1. Bħal ommha, f’kollox
Ommi kienet it-tieni wild minn ħamest itfal, l-ewwel bint wara ħuha l-kbir, u l-ikbar waħda minn erba’ aħwa bniet. Meta twieldet l-aħħar waħda, ommi kienet kibret biżżejjed biex tkun għaliha mhux biss oħtha l-kbira iżda anki ommha meta ommhom kienet tintefa’ għodwiet sħaħ fid-dlam tal-kamra tas-sodda mimduda b’maktur kobba nofsu f’idha nofsu f’ħalqha tifga l-krib hi u titqabad mal-migranji li kienu ilhom jaħkmuha għal għarrieda mill-ewwel ġimgħat tat-tielet tqala u ma riedu jerħuha b’xejn. Kienet ommi li lil ħutha bniet kienet tlestilhom, kull filgħodu, il-ħwejjeġ u l-fatra, u tgħinhom jagħmlu s-sodda u mbagħad xagħarhom biex ilestu għall-iskola. Lill-bniet kienet hi li twassalhom, toħodhom magħha meta kienet għadha tmur l-iskola, imbagħad baqgħet twassalhom anki meta kienet għalqet it-tlettax-il sena u ma kellhiex għalfejn tattendi skola iktar. Missierhom kien joħroġ kmieni qabel kulħadd, u jmur ix-xogħol. Miegħu kien jieħu liz-ziju meta dan kien għadu tifel żgħir, u jżommu l-uffiċċju bilqiegħda fuq siġġu u mejda ta’ daqs tat-tfal li kien ordnalu apposta biex ikun jista’ jedha jikteb, jaqra u jħażżeż minn filgħodu sa ma jsir il-ħin biex jerġgħu lura d-dar filgħaxija. Meta beda jikber kien l-ewwel iwasslu l-iskola, iktar tard il-liċeo, imbagħad l-università, u meta z-ziju kien tfarfar sew u xtaq jibda jmur waħdu, missieru kien jimxiha miegħu sat-tieni kantuniera mid-dar. Kien b’hekk, il-missier, iħalli dejjem id-dar mimlija nisa u bniet warajh, kif kien jifhem li għandha titħalla d-dar matul il-jum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u jqatta’ l-għodwa fil-ħeffa li kienu joffrulu l-uffiċċju, il-gazzetti, il-pipa u r-rapporti li kien ikollu jfassal għall-imgħallem. Kien biss għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar li kien jibda jinfena jgħodd il-minuti sa ma jkollu jerġa’ lura d-dar, kemm jista’ jkun tard, għax kien jaf li b’xi mod jew ieħor se jkollu jisma’ dwar kull ħaġa li kienet inqalgħet f’kull kamra tad-dar u fil-klassijiet l-iskola dakinhar. Ta’ spiss kien joħodha bid-dawra u jidħol bil-mixi sal-Belt jixtri għenieqed taz-zalzett Malti, jew ħwawar tal-użin, u xi landa tabakk meta jgħaddilu minn rasu li dik li kellu d-dar kienet kważi tbattlet. B’xi mod, dejjem kien jasal lura d-dar mgħobbi u bi tbissima fuq fommu, u malli wliedu kienu jisimgħu l-qanpiena tal-antiporta, kienu jinżlu t-taraġ jilqgħuh u kull wieħed u waħda minnhom joħdulu xi ħaġa minn idu biex, sa ma kollha jitilgħu fuq, kien ikun hemm għagħa ta’ eċitament. Imbagħad ommhom kienet tagħtihom ħarsa ta’ ċanfira u tibgħathom siekta f’kamrithom.
Ommi dejjem kienet tgħidli kemm kien żmien ta’ kuntentizza meta kienet għadha tgħix ma’ ħutha u ma’ ommha u missierha, qabel iżżewġet u marret tgħix kemm tista’ ’l bogħod minnhom, biex tobdi lil missierha li dejjem kien jisħqilhom li man-nisa u l-irġiel tagħhom l-ulied għandhom dejjem ifittxu li jitbiegħdu minn dar ommhom u missierhom inkella ħoll xagħrek u ġib iż-żejt bl-inkwiet li seta’ jinqala’ jekk jibqgħu wisq qrib. Minn dejjem kienet tingwalaha l-aktar m’ommha, isajru, iħitu, jirrakkmaw, jgħaddu, jitwu u jistivaw, jitolbu u jaħslu u jitimgħu lit-tlett ibniet iż-żgħar; kollox kienu jagħmlu bil-qalb flimkien. Iktar kienu qishom aħwa, ommi u ommha, speċjalment meta ommi, ta’ tlettax, kienet waqfet tmur l-iskola u bdiet tqatta’ l-ġranet tagħha d-dar, hi u ommha waħedhom fid-dar il-kbira tagħhom. Anki għax mhux li kien hemm wisq snin bejniethom; in-nanna bilkemm kienet għalqithom is-sbatax-il sena meta kellha ’l ommi. Kultant nipprova naħseb dwar xiex kienu jitkellmu, dwar jekk ommha qatt wissietx lil bintha l-kbira biex ħajjitha ma tkunilhiex bħal tagħha. Biex ma taċċettax li tiżżewweġ u tibda tferra’ l-ulied kmieni wisq, biex ma tidħolx għal rabta bħal din ma’ raġel li kliemu anki meta jiġi bi tbissima huwa kmand, mhux biss ma’ wliedu imma anki, jew saħansitra, ma’ martu. Ommi kienet bħal ommha, f’kollox, iżda qatt ma qaltli jekk kinitx, tul dawk is-sigħat kollha, qed tifli sew x’kienu verament ir-rabtiet li kienet imxekkla bihom ommha u jekk kinitx qed tieħu nota biex ċerti affarijiet hi tagħmilhom mod ieħor la jiġi ż-żmien. Bħalma naf li kont qed nagħmel jien stess jien u nikber, meta nisma’ t-ton arroganti fi kliem missieri lejn ommi u naraha tinfena iżda ma tgħid xejn; meta kont nismagħha tolfoq tard billejl u nħossha tixtieq tilbes u toħroġ mill-bieb tad-dar u ma terġa’ lura qatt; tolfoq għax taf li kienu ttiħdulha wisq deċiżjonijiet għaliha u kontriha, u issa li xtaqet titlaq u tipprova tibda mill-ġdid bil-mod li minn dejjem xtaqet hi, ma setgħetx. Iżda għandi l-impressjoni li tul dal-ħin kollu waħedha m’ommha kienet tkun wisq medhija bil-labra u l-ħajta tirrakkma, jew bil-ganċ u s-suf ittella’ punt wara ieħor, wisq ferħana li kienet, f’dax-xogħol, tajba daqs ommha, biex tintilef tpaċpaċ magħha dwar il-kwistjonijiet trivjali tal-ħajja miżżewġa u tal-indukrar tat-tfal. Li kieku setgħet, qaltli darba, kienet tqatta’ l-bqija ta’ ħajjitha hekk, tirrakkma fis-skiet ma’ ommha, it-tnejn li huma bi tbissima fuq fommhom, mingħajr ħadd iktar f’ħajjithom, la missier, la raġel, la iben, la wlied u aħwa, la bniet u lanqas subien.
Is-Sibt u l-Ħadd kienu l-jiem fejn kienu jkunu s-sebgħa li huma kollha flimkien, u kien gost għal missierha jmur jagħmel ix-xirja l-kbira nett. Is-Sibt, kmieni filgħodu qabel kien ikun qam kulħadd, kien joħroġ u jqatta’ l-għodwa jżur il-ħwienet tar-raħal jew jerħilha bil-mixi sal-Belt biex jara jsibx xi fenek, dundjan jew lampuka, jew ifittex l-aqwa prieżet, zalzett Malti u mazzit. Kien jidħol jixtri l-ħxejjex, il-ħwawar, il-ġobniet u l-ġbejniet friski u l-inbejjed, u fl-aħħar jgħaddi jġib ftit kafena bl-użin, xi fliexken likuri u ħlewwiet bl-għasel u l-ilma żahar biex l-ikla tal-Ħadd isajjarhielhom hu. Kien ifewwaħha dar, qaltli ommi kemm-il darba. Mhux biss bil-ħwawar u l-irwejjaħ tat-tewm u l-basal jinqlew fix-xaħam, imma anki tal-pipa li kien jedha jpejjep fil-ħemda ta’ waranofsinhar sa ma l-laħam ikun qed isir fil-forn. It-tisjir kien jibdieh mis-Sibt u kulħadd kienet taqagħlu żaqqu sa ma jasal ħin l-ikel il-Ħadd. In-nanna kienet issajjar kuljum mit-Tnejn sas-Sibt, iżda ommi u ħutha kienu jkunu ħerqanin il-ġimgħa kollha għall-ikla tal-Ħadd, u f’dawk il-ġranet li missierhom kien ikun id-dar minn sbiħ il-jum sa ma jsir ħin l-irqad, ħadd minnhom ma kien jitniffes li ma jmurx jibdielu u ma jsajrilhomx. Fil-jumejn li kien ikun id-dar, kien jibblakka ż-żraben, jagħmel il-kontijiet u jalloka l-ammont tal-flus għal kull xirja u kont li kellhom jitħallsu l-ġimgħa ta’ wara, jimla l-pitrolju tal-kuker u tal-ħiter, u jwieġeb l-ittri li kien ikun irċieva l-ġimgħa ta’ qabel. Minn missierha kienet tibża’, imma dak kien mod, kienet tgħidli, kif turi r-rispett lejn kap il-familja, kif tirringrazzjah talli jmur jaħdem għalihom, jipproteġihom mill-mard u l-għawġ u jipprovdilhom kulma jiġu bżonn, saħansitra ikla bnina għall-familja kollha nhar ta’ Ħadd. L-ebda waħda minn sħabha tal-klassi, kienet qaltli, ma kellha missierha jagħmel ix-xirja hu u jsajrilhom l-ikla tal-Ħadd. Kienet tħobbu, avolja baqgħet sal-aħħar iżżomm lura milli tesprimi lejh dil-emozzjoni. Kienet tirrispettah għax kien mexa tajjeb magħhom, kemm hi u tikber u kemm meta tgħarrset, imbagħad iżżewġet u telqet mid-dar. Ma’ żewġha, missieri, kien mexa tajjeb ukoll u qatt ma naf li gergret li qatt kien hemm xi diżgwid bejn missierha u żewġha. U meta kont nistaqsiha jekk missierha kienx jaf bid-diżgwid li kien hemm bejnha u bejn żewġha kienet taqlibli d-diskors u tipprova ġġegħelni naħseb li l-ilfiq billejl kont qed infantsu jien.
Dwar il-korla tan-nannu ma’ wliedu sirt naf ħafna wara, wara li ommi mietet, meta z-ziju beda jiftaħ qalbu miegħi dwar it-tfulija tiegħu kull meta kont nistaqsih biex jiddeskrivili kif kienet ħajjithom meta kienu żgħar biex ikolli iktar ma’ xiex niggranfa ladarba ma stajtx nitkellem iżjed m’ommi. Irrakkuntali dwar id-dixxiplina iebsa li kellu missieru fuqu, dwar is-swat, l-umiljazzjoni, il-kliem kattiv. Għarrafni bi mġiba li waħħxitni għax m’għaraftx kif nista’ ngħaqqad l-istampa li dejjem kelli tan-nannu, li kien ifissed fina n-neputijiet u jittrattana ta’ prinċipessi u prinċpijiet, jixtrilna l-ħelwa tat-Tork u l-perlini kkuluriti kull meta kien jitla’ sal-Belt imbagħad jiġi d-dar iżurna, jew meta konna nqattgħu l-ġranet tal-festi għand in-nanniet u jsajrilna l-imbuljuta jew il-kokotina. Kien ix-xbieha li kont naħseb li għandu kulħadd ta’ nannuh. Imma qatt ma ppruvajt naħseb fih bħala missier huwa u jrabbi ’l uliedu fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, fi żmien il-bumbardamenti tal-gwerra, l-ewwel mit-Taljani mbagħad mill-Ġermaniżi, u l-biża’ mill-ġuħ fil-bidu tal-erbgħinijiet meta ommi kien għad kellha erba’ snin. Dawn l-istejjer li beda jgħidli z-ziju qatt ma kienet irrakkuntathomli ommi, avolja nimmaġina li hemm kienet tkun, jekk mhux fl-istess kamra żgur li fl-istess dar, meta nannuwi kien jerfa’ idu fuq ħuha jekk jaħsel jidhirlu li t-tifel għolla leħnu miegħu jew sfidah, meta kien jagħtih daqqtejn ċinturin kif xieraq fuq kuxxtejh, meta kien jgħajru u jobżoqlu f’wiċċu, lil ibnu stess, biex jurih x’jiġri meta iben lil missieru ma jurihx ir-rispett mistħoqq. X’aktarx li kien jinfexx l-iktar, jew forsi biss, f’zijuwi għax kien il-kbir nett mill-ulied, jew għax kien tifel u suppost jiflaħ għaliha theżżiża bħal din. Biex iġibu fuq saqajh, mingħalih, u minn tifel isawru f’raġel b’saħħtu, rasu fuq għonqu, bħalu. Jew x’aktarx għax, skont in-nannu u l-missirijiet kollha tamparu, l-enerġija għad-dixxiplina, bħall-edukazzjoni, l-aħjar li tinvestiha kollha fl-ulied subien għax kollox moħli fejn jidħlu l-bniet. Imma ta’ spiss nhewden il-għala qatt ma pinġithuli b’dal-mod lil missierha ommi, il-għala żammithom ġo fiha dawn ix-xenati kollha fi tfulitha, dejjem jekk dak li qalli zijuwi huwa minnu, iżda m’għandi l-ebda raġuni għalfejn niddubitah. Lanqas tgħid għandi ’l min nistaqsi dwar dan biex nikkonferma. Minn ħut ommi fadal biss ħuha, terġa’ mill-familja kollha t’ommi fadal biss hu. Għax għalkemm l-ewwel ma miet, snin ilu, kien in-nannu, l-erba’ aħwa bniet, li bejn kull waħda u oħra kien hemm għadd ta’ snin mhux ħażin, fettlilhom imutu kollha fi żmien sitt xhur minn xulxin, u kollha fl-istess sena li mietet anki ommhom, nannti; u zijuwi baqa’ waħdu, imbellah kif kienu telqulu kollha f’daqqa, qishom dan-nisa kienu fasslu, bil-moħbi bejniethom, konġura kontrih.
2. L-aħħar żifna
Hemm ġranet, ġimgħat, xhur li jaħarbuli minn taħt idejja u xejn minnhom ma jibqagħli, qishom ma seħħewx, qisni ma għexthomx. U kważi nħallihom jgħibu u ma nagħmel xejn biex jifdalli ħjiel tagħhom. Imbagħad jiġu ġranet li nara kif nagħmel biex nilħaq naħfen riħa, nota, leħħa minnhom biex ma ninsiex. Għax ta’ min nibqa’ niftakarhom, ta’ min nikteb kelmtejn dwarhom biex naqrahom iktar ’il quddiem u nevoka mqar farka mill-memorji.
Il-memorji. Infittixhom fil-linka mitfija fuq paġni mdennsin ta’ pitazzi bi rkejjen imgerrmin. Immur lura għal jum il-Milied u naqra li qatt ma kont rajt lil ommi daqshekk ferħana — tiżfen, tidħaq u tiżżuffjetta — daqs dakinhar. Qed tiżfen għax kienet laħqet spiċċat it-terapija kontra l-kanċer bl-eżatt għall-festi. Qed ixxejjer il-maktur roża fin li sa ftit qabel kien imdawwar m’għonqha, ferħana għax kienu qalulha li mhix se jkollha bżonn tagħmel ir-raġġi. Qed tkanta għax ġiet mistiedna għand il-familja l-ġdida li ggwadanjat minn relazzjoni ġdida tiegħi. Qed tidħaq għax tista’ fl-aħħar isserraħ rasha li did-darba kollox se jmurli ħarir. Se nikkalma, se nsaddad, se nifhem li issa wasalli l-ħin nibda familja. Qed tiċċaċċra għax x’aktarx ġa qed tħoss li issa, fl-aħħar, jien se nsir omm u hi se ssir nanna. Ma nindunax b’dan kollu dakinhar. Naqra f’kull azzjoni tagħha dawn it-tifsiriet kollha mill-ftit kitba li għandi dwar dak il-Milied, mir-ritratti, u mill-filmat ta’ ftit sekondi li ħadtilha u li għadu jitturmentani sal-lum kull meta narah u nintebaħ li kienet qed tiċċelebra, mingħajr ma taf, l-aħħar Milied tagħha. Hemm jien ukoll fihom, bi tbissima ċċarratli wiċċi u ħaddejn ruxxana lewn it-tiżjin ossessiv fl-isfond. Niftakarha sew il-fawra pjaċir u l-moħħ ir-riħ li kont għadni naf nesperjenza sa dak il-Milied. Kont mingħalija li kien wieħed mill-isbaħ Milidijiet li qatt kelli, minkejja li l-lejl ta’ qabel kont xrobt iktar milli ppjanajt u għamilt ġurnata nħossni bl-istonku mhux f’postu. Il-ħsieb li xi darba se nsir omm qatt ma kien iktar ’il bogħod minn ħsibijieti daqs dak iż-żmien. Dak ukoll kien l-aħħar Milied tiegħi mingħajr piżijiet, mingħajr biżgħat u inkwiet. Il-fattizzi ta’ wiċċi jixhdu ħeffa li ilni sew li tlift. Ħa nħalli l-memorji ta’ dal-Milied jibqgħu jiddu u jpetptu d-dwal tal-festi, ħa nħalli ’l ommi maqbuda f’dawk is-seba’ sekondi li jibdew u jispiċċaw u jerġgħu jibdew f’dawrien bla waqfien, inħalliha tiżfen kuntenta xxejjer il-maktur roża ttajjar minn madwarha l-ħsibijiet mudlama dwar il-mard. Ħa nħallini maqbuda bit-tiċrita bluha fuq wiċċi, niffesteġġa fl-injoranza tiegħi dwar l-għawġ li kien qed jistenna bl-akbar sabar wara l-kantuniera, dwar ir-rankatura li kollox kien se jibda jieħu malli jasal u jġib miegħu n-niket tat-telfien, is-sens tremend ta’ ħtija li issa tard wisq u l-bżonn irrazzjonalment urġenti biex nibda nerfa’ r-responsabbiltajiet mistennija minni bħala bint li ħabta u sabta sfat mingħajr omm, saret mara mil-lejl għan-nhar, u ħasset li kellha, allura, bilfors issir omm hi.
Wara dak il-Milied, l-għawġ tfaċċa f’April, ġimagħtejn wara li ġejt lura Ruma, fejn kont ilni ngħix tmien snin, minn żjara Malta. Ommi kienet marret bis-santa tal-mejtin ta’ oħtha s’għand ħabiba tagħha biex tħallihielha. Kienu poġġew bilqiegħda jitkellmu imma ftit minuti wara, is-siġġu li kienet bilqiegħda fuqu nkiser u waqgħet. Dak il-ħin kienet qamet qisu ma ġara xejn. L-uġigħ ġie wara. Marret l-isptar u qalulha li għandha biss tbenġil intern, bagħtuha d-dar u tawha l-krozzi. Marret għall-agħar, l-uġigħ żdied. Għaddew ftit jiem u ndunat li dirgħajha ma baqgħux jaħdmu; ħasbet li minħabba l-krozzi. Reġgħet daħlet l-isptar u fl-aħħar indunaw li kellha xaqq fl-għadam u operawha. Indunaw li l-kanċer kien reġa’ tfaċċa u issa kien infirex fl-għadam. L-uġigħ f’għonqha u l-fatt li ma setgħetx tikkontrolla dirgħajha kienu riżultat ta’ dan. U wkoll il-fatt li kienet ixxaqqet l-għadma meta waqgħet. Speċjalista minnhom sejjaħ lil missieri u qallu li ma kellhiex iktar minn sitt xhur ħajja. Ħassejna kollox jieqaf madwarna. Imbagħad jikkrolla. Kemm kien mar żmerċ l-ispeċjalista. Lanqas kien fadlilha xahar u nofs. L-ewwel ma tilfet kienet it-tbissima minn fuq fommha. Tilfet l-enerġija, is-saħħa, il-kulur. Il-maktur ma xejritux iżjed. Għafsitu f’kobba u daħħlitu f’ħalqha kif kienet tiftakar lil ommha tagħmel meta kienet tinfena taħt l-għafis tal-uġigħ.
3. Is-Sbejħa Rieqda
Fil-primarja, sena minnhom l-iskola tellajna d-dramm tas-Sbejħa Rieqda. Kellna ħafna eċitament speċjalment meta konna għadna ma nafux min minna kienet se tkun is-Sbejħa. Jien sbejħa ma kontx. Kelli wiċċi mgerrem, xagħri bla forma, nuċċali li kien jaħbili għajnejja, l-uniċi mill-fattizzi tiegħi li qatt għoġbuni. Kont naf li ma kontx se nintgħażel jien. Jien qatt ma kont nintgħażel għal rwoli prinċipali, la fid-drammi, la fil-lezzjonijiet u lanqas fl-attivitajiet tal-knisja u d-duttrina. U kif issa konna drajna li jiġri, intgħażlet mill-iskola kollha, bħala s-Sbejħa, waħda mill-klassi tiegħi li kienet tilfet ’l ommha xi ftit xhur qabel. Verament kienet sbejħa, kien jistħoqqilha. Imma l-biki għal ommha mejta li kien jaħkimha kull tant żmien kont qbadt nistkerrhu. Kulħadd kien ifissed fiha u jtiha minn kollox u l-bqija konna nintesew. Kont naqbad lili nnifsi nixtieq li ommi tmut ukoll ħalli l-attenzjoni ddur ftit fuqi, imqar għal ftit ġimgħat. Imma sal-jum tat-tqassim tar-rwoli ommi kienet għadha ħajja u kien biss meta wasalna għall-aħħar mir-rwoli ż-żgħar li smajthom jgħajtuli b’ismi. Intgħażilt bħala tifel messaġġier għal parti ta’ nofs minuta kollox lejn l-aħħar tat-tieni att. Xorta fraħt, għax b’hekk stajt nitla’ fuq palk u nattendi għall-provi li kienu se jsiru tliet darbiet fil-ġimgħa wara l-iskola u lejn l-aħħar anki nhar ta’ Sibt u Ħadd. Fraħt ukoll għax kelli nilbes ħwejjeġ ta’ tifel mingħajr ma ommi tibda teqred li l-bniet u t-tfajliet jixirqulhom ħafna iktar id-dbielet; kienet tqarras wiċċha kull meta kont ninsisti li rrid nilbes qalziet minflok. Avolja, kienet toħodli rasi tfakkarni, kull darba li kont nobdiha u nilbes dublett, li kelli nżomm riġlejja marsusin flimkien bl-irkupptejn immejlin li ma jmurx jidhirli l-panty u naqa’ għaċ-ċajt. Ma kienx biżżejjed li ġġegħelni nilbes id-dbielet li kienet tħitli, u turini kif għandi nżomm riġlejja. Kienet anki turini, kif kienu għallmuha ommha, zijietha u l-għalliema nisa meta kienet għadha l-iskola, kif għandi nagħmel biex nimxi dritt mingħajr ma nħares lejn il-ponot taż-żarbun billi kienet tqegħedli ktieb oħxon fuq rasi u ġġegħelni nimxi bih mingħajr ma nwaqqgħu t-tul kollu tal-kuritur. Kont naf li malli ngħid iva għad-dublett kien se jkolli nibdel kif infettaħ riġlejja u kif nimxi biex nogħġobha, allura dejjem kont nippreferi l-qalziet u l-qrid tagħha. Fil-fatt, imnalla kienu għażluli dak ir-rwol għax ma tantx kont nista’ nimmaġinani bid-dbielet tal-frilli bħalma kellhom jilbsu l-fati u l-prinċipessi kollha fid-dramm, tant kont bla grazzja. Ommi kienet waħda mill-ħajjata fost il-ġenituri li kienu offrew li jħitu l-kostumi tad-dramm u naf eżatt kemm pantlori, frilli u ġmigħ kien fihom l-ilbiesi tan-nobbli u l-fati mistednin għall-ballu rjali meta twieldet is-Sbejħa. Ippruvajthom kollha u mmutettjajt sigħat sħaħ quddiem il-mera. Però għall-kostum tiegħi ommi ma kellha tħit xejn. Għażilt il-qalziet tal-bellus aħdar li jinġema’ b’ċinta u buttuna tar-ram taħt l-irkoppa u qmis kannella mżejna bir-rakkmu mal-pavri, bil-kmiem minfuħin, minn qalb ħwejġi stess li kienet ħitithomli ftit xhur qabel u kienu l-ħwejjeġ favoriti tiegħi, u l-messaġġier irjali ħloqtu waħdi f’temp ta’ ħames minuti. Kont ferħana, imma xorta, it-tingiża li lanqas biss kont ġejt ikkunsidrata għall-parti tas-Sbejħa bqajt inħossha kull meta ġietni memorja tad-dramm li tellajna.
Meta tlaqt minn dik l-iskola, it-tifla sbejħa bla omm domt snin twal ma rġajt rajtha. Fl-aħħar jiem qabel ma mietet ommi, fl-aħħar lejl li kienet għadha ma nbelgħetx mill-ħakma tal-morfina, ommi bdiet thewden dwar l-ixkupi u t-tiġieġ, dwar missieri, dwar id-dar, thewden u tingħi u tokrob u tokrob bl-uġigħ. Tatni rasi u tlabt lin-nurse tagħmel xi ħaġa biex ittaffilha l-uġigħ, qaltli ħa nara hawnx tabib f’xi ward. Domna siegħa nistennew. Fl-aħħar tfaċċat tabiba. Kienet is-Sbejħa. Għarafna ’l xulxin imma ma sellimniex. Forsi għax kien billejl u d-dlam, imma donnha ħarsitli biċ-ċiera. Bħal donnha riedet tgħidli li qed nagħmel wisq għaġeb, dawn kienu affarijiet li jkollu jgħaddi minnhom kulħadd. Tlabtha ttaffilha l-uġigħ lil ommi u tbissimtilha ftit, xtaqt infakkarha f’kif tħossha bint meta tara ’l ommha f’dagħdigħa tal-mewt. Ħarsitha baqgħet iebsa u aċċettat li tagħtiha doża iktar qawwija ta’ morfina mingħajr ma avżatni li malli se tintelaq għall-ħedla tagħha, ommi kienet se torqod raqda mistrieħa tant fil-fond li minnha ma kinitx se terġa’ tqum.
4. Annie Get Your Gun
Nixtieq innessi l-mod kif ommi ċeditilha daqshekk malajr ’il-morfina. Tlabna biex ma ġġebbidx u ma tbatix u hekk għamlet; ħarbitilna malajr, hekk, u taritilna bħal żiffa riħ. U jien bkejt u tbissimt u xtaqtilha l-vjaġġ it-tajjeb u għal ftit jiem ħassejtni qed intir jien ukoll. Għal jiem sħaħ lanqas demgħa waħda, tbissim biss. Kont qisni waħda li għadha kif ġratilha xi ħaġa sabiħa. Sakemm jum minnhom it-telfien tagħha ħassejtu bħal daqqa ta’ ponn fl-istonku li regħedni minn ġewwa. Sal-lum għadni, kull tant żmien, naqbad lili nnifsi ngħid bejni u bejn ruħi, illum inċempel waħda ’l ommi. Imbagħad niftaħ il-pitazz u nfittixha hemm qalb il-memorji. Fuq il-paġna tax-xellug ommi għadha ħajja u jien qed ingawdiha għax kont inżilt Malta għal ftit jiem. Morna flimkien inżuru lin-nanna, li tiġi ommha, imbagħad bqajna sejrin għand iz-ziju, ir-raġel t’oħtha ż-żgħira nett li kienet l-ewwel mill-aħwa bniet li mietet, it-tnejn l-oħra kienu se jmutu, waħda wara l-oħra fi ftit xhur, imma l-ewwel kienet se tmut ommhom, imbagħad ommi. Wara ommi telqet ziti li kienet tiġi ta’ qabel tal-aħħar mill-aħwa, u fl-aħħar mietet iz-zija li kienet sentejn iżgħar minn ommi. Imma dakinhar ħadd minna ma kellu ħjiel tas-sensiela mwiet li kienet ġejja fuqna. Konna għadna kollha kemm aħna bil-luttu għal oħthom iż-żgħira biss.
Lura d-dar jien u ommi sajjarna flimkien. Hi sajret is-soppa mimlija ħaxix u jien żidtilha l-ġbejniet, l-irkotta, il-piżelli u komplejt inħawwarha kif inħobbha jien. Missieri dakinhar kien ma jiflaħx u qgħadna nfissdu fih. Fuq il-paġna tal-lemin kienet ilha mejta tliet xhur. Nerġa’ nħares lejn tax-xellug u naraha għadha ħajja, mingħajr inkwiet kbir ħlief li tilfet lil oħtha ż-żgħira li kienet kważi rabbietha hi. Nerġa’ ndawwar ħarsti lejn il-lemin. In-nanna issa ħallietna wkoll u magħha telqu wkoll il-bqija ta’ wliedha bniet u niċċassa nara kif issa n-nisa fil-familja ta’ ommi f’dil-paġna kollha mejtin. Sa sitt xhur qabel kienu għadhom kollha ħajjin. Kuljum nistaqsi, x’suppost għamilt? Għax malli mietet donni bdejt nismagħha tirrabja miegħi għax tort tiegħi li issa m’għadhiex hawn tieħu ħsieb missieri, tieħu ħsieb ommha, tieħu ħsieb ħutha l-bniet. Missieri fil-paġna tal-lemin narah fraġli, minxuf, mitluf mingħajrha. Minsijin għalkollox l-iljieli kollha kliem iebes u lfiq fi żmien meta kien għad kelli ħmistax, sittax-il sena. Meta kont jien li fl-aħħar kbirt u tlaqt mid-dar, ommi kienet irrassenjat ruħha li d-dar u l-ħajja miżżewġa kienu l-aqwa ħajja li setgħet tgħix u waqfet tolfoq u tisħet xortiha u hi u missieri, fl-assenza tiegħi, stħajluhom reġgħu marra lura għas-snin tan-namur u l-għerusija meta ż-żwieġ u l-familja kienu għadhom il-ħolma kollha ward u żahar tat-tnejn li huma. Imma xħin safa mingħajrha, missieri sar ras maqtugħa. F’ħajjitha kien iserraħ fuqha għal kull ħaġa, imma s-saħħa li kienet tagħtih kien jaħsibha ġejja kollha minn ġo fih, u magħna kien iġib ruħu li ż-żwieġ, id-dar u l-familja kien imexxihom kollha hu. Għax hekk kienet mgħallma li għandha tagħmel bħala martu, li tkun pilastru għalih, u iktar ma jkun b’saħħtu hu iktar se tgawdi hi, u mbagħad iktar se ngawdi jien magħhom. Bħal ommha, f’kollox. Lili kienet għallmithieli wkoll dit-tagħlima meta jien kelli għaxar snin, u f’xi ġurnata tard waranofsinhar meta kont bqajt id-dar minħabba li kelli riħ, fuq it-televixin kienu qed juru Annie Get Your Gun u qgħadna narawh flimkien. Jien u ommi, fi tfuliti, qattajna ħafna nofstanhari naraw il-films klassiċi li kienu juru fuq l-istazzjonijiet Taljani, dawk b’Judy Garland jew Betty Hutton, Doris Day jew Esther Williams, b’Howard Keel jew Fred Astair, Frank Sinatra jew Clark Gable, l-istilel li kienet kibret magħhom hi u issa anki jien. Kien gost kbir għalija narahom m’ommi dawn il-films bla kulur, avolja kienu ta’ żmienha, mhux ta’ żmieni. Imma l-akbar gost għalija kien li konna nkunu jien u hi biss id-dar, għax li kieku kellu jasal missieri għal għarrieda mix-xogħol kienet tqum tiġri titfi t-televixin u malajr terġa’ xxidd il-fardal għax, skont hi, mhux sew turi lir-raġel li waqt li hu qiegħed ix-xogħol hi qed tagħmel xi ħaġa li tagħtiha pjaċir. Dakinhar ta’ Annie Get Your Gun, jien kont qed inżomm ma’ Annie, ovvjament. Kont nogħxa għall-istejjer fejn il-persunaġġ ewlieni tal-mara kien ikun ta’ waħda li ma kinitx tidħol kexxun f’dak li kien mistenni min-nisa dak iż-żmien. Speċjalment dawk l-istejjer fejn kienet tkun dik li, mingħajr biss tinduna, l-ewwel tissorprendi mbagħad tifferoċja lill-irġiel bis-saħħa u l-intelliġenza tagħha. Mill-bidu tal-film kont ġa qed nieħu nota ta’ dan kollu mingħajr ma naf. Ma’ kull tir bl-ixkubetta ta’ Annie li kien qed jolqot il-ħamiema tat-tafal, ġieli anki tlieta tlieta jew ħamsa ħamsa, bdejt nogħla mill-pultruna ngħajjat bil-ferħ u ngħajjeb lil Frank xħin narah jindanna li dil-mara kellha ħila akbar minn tiegħu għax lanqas biss bdiet tipprova tirbaħlu. Imma meta waslet ix-xena, lejn l-aħħar, fejn Annie u Frank, issa r-raġel tagħha, reġgħu kienu qed jisfidaw lil xulxin biex jaraw min kien l-aqwa tiratur minnhom it-tnejn, ommi ġibditli l-attenzjoni u qaltli, “issa ara x’se tagħmel!” Dik tbissima li kellha fuq wiċċha! Imma jien iddarrast malli fhimt. Annie għażlet li titlef apposta biex lir-raġel ma twaqqgħux għaċ-ċajt quddiem kulħadd. “Raġel irbaħlu meta għadek se tibda tiġbidlu l-attenzjoni lejk,” kienet qaltli ommi dakinhar. “Iżda ladarba tirbħu, m’għandekx għalfejn tkompli tirbaħlu. Wara dik ir-rebħa, kull rebħa oħra fil-verità tkunlek telfa. Minn hemm ’il quddiem, mar-raġel tiegħek trid titlef biex veru tirbaħ. Kif għamlet Annie. U b’hekk kulħadd ikun ferħan.” Ommi baqgħet issemmihieli dix-xena tul is-snin, tfakkarni f’kif għandi nġib ruħi mar-raġel ladarba niżżewweġ, li għandi l-ewwel u qabel kollox nara kif inkunlu intelliġenti u b’saħħti mingħajr ma nikkompeti miegħu u nipprova ngħaddih għax jekk jitlef hu nitlef jien. Tajjeb li nkun intelliġenti, imma mhux iżżejjed; kemm inżommlu kumpanija tajba. U b’saħħti biżżejjed biex meta riġlejh ma jreġġgħuhx, iserraħ fuqi sa ma jerġa’ jiġi f’tiegħu u jkompli jmexxi hu. Mhux ta’ b’xejn, meta sibt ix-xoqqa f’moxtha, lebbitt ’il bogħod minn Malta. Mhux wisq ’il bogħod. Tefgħa ta’ ġebla, fil-fatt, imma biżżejjed biex ma nħossnix nifga mill-mod kif kienet taħsibha ommi u l-ġenerazzjoni tagħha dwar dawn l-affarijiet.
Mal-għajbien tagħha missieri ntebaħ li s-snin kollha li kienu ilhom flimkien kien raġel miżmum dritt bil-krozzi li kienet sawritlu hi, u li issa, mingħajrhom ma kienx jiflaħ iktar fuq riġlejh. Kien bil-luttu għalih innifsu daqskemm kien għaliha. Kont nitbikkem narah jogħtor u jiċkien. Xtaqt indawwar dirgħajja miegħu, nipproteġih. Minflok, konna nilletikaw għax jien u hu konna agħar minn kelb u qattus. Il-kalma kienet taqa’ biss meta nitkellmu dwarha. Dwar ommi biss konna naqblu jien u hu. Kont fhimt li anki saħħti kienet ġejja mingħandha, li anki għalija kienet pilastru li nserraħ fuqu mingħajr ma naf.
Ftit ġimgħat qabel mietet kont ktibt li ommi qed tgħidilna li se tieħu kollox pass pass, tgħix ħajjitha ġurnata b’ġurnata, jiġri li għandu jiġri, l-aqwa li tara l-jum jisbaħ u tgħixu kollu sa ma jsir ħin l-irqad u tkun kuntenta li għexet ġurnata oħra sħiħa u tħossha rebbieħa. F’dil-kompetizzjoni donnha riedet tagħmel minn kollox biex tirbaħ hi u ma ċċedi l-ebda tir. Iżda ftit kien fadlilha minnhom dal-ġranet sħaħ, u malli tilfet u tlifnieha; il-ġranet — mingħajrha — bdejt ngħoddhom jien. Dawk, hemm ħafna iktar minnhom; il-bqija ta’ ħajti. Ma nafx jekk f’dil-logħba t-telfa hix rebħa, u r-rebħa telfa.
5. Kolonna mxaqqa
Ninsab quddiem La Columna Rota ta’ Frida Kahlo, ilni wieqfa dritta quddiemha ħin twil. Konxja tal-fatt li jien wieqfa. Dritta. Dahri dritt u wiċċi biss qed jogħla u jinżel jifli l-pittura. Ġejt nara l-wirja ddedikata għal Kahlo fl-iScuderie del Quirinale, fis-sittin anniversarju mill-mewt tagħha. Hija wirja estensiva, ’il fuq minn mitt biċċa xogħol. Imma neħel quddiem dil-pittura dwar ix-xewka ta’ dahar Kahlo li treġġiha bħal kolonna mxaqqa, bit-taċċi mferrxin tul il-lemin ta’ ġisimha. Dil-pittura tkexkixni, u iktar ma nħares lejn it-tiġrif u t-tmermir, iktar niddritta, daqt nitgħawweġ lura. Imma le. Huwa moħħi li jirnexxilu jiġġebbed u jmur lura għoxrin sena sħaħ, lura fiż-żmien meta kien sarli intervent fin-naħa t’isfel ta’ dahri wara xhur ta’ wġigħ insapportabbli li kien jibda mil-lemin tal-ħofra ta’ dahri u jinfirex mar-riġel tal-lemin sa wara rkoppti fejn kien jinbidel f’tingiża dejjiema li ma ttinix nifs. Niftakar u nerġa’ naqta’ nifsi. Niftakar li mal-iċken ċaqliqa kont inħoss bħal musmar imsaddad jinfidni u nibda nara x-xjaten u d-dimonji bl-uġigħ. Dik ħlewwa ta’ qalb li kienet taqbadni! Nimxi, noqgħod bilwieqfa, ninxteħet bilqiegħda, l-uġigħ ma kien itaffi b’xejn. Kull tant ħin kien jiġi, bħal leħħa, uġigħ iktar b’saħħtu. Kien jonqos ftit malli nimtedd, iżda l-lejl kien jifnini bl-inkwiet. Niftakar il-biża’ li l-uġigħ qatt ma kien se jgħib, li kien se jkolli nitgħallem ngħix bih. L-uġigħ bħal terremot li jġarrafni mis-sisien, jifridni minn niesi, minn ħbiebi, minn tax-xogħol, iħallini ninfena u nitfarrak waħdi. Jiġini f’rasi kliem Virginia Woolf dwar l-impossibbiltà li nesprimu bil-kliem l-esperjenza ħarxa u privata tal-ġisem li jbati. Domt xhur sħaħ nipprova nifhem x’għandi għax l-ispeċjalista tal-għadam, li kulħadd kien jaħlef bih — Alla jaħfirlu, għax ftit snin wara marad u miet — baqa’ ma fehmux kliemi u ma għadirnix. Ma emminnix li muġugħa, li l-uġigħ kien ta’ veru u mhux mistħajjel. Mingħajr ma ħares f’għajnejja kien qaħqaħ tnejn u minn taħt l-ilsien qalli biex immur inkellem psikjatra. Bħallikieku ried jgħidli li la ma kienx qed iħossu hu ma jistax jifhem kif nista’ nħossu jien. Għalxejn insistejt biex jagħmilli testijiet oħra la l-X-rays ma kinux qed jikxfu x’ma kienx f’postu u x’kien qed jikkawżah l-uġigħ. Bqajt infittex widna li lesta mhux biss tismagħni, tikkunslani u tiggwidani, iżda aktar minn hekk li tfejjaqni u teħlisni għalkollox mill-uġigħ, li kien f’dahri u jinżel mal-wara ta’ riġli tal-lemin u mhux f’moħħi. Xtaqt li ma nibqax inħoss iktar. Xejn. Ridt li nsir ġisem li ma jħossx. Xtaqtni mhux iktar tan-nervituri, tad-demm u tal-laħam. Ridtni tal-irħam. Imbagħad, meta kienet tmur għajni bija, kont noħlomni bla toqol, bla għeja, bla trufijiet. Ridtni tal-ħarir. Mal-qawmien kont nintebaħ li għadni nħoss. Bqajt ngħidilhom, lil kull min kien jistaqsini kif jien, li jien muġugħa, muġugħa ħafna, se ttini rasi bl-uġigħ. Tobba, speċjalisti, infermieri, fiżjoterapisti, radjologi. Fl-aħħar qaluli nibqa’ mimduda ġimagħtejn f’soddti, id-dar. Libbsuli kurpett ma’ qaddi u mill-ġnub tiegħu rabtuli żewġ ċineg ħoxnin bil-piżijiet fit-truf u ħallewhom imdendlin mit-tarf tas-sodda lil hinn minn saqajja biex forsi bil-ġbid għadmi jiġi f’postu. Meta l-uġigħ kompla jmur għall-agħar u beda jiżdied it-tnemnim tul ir-riġel kollu qaluli nagħmel ġimagħtejn oħra hekk. Wara xahar marbuta u mtaqqla f’sodda bil-mitraħ mitruħ li ħadd ma indenja jgħarrafni li ma kien tajjeb xejn għall-qagħda ta’ dahri, kont iddgħajjift tant li ma stajtx nerġa’ nqum fuq saqajja. Is-swaba’ ta’ saqajja tal-lemin issa kienu għalkollox reqdin. Dħalt l-isptar qalbi maqtugħa li għad nerġa’ nħares madwari minn bilwieqfa. Meta fl-aħħar ġie jinvistani n-newrokirurgu u ra f’liema stat kont, mar jaħtaf lill-ispeċjalista tal-għadam talli kien ittraskurani, talli kien ħallieni niddgħajjef u kont viċin li nibqa’ pparalizzata. Marret ommi wkoll iċċanfar lil tal-għadam, tgħajjat u titmasħan f’wiċċu, idejha żewġ ponnijiet lesti għad-daqqiet tant kienet ifferuċjata għalih, li kien irrovina ħajjet l-unika bint li għandha u li x’aktarx kien anki fottielha ċ-ċans li xi darba bintha jkollha t-tfal. Niftakar li nħsadt xħin sirt naf li dan kien l-akbar inkwiet tagħha. Lanqas biss kienet għaddietli minn rasi farka minnu ħsieb bħal dan.
Qabel sarli l-intervent biex ineħħuli tnejn mit-tliet diski ta’ bejn l-irkiekel li kienu ħarġu minn posthom u kienu qed jagħfsuli fuq in-nerv — il-kawża tal-uġigħ tremend li kont ilni nsofri xhur sħaħ, u li ovvjament l-ebda psikjatra qatt ma kien se jasal ifejjaqli — avżawni li hemm riskju li l-operazzjoni ma tirnexxix u li verament nibqa’ paralizzata. Staqsejthom, kif ninduna jekk irnexxietx jew le? Wiġbuni li meta nistenbaħ, jekk jirnexxili nċaqlaq is-saba’ l-kbir tas-sieq il-leminija, ifisser li tkun irnexxiet. Għal diska minnhom in-newrokirurgu kien għamel bħal tieqa ċkejkna maqtugħa fl-għadam biex ineħħi l-framment li kien qed jagħfas fuq in-nerv, u għall-oħra għamel tirqim bir-reqqa tal-arkata tal-għadam biex itaffili l-pressjoni fuq il-kanal tax-xewka ta’ dahri. It-tielet waħda ħallewha kif kienet għax ma kienet qed tagħfas fuq l-ebda nerv u x’aktarx għad jasal żmien meta terġa’ lura f’postha. Ħafna snin wara sirt naf li f’postha qatt ma reġgħet daħlet iżda la ma kinitx tiskomodani ma kien jeħtiġilha l-ebda intervent. Naħseb li hekk għadha sal-lum. Meta, wara l-intervent, beda jgħaddi l-effett tal-loppju u bdejt niġi f’tiegħi, l-ewwel ħsieb li ġieni kien li nċaqlaq is-saba’ l-kbir tal-leminija. Ħfint il-liżar abjad illamtat f’idejja u ffukajt fuq sebgħi l-kbir. Ħassejtu jiċċaqlaq u qabiżli d-dmugħ. B’xi mod kont ħlistha. Did-darba kont iffrankajtha u ma kontx se nispiċċa nqatta’ l-bqija ta’ ħajti f’siġġu tar-roti. Meta ftit jiem wara qomt bilwieqfa għall-ewwel darba fi tliet xhur, għal ftit sekondi ħassejtni maqtugħa mill-art, sa ma tani mejt u l-art ġibditni lejha bil-goff. L-għada rġajt ippruvajt inqum u did-darba l-art żammet ftit ’il bogħod. Ħadt l-ewwel passi. Ma’ kull pass bqajt nistenna l-mument li jerġgħu jfeġġu l-uġigħ, it-tnemnim, it-tingiż qawwi bħal imsiemer imsaddin u xokkijiet tal-elettriku, u d-dardir fl-istonku li dan kollu kien soltu jqanqalli. Tfixkilt meta baqgħu ma tfaċċawx. Ħakimni ħsieb pervers li bin-nuqqas ta’ dal-uġigħ kont tlift xi ħaġa minni nnifsi. Kont tlift piż tqil minn ġewwa fija. Kien tneħħa minni toqol li issa kelli nerġa’ nitgħallem ngħix mingħajru. L-uġigħ dejjem ħassejtu żejjed. Iżda n-nuqqas tiegħu issa kont bdejt inħossu bħala vojt. Bdejt nirkupra bil-mod; dahri ħassejtu fraġli, passejja kienu kawti. L-uġigħ sfuma, baqgħet biss il-memorja tiegħu, tfakkira ta’ kemm f’ħakka t’għajn il-ġisem jista’ jitfixkel dwaru nnifsu, u ta’ kemm idum biex iħallik terġa’ tibda tafdah. Dak l-uġigħ għadni sal-lum nistennieh. Naf li għad jerġa’ jaħkimni, iktar bis-saħħa; meta jasal, se jgħaffiġni u did-darba m’iniex se neħlisha. U ma’ dal-ħsieb inħossni nkompli niddritta għax nintebaħ li jekk ma nagħmilx sforz dahri se jitgħawweġ ’il quddiem, spallejja ġa nħosshom imħattbin bil-piżijiet li donnhom jisserrħuli ma’ kull spalla u jġebbduni ’l quddiem u ’l isfel ma’ kull ħsieb ħażin li ma jġib miegħu xejn ħlief inkwiet.
6. Aċtu fl-Istonku
It-te aħdar kont bdejt intiegħmu ħażin, forsi għax mhux tajjeb nixorbu filgħodu. Ġurnata minnhom, għand sħabi li qagħdu jsajruli l-ħaxix b’ħafna ħwawar għax jafu li ma nikolx laħam u lanqas ħut, il-bżar mixwi weħilli f’gerżumti. Ma ridtx nibilgħu. Imma lanqas ma ridt nobżqu. Kien hemm tliet uċuħ iħarsu lejja jien u nipprova nomgħod. Ridt naqla’ fil-platt quddiemhom imma stħajt. L-għada ma qomtx, ridt norqod il-ġurnata kollha. Kont għajjiena, kuljum bdejt inkun għajjiena. Dik l-għeja bħal meta nitħeddel bis-sħana waranofsinhar. Imma konna għadna Frar, mit-tieqa niftakarni nara x-xita nieżla. Forsi missni ntbaħt dakinhar. Ridt nibqa’ fis-sodda. Fis-sodda biss kont inħossni aħjar. Ma kontx f’sikkti. L-istonku kienli ħażin. Xrobt il-kamumilla sħuna; għalxejn. Xrobt l-ilma żahar; ħassejtni agħar. Barxa? Virus? Aċtu fl-istonku? Lit-tabib kont għedtlu li reġa’ għandi l-aċtu fl-istonku. Li kelli t-tqalligħ. Li ma nistax niekol, li anki r-riħa tal-ikel kienet qed tqallagħni. Imbagħad ftakart u għedtlu li l-period kien għadu ma ġinix. Kien tani ħarsa bħallikieku, mhux ovvja x’għandek, u ssuġġerieli nagħmel test tat-tqala. Infaħt tant kont naf li għalxejn. Kienu għejjewni dawn it-testijiet, kull darba bit-tweġiba bierda tagħhom li tgħid le meta kont bdejt nispera li iva. Wara l-aħħar wieħed kont qtajtha li ma nerġax nagħmel ieħor, hekk jew b’hekk testijiet iktar fil-fond kienu wrew biċ-ċar li tfal mhux se jkolli. Imma t-tabib kien insista u dħalt fil-loki tal-klinika nbul f’vażett tal-plastik bit-tapp aħmar. Ħadthulu, fetħu, deffes pipetta biex itella’ ftit mil-likwidu u qattru bil-galbu fuq plakka bajda li kien għadu kif ħareġ mit-tgeżwira tal-plastik tagħha. Kont ħsibtha karta tal-kreditu u bdejt nidħaq f’qalbi. Kollu ħela ta’ ħin. Wara ftit qalli, tista’ taqra x’hawn miktub hawnhekk? Ma rajtx kitba. Kien hemm biss salib aħmar fuq tieqa ċkejkna kwadra fin-nofs tal-karta tal-kreditu. Salib ifisser pożittiv? staqsejtu. Iva, weġibni, tqila. Nifraħlek. Għal żewġ sekondi fraħt imbagħad daħalli d-dubju li dat-test seta’ ma kienx preċiż. Imma t-tabib assigurani li kollox kien qed jindika li jien tqila. Erġajt fraħt, imma mbagħad bdejt inħossni ninħakem mill-inkwiet tal-kundanna li kienet għadha kif waqgħet fuqi: il-kundanna tar-responsabbiltà ta’ ħajja oħra. Żgur li mhux aċtu fl-istonku, erġajt staqsejtu? Xtaqtu jgħidli li iva, forsi aċtu kulm’hu. Imma tbissimli u reġa’ feraħli. Ma kienx intebaħ li l-aċtu kont nippreferih għax kull darba li jkolli l-ħruq fl-istonku, bejn wieħed u ieħor naf kif għandi nikkumbattih. Iżda dan ġa qed tħabbat qalbu, x’aktarx l-ewwel taħbita kienet illum, għax, ikkalkulajt b’lura, jekk jien verament tqila mela ġa ilu ġo fija ħames ġimgħat. Xi ħaġa żgur se tmurli ħażin u se nitilfu qabel ma nilħaq narah. Kien daħalli għal għarrieda, inkiss inkiss, u ’l ġismi għamlu tiegħu, u jien lanqas biss intbaħt bih. Mhux virus. Imma kelli nħallih jaħkimni minn ġewwa, jibdilni għalkollox, irrid u ma rridx. Għal snin twal bqajt nisfidaha lil ommi, bqajt ninsisti li tfal ma ridtx. Imbagħad meta ridt ma seħħ xejn. Ġie biss meta waqaft irrid u waqaft ma rridx, eżatt l-għada li ma baqax jimpurtani. Donnu kien jaf li aħjar hekk, għalija u għalih. Qagħad mistoħbi l-ġimgħat. Kelli nbul f’vażett tal-plastik bit-tapp aħmar tal-kamin biex nintebaħ bih. Jien u sejra lura d-dar battalt il-portmoni miż-żgħar fil-bott tat-tallab. Rari kont nieqaf intih xi ħaġa. Dakinhar niggżitni l-kuxjenza. Tbissimtlu. Xi darba anki dan kien aċtu fl-istonku ta’ xi ħadd.
L-iskrin għand il-ġinekologa kont stħajjiltu bħal meta nsuqu fid-dlam u l-wiper għaddej bil-mija jtajjar il-borra lejn naħa u oħra. Fin-nofs tal-iskrin, it-tabiba wrietni ballun tajjar, qaltli hawnhekk ir-ras, u biex tikkonvinċini semmgħatli t-taħbita mgħaġġla tal-qalb, mhux tiegħi, li nstemgħet iktar bil-mod, imma tiegħu. Stħajjiltni qed narah ixejjirli, jew itajjar ftit borra minn quddiem wiċċu. Mort lura d-dar bl-immaġni stampata tal-ewwel ekografija, li għadha sal-lum tfakkarni fil-windscreen fil-borra fid-dlam. Malli dħalt fil-kċina laqgħetni riħa ta’ tewm moqli u qlajt. Bdejt ngħid ’il xi nies li jien tqila u, fil-pront, ma baqgħux jaraw lili imma lilu. Jifirħuli għax inġorru, jitbissmuli, iċeduli posthom fuq it-tramm. Li kieku kont naf li se nibda ngħib ma kont ngħidilhom xejn. Jien u nimxi kont infakkar lili nnifsi biex nimxi dritta, ma nħallix it-toqol jgħawwiġni ’l quddiem. Imma fit-triq lejn il-pixxina darba minnhom tlift il-bilanċ u waqajt. Ġew jgħinuni tnejn inqum fuq saqajja. Minn dakinhar kompla jikber l-inkwiet li issa naf li ma kien se jitlaqni qatt. Kien ġieni l-ħsieb dwar il-flieles li konna nixtru fil-primarja, li sal-għada kont insibhom dejjem mejtin. Bdieli żmien id-dmugħ. Kien għad m’għandix isem għalih u ġa tliftu? Fl-iskrin, però, reġa’ deher kollox sew. Għedtilha, lit-tabiba, li dan ibni. Weġbitni, hi u titbissem, li għadu kmieni wisq. Għedtilha, dan ibni, u f’qalbi wissejtha, tmerinix. Qaltli, żgur trid tkompli? Għadek fil-ħin li tieqaf. Intbaħt li hawnhekk mhux bħal Malta, mal-iċken dubju jfakkruk li tista’ tneħħih. Mhux għalhekk, ukoll, kont tlaqt minn Malta? Biex inkun ħielsa minn djuq u rbit u piżijiet żejda? Imma niftakar li dak il-ħin li t-tabiba qaltli, bi tbissima, li nista’ neħles minnu, ridt inkisser kulm’hemm. Difrejja kinuli bil-lest ħa jbiċċru lil kull min jazzarda jiddeffes bejni u bejnu.
Qaltli, xi ftit ġimgħat wara, li, iva, tifel se jkolli. Did-darba, la tatni raġun, ma kontx weġibtha. F’moħħi smajt l-isem li kont sirt insejjaħlu bih. Sejjaħtlu u ħassejtu jagħti bis-sieq għall-ewwel darba. Wiċċi mfaqqa’, ħaddejja ħomor, għajnejja jitbissmu, sidri kbir u iebes. Dik bokka li ġa kelli bih! Li kieku stajt, kont inġorr standard bil-kelma OMM imberfla fuqu kull fejn immur. Omm. Jien omm. Bħal leħħa kienet ġietni f’moħħi l-immaġni t’ommi ttini pupa u tgħidli nieħu ħsiebha bħal tarbija. Kelli tliet snin. Pupa wara l-oħra, sena wara l-oħra, għadni nista’ nisma’ t-ton ta’ dispjaċir f’leħinha kull meta kienet iċċanfarni għax kont ninsisti magħha li ma rridx tfal. Mietet mingħaliha li kelmti kont se nżommha sal-aħħar. Issa kont se nsir omm. Kont omm diġà. Ara, ma, kuntenta issa? Tista’ tistrieħ.
7. Santa Gianna
Fil-Knisja ta’ San Ġorġ Martri — mhux wisq ’il bogħod minn fejn ġejt noqgħod ftit xhur ilu malli ntbaħt li ż-żwieġ tiegħi kien beda jixbah wisq lil dak t’ommi u anki ’l dak ta’ nannti u tlaqt ’il barra b’ħeffa liema bħalha — hemm ritratt ta’ mara li minn dejjem tfakkarni f’ommi. L-istess taħlita ta’ ferħ u diqa f’ħarsitha, l-istess pettnatura, l-istess qatgħa ta’ ħwejjeġ, l-istess kuluri. F’dirgħajha qed iżżomm tarbija. Naħlef li għandna ritratt fl-istess qagħda u poża ommi u jien meta kelli biss ftit xhur. L-ewwel darba li dħalt f’dil-knisja u rajt ir-ritratt fhimt li dir-rokna tal-knisja hi ddedikata kollha kemm hi lil dil-qaddisa, Santa Gianna Beretta Molla. Imbagħad sirt naf li ċ-ċentru pastorali, li jieħu isimha, jorganizza bosta attivitajiet is-sena kollha fil-qafas ta’ “Progetto Mamma”. Santa Gianna. Nitbissem. U jaqbadni l-bard. Jisimni Gianna proprju għaliha. Gianna Beretta Molla mietet fl-istess sena li żżewġu ommi u missieri. Kienet tabiba, imma aktar minn hekk, kienet mara ta’ fidi profonda u omm li ħabbret bil-ħajja tagħha l-qdusija tal-ħidma ta’ kuljum. Għexet kif ommi dejjem emmnet li għandha tgħix mara. Tagħmel l-ulied u żżomm il-familja magħquda. Matul ir-raba’ tqala tagħha, lil din Gianna sabulha fibroma fl-utru u tawha l-parir li ttemm it-tqala ħalli jikkurawha. Gianna, kif kienet tirrakkuntali ommi, b’qalb soda u b’sens qawwi ta’ dover, għażlet li tipproteġi lit-tarbija li kienet qed iġġorr, minkejja li bħala tabiba hi stess kellha għarfien sħiħ tar-riskju personali li kienet qed tieħu. B’ġentilezza li taf turi biss omm imma b’kuraġġ ta’ gwerrier l-aktar qalbieni, webbset rasha bi tbissima, kompliet bit-tqala u welldet tifla b’saħħitha. Iżda ftit sigħat wara bdiet sejra għall-agħar u f’temp ta’ ġimgħa għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Kien għad kellha 39 sena. Wara mewtha, l-aħbar dwar is-sagrifiċċju tagħha nfirex mal-pajjiż kollu u lil hinn. L-istorja tagħha waslet Malta malajr, kemm minn fuq il-pulpti fil-knejjes, u kemm fir-rivisti Taljani li kienet tħobb tixtri u taqra ommi. Għal ommi, li dak iż-żmien kienet proprju qed tħejji għaż-żwieġ biex tieħu l-ewwel pass fit-triq twila li kienet qed tara quddiemha bħala mara miżżewġa u eventwalment bħala omm, is-sagrifiċċju ta’ Gianna kien xhieda ta’ mħabba mingħajr tarf, u baqgħet devota lejha. Kemm ferħet meta semgħet, fl-2004, li Gianna ġiet ikkanonizzata bħala mudell ta’ qdusija għas-seklu l-ġdid, bħala simbolu tal-omm u eżempju ċar ta’ kif mara tista’ tissagrifika ruħha għal dak li temmen fih. Dan huwa l-attiviżmu femminist żlugat għall-aħħar li għaddietli ommi. Li l-mara hi b’saħħitha għax kapaċi tissagrifika lilha nnifisha. Is-saħħa ġejja mill-kapaċità li xxejjen lilha nnifisha. Għax ir-rebħa tiġi wara, bil-premju li jgħaddilha Alla stess.
Nitbissem jien u nħares lejn ir-ritratt ta’ Santa Gianna. Għadni nsibha diffiċli naħseb fil-qaddisin mingħajr it-togi, il-velijiet u t-terħiet imma bl-ilbies minn żmien ommi jew minn żmieni stess. Fil-knisja, faċċata tar-rokna ta’ Santa Gianna, hemm dik imżejna dal-aħħar għal qaddis ħafna iktar riċenti, iż-żagħżugħ Carlo Acutis, imsejjaħ l-influencer ta’ Alla. Inqatta’ ħafna ħin inħares lejn Gianna. Lejn Carlo ma nħarisx għax jinnervjani. Ma nafx kien jaqbilx miegħu dal-għaġeb kollu li jagħmlu dwaru. Niċċassa lejn Gianna mhux għax ma tinnervjanix jew għax tagħti lemħa kbira lil ommi, imma għax b’għafsa ta’ qalb jgħaddili l-ħsieb li ommi għexet bl-aspirazzjoni li bit-tjubija u s-sagrifiċċji tagħha, bl-imġiba tagħha ta’ qaddejja ta’ Alla, għad xi darba anki hi tiġi bbeatifikata. Nistħajjel li xtaqet tkun hi wkoll l-omm li lesta tagħmel kollox għal uliedha, li tagħżel li tmut hi biex ma jmutx il-wild li tkun tqila bih. Gianna hija waħda mill-ħafna qaddisin nisa u qaddejja ta’ Alla li bdew ifaqqsu bħala reazzjoni għall-fatt li d-diskors dwar il-kontraċezzjoni u l-abort kien infetaħ sew, meta l-enfasi fid-diskors mediku beda jxaqleb ħafna iktar lejn is-saħħa tal-mara, tal-omm, milli dik tat-tarbija. Dawn in-nisa li xorta baqgħu jwebbsu rashom bdew jissejħu gwerrieri favur il-ħajja tal-ulied akkost ta’ kollox, il-gwerrieri fl-armata li tiġġieled kontra dawk li jisħqu li l-aċċess għall-abort huwa dritt u għandu jkun legali u sikur. Kontra dawk li jpoġġu l-għażla għall-ħajja tagħhom qabel dik tal-ħajja li għadha ħa tibda. Wiċċ Santa Gianna huwa l-wiċċ tal-omm kif, skont ommi u oħrajn bħalha, għandha dejjem tkun l-omm, dik li tpoġġi saħħet uliedha qabel saħħitha, anki jekk il-wild għadu ma twelidx. Il-wiċċ tal-mara kif għandha tkun kull mara, li taqdi r-rwol tagħha bħala omm u tagħmel l-ulied, tindukrahom, tikkurahom. Wiċċ Santa Gianna jippersegwitani. Dik il-ħarira tbissima fuq wiċċha, qisha ġa taf li iktar ’il quddiem se tagħti ħajjitha għall-wild li jmiss, jifferuċjani. Bħal wiċċ Chiara Corbella Petrillo, imsejħa t-tieni Gianna Beretta Molla, bit-tbissima mċarrta fuq wiċċha minkejja li ġisimha qed jiġġarraf kollu għax għażlet li ma tiħux ħsieb tagħha nnifisha qabel ma twelled il-wild li kellha f’ġufha. Sirt naf bl-istorja tagħha malli mietet, kont wasalt fil-ħames xahar tal-unika tqala tiegħi, u kont twaħħaxt għax bdejt naħseb bħalha sa ma daħalli l-ħsieb dwar x’se jiġri mit-tarbija li tasal fid-dinja b’dal-mod krudil. Bħal wiċċ Maria Cristina Cella, u wiċċ Deborah Vanini li mietet m’ilux, it-tnejn meqjusin qalbiena għax huma wkoll għażlu li jmutu biex il-wild tagħhom jgħix. Wiċċhom donni narah stampat kull fejn immur, ta’ xejn li ppruvajt naħrab minnha dil-propaganda. Dal-wiċċ jippersegwitani għax huwa l-wiċċ tas-sentiment u t-twemmin li ġejt indottrinata fihom sal-punt li bdejt naħseb li ġejjin minni, huma tiegħi, huma jien. Trabbejt ngħix, trabbejt nemmen, li sa ma noħroġ tqila u nibda nferra’ l-ulied se nkun qed ngħix bil-ħtija ta’ ħajja mhux mgħixa kif mistenni minni. Lil ommi kont inħobbha. Lil ommi ma kontx nobdiha. Lil ommi kont nisfidaha u nagħmel fattija. Imma għal kull sfida kont inġorr fija nnifsi ċnagan ħtija. Snin sħaħ bqajt nisfidaha li tfal ma rridx sakemm mietet hi u l-ħtija ħakmitni u kissritni. Biex insib il-mistrieħ kelli nagħmel l-ulied. Biex insir dik li minn dejjem jien, kont u għad inkun, kelli nsir l-omm li hemm miktuba għalija. U jekk nimrad waqt it-tqala, kont anki lesta li mmut jien biex ibni jgħix.
8. Irridu kollu ma rridu xejn
L-aħħar xhur tat-tqala kont qattajthom inħejji għall-ewwel snin ta’ ibni. Inżilt bih f’ġufi Malta u għallimtu l-kelmiet “xemx”, “baħar”, “ramel”, “mistrieħ”. L-ilsien tiegħi se jkun ilsienu; b’ħalibi se nisqih. F’dirgħajja se nbennu u b’dirgħajja nipproteġih. B’subgħajja se mmellsu, b’leħni nwennsu. Did-dinja tant kbira madwarna, imma d-dinja tiegħu se tkun l-ewwel jien. Qatt qabel ma kont ferħana hekk, ġimgħa wara l-oħra bla waqfien. Fejn marru t-tumbati fil-burdati? Bih f’ġufi kont sibt il-mistrieħ, kienli l-ferħ, kien kollox għalija bħalma jien kont kollox għalih. Ma kellux kwiet. Kompla jikber. Beda jitqal. Bdejt nikber fil-wisa’. Bdejt negħja. Bdejt nimxi dejjem iktar bil-mod. Bdejt ninbaram dejjem iktar ’il quddiem. Fis-sodda biss kont qed insib is-serħan. Mimduda kont indoqq il-mużika u nżomm il-pali ta’ jdejja fuq żaqqi u mid-daqqiet ta’ saqajh kont nifhem liema kanzunetta togħġbu liema le. Imbagħad lanqas is-sodda ma baqgħet tagħtini serħan. Fl-aħħar jiem kont sirt xkora ġebel, ħassejtni se nixpakka. Dal-bidu kienli bla tmiem. Ridtu joħroġ. Joħroġ. Minn ġo fija. Issa. U meta ħarġuhuli b’ċesarja rajtu vjola. Ġildtu kienet vjola. Wiċċu mgħaffeġ f’bikja sa ma serrħuh fuq sidri. Dawwart dirgħajja miegħu u għedtlu, ħanini, m’jien se nitilqek qatt.
Fl-ewwel jiem sfaritlu l-ġilda, ħalibi ma ġibdux. Kont sqejtu tant tajjeb għal xhur sħaħ; niekol jien, jiekol hu. Naf li l-ħlewwa jħobbha daqsi imma l-ħwawar ma jridhomx, waqaft nikolhom minħabba fih. Ixrob, ixrob, sabiħ tiegħi. La kafè u lanqas te ma bqajt nieħu, għax kont naf x’burdata se jkollu hu jekk nixrobhom jien. Imm’issa, għax barra, bħal donnu ma jafnix, ma nafux. Erda’, ħanini, erda’ ħa tgħix. Ridtu jixrob ħalibi għal sena, sentejn, għal tlieta, nieqfu biss meta jasal iż-żmien. Mhux hekk, mhux wara biss tlett ijiem.
Kien hemm wisq nies bejni u bejnu, jgħiduli x’għandi nagħmel bih. Ridtni waħdi miegħu, ridtu fuq sidri, ridt inraqqdu miegħi, hu ċkejken imma ma kontx se ngħaffġu. Ridt inkompli nkun imwaħħla miegħu biex nipproteġih. X’kelli bżonnhom il-pariri? Jien ommu, suppost naf xi jrid. Imma le, kelli nitgħallem kollox mill-ġdid.
Il-burdati kienu ġew lura bit-tumbati b’kollox. Qalbi tingħafasli ma’ kull bikja. Żmien il-qilla kien ilu li għadda u kont dħalt sew fi żmien l-għeja u n-nuqqas ta’ rqad. Is-siegħa ta’ filgħodu. L-erbgħa ta’ filgħodu. Nixtieq norqod, ħanini, nokroblu. Orqod. Ħallini norqod, għandi wisq ngħas.
Niftakarni nixtieq dak kollu li ma stajtx nagħmel iktar. Nixtieq noħroġ mixja. Nixtieq immur inbul. Nixtieq immur ninħasel. Nixtieq niekol bil-kwiet. Nixtieq naqra, nixtieq nikteb. Nixtieq niżżagħbel mingħajr ħsieb. Nixtieq nagħmel xi ħaġa li hi biss għalija, xi ħaġa li ma tinkludihx. Nixtieq nibqa’ rieqda siegħa waħda oħra fil-kwiet. Ma stajtx. Niftakarni nixtieq il-ħeffa, kont mingħalija t-tqala kienet spiċċat. Dik il-ħeffa qatt ma reġgħet ġiet. It-toqol issa f’moħħi. Ridtni waħdi, għal ftit, għal ftit biss. Narah jitbissem u qalbi tfur. Narah jolfoq, kont inkun se mmut. Din il-ġostra ladarba tibda qatt ma tieqaf iddur. Għadha ddur. Naħlef li qatt ma waqfet. Irrid ninżel, għal ftit, kemm nieħu nifs. Hemm ġranet fejn it-tidwir ikompli jżid.
Imbagħad jiġu nofstanhari fejn narana mixħutin fuq il-ħaxix, jien u ibni, reqdin. Ix-xemx dieħla u ħierġa, tinki. Nofsna reqdin, mitluqin, għajjenin. Nipprova niftaħ għajnejja imma jerġgħu jingħalqu waħedhom. Tħeddil mingħajr għeja. Għandi xi ftit memorji sbieħ minn dawn. Niftakar f’lejl minnhom, rieqda mgħannqa ma’ ibni, meta ħlomt b’kelma li biha stajt nagħmel kollox. Tampuka. Bħal lampuka imma bit-T. L-għada waranofsinhar ix-xemx kienet ħarġet qawwija u mxejt sal-bajja bih f’dirgħajja, u t-toqol ma ħassejtux. Inxtħett fuq ir-ramel niedi leqqien faċċata ta’ fortizza msakkra li fakkritni fid-dar imsaħħra tal-Mara bl-Iswed. Qed narani mmelles wiċċ ibni, imma ħarsti ’l fuq, nilgħaq ix-xemx għax mixtieqa minnha. Huwa wkoll mixħut fuq il-kutra mifruxa fuq ir-ramel, imma wiċċu jdawru n-naħa l-oħra biex jevita x-xemx għax ix-xenqa għaliha ma jafhiex. Ix-xemx jobgħodha. Id-dawl idejqu. Ibni vampir, naħseb, u nitbissem. Id-dija tpeċpiċlu għajnejh u jibda jagħtas waħda f’waħda. Jiġġebbed bil-mod biex jiġi jorqod fuq ħoġri, ifittex serħan mid-dija. Jintelaq għall-għażż. Jien nixtieq inċedi wkoll. Kont ilni tlett ijiem inqum kmieni norqod tard. Dakinhar kien Jum l-Omm imma omm iktar ma kellix. Ħassejt l-għafsa li nħoss kull darba li tiġini x-xewqa li nċemplilha, li nkellimha, u nintebaħ li qatt m’jien se nissodisfaha. Tampuka. Tampuka. Għalxejn. Xewqa li tnawwar u timmoffa għax ma naqtagħhiex. Allura xtaqtni bilqiegħda fuq terrazzin faċċata tal-baħar, nixrob it-te bil-mod u ngawdi ż-żiffa, niċċassa lejn in-nies jippassiġġaw ħafjin ibillu saqajhom fl-ilma nġazzat. M’għamilthiex, imma kont naf li nista’. Dakinhar ħassejtni nista’ kollox. Bqajt fejn kont. Ix-xemx inħbiet wara sħaba u qam ir-riħ. Ħassejtu kiesaħ ma’ ġildti. Kienu għaddew is-sigħat sa ma ntbaħt li dik is-sena, għall-ewwel darba, Jum l-Omm kien jgħodd għalija bħala omm mhux bħala bint. Erġajt tbissimt u komplejt immelles ras ibni. Niftakar li kien raqad fit-tul u meta stenbaħ, tbissimli lura.
M’għadx ikolli ħin biex nikteb dwar il-ġranet li jgħaddu minn fuqi, minn taħti, minn madwari, minn ġewwa fija. Il-ħin ma niktbux iktar. Fil-ħajja ta’ qabel sirt omm kont ngħaddi ħini ngħixu u niktbu, naqrah u nerġa’ ngħixu, ngħixu bil-ħsieb ta’ kif se nikteb dwaru iktar tard dakinhar, liema ħsibijiet u emozzjonijiet se nislet biex insawwarhom fi kliem miktub b’idi li ma mmurx ninsiehom. M’għadx għandi dak il-lussu. Niftakar eżatt meta tliftu, meta nsteraqli. Ma għaraftx dakinhar li qatt m’jien se nerġa’ nġibha lura dik il-libertà. Ma kontx naf li kelli xi tip ta’ libertà ħlief meta tliftha. Għadni sal-lum nistennieha tiġi lura. Qed nifhem li tliftha għalkollox, avolja nissielet biex inġib farka ħjiel tagħha jum wara jum. U sena wara l-oħra nintebaħ biha meta nħoss ix-xekel jerħi ftit minn ma’ sidri, minn mal-istonku. U nifraħ. U nibqa’ nifraħ sa ma ninduna li x-xekel inħall biex jagħmel il-wisa’ għal xekel mod ieħor. Kull żmien iġib miegħu piż ġdid. Il-piż ta’ qablu mhux veru jiħfief, jinħass eħfef għax nilħaq nidrah, nidrah biex insir niflaħ għal iktar toqol, dejjem iktar toqol. Hekk nifhem x’inhu mistenni minni. Li nerfa’ toqol li ħadd ma avżani li jaf jagħti l-każ li ma nifilħux, li mhux maħsub għalija, li ma nixtieqx nibqa’ nerfgħu fit-tul.
Qed ngħib. Qed insir hu. Għalih. Bħalma rajt ’l ommi tgħib biex issir jien, għalija. Kienet tant kburija li kapaċi tispiċċa fix-xejn għal min tħobb. Mhux jien. Mhux jien. Ma rridx nispiċċa fix-xejn. Fejn jien? Kif se nġibni lura? Irrid inwebbes qalbi biex terġa’ tħabbatli mill-ġdid. Ħanini. Inħobbok. U l-ewwel int. Imma t-tieni u t-tielet u r-raba’ u l-bqija huma kollha jien. Minn kollox se nagħmel biex ma joħodhomlix. U la nerġa’ nsibni wieqfa fuq saqajja, se jara b’għajnejh x’saħħa għandi. Dis-saħħa għalija, imma wkoll għalih.
Ħaditli s-snin biex ġibt ftit minn saħħti lura. Iva. Illum inħossni rġajt qomt fuq saqajja. Erġajt b’saħħti imma mhux daqskemm kont għax ilħaqt kbirt anki fl-età. B’saħħti, imma mhux kuljum, għax il-biżgħat baqgħu jikbru bħalma kiber hu, u bħal ibni saruli m’ogħl’hawn. Ara x’dell ikrah jitfgħu fuq il-ħitan. Hemm jiem li jfakkruni fil-qilla li kelli fix-xhur tat-tqala. Ta’ dawn inpatti qares meta l-ħitan jibdew jagħfsu fuqi. Nilheġ biex nerġa’ nibda nieħu n-nifs. Intiegħem l-aċtu fuq ilsieni malli jgħaddili l-ħsieb li f’kull mument xi ħaġa tista’ tmur ħażin u nitilfu għalkollox. Kemm ommijiet bkew it-telfa ta’ wliedhom? Kuljum imut wild. Kuljum. Kull ħin. Ħadd ma avżani li dan hu xi jfisser li tkun omm. Li kieku kont naf ma kontx nidħol għaliha dil-biċċa xogħol. Nitwaħħax li kieku jkolli nerġa’ nibda mill-ġdid. Niżżarma minn ġewwa jekk hemm bżonn. Ja belha, insieh l-istandard bit-tberfil, u mur tmiegħek fir-rokna b’denbek bejn saqajk. Dal-inkwiet se jsirli barxa fl-istonku, se jmarradni, se joqtolni qabel iż-żmien.
Irridu kollu. Ma rridu xejn. Daċ-ċokon wasal biex fgani, irrid il-ftuħ, irridni ’l bogħod. Għaliex ħadd qatt ma qalli dwar dan l-infern? Kultant jgħaddili l-ħsieb imniegħel, mhux li kienli biss ftit aċtu fl-istonku dakinhar.
9. Li kien għalija
Ommi kienu ħamsa, kollha għexu ħajja twila. Missieri kienu tnax li għexu sa xjuħithom, u kważi kollha qabżu d-disgħin. Iżda n-nanna, omm missieri, kienet ħobla u welldet b’kollox ħmistax-il darba. Minn dawn mitulha tlieta, wieħed qabditu s-suffejra u miet wara ġimgħa, oħra mietet fil-benniena wara xahar, ħadd ma sar jaf il-kif u l-għaliex, u tifel ieħor, ta’ qabel tal-aħħar minnhom kollha, kien għalkollox f’saħħtu li kieku ma trembillux il-kurdun m’għonqu u ma fagax hi u timbuttah ’il barra. Meta waslu biex jagħmlu t-tfal il-ġenerazzjoni ta’ ommi, missieri u ħuthom, għal raġuni jew oħra, li ma naħsibx li jinkludu l-użu tal-kontraċettivi għax kollha kienu tal-knisja, l-ebda minnhom ma kellhom iktar minn żewġt itfal. X’aktarx, apparti dawk li baqgħu bla tfal kontra xewqithom, kellhom biss wieħed jew tnejn għax wara li laħqu n-numru mixtieq tal-ulied jew bdew iżommu lura u waqfu jniku, jew sabu xi mod ieħor kif jagħmlu mingħajr sogru. Ma nistax nimmaġinahom isegwu l-pariri dwar il-prattiki tal-ippjanar naturali tal-familja, ma nista’ nimmaġina l-ebda miz-zijiet tkejjel ta’ kuljum it-temperatura ta’ ġisimha u tifli sew il-konsistenza tal-muku minn bejn saqajha, u tagħmel biss fil-ġranet imsejħa “infertili”. Fil-każ t’ommi, kienet korriet tlieta jekk mhux erba’ darbiet qabel żammet bija. U l-korriment li reġa’ kellha wara li twelidt jien kważi qatilha. Irnexxielha ssalva iżda t-tabib, b’dispjaċir, infurmaha li ma setax ikollha iktar tfal. M’għandix dubju li riedet iktar minn wild wieħed. Tnejn żgur, forsi tlieta. Imma ma naħsibx li kienet qed timmira għal għaxart itfal jew ħmistax meta kienet għadha qed toħlom li tiżżewweġ u ssir omm.
Meta mbagħad kien imiss lilna jkollna t-tfal, bejnietna l-kuġini għamilna wlied bilkemm trid par idejn biex tgħoddhom fuq subgħajk. Meta fl-aħħar inqbadt tqila jien ħassejtni nistrieħ li dmiri għamiltu u lill-umanità offrejtilha wild, iżda din ma rringrazzjatnix lura, anzi fakkritni li biex inkun għamilt dmiri tassew kont mistennija noffrilha mhux wild wieħed biss imma tal-inqas żewġ ulied punt wieħed, inkella nibqgħu taħt ir-rata medja meħtieġa għas-sostituzzjoni tar-razza minn ġenerazzjoni għal oħra. Naħlef li kont għadni nisma’ leħen ommi jidwi f’rasi, ifakkarni fid-dmirijiet tiegħi. Niftakar li kien hemm żmien meta dil-ħtija, li ż-żmien kien qed jagħfas u kont għadni għamilt tifel wieħed biss, kienet tniggiżni xi ftit u mhux darba jew tnejn bdejt naħsibha nippruvax għal wild ieħor. Sa ma verament bdejt nifhem xi tfisser li trabbi iben, speċjalment meta l-missier jibda jintelaq, u jippretendi li ma’ ibnu tieħu ħsieb tiegħu wkoll. Wild wieħed diġà kien piż enormi fuq spallejja, toqol li beda jgħaffiġni, jgħawwiġli dahri u jxejjinni, u fhimt li tqala oħra kienet se tkissirni kollni. Ġejt għalhekk nitnejjek mir-rata medja u mid-dmirijiet, ġejt naqa’ u nqum miż-żwieġ u l-familja u mit-tkomplija tat-tnissil tal-ulied. Lir-razza bgħattha tieħdu f’sormha la kienet titnejjek minn dak kollu li kont ġa qed inġarrab jien. Webbist rasi u rassejt kuxxtejja flimkien. Erġajt bdejt nilbes il-qalziet. Imbagħad ġbart ħwejġi u ħwejjeġ ibni u lebbitt ’il barra mid-dar ta’ familti kif qatt ma kellha l-gazz tagħmel ommi, u kif qatt ma setgħet tagħmel ommha.
Illum, meta nħares lejn uliedna, ma noħodhiex bi kbira li ħadd minnhom mhu se jagħżel li jkollu t-tfal. U nifraħ. Il-mexxejja madwar id-dinja jagħtu fuq wiċċhom li r-rata tal-fertilità wisq baxxa — terġa’ ta’ Malta u l-Italja huma fost l-iktar baxxi — li m’aħniex qed nagħmlu biżżejjed ulied biex il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni ma jkomplux jixjieħu, ma jkomplux jiċkienu, u jien nifraħ. Nifraħ li forsi, sa fl-aħħar, did-dinja tinħeles mis-saħta tal-bniedem, tiġi fuq saqajha u terġa’ tibda tħaddar. Imma xorta, mid-dehra, għad iridu jgħaddu l-eluf ta’ snin li kellu jiġri dan. Nifraħ ukoll li forsi b’hekk, sa fl-aħħar, bilfors ikollhom isibu mezzi artifiċjali kif it-trabi jinħolqu mingħajr il-bżonn li jinħakem ġisem il-mara, mingħajr il-bżonn li mara ssir omm. Ilna iktar minn seklu niktbu u nfantsu dwar il-possibbiltà tal-ektoġenesi. Ħloqna stejjer fantastiċi fejn il-proċess kollu, idealment aċċellerat, mill-konċezzjoni u l-ġestazzjoni sat-twelid, stħajjilnieh iseħħ mhux fil-ġisem tal-mara imma f’buqari tal-ħġieġ, fi ġwief mekkaniċi, f’inkubaturi kollhom pajpijiet taħt kontroll assolut, f’sistemi industrijali ta’ riproduzzjoni li jippermettu wkoll — għaliex le? — modifikazzjoni ġenetika biex, la nkunu wasalna s’hawn, nistgħu anki neħilsu mill-mard u forsi ngħixu sa mitejn sena flok sa disgħin. Kultant dawn l-istejjer sejjaħnielhom distopji. Kultant, però, nistħajluhom l-aqwa tweġiba għal dak li ħafna jħossu li għandna bżonn — iktar u iktar u iktar tfal. Però dejjem ikolli l-impressjoni li huma l-irġiel, dawk li qatt ma kellhom iġorru wild f’ġisimhom stess, li l-iktar iħambqu dwar il-bżonn li jħallu warajhom legat u l-bniedem ma jsirx speċi estinta. Jibqgħu ma jistgħux ifantsuha lid-dinja mingħajrna fiha. Ħuduhom, mela, la triduhom. Imma araw intom minn fejn se ġġibuhom. Lis-Sbejħa tqajmuhiex; ħalluha rieqda f’sodditha siegħa oħra fil-kwiet.
Jisimni Gianna. Jien bint, jien mara, jien omm. Imma li kien għalija qatt ma żżewwiġt u qatt ma kelli tfal .