belt, siekta, terġa’ tieħu n-nifs, ħadrana, bil-ħajja mlewna. Iz-zuntieri mergħat, il-loġoġ ġonna, il-btieħi witat. Fis-skiet, bil-kwiet u l-paċenzja, l-art titrattab bil-ħażiż, toħlom il-fejqan. L-arja, in-nifs u r-ruħ tal-art, ixxarrabha, tħaddarha, ittaqqalha bil-frott. Fiż-żiffa tal-arja friska, il-vjoli jxejru lwienhom mit-tiġrif ta’ bankijiet tal-ġebel, kull petala għanja, kull werqa poeżija. L-għeruq jiftakru l-mogħdijiet tal-imgħoddi qabel ma l-konkrit difen għanjiethom, jiftħu beraħ il-kripti għad-dija tax-xemx. Il-ħadid isir sadid, iwelled minfloku foresta taċ-ċedru, tal-alnu, tal-ġinkgo, tal-betula — is-siġar qodma, li qatt ma jinsew. Iż-żmien joħlom il-fejqan u jfejjaq; jitfi l-lostru u l-kolonni, il-madum, il-ħġieġ imtebba’ mkisser issa għadam li fuqhom tintiseġ għata ta’ laħam ħadrani. Il-liedna tiddendel girlandi, il-ward salvaġġ iwarrad mill-ġebel, l-art ġeblija titrattab bil-likeni. Din l-art tħejjili sodda u jien nistrieħ. Tmermer it-travi tas-saqaf għad-dawl tal-qamar. Traxxax ix-xita ħjut fidda, barka fuq l-art imkissra, tħalliha bi kwietha ssaqqi l-għeruq, taħsel in-nugrufun mill-gallarijiet mitluqin, taqtiriet bħal toni korali fil-ġonna mwielda mill-ħerba. Fejn il-bniedem kien qata’ linja u sejħilha fruntiera, l-għollieq jisfidah u jaqsamha. F’rewwixta siekta ta’ weraq, kull ħaxixa ħażina innu ta’ ribelljoni, kull xenxula tal-liedna qawmien. Il-belt taqa’, inċediha. L-ispazju nroddu lura lin-natura u l-belt terġa’ lura għal pajsaġġ veġetali. Hekk titħassar il-belt mill-memorja, hekk tiġi lura d-divina natura, mhux bil-ħmura tan-nirien imma bil-ħdura, bil-verdura. Belt nofsha rovina, nofsha rxoxt. Din mhix invażjoni. La hi ħakma kolonjali u lanqas mhi vendetta. L-art taħfer ma tpattix.
L-art duwa, tfieq u tfejjaq. Bħall-warda ta’ Ġeriko b’qatra ilma min-nixfa terġa’ tqum u tibda tħaddar. Il-ħdura santwarju tal-fejqan. Mhijiex tempju tal-ġebel iżda mkien fejn nasal u nitfejjaq. Il-wasla mbiegħda mid-dar minn fejn tlaqt, iżda mhix ħlief ritorn. Hawnhekk fejn nasal id-dar. Dan ġnien il-ħolm tiegħi. Niftakarni mpittru. Niftakar li fassaltu, ħloqtu, żrajtu, indukrajtu. Imma hawnhekk m’iniex pittur u lanqas ġardinar. Dan ġnien l-alkemija u l-fejqan. Dil-ħdura tħaddar waħidha, jien hawn biex inħarisa; nirrispettaha, niċċekken quddiemha u nagħraf sa fl-aħħar il-kobor veru tagħha. Dil-ħdura rjali, tiddi fix-xemx minn għeruqha, tissebbaħ mid-dija tal-qamar u l-kwiekeb. X’għaxqa li jien ninsab hawn, fiha. X’meravilja li nista’ nħares lejha u nħarisha. Mingħajri se tkompli imma la jien hawn nista’ nieħu ħsiebha u ħsiebi. Nistaqsi mhux jien x’nista’ nieħu minnha imma x’nista’ nagħti jien lilha. L-ewwel hi imbagħad jien. Niddedika ħini għaliha. Nara x’għandha bżonn minni biex tkompli tiffjorixxi, tħaddar, tkun l-aqwa li tista’ tkun. Nismagħha tkellimni, tiggwidani. Nindukraha bi mħabba u dedikazzjoni. Nieħu ħsieb kull xitla, kull fjura, kull insett, kull werqa, kull għerq, nipprovdilhom biex jieħdu u jirnexxu. Bħall-brimba nitgħallem insir waħda min-nissieġa tax-xibka tal-ħajja, biex nerġa’ nsewwi l-ħjut li qtajna, inraqqa t-tessut li ċarratna. Mingħajr ma nistaqsiha, mingħajr ma nippretendi xejn lura, naraha tagħtini l-frott u l-ħxejjex biex nitrejjaq, il-mistrieħ u d-dell biex nistejqer u d-duwa ta’ werqietha u għeruqha biex nitfejjaq. Inħarisha għax ġmielha tiegħi, il-ferħ tagħha tiegħi wkoll, u mal-fejqan tagħha jibda u jispiċċa tiegħi. Nibda nifhem il-veru tifsira tal-armonija.
Kemm imxejt biex wasalt hawn! Imxejt tul xmajjar minn tarf sa tarf, għaddejt minn ġonna kkurati, imxejt toroq miżgħuda xewk u ħurrieq, qsamt bliet imġarrfin, tlajt għoljiet weqfin u nżilt nimxi fil-widien. Imxejt f’artijiet reali, f’oħrajn mistħajla mxejt ukoll. Il-qigħan ta’ saqajja jiftakru ebusija u rtubija, art niexfa, art mistagħdra, art griża u ġeblija, art ħadra misqija. Irqadt taħt għata ta’ kwiekeb fil-ħemda ta’ lejl wenniesi, bqajt imqajma fi ljieli ta’ rwiefen u maltempati. Imxejt mogħdijiet iċ-ċriev, iltqajt ma’ għadajjar ilmijiethom tifkiriet. Imxejt snin twal infittex ir-riħa ta’ fjura salvaġġa, it-tħaxwixa qalb il-ġebla, il-memorja midfuna fl-għerq. Dal-mixi tiegħi kienli pellegrinaġġ, tfittxija għall-ebda tweġiba. Is-snin għoddejthom mhux bl-istaġuni, mhux bil-fażijiet tal-qamar, imma bit-tneħħija wieħed wieħed tal-ismijiet. Ħadhomli r-riħ. Qaxxarhom minn fuqi u minn fuq kollox madwari bħal ġilda qadima, bħal qoxra antika. Li baqa’ la jaf isem lanqas titlu. Nitwaħħad jien ukoll mad-duwa kajmana mingħajr isem, ħadra, profonda.
Dieħla narani, imbagħad, f’foresta fil-ġewwieni, fuq rasi x-xeblik tan-nies mill-ġejjieni. Nara lil hinn is-siġra majestuża bil-friegħi ta’ dak kollu li għandu mnejn ikun. M’iniex, bħall-poeta, miexja lejn l-imgħoddi; nixxeblek, minflok, jien stess ma’ siġret iż-żmien u nfantas xefaq li għadu ġej. Bit-tama f’qalbi nimxi t-tul taż-żminijiet, dejjem ’il quddiem, lejn bliet il-ħolm; hawnhekk it-toroq xmajjar, il-binjiet bħal siġriet mitlufin qalb friegħi sfiq bil-werqiet, bi twieqi, terazzini u bjut imżejnin bil-frott u l-fjur. Fl-isfond hemm l-għoljiet fejn nistħajjilna ngħammru aħna wkoll mingħajr ħadd ma jintebaħ bina. Dil-belt ġdida riħa sħuna ta’ qedem misjur. Ħjiel ta’ misk mill-fwejjaħ l-għuda taċ-ċedru u l-ballut joħodni mkien li nafu af li qatt ma kont fih. Dil-belt ħalliet warajha l-ħadid u l-konkrit, infexxet f’taħdita max-xitel u l-friegħi u z-zkuk, mas-siġra ta’ kull ġejjeni li qatt jista’ jkun, imbagħad fesfset f’widnet il-ġardinar, il-bijologu, il-botanist, sa ma fellset, nibtet, għamlet l-għeruq u ħaddret kulm’hawn. Araha dil-belt, pajsaġġ veġetali b’witat infiniti ta’ ilmijiet jibbru s-sħab fis-smewwiet. Dil-belt ħajja imma ħiemda, tbaqbaq imma hienja, siekta ħlief għall-għagħa mill-ħlejjaq, mill-ħxejjex, mill-ilwien. F’dil-belt għad ngħix mhux f’dar imma f’bejta miżgħuda tifkiriet tat-tfulija, xewqiet u rwejjaħ minn żminijiet fejn gabuba tal-injam tissarraf f’palazz bħal fosdqa tal-balzmina, tad-dudu tal-ħarir, tmissha u tinfaqa’ fil-pali ta’ jdejk, ittajjar żrieragħ u żgħar ma’ kullimkien. Il-ħitan petali tal-lotus, it-twieqi ġwinħajn mazzarell, it-travi taċ-ċedru, is-saqaf taċ-ċipress. Is-soqfa u l-art jitħarrku bil-lajma maż-żiffa, jitmejlu l-garigori u t-turġien imsawrin mill-għeruq, nintebaħ li ħajjin. Soddti l-ħdura, immelles it-tessuti minsuġin mil-liedna, in-nebbieta u x-xenxul, inħosshom jitmewġu taħt subgħajja. Iż-żjut imfewħin bħal balzmu jrattbuli ġildieti, jiftħuli mnifsejja, jimmansawli ħsibijieti. Inħossni ħajja bin-nirien ta’ essenza divina, minni d-dawl li jiddi lil hinn mis-sbuħija tal-mergħat, jiddi fl-ilmijiet, ħuġġieġa jien stess fix-xemx, fil-qamar u fil-kwiekeb. Fil-ħedla nistenbaħ għal ħajja u miegħi tistenbaħ il-qawwa tal-verdura ħajja madwari. Inħoss fiha l-vitalità, l-umdità, il-fekundità, nismagħha tieħu n-nifs fil-ħlejjaq ħajjin kollha. Naraha toħloq, issaħħaħ, tfejjaq, tagħti l-ħajja lura fejn kien hemm il-mewt. Fejn hemm hi kollox jieħu l-ħajja. Jikber, jinfirex, jirnexxi.
Bħal f’ħolma, il-ħoss itarrax tal-ilma ġieri jsejjaħli nsegwih. Infittxu, ndum ma narah, imma nisimgħu, kif nista’ ma nisimgħux dak il-ġiri sfrenat? Nimxi lejh bix-xewqa li nilmaħ il-pont jew in-nixxiegħa li jekk ngħaddi minn fuqhom jew minn ġo fihom noqrob iktar għad-daħla tar-renju tan-ninfi tal-bosk li s’issa għadu ma sabu ħadd. Nitla’ dejjem iktar ’il fuq, nitla’ turġien minquxa miż-żmien, kull tarġa miksija saff artab ħażiż mifqugħ xita, umdità u nida mill-aħħar jiem. Nitla’ niżloq ma niżloqx sa ma nsibni quddiem xenarju — skjerat fil-wisgħa, inkwadrat mill-kwinti ħodor tal-weraq tas-siġriet — ta’ kaskata li tferra’ ilmijietha bħal mera maħlula f’għadira mfawra tant li minna taħrab kaskata oħra, din idjeq, ta’ ilma jitfarrak bħal mera f’biċċiet bl-eluf, kull farka tkanġi fid-dawl bati tax-xemx li jirnexxilu jiżgiċċa minn bejn il-werqiet niedja tas-siġar sfiq. Li kieku kelli nipprova niġbor dal-ilma f’passatur kien jirnexxili żgur. Naħfen ponn ilma frisk u nbaħbaħ wiċċi, ponn ieħor nixorbu, u l-aħħar ħafna ngħolliha mas-smewwiet bil-ferħ. Inħossni nistrieħ. L-ilma jnaddafni mill-imgħoddi, isaħħaħni fl-issa billi jbassarli l-ġejjieni. Nara x-xemx tissaħħaħ hi wkoll, naraha tirifletti f’wiċċ l-ilma u nintebaħ li kulm’għandi bżonn — nirien u ilmijiet il-ħajja — qiegħed hawn quddiemi, bil-ħafna imma f’bilanċ delikat. F’sakra nħossni nintelaq għall-pjaċir.
Inkompli, narani, tiela’ għall-kaċċa ta’ dawn il-kaskati, kull waħda meravilja isbaħ minn ta’ qabilha, mantijiiet tqal, bojod, qalila, ikanġu l-ilwien huma u jintefgħu mill-għoli bla biża’ għal fuq il-ġebel leqqiena taħthom, kull darba b’tisbita li tissawwar f’għanja għejjun tal-għerf, f’melodija duwa għall-uġigħ u l-biżgħat, f’ritmu salvaġġ għat-tiġdid ta’ kulm’hu qadim. Jien u nitpaxxa b’dal-ġmiel, l-ewwel qatra ma nħosshiex, it-tieni donni biss nistħajjilha, mat-tielet jiġini l-ħsieb tax-xita u t-taqtira ta’ wara, li taqa’ fuq ħaddi tax-xellug, taħsadni li kapaċi nevokaha bil-ħsieb. Imma t-taqtiriet tqal warajha, u x-xita qliel li ddum nieżla ħin twil ma nkejlux, jagħtuni x’nifhem li t-taqtiriet ġew qabel il-ħsieb. Xita. Xejn ħlief xita salvaġġa. Xita ta’ siegħa tnaddaf qiegħa, xita ta’ nofstanhar tfawwar il-bjar. Kull taqtira ninfa żeffiena ssellimli hi u tilqagħni fir-renju fatat ta’ holma ħdura u ilmijiet. Inti ħajja? Immissek, titriegħed. X’inti? Qawwar ’il fuq labar fergħatek, nistħajjilha twiddeb in-ninfa lill-ilma. Sawwat ġeblietna bil-prinjoli, fajjarna bil-ħdura ta’ werqietek, għattina b’għadajjar taż-żnuber. Xwieni porpra jitmewġu bil-ħlewwa fuq ibħra ranċis u n-ninfi baħħara msaħħra jitħalltu mal-ilwien, imbagħad ħemda u skiet. Inħares ’il fuq, ħalqi miftuħ għall-ilma. Inħares ’l isfel, nara t-taqtiriet-ninfi jinbelgħu mill-art, nistħajjilhom hemm taħt itellqu bejniethom, jaraw min minnhom se tasal l-ewwel fil-ġamar tal-qalba tbaqbaq ta’ art taħt vulkan u titla’ lura ħamsin sena wara bħal fwar.
Nismagħha l-foresta, il-belt tal-ġejjieni, tilqagħni, tfesfisli, ejja, din dari issa tiegħek. Din belt il-paċi, għaddi. Nilqgħek, nistiednek tidħol sa ġewwa qalb il-friegħi u noffrilek frotta misjura biex titrejjaq. Fid-dell taħt saqaf imxeblek, niltaqgħu. Nitkellmu, hawnhekk kliemi ħieles. Din l-art, tgħidli, għażiltha bir-reqqa. Hemm saff imdemmi xi mkien fil-fond taħt għeruqi sisien. Seħħew ġlidiet, battalji, gwerer sħaħ fuq din l-art, ġejt jien u dfinthom taħti. Ġejt hawn biex intaffi mill-uġigħ, naħsel id-dmija mill-ħamrija, nagħrbel it-terrapien, inpatti bit-tjubija għal kull traba stmerrija. Illum, dari santwarju ċkejken, ġnien il-paċi u l-ġustizzja, l-akkoljenza u s-solidarjetà. Idħol u kun qalbek tajba dejjem. Din dejr il-kwiet, bejta skiet. Hawnhekk il-kliem li ngħożż huma ħniena u sliem, imħabba u mistrieħ, paċi u ħelsien, ferħ u għoġba, sabar u ħlewwa, tama u sħana, ħemda u għaxqa. Hedu. Estasi. Din dar il-poeżija. Nitqanqal, nissaħħar, qalbi tintrefa’ mal-ogħla smewwiet. Did-dar u jien għandna ruħ. Filati preċiżi, rima, ritmu, metrika; dil-ġeometrija prosodija. Nisma’ qalb l-għeruq, qalb il-friegħi u l-werqiet, il-ħemda ta’ ebusija mimlija rtubija, għanjiet is-skiet. Did-dar skultura, melodija, dar mgħammra lirika u pawżiet. Naqraha b’li fiha miktub u b’li ma fihiex. Fittixhom miegħi, tfesfisli, il-kelmiet moħbija qalb il-werqiet, is-sigrieti mistura qalb il-ġebliet, il-vrus li jidhru u li ma jidhrux. Is-soqfa s-sema u l-mhux, il-ħitan l-imsemmi u l-art il-mifhum. Mingħajr sulari m’hemmx tlugħ, u isfel huwa anki fuq. Il-kmamar ta’ did-dar ikejlu dak li ma jitkejjilx, isawru dak li ma jitwemminx. Fiċ-ċokon armonija, infinit imqiegħed f’qies. X’għanqbuta seħer tefgħu hawn il-bennejja, il-periti, biex sawru dil-ġenna fl-art? Did-dar soda, did-dar utli, did-dar sabiħa, imma fuq kollox did-dar ħajja. Tfakkarni biex nagħmel it-tajjeb dejjem fil-ħajja ta’ kuljum. Biex, issa fuq tal-lemin, issa fuq tax-xellug, invarja nipprova fuq riġlejja toqol saħħti, daqqa pjaċir daqqa dmir. Imma qalbi mifxula bħal waħda li s-sema mis-saqaf ta’ darha ma tarahx, inħossni nintilef u nitlef. Nikteb fuq folja bil-linka żewġ veres biex ikollha ħniena minni, u ’l ruħi teħlisli minnha nfisha, ma nċedix għal dnubieti. Dil-bejta tistordik, iddewwik, tħeddlek u tnessik; jiċċajpar ir-reali, tirrenja l-maġija. Il-mifhum jerġa’ lura għal mistoqsija, il-magħruf iċedi għal poeżija. Jiemi fil-pajsaġġ tal-ġejjieni ngħixhom bħal f’nagħsa, ingawdihom bħal fil-ħolm. F’dil-fantasija tinsab iż-żerriegħa tar-reali u fil-ġejjieni dal-pajsaġġ għad infittxu u nsibu, jekk le, ikolli noħolqu. Infittex ir-relikwi ta’ foresti antiki fi spazji meqjusa sagri fejn sal-lum għadni nsib in-niċeċ u t-tempji. Infittex il-ħdura u nfittex li nħaddar, nikkultiva ġismi, ruħi, il-pajsaġġ madwari biex ngħix fih b’sens ta’ innoċenza bħal tat-tfulija u dedikazzjoni ta’ ġardinar paċenzjuż rispettuż. Ingawdih u nistħajlu l-pajjiż tal-Kukkanja li ilni nixxennaq għalih, il-ġenna fl-art li qatt ma għaraft fejn tinsab. Nintebaħ sa fl-aħħar li hija l-kura tan-natura s-serħan dejjiemi li jtiegħem t’għoslien u ta’ bajtar misjur.
#
L-art titmewweġ, hawn għoli hawn baxx, hawn tasal fix-xifer ta’ lag u tħares lejn ir-rifless tal-qamar mużqaq. Hawn titbiegħed, issir gżira taċ-ċief iwerżaq fid-dlam. Nintebaħ li beda jaħkimni n-ngħas. Jistenbħu l-fati tal-widien, in-ninfi taċ-ċpar, l-ispirti tal-għud taċ-ċipress jittajru fuq wiċċ l-ilmijiet u jroxxu fuq widnejja ħolm hieni waqt l-irqad, ifesfsuli, in-natura salvaġġa iżda tinkwetax. Nistħajjel narani ħdejn l-għadajjar tal-foresta fl-ewwel dawl tas-sebħ taħt il-qamar fiddien li jinżel bil-mod fl-aħħar tas-sajf f’dawn l-inħawi tal-foresta ħalliema. X’ferħ għalija li nista’ nintasab fuq ġebla taħt kaskata, inħoss l-ilma jissabbat fuqi bil-qilla bħallikieku f’dix-xena jien biss blata. Nilmaħni niġbor il-buqexrem salvaġġ li jikber fl-għoljiet ħdejn il-kanali moħbija fejn jaqa’ qtar id-dawl ta’ qamar. L-ilma tal-qamar nippreservah, niffiltrah mill-weraq, nikkondensah bil-ħolm, inħollu mal-memorji u l-essenza tal-buqexrem. Nimla kunjett ieħor b’għodwa kkonċentrata mill-għaraq taċ-ċpar id-dlam tal-foresta qabel l-għabex u l-ħolma tieqaf hawn. Norqod sa fl-aħħar mistrieħa lejl sħiħ fil-ħdura friska u l-pori, bħall-pjanti, jinfetħu għan-nida ta’ filgħodu. Il-pulmun jintefaħ u nsir poruża; nieħu nifs mad-dinja. L-arja mimlija ħajja bil-ħdura u l-fjur. L-ilmijiet ħajjin. Is-serħan jidwi f’kull mhu veġetali, minerali, fl-insetti u l-annimali madwari. Nisma’ t-tqarmiċ umduż tal-frisk. Immiss, inxomm, intiegħem il-ħdura fuq ilsieni. L-arja ħadra, tqattar, tħaddar, tgħajjex. Ix-xemx issa fil-għoli, id-dija ħadranija. Nistħajjilni f’ibħra alka u klorofilla. Imdawra bil-felċi, l-iżmeraldi, iż-żebbuġ, il-ħażiż, il-malakita, l-arżnu, is-salvja, il-ġada, ir-rand. Qilla ħadra tħabbat fix-xitel, fl-arja u fija. Jien waħda ma’ dil-ħdura meraviljuża. Imxarrba biha, tnixxi minn ġildti, tverżaq minn leħni, titwaħħad mal-ilħna tas-siġar madwari f’polifonija ta’ ħdura. Mixħuta mal-art għal mument etern nisma’ n-nifs tal-weraq f’epifanija lil hinn mill-botanija.
Nismagħha l-ħdura ttaqtaq, m’għandhiex kwiet. Tiċċaċċra, iżżarżar, tkarwat, tvenven, triegħed, izzekzek, tħamħam, izzenzen, iżżanżan, ittartar, tnewwaħ, tingħi, twedwed, ma tiqafx. Insibha fix-xquq bejn il-binjiet-siġriet, taħt il-bankini-għeruq, fis-soqfa-dielja, fuq il-bjut, fil-ħitan, fl-istejjer antiki minsija. Mill-irkejjen miksija ħaxix salvaġġ nisma’ t-tgedwid, it-tgergir u t-tgemgim. Nisma’ t-tfaqqigħ li jtarraxli widnejja, it-tisfir u ż-żanżin, imbagħad it-tħamħim melliesi, artab, subliminali. Ix-xtieli jixtarru l-ħsibijiet oskuri u misterjużi tagħhom, ħsejjes li bil-mod, ftit ftit, jikkondensaw fi kliem ta’ lingua ignota, u jgħaddu minn naħa għal oħra, minn fuq għal isfel, f’ċaqliq immewweġ, undulanti. Kelmiet-ħsejjes li jintisġu, jirriverberaw, jirrepetu ruħhom, sa ma jsiru, jerġgħu, ħoss wieħed, sostnut, etereali li minnu titla’ għal mument bħal vuċi msaħħra, tistħajjel dan kollu kant medjevali, iżda l-ħoss ibatti fi tfesfisa li tmut ftit ftit, bil-mod. Dil-lingwa perfetta, primordjali, mingħajr kontaminazzjoni, mill-bidu nett, mill-ewwel ġnien, minn qabel iż-żmien. Mhix ilsien Eva u lanqas Adam. Nismagħha titkellem fuq l-issa u l-imbagħad mingħajr qatt titbiegħed minn dak l-ewwel jum. Dal-ħsejjes iġorru għerf il-qedem. Dil-lingwa nismagħha artikolata, mistħajla mhijiex, imfantsa lanqas, la aljena, la mhux magħrufa, lanqas minsija. B’alfabett u b’vokabularju, arsenal mogħni b’nomi, verbi, aġġettivi, avverbi. Nismagħha. Preċiża imma wkoll evokattiva. Armonija minkejja n-nuqqas ta’ simetrija, elokwenza mingħajr ambigwità minkejja l-ħruxija, perfezzjoni fl-imperfezzjonijiet, la qatt hemm dubji, u la fehim ħażin. Nismagħha tgħanni. Din l-għanja mitoloġija, finzjoni imma wkoll rakkont tal-grajjiet mill-ħajja ta’ kuljum. Nismagħha ssejjaħli. Kliemha ġie l-ewwel qabel il-ħsieb. Dal-kliem seħer, talba, għanja, dal-kliem trattat, manifest, dal-kliem rewwixta. Jekk ninsisti li m’iniex nismagħha mhux għax tiskot hi imma għax insodd widnejja, nitbiegħed, ninsa t-tifsir ta’ kliemha jien.
Fejn hi l-letteraura li tagħti l-ewwel kelma lin-natura? L-eqreb li tasal hi l-mitoloġija, il-poeżija. In-natura l-ewwel kelma ħolqitha hi u mkien ma tista’ ssib meravilja oħla u veritiera minn dik tal-istorja tal-insetti, tax-xtieli, tal-ħlejjaq tal-baħar u tal-art, mill-istorja tal-irwiefen, tal-borra, tax-xita, tal-bard. L-ebda rakkont fantasjuż ma jlaħħaq mal-varjetà, il-kumplessità, l-armonija u l-perfezzjoni ta’ dil-letteratura. Dawn rakkonti li ma rridhomx isiru konkwista, ċertezza. Jistħoqqilhom jibqa’ minnhom misteru. Bħall-kotba naqrahom, mhux b’kurżità biex inqarribhom lejja u nifhimhom iktar, imma b’ammirazzjoni biex noqrob lejhom jien u nkompli nistagħġeb b’kemm ma nafx. Nixxennaq biex nibqa’ nistagħġeb. Inkella x’jibqa’ mill-meravilja? Dawn ir-rakkonti ċelebrazzjoni, x’jimpurtahom mill-ammirazzjoni. Jien u naqrahom u niflihom, nitħawwad, ninkwieta, ma nafx nibqa’ indifferenti għalih dal-ġmiel. Għalihom mhu xejn li jien nitbellah inħares lejhom, imma għalija, dal-mument avveniment, ixaqqaqli l-għarfien, jimpressjonani, jissorprendini, jipprovokani. Jaħkimni u nċedi għalih. Iġegħelni nixtieq inqum u nitlaq min jaf fejn, noħloq min jaf xiex. Inħoss li dal-ġmiel ma nistax inżommu għalija biss, irrid niddikjarah, nipproklamah, inxandru mal-erbat irjieħ. Li kieku nerġgħu nqajmu rewwixta u x-xhur tas-sena nsejħulhom skont l-uċuħ tar-raba’? Xahar ir-Raħs, xahar il-Fjur, xahar il-Ħsad, xahar il-Frott Misjur. Jew skont it-temp? Dax-xahar taċ-Ċpar, li jmiss tal-Ġlata, hemm xahar ix-Xita u xahar ir-Riħ. Li kieku l-jiem tas-sena nsejħulhom bl-ismijiet tal-frott u l-ħxejjex staġjonali, il-materjali u l-ħlejjaq lokali? Illum jum il-Baħrija? Le, illum jum ir-Randa, għax ilbieraħ jum il-Peprin, u għada jum il-Klin. Jien twelidt nhar il-Melħ, lejliet il-Ġebla s-Safra, l-għada tal-Qawwi, fit-tieni ġimgħa tax-xahar il-Ħassada tal-Għelejjel; u int?
Insikket dal-ħsibijiet, nagħraf li n-natura ma teħtieġ l-ebda mafkar, l-ebda maqdes, l-ebda mużew biex niċċelebraha. Hija ċelebrazzjoni minnha nnifisha, fiha nnifisha. Solennità siekta. Reġina, qaddisa, alla. Fis-skiet inqimha u niħfief mill-piż tal-jien.
Inpassi ħafja f’das-santwarju veġetali, riġlejja ilhom li nsewh l-uġigħ. Nimxi bil-mod, b’rispett u qima. Din mhix żjara. Hawnhekk jien stess tifkira. Nieqaf nimxi. Il-pelegrinaġġ tiegħi wasal fi tmiemu. M’għadx hawn distanzi x’naqsam. Jien hawn. Jien il-post innifsu, u n-nifs fil-pulmun tiegħi tieħdu l-art ukoll mir-riħ. Dis-siġra waħdanija quddiemi, bil-qoxra tal-fidda, bil-weraq ileqqu mxarrbin, din kibret minn żerriegħa li darba żrajt jien — żmien ilu, kemm ilu ma niftakarx, insejt. Imma meta nserraħ il-pala ta’ idi fuq iz-zokk sħun tagħha nisma’ taħbita, bil-mod, bl-istess ritmu ta’ qalbi. Dan ġismi l-art li ninsab fuqha. Din l-art hi wkoll riġlejja, sidri, għajnejja. Bid-dmugħ f’għajnejja niftakar fil-mistika li għexet ħajja ta’ devozzjoni u talb, għajnejha dejjem innixxu d-dmugħ, xhieda fiżika tal-ispirtu divin fir-ruħ. Dan mhux dmugħ ta’ niket, imma ta’ meravilja għax qed nagħraf u nifhem. Imxejt dawn is-snin kollha biex nasal għal dak li minn dejjem kien hemm jistennieni ġo fija stess. Qsamt l-għoljiet għerja fejn iż-żmien jinħall, ġejt lura d-dar fis-salvaġġ, twaħħadt ma’ ruħ l-art, sirt jien il-fjamma ħadra tal-ħajja. Poġġejt taħt is-siġra u għalaqt għajnejja. Ma lissintx kelma, ma ħsibtx, ma tlabtx. Sirt is-skiet. L-art ħafret lili wkoll, laqgħetni, sejħitli l-aħħar pellegrina. Il-vjaġġ kien se jerġa’ jibda, għal oħrajn. Iżda għalija l-mixja kienet tispiċċa hawn. U fl-irqad, komplew jinxterdu żrieragħ ġodda mir-riħ, mill-għasafar, mill-ħolmiet.
#
Lanqas intbaħt li kemm ilni hawn barra laħqu għaddew is-snin u issa xjaħt u xagħri qotni bajdan. Nimxi għal xejn u mkien ħlief biex nilħaq tlugħ u nżul ix-xemx, ngħaddi l-ħin mingħajr ħsieb u stennija ta’ xejn. Issa jien u l-ħin sirna nterrqu flimkien, nimxi bil-pass tiegħu bħal meta nimxu mat-tfal. Filgħaxija, bilqiegħda maġenb in-nixxiegħa, nedha nitbandal ħarir lura, ’il quddiem, niftakar f’hemm niftakar f’hawn. Inħallihom jiġuni waħedhom it-tifkiriet, nilqagħhom bħalma nilqa’ ħbieb minn żmien ilu, bħal kuġini jew aħwa. Dawn it-tifkiriet naħfrilhom kollox; m’għadhomx jinfduni u joħorġuli d-demm. Iżda bħall-petali hekk kif jaqgħu fuq wiċċ l-ilma, iserrħu fuqu mingħajr ma jqanqluh. Petali ta’ kull lewn. Nitbissmilhom, bilkemm jien ċerta jekk seħħewx verament, iqanqluni imma mill-bogħod. Possibbli dik kont jien? Intiegħem il-ħlewwa tad-distakk minn kollox, la nispera, la nistenna, la nippretendi li jiġri xejn iktar. Nintelaq u ninġarr bil-ħlewwa mill-ilmijiet. Ma nistenna xejn, u kulma jiġi huwa rigal. Kulma qatt kelli bżonn issa qiegħed warajja, fl-imgħoddi. Issa, la jien ismi lanqas kunjomi, la jien favur, lanqas kontra. Nifs ma’ kull pass, dak kollox.
Nistaqsi jekk narax inżul ix-xemx għal darb’oħra. Għax meta rajtha l-ewwel darba mistħija nieżla tbill fl-ilma, l-ewwel saqajha mbagħad riġlejha, stħajjiltha se tibqa’ sa ma timtedd fih u tinferex ma’ tulu u wisgħetu u tifrex id-dija u s-sħana hawn isfel quddiemna minflok fis-smewwiet. Imma max-xifer ħallietni naraha tgħib bil-lajma, ftit ftit minn isfel għal fuq — tistaħba f’tarf l-ilma, tgħib taħtu, warajh — u magħha ħadet id-dawl u tatni d-dlam u l-lejl biex ngħożżhom ukoll fl-istennija taż-żerniq meta mill-ilma terġa’ tfeġġ bi tfakkira li hekk se tibqa’ tagħmel, jum wara jum. Fraħt meta ntbaħt li dan ma kienx seħer ta’ lejla waħda biss imma wieħed fost il-ħafna għeġubijiet li jseħħu madwari ta’ kuljum, u li se jibqa’ jseħħ anki meta nitlaq jien.
Nota tal-awtur
Travi taċ-ċedru saqaf taċ-ċipress beda minn bżonn li nitbiegħed. Nitbiegħed mid-dar, mill-belt, mit-toroq iffullati. Beda mill-bżonn li nsib is-skiet u l-kalma, ’il bogħod mit-thewdin u l-ansjetajiet. Ridt nitbiegħed mill-assalt kontinwu fuq is-sensi ta’ immaġnijiet, ħsejjes, dħaħen u ntejjen, biex infittex senswalità aktar ħanina miegħi. Biex biha nsib modi ġodda, jew għall-inqas differenti, ta’ kif nikteb. Minn qabel bdejt nikteb dar-rumanz għaraft fija l-bżonn ta’ kitba li titbiegħed minn dik ta’ rumanzi ffullati bil-persunaġġi u d-djalogi u l-intriċċi bejniethom. Insemmi Meander, Spiral, Explode ta’ Jane Alison. Travi taċ-Ċċedru jserraħ fuq il-kitbiet li qrajt minn awturi li kitbu, huma wkoll, biex jitbiegħdu. L-ewwel ma fittixt kienu l-kitbiet dwar il-mod ovvju ta’ kif nitbiegħdu, billi noħorġu mid-dar u nitilqu nimxu. Fil-kitba dwar il-mixi huwa fejn l-ewwel li terraqt. Qabel kont għadni ktibt l-ewwel paragrafu, ħassejt li l-kitbiet ta’ W. G. Sebald huma dawk li l-aktar joqorbu għal li kelli f’rasi nikteb. Tlaqt nimxi, imbagħad, mal-kitbiet ta’ Henry David Thoreau (“Walking” u Walden). Segwejt il-ħsibijiet dwar il-mixi bħala filosofija ta’ Frédéric Gros (Marcher, une philosophie) u Rebecca Solnit (Wanderlust). xi mkien insemmi Thirteen Ways to smell a Tree ta’ David George Haskell. Iktar ma’ terraqt magħhom f’dal-ħsibijiet, iktar bdejt nitbiegħed mix-xekel tal-għeruq, l-identità u l-appartenenza. F’dal-ħsieb twennist u ssudajt bil-qari tal-kitba ta’ Joëlle Zask (Se tenir quelque part sur la terre); il-filosofija ta’ Maurizio Bettini (Contro le radici, Tradizione, identità, memoria), li għallmitni nagħraf l-importanza tal-orizzontalità u l-fluss tax-xmara bħala metafori biex nispjegaw ir-rabta tagħna mal-post fejn nitwieldu, minflok il-vertikalità tal-muntanji u s-siġar u l-għeruq; u wkoll ix-xogħol ta’ Felwine Sarr (Habiter le monde). Jien u nħalli t-toroq tal-bliet warajja, iltqajt mal-kitbiet liriċi ta’ André Gide (Les Nourritures Terrestres u Les Nouvelles Nourritures) dwar il-qawmien tas-sensi fil-preżenza tal-art fertili u l-abbundanza tal-frott u n-nettari għaslin li n-natura jogħġobha tagħtina. Għaraft fil-kitbiet ta’ Gide mhux biss id-diskors innifsu li xtaqt nieħu sehem fih iżda wkoll il-forma li jista’ jieħu diskors bħal dan, lil hinn mill-forma konvenzjonali tar-rumanz, u b’hekk bdejt nara aħjar il-forma li tista’ tibda tieħu l-kitba tiegħi. Fittixt, għalhekk, li nitbiegħed dejjem iktar mill-kitba tal-lum u mort infittex forom oħrajn ta’ kitba f’kitbiet minn sekli oħrajn. Fittixt taħt l-art, fl-għeruq u l-pedamenti biex naqra stejjer midfunin. Fittixt fil-kitbiet ta’ dawk li tbiegħdu minnhom infushom u minn madwarhom billi kitbu dwar il-viżjonijiet mistiċi tagħhom. Twennist bil-kitbiet tal-mistika Hildegard von Bingen, b’mod speċjali dwar il-kunċett ta’ viriditas, it-tħaddir min-natura bħala fejqan, dwar il-viżjonijiet (Scivias), dwar il-proprjetajiet mediċinali tal-pjanti, l-annimali u l-minerali (Physica) u ssaħħart mil-lingua ignota li ħolqot biex tikteb dwar dak kollu li fl-ebda lingwa oħra m’hemm kliem għalih. Ukoll, bil-kitbiet mistiċi ta’ Marguerite Porete u ta’ Hadewijch mill-Brabant dwar l-imħabba divina. U bil-kitba viżjonarja ta’ Christine de Pizan (La Cité des Dames), li ħassejtu għadu jgħodd għax għalkemm f’dar-rumanz il-ġdid tiegħi l-enfasi m’għadhiex wisq fuq il-miżoġenija, il-ħarsa tiegħi hija infurmata minn dik ta’ mara li tgħix f’soċjetà li għadha, trid u ma tridx, miżoġena. Għal dir-raġuni wkoll, bejn il-linji tar-rumanz dfint xi referenzi għal Monique Wittig (Les Guérillères). Insemmi hawn l-antoloġija Women on Nature editjata minn Katherine Norbury.
Dwar il-mistiċiżmu u l-estasi, kienet mixja li wasslitni fl-Abazija tal-Park, f’Leuven, fejn rajt il-wirja Ecstasy and Orewoet, ikkurata minn Liesbet Kusters u Ebba Van der Taelen, u minnha ħareġ l-ewwel abbozz tal-kitba li issa tinsab fit-tieni taqsima tar-rumanz. Mixja oħra, ukoll f’Leuven iżda fi żmien differenti, wasslitni fil-Knisja ta’ San Ġwann il-Battista, fil-Beginaġġ il-Kbir, fejn sibt wirja oħra, ukoll bl-isem Orewoet, ta’ Koen Lemmens. “Orewoet” huwa terminu mistiku Olandiż mill-Medjuevu li jfisser “ġenn, estasi, ta’ mħabba”, użat l-aktar fil-kitbiet mistiċi ta’ Hadewijch mill-Brabant fis-seklu tlettax, terminu li dal-aħħar qed jerġa’ jfeġġ fil-kultura kontemporanja Fjamminga. It-tieni taqsima tar-rumanz ħadet il-forma aħħarija tagħha wara din iż-żjara.
Twennist ukoll mill-qari ta’ dawk li ilhom sekli jwissu, bil-modi diversi tagħhom, dwar it-telfien tal-għeġubijiet naturali madwarna jekk mhux se nieħdu ħsiebhom. L-aktar minn kitbiet varji ta’ Élisée Reclus (minġburin f’Libre Nature), iżda wkoll mir-rakkont qasir ta’ Jean Giono (L’Homme qui plantait des arbres) u mill-kitba pastorali b’mod ġenerali. Mill-kitba kontemporanja dwar dan serraħt fuq il-kitbiet l-oħrajn ta’ Joëlle Zask (Admirer u Quand la forêt brûle, Penser la nouvelle catastrophe écologique). Il-ħsibijiet ta’ Gaston Bachelard dwar l-ilma (L’eau et les rêves) kienu miegħi dejjem tul il-mixjiet tiegħi max-xmajjar, bħalma kien ukoll il-ħsieb ta’ Djoġenu jien u nneħħi minn fuqi, u mill-kitba nnifisha, kull ħaġa li sibt li nista’ ngħaddi mingħajrha. Il-mixja wara n-Ninfa tas-Senne hija mnebbħa minn mixja performattiva organizzata minn Ellie Bryce fi Brussell fl-2022, bħala parti mill-proġett artistiku ta’ riċerka tagħha, The Aquaduct Project.
Li nagħraf xi jxekkilni u nara kif għandi nagħmel biex ninħeles minnu minn dejjem ħassejt li kien l-għan, saħansitra l-attiviżmu, tal-kitba tiegħi. Għaraft, mill-ewwel jiem jien u naħseb dwar xogħol ġdid, li dak li rrid niffoka fuqu huwa x-xekel li nġorru ħajjitna kollha tax-xogħol, impost fuqna biex l-ingranaġġ tal-ekonomija kapitalista jibqa’ llubrikat u l-għani jkompli jistgħana minn fuq daharna. It-twemmin tiegħi kompla jissoda jien u naqra diversi kitbiet, l-aktar dawk ta’ Paul Lafargue (Le Droit à la paresse), Étienne de La Boetie (Discours de la servitude volontaire), Guy Debord (La Société du spectacle), Émile Zola (Germinal) u dwar il-filosofija tad-diżubbidjenza kif murija minn Frédéric Gros (Désobéir). Ukoll bil-kitba dwar il-ġardinaġġ bħala mod kif titbiegħed mill-kapitaliżmu fil-kitba ta’ Alys Fowler (The Edible Garden: How to Have Your Garden and Eat It, Too).
Iktar ma tbegħidt mill-bliet u d-dħaħen, iktar għoxejt naqra dwar il-bliet fantastiċi veġetali kif imfasslin minn arkitetti li jħarsu lejn il-ġejjieni b’mod għalkollox differenti minn dawk li għalihom il-futur huwa l-bini dejjem iktar fl-għoli ta’ strutturi tal-konkos u l-ħadid. Il-wirja li rajt u l-ktieb li qrajt dwar ix-xogħol tal-arkitett Luc Schuiten (Vers une cité végétale) wasslitni għall-kitba tat-tielet u l-aħħar taqsima.
“L-Għanja tal-Għanjiet”, li minnha jinsilet it-titlu tar-rumanz, hija preżenza kostanti fih. Magħha jingħaqdu għanjiet u poeżiji oħrajn li, jien u nimxi u naqra, ġbart xi kelmiet u vrus minnhom u tfajthom fil-but bħala relikwi biex imbagħad qegħedthom fi kliemi maġenb il-kitba tiegħi stess biex inlaqqamha bihom. Għaldaqstant, il-qarrejja taf tiltaqa’ ma’ vrus li tistħajjel tagħraf minn kitbiet oħrajn, fosthom dawk ta’ William Wordsworth (The Prelude or, Growth of a Poet’s Mind; An Autobiographical Poem), Ovidju (Il-Metamorfosi), Michelangelo Buonarroti (“Madrigale VIII”), Charles Baudelaire (“Remords posthume”), Paul Celan (“Es war Erde in ihnen”), Simone de Beauvoir (Les Mandarins u Les Belles Images), u minn diversi poeżiji u kitbiet ta’ Emily Dickinson, W. B. Yeats, Gustave Flaubert, John Betjeman, H.D., Arthur Rimbaud, Anne Bradstreet, Edward Thomas, Félicien Rops, Camille Lemonnier, Violette Leduc, Charles Peguy, kif ukoll referenzi għal diversi pitturi ta’ Claude Monet, Pablo Picasso, André Masson, Artemisia Gentileschi, u oħrajn.
Jien u nikteb dawk li għal xi żmien bdejt insejjaħ “viżjonijiet”, ħassejt li kelli nitbiegħed mill-kumdità tal-proċessi tal-kitba tiegħi stess u bdejt nitbiegħed mill-Malti attwali, dak mitkellem u dak miktub. Ħassejt li dil-kitba ridtha tinqata’ miż-żmien li qed tinkiteb fih. Serraħt, f’xi partijiet, anki fuq kitbiet li kont ktibt jien stess ħafna snin ilu u li llum jinħassu ferm ’il bogħod minni. Hawnhekk fejn fittixt li nitbiegħed mill-preżent u nimxi b’lura lejja nnifsi tal-imgħoddi. Tbegħidt minni nnifsi biex nersaq lejn imkejjen u ħsibijiet li ilni nżomm ’il bogħod. Mhux biex nerġa’ nsibni. B’dil-kitba ma kontx qed nipprova nsib lili nnifsi. Anzi, iktar kont qed infittex li nitlifni. Serraħt ukoll fuq it-tbegħid fiżiku tiegħi nnifsi, mort nikteb fi bliet u pajjiżi li jinsabu ’l bogħod minn fejn ngħix. Tbegħidt mill-belt, tbegħidt mill-folol u fittixt il-kwiet biex nikteb dwar il-skiet. B’dil-kitba ridt nitbiegħed ’il fuq mill-art, biex nilħaq il-qamar. Meta ma rnexxilix nitbiegħed wisq ’il bogħod minn dari stess, mort infittex it-tbegħid u l-mistrieħ fil-knisja ta’ ħdejna fi Brussell, il-Knisja ta’ San Ġwann il-Battista, magħrufa wkoll bħala l-Knisja tal-Beginaġġ, li mill-2020 ħadet xejra għalkollox differenti mill-knejjes Kattoliċi tradizzjonali u bdiet proġett ġdid interreliġjuż bl-isem Dar il-Kompassjoni, immexxi mill-abbè attivist Daniel Alliët li qatta’ ħajtu kollha jiġġieled għall-fqir u jissielet kontra l-inġustizzji u l-oppressjoni. U meta ma stajtx noħroġ mid-dar, ittawwalt mit-tieqa lejn il-mafkar li hemm fil-pjazza quddiemna tal-alkemista u l-mistiku Johannes Baptist van Helmont, u tirt bil-ħsieb.
Ħajr
Ħajr lil Joe Gatt u Omar N’Shea bħala l-ewwel qarrejja u l-edituri ta’ dan ix-xogħol. U lill-komunità kollha ta’ Aphroconfuso li kienet il-pedament u s-saħħa li fuqhom u bihom irnexxieli nsawwar il-ħsieb wara din il-kitba.
Bijonota
Loranne Vella hija l‑awtur tar-rumanzi Marta Marta, Rokit u Magna Mater, in‑novella dawn l‑erbat ikmamar l’għandi, u l‑ġabra ta’ stejjer qosra mill-bieb ’il ġewwa; kif ukoll koawtur tat-Triloġija tal-Fiddien. Hija rebħet il‑Premju Nazzjonali tal-Ktieb diversi drabi, fosthom għar-rumanzi Marta Marta fl‑2023 u Rokit fl‑2018. Fl‑2022 ittraduċiet mill-Ġermaniż Ma Kuraġġ u Wliedha ta’ Bertolt Brecht għal Teatru Malta. Fl‑2014 u l‑2015 rebħet il‑Premju Nazzjonali tal-Ktieb Terramaxka għat-traduzzjoni ta’ kotba għat-tfal. Loranne Vella hija koeditur ta’ Aphroconfuso u kontributur regolari fil-ġurnal .