Il-ferrovija tad-8.50am lejn Rotterdam mhux qed taħdem illum, irridu nistennew ta’ warajha, siegħa wara. Ilbieraħ jien u nippakkja, proprju fl-aħħar minuta, indunajt li rrid nieħu xi pitazz fuq xiex nikteb (bil-pinna) apparti l-laptop. Ridt nieħu deċiżjoni malajr u nagħżel pitazz li nkun ċerta li jħajjarni, anzi jisfidani, nikteb fih ħalli ma nkunx ġarrejtu għalxejn. Ma nħobbx intaqqal meta nivvjaġġa. Tajt ħarsa malajr madwari. Mal-art, fuq it-tapit maġenb ir-rocking chair fil-kamra tiegħi fejn nikteb, għandi tape recorder reel to reel (Philips) li kien ta’ missieri. Kont kważi rmejtu għax iċ-ċinga maqtugħa u ma jaħdimx, imma kien reġa’ bdieli u ddeċidejt li ntellgħu Brussell u, peress li huwa bl-għatu, qed nużah bħal mejda żgħira biex inqiegħed fuqu l-kotba li nkun qed naqra. Ġa mtela b’munzell kotba u djarji u faċli ninsa x’hemm taħt dawk li hemm fil-wiċċ. Fettilli ngħolli ftit minnhom u sibt dal-pitazz li kont insejt li bdejt nikteb fih f’Awwissu li għadda. Qallibt ftit fih u ntbaħt li fil-fatt huwa djarju ieħor tal-kitba. Qed nitlef il-kont ta’ kemm-il djarju diġà għandi mibdi dwar l-istess suġġett. Is-soltu tiegħi, strutturi kontra strutturi biex inkun organizzata, imbagħad nixba’ minnhom u nagħmel fattija meta jfettilli. Dal-pitazz perfett biex inkompli nikteb fih.
Sejra ftit jiem Rotterdam għal residenza ta’ kitba li imponejt fuqi nnifsi biex nipprova nirranka fir-rumanz il-ġdid li qed insibha diffiċli iktar minn qatt qabel nidħol fid-dinja tiegħu. Għadni ma nafux, għadni mhux nisma’ dawk l-ilħna li s-soltu, wara snin nismagħhom ikolli seba’ mitt sena sa ma ntemm il-kitba u nsikkithom. Dalgħodu, bilqiegħda Gare Central nistenna l-ferrovija tal-9.50am, ftaħt id-djarju u qrajt l-ewwel paġni. Kont insejthom. Jinħassu ilhom miktubin sena imma ktibthom biss ftit xhur ilu. Indunajt li huma perfetti għall-entrata li jmiss tad-djarju tiegħi — għal Jannar — fuq Aphroconfuso. L-ewwel isem li nara mniżżel huwa Georges Perec. Bilkemm niftakar xi qrajt minn La Disparition ’l hawn. Ħa nipprova niftakar malajr: Les Mandarins ta’ de Beauvoir li domt ix-xhur naqrah, fl-aħħar lestejtu. Għoġobni biss mil-lat ta’ x’kien qed jiġri wara l-gwerra f’Pariġi. U għax għażilt li nimmaġina li Anne — li t-taqsimiet tagħha miktubin fl-ewwel persuna — hija Simone, u li Henri huwa Camus. Sakemm kont Malta f’Ottubru — jew Novembru? ma niftakarx — ħadt La Peste u qrajtu biex nidħol iktar f’moħħ Henri. De Beauvoir kieku veru tirrabja tant ma riditx li Les Mandarins jinqara bħala roman à clef! Fir-rumanz ta’ de Beauvoir kważi mill-bidu bdew jgħejjuni d-djalogi bejn il-persunaġġi. Imbagħad kelli stmerrija kbira għall-karattru ta’ Louis u l-atteġġament patetiku ta’ Anne fil-konfront tiegħu. Ma nafx x’riedet turi de Beauvoir bil-preżenza qawwija tiegħu fir-rumanz u bil-mod kif tiddeġenera l-istorja ta’ mħabba (!) tagħhom. Ma tantx għad għandi paċenzja naqra dwar is-sentimenti romantiċi u turbolenti bejn il-persunaġġi; f’dar-rumanz iktar intrigawni d-diskussjonijiet politiċi bejniethom. Dejjem nissorprendi ruħi meta nara kemm fl-Ewropa kien hemm tama kbira fl-Unjoni Sovjetika wara l-gwerra. Is-suspett fil-kapitaliżmu Amerikan nifhmu sew imma li l-għażla b’hekk waqgħet awtomatikament fl-URSS twaħħaxni. Apparti dan, ħassejtni qrib tat-taqbida ta’ Henri fir-rigward kemm tal-kitba nnifisha — x’funzjoni taqdi l-kitba letterarja? kemm għadha valida issa li spiċċat il-gwerra? — kif ukoll l-impenn politiku-letterarju ta’ ġurnal meta kittieb jibda jitlef il-fiduċja fl-ingranaġġ tas-sistemi politiċi kollha li bihom suppost qed tiffunzjona l-komunità, inkluża dik tal-ġustizzja. Għalhekk kont waqaft naqra Les Mandarins u dort għal La Peste — kopja qadima u mqaddma mill-1964, edizzjoni Le Livre de Poche, li sibt f’waħda minn dawn il-kaxxi tal-injam li ġieli niltaqa’ magħhom fejn tista’ tħalli l-kotba użati għat-tpartit. Inħoss li kelli xorti kbira li dar-rumanz ma kontx ilħaqt qrajtu qabel — kien wieħed minn dawk ix-xogħlijiet li, kif spiss jiġri, tkun tafu mingħajr ma qrajtu — u li qrajtu l-ewwel darba wara li għext pandemija.
16 ta’ Awwissu 2023
Għaddiet Santa Marija u ġa nħossni lesta għal ġranet qosra u mdallmin. Għaddew il-ġimgħat tat-tgawdija, l-għażż, l-ivvjaġġar. Lesta għar-rutina tax-xitwa, inħossni miġbura u ftaħt pitazz ġdid. Paġna vojta. L-ewwel waħda stedina għall-ġimgħat ħabrieka li ħerqana tant għalihom. Qed illesti biex nagħmel ftit sens mill-qari tas-sajf u mix-xitwa u r-rebbiegħa ta’ qablu, indur in-noti, nara fejn se joħduni u ma’ min se jlaqqgħuni. Se nħallihom ilaqqgħuni ma’ xi ħadd? Bħalissa ma tantx għandi aptit nies, la madwari u lanqas f’kitbieti. Jew aħjar, nixtieqhom — jekk ikunu hemm — jibqgħu anonimi; avolja, meta sibt karattri anonimi quddiemi f’Portrait d’un inconnu ta’ Nathalie Sarraute tfixkilt u mhux dejjem għaraft persunaġġ minn ieħor. Teoretikament, nixtieqhom bla isem, nixtieqhom imċajprin, bil-fattizzi mżellġin, it-tip li jħalluk fl-għama dwar x’hemm fil-fond ta’ qalbhom, juruk biċ-ċar li qed jaħsbu ħafna iktar milli qed juruk. Imma fil-kitba tiegħi ma nafx nixtiqhomx hekk. Ma rridx niffrustra lil min jaqrani; mhux iżżejjed, għall-inqas. Imma jintrigawni l-persunaġġi anonimi li donnok qatt ma ssir tafhom sew. Però l-ħsieb oriġinali tiegħi kien li lanqas biss ikun hemm nies. Ir-rumanz tal-oġġetti, forsi? Bħal, ngħidu aħna, La Vie mode d’emploi ta’ Perec? Jew ix-chosisme ta’ Alain Robbe-Grillet? F’mill-bieb ’il ġewwa niftakar li ridt nikteb dwar in-nonuman u l-uman bl-istess intimità. Għalhekk “Telefonati”; għalhekk “Il-Folla”. Dawn iż-żewġ stejjer spiċċaw ħafna iqsar milli kienu għall-bidu għax l-intenzjoni mbagħad inbidlet. Forsi ta’ min nerġa’ mmur lura għal dik l-esperimentazzjoni, nara sa fejn kapaċi nsegwiha.
Intant, għadni kif spiċċajt naqra t-triloġija L’École des femmes, Robert u Geneviève ta’ André Gide, xogħol li għoġobni tant li bħalissa lil Gide qed inqisu bħala l-kittieb favorit tiegħi. (Ftit ilu qrajt La Symphonie pastorale tiegħu li wkoll għoġobni imma mhux daqs dan.) Skantajt b’kemm kien awdaċi għal żmienu huwa u jitkellem dwar l-indipendenza tal-mara, it-twarrib tal-idea tal-koppja u tal-familja, dwar id-deżiderju tal-mara għal mara oħra u l-importanza tal-isfida kontra soċjetà patrijarkali u eteronormattiva. Ovvjament, konxja tal-fatt li meta tqis ir-relazzjonijiet fil-ħajja privata tiegħu Gide huwa persuna problematika ħafna minħabba l-mod kif ġab ruħu kemm man-nisa (speċjalment ma’ martu stess) u kemm fil-konfront ta’ subien taħt l-età, jiġifieri ma nixtieqx nidolizzah. Iżda, mil-lat ta’ teknika u esperimentazzjoni f’kitbietu, interessanti kemm esplora, pereżempju, l-idea ta’ rumanz miktub minn vuċi waħda biss. F’dal-każ saħansitra ħoloq triloġija li tikkonsisti fi tliet ġurnali intimi ta’ persuni differenti (il-mara, ir-raġel tagħha u binthom) li flimkien jagħtuk l-istampa kollha ta’ x’jiġri bejniethom. Nota li ħadt minn Geneviève hija dwar id-differenza bejn “divertir” u “avertir” fil-kitba ta’ rumanz. Geneviève, il-bint, tistqarr b’mod espliċitu li l-unika raġuni għalfejn qed tgħaddi d-djarju tagħha għall-pubblikazzjoni hi biex il-kitba tagħha tinforma lill-qarrejja minn xiex għaddiet u biex twissihom ma jagħmlux l-istess żbalji tagħha; jiġifieri kitba li m’għandhiex l-ambizzjoni tkun sors ta’ divertiment għall-qarrej. Dan l-impenn politiku fil-kitba huwa ta’ interess kbir għalija għax, għall-inqas minn mill-bieb ’il ġewwa ’l hawn, m’għandix it-tir li nikteb għal skop ta’ divertiment. Fl-istess ħin lanqas ma nħoss li nikteb biex inwissi, ninforma jew ngħallem. Kumbinazzjoni, ftit jiem wara qrajt esej ta’ Umberto Eco mill-2001 li proprju jismu “Su alcune funzioni della letteratura”. Fih jgħid li għalkemm il-letteratura ma tinkitibx biex isservi għal xi ħaġa oħra, jibqa’ l-fatt li permezz tagħha tiġi eżerċitata l-lingwa “bħala patrimonju kollettiv”, tant li ħafna drabi l-użu ta’ ċertu kliem jibqa’ ħaj għax il-lingwa hija sensibbli għal dak li tissuġġerixxi l-letteratura. Issa l-kitba, għalija, żgur mhijiex kwistjoni ta’ preżervar tal-lingwa. Lanqas mhi kwistjoni ta’ “divertir” jew “avertir”. Minflok, il-verb li jiġini f’rasi bħalissa huwa “sortir”.
17 ta’ Awwissu 2023
Illum qrajt li l-verżjoni li nafu ta’ Stalker — li huwa x’aktarx wieħed mill-iktar films li nħobb u li nista’ narah kemm-il darba — hija fil-fatt dik li nġibdet it-tieni darba għax dak kollu li ġie ffilmjat l-ewwel darba — xogħol ta’ sena sħiħa — intilef minħabba li l-film ġie danneġġat meta ġew biex jiżviluppawh fil-laboratorju. Naħseb li kont qrajtha qabel din imma llum laqtitni sew, qisni qed naqraha l-ewwel darba. Meta tqis li lili twaħħaxni anki l-idea li tisparixxili sentenza waħda milli nkun ktibt!
Bdejt naqra La Disparition ta’ Perec u mill-ewwel ħassejtni dħalt f’dinja ta’ finzjoni letterarja li nħobb ħafna nkun fiha, dinja li, fost affarijiet oħra, tirreferi għal kotba oħra li nħobb, bħal La invención de Morel. Nilmaħ fih ukoll somiljanza ma’ xogħlijiet ta’ Robbe-Grillet, ma nafx hijiex intenzjonali. Nagħraf li hija f’did-dinja li nixtieq nikteb. Mhux eżattament, forsi dinja oħra li iktar tixbah lil din milli lil dinjiet oħrajn fl-univers bla tarf tal-finzjoni letterarja. Nammetti li taffaxxinani l-idea — ta’ Perec u kittieba oħra mix-xirka Oulipjana — tar-restrizzjoni li tiddetermina t-tessitura, l-istruttura, il-ħoss, il-kontenut tal-kitba kollha. Bħala restrizzjoni biex biha jikteb La Disparition, Perec jagħżel li fl-ebda punt tar-rumanz ma juża kliem li fih il-vokala “e”. Dan it-tip ta’ esperimentazzjoni diġà rajtu f’L’Oppoponax ta’ Monique Wittig, fejn din tagħżel li fl-ebda punt ma tuża l-pronomi “elle”, “il”, “elles” jew “ils” waqt li tirrakkonta l-ġrajjiet tat-tfulija tal-persunaġġi tagħha. Minflok, tuża isimhom jew il-pronom newtrali “on”, avolja fil-lezzjoni tal-grammatika Franċiża l-għalliema dejjem jisħqu biex fil-kitba dal-pronom ma jintużax wisq. B’hekk jirnexxilha tevita li tenfasizza l-ġeneru tagħhom biex ma tħallix li dan jiddetermina l-aspetti kollha marbutin miegħu fir-rigward tagħhom. Kemm fraħt xħin ilmaħt referenza għal dar-rumanz ta’ Wittig f’La Disparition innifsu! (Perec, biex jevita l-“e” jgħid li hu rumanz miktub minn Monica Wittig.)
Il-logħba li tagħti lok biex struttura partikolari tiddomina kważi b’mod esaġerat l-iżvilupp tal-kitba mhux l-ewwel darba li lgħabtha. Ir-rakkonti f’mill-bieb ’il ġewwa, pereżempju, bnejthom fuq il-premessa li l-persunaġġi jabitaw appartamenti differenti fl-istess blokk bini (idea simili ftit għall-binja fejn iseħħu l-kapitli kollha ta’ La vie mode d’emploi, imma ma kontx imnebbħa minnu għax qrajtu snin wara, u fl-2016 ma kontx għadni naf bih lil Perec) u l-azzjoni tiġi deskritta minn dak li jirnexxilha taqbad lenti ta’ kamera fuq barra li qed tħuf minn tieqa għal oħra.
28 ta’ Diċembru 2023
Dal-aħħar spiċċajt ktieb ieħor ta’ de Beauvoir — Les Belles Images — li għoġobni iktar minn Les Mandarins għal raġunijiet ovvji. Jittratta temi li għandi interess qawwi fihom bħalissa: il-konsumeriżmu u l-kuntentizza vera vis-à-vis l-immaġni u d-dehra superfiċjali tagħha. Ukoll għall-esperimentazzjoni fil-kitba nnifisha hi u taqleb mit-tielet għall-ewwel persuna, dieħla u ħierġa minn djalogu għal ħsieb, għal kumment min-narratur. Qrajtu f’jumejn.
Ix-xogħol li qed naqra bħalissa — bdejtu lbiraħtlula — huwa Les Chants de Maldoror ta’ Isidore Ducasse (taħt il-psewdonimu Comte de Lautréamont). Ilu msemmi fin-noti tiegħi biex naqrah, l-aktar għax sa ċertu punt nebbaħ lil Guy Debord jikteb La Société du spectacle li huwa xogħol fundamentali għal dak li nixtieq naħdem fuqu jien (dan qed naqrah ftit ftit, paragrafu kull tant jiem). Iżda wkoll, jew forsi għalhekk, Les Chants jinteressani għall-istil li huwa miktub fih li jisfida kważi bi vjolenza u b’arroganza l-mudell tradizzjonali, jiġifieri aċċettat u mistenni, tar-rumanz, sfida li ilni li ħadtha jien ukoll bħala impenn. Jeċitawni immens dawk ir-rumanzi li mhux faċli taqrahom u ssejħilhom — biċ-ċertezza kollha — rumanzi. Mill-kotba li qrajt dawn l-aħħar tliet snin, kemm jien u nikteb Marta Marta kif ukoll wara, li laqtuni l-aktar kienu dawk li int u taqra trid tgħallem lilek innifsek kif se taqrahom, tgħallem lilek innifsek l-akrobaziji li jeħtieġ tagħmel biex tgawdihom bħala rumanzi. Jekk nieħdu l-kitbiet ta’ W. G. Sebald, pereżempju, lanqas hu stess ma kien jaf xi jsejjaħ il-kotba tiegħu — rumanzi? stejjer? kotba tal-Istorja? kotba tal-ivvjaġġar? — għax ma kienu l-ebda minn dawn u fl-istess ħin kienu kollha kemm huma f’daqqa u għalija kien interessanti naqra — is-sena l-oħra jew ta’ qabel, ma niftakarx — The Rings of Saturn bħala rumanz avolja mhuwiex, fid-definizzjoni “stretta” tiegħu. Fi kliem ieħor, jinteressawni dawk il-kotba li jġiegħlu librar iħokk rasu huwa u jiddeċiedi fuq liema xkaffa jqegħedhom.
Is-suġġett ta’ Les Chants jiffoka fuq il-ħażen intrinsiku tal-bniedem, suġġett li qed noqrob lejh sa ċertu punt imma li, bil-kontra ta’ Ducasse, m’għandi l-ebda interess nigglorifikah. Anzi, nixtieq li naċċettah ta’ li hu u nitbiegħed minnu. Għalhekk ma nixtieqx inpoġġi ’l-bniedem fiċ-ċentru tal-kitba tiegħi, ma nixtieqx inħares minn għajnejh biex niddeskrivi l-madwar, għax il-bniedem ma ħaqqux jingħata din l-importanza. Però nogħxa naqrahom dawn il-paragrafi poetiċi nnumerati ta’ Ducasse! Għandhom dehra ta’ noti, punti, ħsibijiet varji dwar l-istess tema, imqegħdin wieħed wara l-ieħor f’ordni; paragrafi nnumerati li jservu ta’ kapitli iżda dan mhux rumanz. Imbagħad miġburin f’chants iżda dil-kitba mhix poeżija, għalkemm tista’ taqraha bħala poeżija jekk trid. Kultant anki jieħu xejra ta’ dramm. Ovvja li nogħxa! “Je te salue, vieil Océan!” L-oċean, iż-żrinġ ġgant li hu l-bniedem, il-farfett il-lejl li hu vampir, il-kelb il-baħar, il-lupu, l-għasafar, il-pelikan salvaġġ. Dil-qilla salvaġġa tan-natura li qatt ma nqisuha ħażina avolja tniffed snienha, ixxerred id-demm u teqred il-ħajja. Nogħxa nara d-dramm tal-ħajja li jseħħ fl-assenza tal-bniedem. Jien u naqra qbadt lili nnifsi naħseb dwar il-brimba, l-aktar dwar l-għanqbuta tagħha; xtaqt nintilef fid-dinja ċkejkna enormi tagħha u nibda nikteb:
Illum nitpaxxa b’kull tentufa daqslikieku ħjut mill-ifjen u dehbijiet. Ilbieraħ u l-għada ma għandhom l-ebda jedd, l-ebda piż fuq illum. Ilbieraħ u għada, wara kollox, jafu jkunu l-istess kelma għax it-tnejn imbegħdin indaqs mil-lum. Niżvojta moħħi u qalbi mill-ħsibijiet, l-emozzjonijiet, u vojta minnhom nipperpetwa t-treġġigħ lura għal stat li jinħass dejjem qisu punt tat-tluq mingħajr tir li qatt se jwassal xi mkien ieħor lil hinn. Nedha ninseġ bħall-brimba għanqbuta mirquma bi ħjut tal-ħarir — uħud ħoxnin biex nimxi fuqhom jien, oħrajn iwaħħlu ’mma li riġlejja jagħrfu jevitaw, biex magħhom nara x’jaħsel jinqabad matul il-jum. U jekk ma’ tmiem il-jum ma nsib xejn jistennieni għal taħt snieni, ngħaddi l-lejl inħott u mmaxtar għanqbuti stess ħa ntawwal sal-għada u nqum nerġa’ ninseġ, nistenna li nħoss l-għanqbuta tirtogħod u nittama mill-ġdid. Dak il-jum li naqtagħha li hawn m’għadux jgħodd għalija, ninseġ għanqbutaqlugħ minflok u nqabbad ’ir-riħ joħodni fuq dahru lil hinn.
Imbagħad niftakar li dil-għaxqa għan-nisġa qattiela, għal din-nissieġa għaqlija u għal xogħolha tant mirqum diġà kont intlaqtilha jien u ninseġ ir-rakkont ta’ Maria Dolores u Damjan f’Marta Marta, u nieqaf ħesrem meta nintebaħ li qed inħalli lili nnifsi ninġibed lejn suġġetti, temi u metafori li diġà kont dħalt fihom fil-fond imma donni nsejt. Ninħasad l-iktar bil-fatt li qisni nsejt u li mingħalija li din l-ewwel darba li qed nintilef f’dat-thewdin. Għalissa se nħalliha ftit lill-brimba imma jaf nerġa’ niġi lura għaliha. Wara kollox, imkien ma għadni semmejt li l-għanqbuta tista’ tqegħedha fuq ferita biex tgħaqqad id-demm, jew li hawn min jużaha bħala tila biex ipitter fuqha.
31 ta’ Diċembru 2023
Qed nimxi. Ir-residenza, u s-sena, waslu fl-aħħar imma qed nimxi. Mhux biss fis-sens li qed navvanza fil-kitba. Is-soltu m’iniex it-tip li nħares lejn l-ammont ta’ kliem li nkun ktibt, imma did-darba tant qed nikteb bil-mod — ġieli toħodli siegħa biex niddeċiedi bejn aġġettiv u ieħor! — li qed nifraħ malli nara li rnexxieli nikteb mitt kelma f’ġurnata. Qed nimxi fil-kitba nnifisha fis-sens li qed nikteb dwar il-mixi. Iltqajt max-xogħol ta’ Henry David Thoreau (“Walking”) u qed inħallih imexxini. Anzi, qed nistħajjilna morna mixja flimkien. Daħħaltha f’rasi li rrid nittraduċi dax-xogħol għall-Malti u ħadt nota biex nipprova llesti t-traduzzjoni sa Ġunju li ġej. Imma iktar minn hekk, skoprejt li l-metodu ta’ kif se nipproċedi fir-rumanz tiegħi huwa proprju billi nimxi minn ħaġa għall-oħra. Se jkun rumanz mingħajr persunaġġi umani u mingħajr il-ħtieġa dgħajfa tagħhom għal “plot”, għal “storja” biex jagħmlu sens mill-eżistenza tagħhom. Is-sekwenza tal-kitba dwar il-ħsieb tal-mixi se tiddependi biss mill-mixi tal-ħsieb u mill-konnessjonijiet li se nagħmel jien u nimxi minn suġġett għall-ieħor. Diġà l-kitba qed tieħu xejra ta’ ħaġa ġġib ’il-oħra; nibda minn post u nħalli dak li nsib hemm joħodni post ieħor.
Il-pass ’il quddiem l-ieħor li ħadt huwa dwar in-narrazzjoni. Nixtieq innaqqas kemm nista’ l-interferenza tan-narratur b’mod li din tkun biss preżenza ta’ persuna li tosserva. Fl-ewwel kitbiet kien hemm in-narratur li titkellem fl-ewwel persuna u li permezz tagħha nsiru nafu persuna oħra li n-narratur tirreferi għaliha fit-tielet persuna. Dan il-persunaġġ sekondarju eliminajtu għalkollox u n-narratur internalizzat il-karatteristiċi tal-oħra. M’għadhiex tosserva lill-oħra u tikkummenta dwar il-fatt li din taħseb u taġixxi b’mod differenti minnha. Dawn l-opposti deffisthom fl-istess persunaġġ anki biex nelimina t-tendenza li nirrikjedi żewġ persunaġġi biex neżamina karatteristiċi differenti. Iżda kien kumment minn Thoreau f’xogħol ieħor tiegħu (Walden) li ġegħelni naħseb iktar dwar dan, meta jgħid li “ta’ spiss ma niftakrux li wara kollox hija dejjem l-ewwel persuna li qed titkellem”.
U biex nagħlaq dis-sena, dir-residenza u din l-entrata tad-djarju, nixtieq inniżżel hawn li dil-mixja — li għadha bla titlu fiss, għalkemm daqqa nsejħilha Xejn Qatt ma Kien u daqqa Kelma b’Oħra — nixtieqha tinqara bħala rumanz iżda wkoll bħala poeżija, nixtieqha mogħnija b’għanjiet, ġrajjiet, fatti u ħolm.
Kif nibdieha mixja, kif nagħti bidu għalih pellegrinaġġ lejn art mhux magħrufa la ma għandi l-ebda ħjiel kemm se jdum? Innaddaf, niżbarazza, neħles minn kulm’għandi, niżvojta, inwessa’, niftaħ għall-arja, innaqqas mit-toqol — dat-tħaffif jistordini malli jfakkarni f’kemm hawn iktar wisa’ milli qatt nista’ nimmaġina. Niftaħ il-bieb u nħares ’il barra, ’il bogħod, lil hinn minni minn issa minn hawn; b’għajnejja diġà wasalt fejn nixtieq immur. Nixref minn taħt saqaf missirijietna, noħroġ rasi ’l barra mill-bieb, ngħolliha għal sema ħanin li ma jaf qatt jgħid le għal xewqati. Nitlaq mingħajr ma nerġa’ nagħlaq warajja. Nieħu pass imbagħad ieħor, nimxi, dan vjaġġ mhux żjara, mhux passiġġata. Nimxi biex nitbiegħed — minn dawk bħali, minni stess. Dal-mixi inutli għalhekk nimxih. Nimxi la biex inkun, la biex ikolli, la biex nagħmel qligħ. Jien u nimxi niġbor minn madwari relikwi ta’ kuljum, minn dawk sagri nżomm ’il bogħod. Jien u nimxi nħares, nisma’, immelles, inxomm, intiegħem; iżda b’idejja, li s-soltu jikluni, nibqa’ ma noħloq xejn. Nimxi biex insir naf il-wisa’ mingħajr kejl, il-ħeffa mingħajr użin. F’moħħi biss noħloq dak li għadu mhuwiex u qatt qabel illum ma seta’ jkun. Nimxi biex insib. X’qed infittex ma nafx imma nimxi sa ma nsib. Dak li ma jidhirx. Dak li ma jingħaddx. Nimxi b’saqajja ħarira maqtugħin mill-art bil-lest sa ma nilmaħ id-dija tal-għaġeb, l-ilwien, il-fwejjaħ, l-għanjiet li qed jiġbduni lejhom. Nimxi sa ma negħja, meta negħja nimtedd, nagħlaq għajnejja u nkompli l-mixi fil-ħolm. Nimxi biex insir .