F’Jannar li għadda, wara li ħarġet l-entrata mid-djarju tiegħi dwar il-mixi inutli, irċivejt mingħand Davinia. Peress li rat li semmejt lil Sebald — fejn għedt li n-narrattivi partikolari tiegħu jogħġbuni għax ma jidħlux kexxun f’kategoriji u ġeneri letterarji diġà stabbiliti — bagħtet tissuġġerili naqra l-ktieb ta’ Jane Alison, Meander, Spiral, Explode (2019), dwar forom inqas maskili ta’ kitba u narrattiva. Bdejt naqrah. Il-ħsieb warajh għaraftu sew. Jekk nersqu lejn il-kitba ta’ xogħol ġdid mill-premessa li hemm struttura jew forma waħda li fuqha għandna nibbażaw, ix-xogħol se jkun imnawwar minn għeruqu. Fil-fehma tiegħi, il-kitba tibda mill-ħolqien, mit-tfassil tal-istruttura stess. Jekk se nuża l-metafora tal-insiġ biex nispjega l-idea tat-test u tat-tessitura li jinħolqu mill-kitba, mela se nibda billi l-ewwel infassal newl apposta li bih nista’ ninseġ dil-kitba ġdida, l-għodda nnifisha li biha se naħdem. Il-ħjut ma mmurx nixtrihom lesti imma se nara kif nista’ noħloqhom jien, mill-materjal li nagħżel jien, bl-irquqija jew il-ħxuna li nagħraf li se jkolli bżonn. Jane Alison titkellem ħafna dwar it-tessut tal-kitba u l-enfasi tagħha huwa fuq il-forma, id-disinn, li ssegwi n-narrattiva. Tradizzjonalment, drajna naraw il-qaws jew il-mewġa bħala l-forma ideali — bit-tlugħ, il-climax u l-inżul — li fuqha jinbena l-plott tar-rumanz u l-iżvilupp tal-persunaġġi, disinn li lil Alison ifakkarha fl-orgażmu tar-raġel, iżda li huwa għalkollox aljen minn dak tal-mara. Ma nixtieqx nidħol fid-disinji differenti tal-orgażmu skont il-ġeneru, u lanqas nixtieq li nispiċċa neħel fuq il-binarju tal-letteratura maskili/femminili — argument li żgur kien hemm skop għalih meta deher l-artiklu ta’ Hélène Cixous “Le Rire de la Méduse” fl-1975, fi żmien it-tieni mewġa femminista u li jibqa’ validu ladarba jinfetaħ għal kitbiet li mhumiex neċessarjament marbutin ma’ ġeneru, jew ma’ dawn it-tnejn biss. Anki għax għalija mhux partikolarment importanti li l-letteratura u l-orgażmu, ikun ta’ min ikun, isegwu l-istess trajettorja. M’hemmx għalfejn jitqiesu bħala forom paragonabbli ta’ pjaċir. Sibtu ħafna iktar affaxxinanti l-argument li Alison użat bħala bażi għal tagħha, jiġifieri dak ta’ Peter S. Stevens (Patterns in Nature, 1974) fejn jidentifika l-forom u d-disinji varji preżenti fid-dinja tagħna — bħaċ-ċrieki, l-ispirall, il-linji mmewġa, id-disinn ta’ splużjoni, id-disinn bħal tax-xehda tan-naħal — u kif dawn insibuhom irreplikati kullimkien madwarna. In-narrazzjoni, turina Alison bl-eżempji li timla l-ktieb tagħha bihom, tista’ tibbaża fuq kull waħda minn dawn id-disinji. Il-mod kif il-qarrej jesperjenza dak li qed jaqra jiġi ddeterminat iktar mill-istruttura li fuqha jibbaża r-rakkont milli mid-dettalji tar-rakkont innifsu.
Fl-istess jum li kitbitli Davinia rċivejt messaġġ mingħand Kurt li qalli li meta qara din l-istess entrata tad-djarju tiegħi dwar il-mixi għaddielu minn rasu li x’aktarx ikun jinteressani l-ktieb ta’ Frédéric Gros, Marcher, une philosophie (2011). Kien kważi ċert li naf bih u li diġà qrajtu, iżda le, ma kontx għadni wasalt għalih u veru apprezzajt li bagħat jgħidli dwaru peress li bħalissa qed nagħmel lista ta’ kotba li rrid naqra relatati mal-mixi. U dan ta’ Gros huwa ġojjell ta’ ktieb għax iġiegħlek tintebaħ li, int u taqra l-kitbiet ta’ nies bħal Rimbaud, Thoreau, Rousseau, Nerval, Nietzsche, Wordsworth u oħrajn, ma tistax tinsa x’kien ifisser għalihom il-mixi, u kemm il-mixi (enerġetiku fil-każ ta’ Nietzsche, rilassanti u regolari għal Kant, irrabjat u bħal ħarba fil-każ ta’ Rimbaud, eċċ.), il-ħsieb u l-kitba jmorru flimkien. Dawn il-ħassieba-kittieba kollha kemm huma donnhom tal-istess fehma: “Itlaq il-kotba minn idejk u oħroġ ’il barra. Mur imxi u ħallik mill-kitba ta’ ħaddieħor.” Għandi ħabta nogħxa naqraha kitba bħal din. Imma kultant, meta ninduna li għaddiet ġurnata sħiħa u bqajt ma ħriġtx mid-dar biex nilħaq illesti kollox u nsib ħin naqra u nikteb, inħossni niddispra. Jekk nobdi l-ordni li tgħidli mmur nimxi, fil-pront nikser it-tieni waħda li tgħidli biex ma nintrabatx wisq mal-kotba li naqra. Weħilt f’din id-dilemma. Moħħni biex naqra kitba dwar il-mixi miktuba minn ħassieba li kienu jimxu bejn sitta u tmien sigħat kuljum imbagħad b’xi mod kienu jsibu wkoll ħin biżżejjed biex jiktbu dwar dan u dwar dak kollu li qanqalhom u ħassibhom huma u jimxu fil-kampanja u jitilgħu l-għoljiet. Imma jien biex naqra kitbiethom ma nsibx ħin noħroġ mixja, imqar nofs siegħa kuljum.
Ftit jiem ilu, meta kont Malta, irnexxieli nagħmel mixjiet ftit itwal mis-soltu. Kelli f’rasi nimxi l-mixja li fuqha qed nibbaża l-kitba ta’ bħalissa, li tgħaqqad flimkien iż-żewġ rotot tal-mixjiet li kont nagħmel mal-ġenituri tiegħi fil-Ħdud xemxin tax-xitwa meta kelli bejn sebgħa u tnax-il sena. L-ewwel mixja hija dik mid-dar tagħna ħdejn il-bandli ta’ maġenb l-iskola ta’ Birżebbuġa sa Ħal Far (fl-inħawi ta’ fejn kien miexi Cisse Lassana meta nqatel fl-2019) jew Għar Ħasan, nimxu dejjem l-eqreb li nistgħu tal-baħar. Inkella mid-dar, ninżlu lejn San Ġorġ, nitilgħu Borġ in-Nadur fejn konna mmorru niġbru l-fjuri tal-kamumilla biex innixxfuha, u mbagħad nerġgħu ninżlu sal-Bajja ta’ San Ġorġ u nibqgħu sejrin lejn il-Qajjenza sa ma naslu Marsaxlokk. Waqt li mixjin, missieri kien ikun qed jisma’ l-kummentarju tal-futbol Taljan fuq ir-radju u jien u ommi konna nimxu flimkien, dejjem ftit passi wara missieri għax kien iħobb jimxi jgħaġġel, dejjem qisu qiegħed tard. Jekk ngħaqqadhom flimkien dawn iż-żewġ rotot bħal donni nifrex il-ġeografija tar-rumanz li qed nikteb fuq il-medda bejn Għar Ħasan u l-Kalanka. Iżda, minkejja li matul l-aħħar btala Malta nżilt Birżebbuġa darbtejn, dil-mixja li kelli ppjanata ma rnexxilix nimxiha kollha u se jkolli nagħmilha meta nerġa’ nkun hemm. L-ewwel darba li nżilt, ma’ Joe u Omar, waqafna l-ewwel fil-Mużew ta’ Għar Dalam. Għaddejna mill-kmamar miżgħuda vetrini għadam u snien, ħriġna fuq il-ġnien ta’ wara nittawlu lejn Wied Dalam minn fuq bank miżbugħ aħmar u mbagħad dħalna fl-għar innifsu aħna u ntaqtqu dwar iż-żewġ sinniet tawrodontiċi li sab Giuseppe Despott. Wara Għar Dalam imxejna sat-tempju Megalitiku ta’ Borġ in-Nadur. Qgħadna bilwieqfa f’nofsu u ppruvajna nistħajlu kif seta’ kien imżejjen il-ġebel li issa għeri għalkollox. Morna sal-fdalijiet tal-ħajt minn Żmien il-Bronż, viċin ta’ fejn hemm is-salib u l-istatwa tal-Madonna fuq l-għolja ta’ Borġ in-Nadur, u stagħġibna bil-wisa’ tiegħu. Fuq dil-għolja xi darba kien hawn villaġġ u dal-ħajt kien inbena biex jipproteġih. Huwa l-eqdem fortifikazzjoni mibnija mill-bniedem li għandna fil-gżejjer tagħna. Għoxejt bid-deskrizzjonijiet ta’ Omar ta’ kif x’aktarx kien il-pajsaġġ eluf ta’ snin ilu, ħallejthom jitħalltu ma’ dak li kont qed nara madwari b’għajnejja. Aħna u niżlin lejn il-Bajja ta’ San Ġorġ dħalna fi Ġnien il-Paċi u qgħadna bilqiegħda fuq bank għall-kwiet. It-tieni darba nżilt Birżebbuġa ma’ Samuel għax xtaqtu jsir jaf dwar fejn qattajt it-tfulija tiegħi. Ma’ Samuel imxejt minn Wied il-Buni — fejn stajt nagħraf fil-blat xquq u ġebliet li baqgħu l-istess tul dawn is-snin kollha — sal-ġnien ta’ San Ġorġ fejn missieri kien ħadli ritratt fuq bank nilgħab bir-Rubik’s Cube meta kont eżatt l-istess età ta’ Samuel. F’dar-ritratt kulħadd jgħidli li wiċċ Samuel għandi, u kemm jien u kemm hu nifirħu meta nisimgħu hekk. L-aħħar mixja li għamilt Malta kienet il-mixja-esej li organizzajna jien u Joe flimkien ma’ Omar madwar l-inħawi ta’ Bur Mgħeż. Dakinhar tlaqna mill-pjazza tal-Imqabba u mxejna, f’xemx tisreġ, sal-barrieri li tant jissemmew fl-esejs ta’ Omar dwar is-sit Neolitiku minsi, mirdum taħt ir-runway. Qatt ma kont nobsor li se nemozzjona ruħi daqshekk jien u nħares lejn barriera. L-esejs ta’ Omar biddluli l-mod kif inħares lejn il-qtugħ fil-blat. Fejn qabel kont nara ferita ddemmem, issa nilmaħ vrus minn poeżija.
Dakinhar kien hemm Kurt ukoll, u wara l-mixja bqajna nitkellmu u rġajna semmejna l-ktieb ta’ Frédéric Gros dwar il-mixi bħala filosofija. Kurt staqsieni x’inhu dwar il-mixi li qed jinteressani għall-kitba tiegħi u weġibtu li nixtieq nikteb dwar il-mixi fit-tul u fl-imbiegħed, bħalma kitbu bosta kittieba u ħassieba kbar li għarfu l-importanza li titlaq mill-għeluq tal-belt u timraħ fil-ftuħ tal-kampanja biex tħossok ħaj u ħieles u tibda taħseb. Iżda aktar minn hekk, nixtieq nikteb dwar xi jfisser meta l-mixi solitarju fl-imbiegħed isir minn mara, minn persuna trans, minn persuna queer, minn xi ħadd li huwa iktar vulnerabbli minn raġel li qatt ma ħass li l-mixi solitarju jista’ jkunlu ta’ periklu. Għax f’dal-każ, għadna ferm ’il bogħod milli nistgħu ngħidu li l-ġeneru ta’ min qed jimxi ma jagħmilx differenza. Dan huwa saff li Gros ma jqisux, tant li n-nies kollha li jsemmi fil-ktieb tiegħu huma rġiel (u li ħafna drabi kellhom mara jew seftura d-dar tieħu ħsieb kollox biex ikunu jistgħu jagħmlu dal-mixi fit-tul). Li rrid ngħid hu li nixtieq nikteb mill-perspettiva ta’ persuni — mhux irġiel (bojod) — li meta joħorġu jimxu waħidhom hemm iktar probabbiltà li jiġu ffastidjati, attakkati, stuprati, maqtula. Il-mod kif spjegaha Omar did-differenza waqt konverżazzjoni li kellna huwa preċiżament dak li naħseb jien: dawn in-nies, huma u mixjin, irid ikollhom par għajnejn oħra fuq wara ta’ rashom, inkella jafu jaqilgħuha.
25 ta’ April 2024
Dal-aħħar qrajt l-intervista ma’ Hélène Cixous fuq il-European Review of Books fejn tgħid li saret tħoss li kollox jibda bin-nar, jiġifieri b’xi ħaġa li, bħan-nar, teqred kollox b’mod vjolenti ħafna. Iżda li jiġri hu li wara n-nar, xi drabi, tfeġġ xi ħaġa ġdida. Is-suġġett tal-intervista huwa l-aħħar rumanz tagħha li ħareġ ftit xhur ilu, Incendire: Qu’est-ce qu’on emporte? (2023), li bla dubju huwa eżempju ta’ kitba li ma tappartjeni għall-ebda ġeneru rikonoxxibbli ta’ rumanz. “Incendire” hija kelma li ħolqot Cixous biex tgħaqqad il-ħsieb tan-nar li mhux biss jaħraq u jeqred iżda joħloq mill-ġdid: in-nar jgħid tiegħu wkoll. In-nirien tas-sajf 2022 li nfirxu sa viċin ta’ fejn toqgħod hi, fil-Lbiċ ta’ Franza, wassluha biex tikteb dar-rumanz. Jekk ikollha titlaq, taħrab, mid-dar, kif se tagħmel biex tieħu l-qtates, l-ittri, l-arkivji tal-familja tagħha li tant huma prezzjużi għaliha? Tagħmel rumanz sħiħ ittella’ u tniżżel titlaqx jew le, u anki meta taqtagħha li titlaq narawha tibqa’ fejn hi. Dawn in-nirien qerrieda jfakkruha wisq fil-persekuzzjoni li ġarrbet il-familja (Lhudija) tagħha fil-Ġermanja minħabba n-Nażiżmu, u fit-tfulija tagħha f’Oran, l-Alġerija. Incendire qrajtu b’nifsi maqtugħ nistenna sa ma jilħquha u jaħkmuha n-nirien. Billejl ma rajtx ħlief fjammi fil-ħolm u qomt nhewden li fil-kitba tiegħi jien ukoll irrid inħalli n-nar jgħid tiegħu. U bdejt infittex poeżiji li jħallu n-nar jgħid tiegħu u malli lmaħt “Burning of our House, July 10th, 1666” ta’ Anne Bradstreet ma stajtx ma niqafx u nidħol jien ukoll fil-qalba tan-nirien li qerdulha kollox u spiċċat bla dar. Id-data, mhux l-1666 imma l-10 ta’ Lulju, kienet parti mill-faxxinu ta’ dil-poeżija għalija peress li hija d-data tat-twelid tiegħi u kull meta naraha miktuba (pereżempju l-Corto Maltese wkoll twieled fl-10 ta’ Lulju) bħal donni nagħmel dak li qed naqra dwaru tiegħi wkoll, jew nistħajjel li minħabba d-data jeżistu wkoll konnessjonijiet oħra ma’ dil-persuna jew dal-avveniment. Ma kont naf xejn dwar Anne Bradstreet ħlief isimha. Hija l-ewwel poeta mara (ippubblikata) fid-Dinja l-Ġdida u minkejja li l-kitba tagħha hija fil-biċċa l-kbira reliġjuża, kienet ukoll mezz fejn Anne setgħet tesprimi d-diżappunt tagħha għall-mod kif kienet tara l-mara tiġi meqjusa u ttrattata mis-soċjetà ta’ dak iż-żmien. Din Anne kienet ta’ rasha u sfiduża u ħabbejtha mill-ewwel. Mill-poeżija ta’ Anne Bradstreet dort, kif għandi ħabta nagħmel ta’ spiss, għal dik ta’ Emily Dickinson u weħilt fuq din, “Ashes denote that fire was” li bi ftit vrus ħassejt qalbi tingħafas għal dak li kien u m’għadux. Tgħaxxaqt nara lil dawn it-tnejn jitkellmu dwar in-nirien u l-ħruq, imbagħad b’xi mod iddeffes ukoll Robert Frost, bil-poeżija “Fire and ice”. Ħassejt li xtaqt ningħaqad magħhom u ngħid tiegħi wkoll, għax wara kollox, dan huwa l-mod tiegħi kif nimxi mal-kotba u l-kittieba li naqra. B’dawn il-poeżiji quddiemi, il-ktieb ta’ Cixous u t-thewdin li ta’ sikwit nagħmel dwar il-ħruq tal-kotba fil-ħuġġieġa tal-frugħat ta’ Fra Girolamo Savonarola, ktibt il-paragrafi li ġejjin. Se nħallihom hawn, jgħidu tagħhom.
Ħiemed, reġa’, lejl il-mistrieħ, ’il bogħod minn dari nżomm swied il-qalb. Qabel dħalt fil-friex, bħal kull għaxija, niftakarni niftaħ u nagħlaq il-kxaxen, is-sniedaq u l-bibien, nistrieħ bil-ħsieb tat-tessuti, il-karti, l-għuda, il-ħjut li missejt ħarira bil-ponot ta’ subgħajja, ħassejthom kesħin, fakkruni fl-hena li jġibu magħhom dawn l-artefatti li ngħix magħhom ta’ kuljum. Ħiemed dal-lejl ukoll sakemm ħarrkuni fl-irqad taħbit, għajjat, twerżiq. In-nar, in-nar! Bexxaqt għajnejja, nipprova nissielet mal-qawmien li jisraqli ta’ dejjem il-ħolm. In-nar l-ewwel mhuwa dawl, iżda naħlef li mħeddla fil-ħolma kif kont, smajtu jwerżaq f’widnejja mbagħad għammixli għajnejja. Mis-smewwiet bħal tvenvin mela dari fejn fuq soddti qomt bilqiegħda, u madwari dehruli ilsna tan-nar, kull wieħed jistrieħ fuq kull biċċa għamara li żżejjen kamarti. Bkejt, twaħħaxt, twerwirt. Jgħidu li d-dinja se ttemm f’konflagrazzjoni. Għajnejja ftaħthom beraħ. Waħdi, f’dari, maħkuma mid-dija tal-ġamriet jaħarqu ħajjin. Għalaqthom erġajt, dawn għajnejja, u sħitt, imbagħad tlabt, u fl-aħħar wasalt biex berikt isem dak li l-ewwel tani mbagħad ġie joħodhuli, iħallili biss tifkira trab. Biex ifakkarni li tmejjel bija, li tiegħu kollox dejjem kien, qatt tiegħi u li jifdalli jkunli biżżejjed. Sħittu għal darb’oħra dak l-isem meqjum. Bżaqtlu. Sfidajtu. Kebbistha jien stess dil-ħuġġieġa tal-frugħat bl-imkatar, il-purtieri u d-drappijiet, imbagħad ħeġġiġtha bil-mirja, bl-għamara u l-karti tal-logħob. Tfajt fiha l-kremi, il-fwejjaħ u l-irtokk, waddabt il-vjolin, iċ-ċimblu u l-flawt. Xħitt il-kotba kollha li kelli u rajthom jinbelgħu min-nirien. Fil-ħuġġieġa rajt ifernqu l-pitturi minsija ta’ Boccaccio, il-figurini tat-tafal, it-tapezzeriji kollhom xeni maestużi ta’ tigri pilhom ħamrani daqs in-nirien, il-kotba dwar is-seħer u l-magħmul, dwar it-tbassir tal-ġejjieni fil-ħġiġiet u l-ilmijiet, fl-istilel tas-smewwiet, fil-weraq tat-tejiet. Tfajt l-ispirti u l-likuri u b’dari għamilt flambò. Lin-nirien tmajthom waħda waħda l-folji mill-manuskritti tad-drammi li jien u niktibhom kont tħebbirt li se jibqgħu ma jittellgħu qatt. Il-fjammi tbeħbħu bil-partitura tal-għanjiet u l-innijiet li waħidna ngħannuhom bejnietna biex ma jisħtuniex. Vampa. Fid-dagħdigħa tal-lejl tal-ħuġġieġa tfajt il-mogħża, it-tiġieġa, il-kelba, il-qattusa, id-debba, il-ħanżira, il-baqra, u l-ħuġġieġa telgħet m’ogħl’hawn. Dan-nar il-bidu. Dan-nar it-tmiem. Dan nar sagru, nar pur, ħażin qatt ma jista’ jkun. Nar it-tajjeb, nar il-verità. Nar li jfejjaq, iwassal għall-għerf. Dan nar tal-pirolatrija, biex inqimuh. Dan nar tal-forġa, la jinfirex se jaħraq kulm’hawn biex kollox itemm u jerġa’ jibda, mibdul.
Iżda din fjamma dejjiema ma kinitx. Maż-żerniq waqgħet ħemda u battew in-nirien. Xi fdalijiet minn kamarti baqgħu jikwu, iġammru, inemnmu sa ma tfew. Id-dija tal-għodwa tiżżattat tħaqqaqha man-nugrufun. Vojta se jibqgħu s-sniedaq immermra, il-kmamar, il-kxaxen, id-dar. Irmied biss. Arja tqila mfewħa bħal bil-bħur. Ħjiel li n-nar kien fuq li kien. Inqimuh dal-griż iswed irmied? F’ġieħ dak li qabel kien u issa m’għadux? Daqshekk stidintek f’dari, naqsmu ħobża bejnietna u tazza nbid, b’xemgħa tnemnem f’nofsna aħna u nfesfsu tifkiriet mill-imgħoddi bejn dawn il-ħitan. Ħemda biss. Saħħiet, saħħiet. Frugħa dan kollu? .