Tnedija ta’ Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress

ma’ Loranne Vella & Beverly Agius

« Jien u nikteb, iktar ma ngħaddi minn proġett għall-ieħor iktar ninduna kemm fil-kitba tiegħi dejjem ikun hemm binja. Qisu l-estensjoni tiegħi hija l-kamra jew id-dar li ngħammar fiha, li ngħix fiha, li għandi r-relazzjonijiet mal-oħrajn fiha. U qisu fil-kitba, biex verament nifhimhom il-persunaġġi rrid inħares lejn il-binja nnifisha. L-arkitettura tiddetermina ħafna l-karattri, il-mod kif jiżviluppaw, kif jiżviluppaw fir-relazzjonijiet, kif inhuma kuntenti jew le magħhom infushom. Did-darba, f’dar-rumanz nibda mid-deskrizzjoni tal-binja fejn tgħix il-protagonista, deskrizzjoni arkitettonika li kważi mingħajr ma ridt tfakkar fl-aħħar taqsima ta’ Marta Marta, qisni spiċċajt bid-dar f’Marta Marta u bdejt b’dar oħra fi Travi taċ-Ċedru. Però l-protagonista fil-fatt qed tipprova toħroġ mid-dar. Tħobbha d-dar, tħobb l-istorja tad-dar, taf ħafna dwar id-dar, taf anki x’hemm taħt is-sisien, x’kien hemm qabel inbniet — il-kunvent, l-għelieqi, li kien hemm qabel f’dawk in-naħat. Tmur lura sekli fir-rakkont. Imma trid titlaq u qed tipprova tterraq ’il barra mid-dar. Però xorta għadha tfittex il-kenn, allura għandha bżonn ta’ dar mod ieħor u d-dar f’din il-mixja twila tar-rumanz għandha travi li bil-mod il-mod isiru t-travi taċ-ċedru, u s-saqaf isir taċ-ċipress. Dawn huma vrus mill-Għanja tal-Għanjiet, fejn ir-relazzjoni bejn żewġ maħbubin qed isseħħ f’post ta’ kenn u post tan-natura. Allura, fir-rumanz tiegħi, hemm tiftixa għal kenn mod ieħor, kenn li huwa ġewwa li huwa wkoll barra. Minn dejjem ħassejt li l-letteratura tagħti lok għal realtà mod ieħor, realtà li ma ssegwix il-fiżika ta’ tad-dinja reali tagħna. Bir-rakkonti nista’ anki niżżerżaq ftit fis-surreali, f’dak li hu daqsxejn fantastiku. Din il-kitba partikolari sserraħ ħafna fuq kitbiet ta’ ħrejjef tradizzjonali fejn għandek in-ninfi u l-ispirti, din ir-realtà oħra li aħna forsi ma narawx b’għajnejna imma forsi nħossuha, forsi nidħlu fiha waqt li qed tmur għajna bina. Ir-rumanz jibda b’silta twila ħafna fejn il-protagonista qed tipprova torqod, u mbagħad ikompli r-rumanz. Qari wieħed possibbli ta’ dar-rummanz, imma mhux neċessarjament l-uniku qari, jista’ jkun li n-narratur qed tipprova torqod, u mhux ċar jekk dak li jiġi wara jkomplix fir-realtà jew jekk hux il-ħolma tagħha. It-tnejn huma possibbli.Fil-ħolm niskopru li hemm iktar possibiltajiet milli fir-realtà li ngħixu fiha, bil-limitazzjonijiet li jinħolqu minn ċerti strutturi, minn kif aħna mistennija nġibu ruħna, x’mistennija nagħmlu b’din il-ħajja waħda li għandna. Mentri bil-ħolm jinfetħu ħafna bibien u hemm mument fejn fi ġnien minnhom hemm bieb żgħir, passaġġ żgħir, li huwa bejn żewġ dinjiet. Għandek il-ġnien reali li jidħol fi spazju irreali u qisek m’intix ċert fejn qiegħed eżatt, jekk dan il-post tistax verament tidħol fih. Din xi ħaġa li minn dejjem għoġbitni kemm fil-letteratura kif ukoll fl-arti u l-poeżija. Nirreferi għal ċerti pitturi u poeżiji fejn għandek dil-logħba, fejn f’daqqa waħda xi ħaġa tiċċajpar, tiżżelleġ ftit u qisek tiżloq u tidħol f’dinja oħra imma terġa’ tiġi lura. Dejjem ngħid li m’iniex daqshekk interessata fl-affarijiet li huma tant fantastiċi li maqtugħin kompletament mir-realtà. Ir-realtà għandi bżonnha, għandi bżonn tal-għeruq biex nibqa’ ankrata, imma neħtieġ ukoll il-friegħi li jkunu liberi u li jistgħu jimirħu u bihom nista’ nitla’ anki sal-qċaċet. Karattru partikolari li jissemma fir-rumanz huwa Johannes Baptist van Helmont li kien alkemista u mistiku u għamel diversi esperimentazzjonijiet xjentifiċi. Fl-istess ħin ħafna mir-rakkonti tiegħu huma surreali. Pereżempju, biex jispjega xi ħaġa xjentifika jgħid li din wasal għaliha għax kellu konverżazzjoni mal-Anġlu Rafel. Dan it-twaħħid ta’ dak li hu xjentifiku u dak li huwa surreali, jew l-spiritwali, kien importanti ħafna għalija. Interessanti li meta tkellimna l-ewwel darba dwar l-aspett surreali fir-rumanz semmejtli r-rakkont dwar il-Grand Hôtel de la Citadelle fejn in-narratur tmur għal irtir u dwar kif l-ismijiet u d-deskrizzjonijiet tal-ġonna hemmhekk jinstemgħu kważi mistħajla. Din għalija kienet stramba għaliex biex nikteb dik il-parti tar-rumanz kont verament żortu dak il-post. Il-ġonna veru hemm kienu u d-deskrizzjonijiet tagħhom kienu miktubin u jien bdejt kważi nikkupjahom u nittraduċihom. Il-post huwa ta’ veru. U jekk trid tmur fih qiegħed Namur fil-Belġju. Hemm ħafna vvjaġġar fil-Belġju li użajt fil-kitba. Użajt dawn l-esperjenzi bħala l-esperjenzi tal-protagonista. Ir-rakkont huwa totalment reali, verament hekk għextu jien u hekk tajtu lill-protagonista. Però fil-kuntest tar-rumanz, bl-esperjenzi l-oħrajn kollha, qisu ħa minn dal-element surreali tar-rakkonti l-oħra. Travi taċ-Ċedru huwa rakkont senswali ħafna, is-sensi huma attivati b’kulma qed tara u qed tesperjenza l-protagonista, qisha qed tinfetaħ. In-narratur m’għandhiex isem jiġifieri għalhekk kull darba qed ngħid il-protagonista, mhux għax ma rridx ngħid x’jisimha. Nafu li hija mara, u li mhux dejjem tibqa’ f’dak il-ġeneru imma qisha tista’ tkun kulħadd tul dan il-mixi ’l bogħod mill-belt hi u tfittex il-foresta. Qed tattiva s-sensi u qed ixxomm iktar, tara iktar, tħoss iktar, ittiegħem iktar. Il-ponot tas-swaba’ qed tgħaddihom minn fuq kollox. Bil-qari tar-rakkont il-qarrejja nnifisha wkoll tiġi attivata, forsi waqt li qed taqra tmiss il-pjanti madwarha u toħroġ passiġġata. B’dar-rumanz nixtieq inqanqal fil-qarrejja proprju dan. » .

Dekorazzjoni art-nouveau