Michaela Berardi jissuġġerixxi li nużaw “il-poeżija, ir-ritmu, il-vibrazzjoni kosmika bħala terapija għall-qtugħ ta’ nifs fiżiku u psikoloġiku; poeżija bħala ambigwità, eċċess, twassal għal rivelazzjoni, żvelar, ta’ dak li hu possibbli.” Jien għandi xi mistoqsijiet dwar din is-silta. Kif eżatt niddefinixxu ritmu, mużika u poeżija llum il-ġurnata? Kultant niddubita tlifniex l-abbiltà li noħolqu ritmi, poeżija jew mużika li mhumiex imtebbgħin mill-produttività u l-konsumeriżmu tal-kapitaliżmu u n-neoliberaliżmu. Naħseb ħafna minna tlifna l-abbiltà li naħsbu b’mod ħieles minn dawn il-ħakkiema. Kulma nagħmlu għandu xi skop aħħari. Jekk niktbu poeżija, irridu naqsmuha, nippubblikawha, inxandruha. Jekk noħolqu biċċa mużika, trid togħġob lill-udjenza, trid tobdi r-regoli mużikali, u jekk ma trendix il-flus, almenu nistgħu nirbħu xi kapital soċjali biha.
Audrey Dan il-ħsieb jaffaxxinani. Għalija huwa relatat mal-idea tad-dittatura tal-kejl — kemm aħna tajbin, imma skont ir-riga li ħolqu “huma”. Kif argumenta Heidegger, id-dilemma hi bejn li nkunu awtentiċi u li nidħlu fil-merħla, u ma ngħixux il-ħajja awtentika tagħna, iżda tal-oħrajn.
Michaela Ma nafx. Forsi qed ninterpretah ħażin. Imma kważi lanqas naf x’ried ifisser Berardi b’“ritmu”. Jien li għandi skonnessjoni qawwija bejn ġismi u moħħi, inħoss moħħi jhewden il-ħin kollu bla ma jistrieħ, bla ma jien qatt nifhem kif jaħdem ġismi u x’qed jiġri ġo fih. Nibża’ li lħaqna punt fejn m’għadniex nistgħu niżvujtaw moħħna mill-jasar tal-produttività kapitalista li jtappnilna moħħna, sa ma nitilfu l-kapaċità li naħsbu u nħossu r-ritmi u l-poeżija hekk, għall-gost, għal xi tip ta’ sodisfazzjon primordjali. Spiss nibża’ li moħħna nbidel b’mod permanenti, u li minħabba din is-sħaba fuq moħħna, dan ma nagħrfuhx, u ma nkunu nistgħu qatt inreġġgħu lura l-arloġġ.
Loranne Dan is-sentiment, dwar l-iskonnessjoni qawwija bejn il-ġisem u l-moħħ, veru nħossu meta jkolli appuntament tal-yoga u nibda nistressja li “għandi appuntament”, meta tqis li l-iskop tal-yoga huwa proprju biex nirrilassa u nerġa’ nsib dak ir-ritmu u dik il-konnessjoni bejn il-ġisem u l-moħħ li tant ikolli bżonn.
Joe Michaela, ma naħsibx li l-iktar ħaġa importanti jekk intix qed tinterpreta lil Berardi sew. Imma xorta waħda naħseb dak li qed tgħid hawnhekk huwa ħafna fl-ispirtu tal-ktieb: il-fatt li tissuspetta jekk it-tifsiriet tagħna humiex verament tagħna, jew humiex xi forma ta’ performance oħra jew prodott ieħor. Naħseb li l-kaos u l-poeżija hemm jidħlu, biex (nippruvaw) immorru lil hinn mill-komodifikazzjoni tal-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna… jekk, kif tgħid int, dan għadu possibbli.
Hertha Nemmen li l-poeżija tagħti nifs ġdid. F’dinja mifnija, fgata u inkwinata minn fatturi negattivi, huwa ferm diffiċli li tieħu nifs f’ambjent li dan ma jippermettihx. Biex nieħdu ftit ossiġnu rridu ninqatgħu f’partijiet tad-dinja li għadhom ftit li xejn mittiefsa, ftit milħuqa: taħt l-ilma, barra mill-ibliet… Għalissa, għadu possibbli li wieħed jaħrab mill-geġwiġija, u jalla jibqa’. Iżda jekk dan ma jkunx aktar? Mhux neċessarjament għax dan l-ambjent ukoll jiġi avvelenat, imma minħabba limitazzjoni min-naħa tagħna, bħal pereżempju nuqqas ta’ ħin biex inżuru l-post? Fejn se mmorru mbagħad biex nieħdu nifs? Il-verità turi li n-nifs jiġġenera ruħu fina. Fil-moħħ u l-ħsibijiet tagħna. L-ambjent jgħin biss biex jispira, jiġġenerah. Mela jista’ jinbidel l-ambjent u xorta nispiraw ruħna niġġeneraw nifs. Hekk il-poeżija. Tista’ tkun f’belt mifqugħa nies u storbju u xorta tieħu nifs. Kif? L-istorbju jqanqalli rabja, ir-rabja tqanqal il-versi, il-versi jassorbu n-negattività interna tiegħi u jħalluli l-pulmun vojt lest jassorbi iktar. Nifs ħażin? Le. Il-poeżija tħallini nimraħ, saħansitra fejn fiżikament ma nasalx. Il-kitba kollha tippermetti dan, iżda l-ebda ġeneru daqshekk liberament daqskemm il-poeżija. Ma tridx taħseb fuq plot, karattri, affarijiet li jridu finalment jagħmlu sens. Għad li wkoll bir-regoli tagħha, il-poeżija, bl-eċċess tagħha, tħallik tilgħab, tesperimenta, iddur mar-regoli li ma jifgawkx u ma jillimitawkx bħal dawk tas-soċjetà. Fil-poeżija nikkrea dak li rrid. Lill-għadu npattihielu, nibni Palazz li xtaqt, nagħmel festin ma’ ħbieb onesti, u n-nifs jibda ġej: dak pur li jżommni għaddejja.
Karl Hawnhekk nixtieq insemmi dak li jgħid Berardi dwar kif id-dipressjoni “tista’ tiġi deskritta bħala l-kundizzjoni li fiha, ladarba ma tibqax tinvesti deżiderju fl-esperjenza ta’ kuljum, l-organiżmu konxju jitlef il-ħila li jsib sinifikat fid-dinja ta’ madwaru.” Iktar mid-dipressjoni, però, li xtaqt nenfasizza huwa l-esperjenza ta’ kuljum, “il-ħajja ta’ kuljum” bħala kategorija ta’ ħsieb u kritika. Din xi ħaġa li ilni naħseb fuqha, u naħseb li Berardi fit-test tiegħu jirrikorri għal-letteratura sabiex jaqbad sew din l-esperjenza. Dan minħabba l-fatt li Nifs: Kaos u Poeżija huwa test li jittratta ħafna suġġetti makro, bħal pereżempju s-semjokapitaliżmu, in-neoliberaliżmu, eċċ. Berardi jirrikorri fost l-oħrajn għal kitbiet ta’ Jonathan Franzen u Octavia Butler biex jiffoka iktar fuq l-esperjenza ta’ kuljum. Il-letteratura tippermettilu jaqleb minn sferi iktar astratti li jiddeskrivu l-eżawriment sistemiku, għal realtajiet mgħixa fil-ħajja kwotidjana. Għaldaqstant naħseb li l-letteratura u l-poeżija jgħinu sew f’dan ir-rigward. Ma nistax ma nsemmix li riċentament qrajt Perfezione ta’ Vincenzo Latronico u ma stajtx nieqaf naħseb fuq il-fatt li hija storja li tittratta żewġ karattri li joħolqu ċertu sens ta’ soffokazzjoni għalihom infushom permezz tal-affarijiet li jikkunsmaw. Iktar minn dipressjoni, jinħoloq ċertu tip ta’ vojt li probabbilment ilkoll nesperjenzaw f’xi punt jew ieħor.
Joe Perfezione għadni ma qrajtux, imma naf fuqiex inhu. Ironikament, jien meta mort ngħix Berlin fhimt xi ħaġa bażika dwar kif l-urbanità mhux bilfors tfisser l-istorbju u l-konsumeriżmu, għalkemm minn dak iż-żmien, dik il-kwalità spontanja u antikonsumerista ta’ dik il-belt ġiet ippakkeġġata u kkomodifikata ħafna aktar.
Michaela Il-konsumeriżmu proċess mgħaġġel fejn niskonnettjaw kompletament minn ġisimna u nfittxu iżjed u iżjed affarijiet esterni biex forsi jimlew xi vojt li nħossu — proċess esponenzjali fejn iżjed ma tħoss vojt iżjed tħoss li għandek tikkonsma biex timla l-vojt. Iżda dan ċiklu bla tmiem. Naħseb id-distakk bejn il-moħħ u l-ġisem huwa wieħed mill-agħar konsegwenzi li batejna minħabba l-kapitaliżmu u n-neoliberaliżmu. Il-konsumeriżmu huwa di natura maqtugħ min-naturali, u din l-iskonnessjoni bejn l-għeruq tagħna ġġegħelna nħossu vojt profond.
Karl Biex jiġi żgurat nifs ġdid, inħoss li rridu nitilqu mill-ħajja ta’ kuljum. Minn dak li Giorgio Agamben (wara Guy Debord) isejjaħ bħala “l-klandestinità tal-ħajja privata”. Dan jaf jiżgura li n-nifs ikun wieħed ġenwin, jew li, jekk xejn, jitlaq minn punt ġenwin. Li jħalli warajh it-traċċi tal-ħajja tal-ispettaklu u l-ipokrizija li tikkostitwiha. Ipokrizija li sforz tagħha qed ikompli jikber in-nuqqas fundamentali ta’ ħbiberija, anke fl-istess waqt fejn ħafna jqisu ruħhom attivisti jew persuni li huma sensittivi għal ċerti kwistjonijiet kurrenti (bħall-kunflitt fil-Palestina, eċċ.). L-ipokrizija f’dan ir-rigward hija għerq b’saħħtu ferm tas-soffokazzjoni kurrenti.
Joe Hawnhekk il-ħajja ta’ kuljum hija dik pubblika jew privata?
Karl Mistoqsija tajba, però dejjem qed nirreferi għal dik privata f’dawn il-ħsibijiet.
Loranne Dan it-tluq mill-ħajja ta’ kuljum veru nossessjona dwaru, l-aktar għaliex tant ninżammu marbutin mal-impenji, ir-responsabbiltajiet u l-irbit kollu li għandna fil-ħajja ta’ kuljum li t-tluq jinħass impossibbli, ġennata. Hija xewqa għal tluq litterali, li verament noħroġ mid-dar u nitlaq u ma niġix lura, imma hemm barra kollox maħdum biex jew terġa’ lura jew tmut (bil-ġuħ, bil-mard, stuprata, maqtula). Il-ħajja mingħajr l-ordni tal-ħajja ta’ kuljum kif nafuha tissarraf f’mewt.
Audrey Dwar il-klandestinità tal-ħajja privata li semmejt, Karl, dan ħsieb sabiħ li jirrifletti r-realtà tagħna llum. X’tifhem biha l-klandestinità tal-ħajja privata? Jien qed nifhem l-istat ta’ meta dak li jkun qed iħossu “barrani” jew qed jilgħab xi parti fl-ispazju personali tiegħu, fejn suppost huwa awtentiku, imneżża’ minn kull irtokk u kostumi; din hija traġedja, ħela ta’ ħajja. Imbagħad, dwar l-aħħar punt tiegħek, Karl, dwar l-ipokrizija, dan il-ħsieb ifakkarni f’dak li jiġini f’moħħi meta nirrifletti fuq l-effett tal-midja soċjali. Tittradixxi billi ġġiegħel lill-persuni jħossu li għandhom ħafna ħbieb, li huma għandhom xi livell ta’ status, u li allura huwa mistenni li huma jesponu lilhom infushom, bħalma jagħmel kulħadd. Fil-verità hija l-midja soċjali li tikkontribwixxi għall-qtugħ ta’ nifs. Jien jinqatagħli nifsi u nħossni nixxejjen meta nara filmati ta’ nies ibatu tbatijiet orrendi u mhux immaġinabbli; nixtieq li nista’ nagħmel xi ħaġa biex jieqaf dan kollu, iżda ma nafx kif, u jekk stess, ma nafx il-farka tiegħi tistax tkun effettiva. Huwa veru li ċerti persuni jippreżentaw lilhom infushom bħala gwerrieri għal xi missjoni jew oħra minn pożizzjoni ta’ vanità (jew ipokrizija), iżda nemmen ukoll li l-pjattaforma li toffri l-midja soċjali tista’ sservi biex il-“kontenut” ta’ dawn il-persuni jikkontribwixxi għal xi forma ta’ reżistenza. L-ipokrizija hija soffokanti, iżda nemmen li lkoll nesperjenzawha, anke biex nipproteġu lilna nfusna minn soffokazzjonijiet oħrajn.
Hertha In-nifs nistgħu noħduh meta nsibu rifuġju u kenn “fit-tgħanniqa tal-ieħor, fis-solidarjetà soċjali”, “fis-skiet ta’ Alla jidwi fil-kaos”. Dawn jagħtuna kenn mill-kaos “li fih sirna ma nistgħux nieħdu nifs bir-ritmu tar-respirazzjoni tagħna stess”. Fil-kenn tagħhom, nerġgħu nbiddlu r-ritmu tagħna biex ir-ritmu ta’ nifisna jerġa’ jistabbilizza ftit ruħu.
Omar Berardi jgħid li “l-verità ma tistax tkun il-motivazzjoni etika tal-għażliet tagħna, is-solidarjetà biss tista’ tkun. Il-problema hi li s-solidarjetà soċjali ġiet ipperikolata mill-prekarjetà tax-xogħol mifruxa sew u mill-kult omnikomprensiv tal-kompetizzjoni. Għalhekk l-azzjoni politika hija impotenti u ineffettiva.” Bilfors ikolli naqra dal-kliem fil-kuntest ta’ kittieba oħra li kont qed naqra dal-aħħar, bħal Leo Bersani u Mario Mieli. Naħseb li għandi xi dubji dwar is-solidarjetà, speċjalment jekk is-solidarjetà ssir għodda biex tiċċattja… le, iddejjaqni l-kelma tiċċattja… tissanitizza, ngħidu aħna l-ħajja mgħixa (eż. queer) biex issir rispettabbli f’qafas kapitalist li mhux talli jiggvernak minn qafas kwantistiku u algoritmiku imma anki somatiku f’forma ta’ reġimi mikroprostetiċi u ormonali, jiġifieri li anki d-deżiderju (dak li għal ħafna huwa sit li fih forsi nistgħu ngawdu xi semblanza ta’ aġenzija) ittieħed. Hawnhekk naħseb li kemm Mario Mieli kief ukoll Leo Bersani għandhom xi lezzjonijiet importanti biex ma naqbdux nitkellmu fuq is-solidarjetà għax anki dak l-ispazju ttieħed issa. Ma nafx x’hemm f’Bersani li jista’ joħroġna jew jgħinna nieħdu n-nifs, però d-dissoluzzjoni tal-ego jista’ forsi jkun punt ta’ tluq interessanti. (Ovvjament, irrid naħseb iktar dwar dan).
Joe Interessanti ħafna din. Is-solidarjetà bħala sintesi prematur.
Omar Għal xi raġuni stramba ħafna qed jiġi evokat ġo rasi bħalissa ħsieb dwar in-Neolitiku bħala perjodu fejn l-individwu forsi kien għadu qed jiġi tteorizzat bħala dividwu. Ma nafx kemm Bersani u l-idea tiegħu għadhom jistgħu jgħinuna noħolqu d-dissoluzzjoni tal-ego minn, pereżempju, il-ħaxi queer, għax anki dak huwa parti mill-politika tal-identità u allura kkapitalizzat. Però, l-idea tad-dividwu — mhux bħala frammentazzjoni tal-individwu imma bħala ħsieb li aħna diġà dejjem u bilfors nagħmlu sens biss mal-Ieħor — forsi jista’ jkun punt ta’ tluq? Qed jiġi allura f’rasi bħalissa x-xogħol ta’ Tim Dean (studjuż ta’ Bersani u Mieli) li jħambaq ħafna fuq l-intimità impersonali — ċjoè l-intimità mingħajr narrattivi ta’ identità, mingħajr il-bżonn ta’ tweġibiet, mingħajr il-bżonn li jien inkun naf min int, li nkejlek, li nagħrfek. Naf li int biss ġisem, bniedem, sura ta’ bniedem. Forsi hemm insibu ftit nifs?
Audrey Din l-idea ta’ intimità impersonali spiss naħseb fuqha, partikolarment peress li nesperjenzawha kuljum permezz tal-midja soċjali. Naraha forma ta’ ingann, anke kattiverja, iżda safrattant jien nipparteċipa wkoll f’dan l-“ispettaklu” bla sens.
Omar Naf eżatt x’qed tgħid dwar dan l-ingann kattiv. Kruha sew. Però kont qed nalludi għal tip ta’ intimità oħra… qrubija tal-iġsma mingħajr id-diskursività kif nifhmuha, ’il bogħod mill-komunitajiet soċjali online, intimità mingħajr kummenti, intimità fid-dlam, fil-baħħ, mingħajr il-bżonn li narak u nkun naf min int u mingħajr il-bżonn li niġu medjati minn pjattaformi diġitali.
Audrey Nifhem. “Forsi hemm insibu ftit nifs?” tistaqsi. Ngħid li iva, għax m’hemm aspettattiva ta’ xejn, sempliċiment li nkunu biss fil-mument, jeżisti hu biss, neżistu aħna biss f’dik il-farka eternità. Nieħdu dak in-nifs mingħajr preġudizzju u kundizzjonament, mingħajr kalkoli, pereżempju ta’ kemm nifsijiet għandna nagħtu/nieħdu iktar biex… min jaf xiex, jew jekk nifisna hux biżżejjed, jekk hemmx mod ieħor, eċċ. Mingħajr l-ansjetà li taħkimna meta rridu nafu, nikkalkulaw, u nqabblu, skont il-programm soċjali li rabbewna fih.
Omar Qed naħseb ukoll fuq il-mod ta’ kif naqra lil Paul B. Preciado u jekk in-nifs nistgħux noħduh billi niħħekkjaw l-apparat somatiku b’għaġla ikbar minn dik tal-algoritma biex niżmantellaw il-binarji. Forsi hemm, fil-qalba ta’ dik li Preciado jsejħilha l-insurrezzjoni somatopolitika, nistgħu nieħdu ftit nifs? Jew forsi nieħu n-nifs meta nqabbad ċilindru ma’ dahri u ninżel bih taħt l-ilma ż-Żurrieq, ninżel ninżel sakemm nilħaq is-sadid tal-Um El Faroud u nisma’ l-pulmun jimtela u jitbattal — naf li n-nifs qed nieħdu żgur — forsi huwa r-ritmu tas-sommersjoni li jagħtini s-sikurezza li n-nifs li qed nieħu huwa nifs ta’ veru, u forsi n-nifs ta’ veru jista’ joħroġ biss minn ċilindru tal-ossiġnu.
Loranne Dil-immaġni tant hi sabiħa, tant hija dak li nixtieq, li nintelaq fl-ilma u nistħajjel li ladarba nkun taħtu xorta nista’ nibqa’ nieħu nifs, anzi nista’ fl-aħħar nieħu n-nifs tajjeb. L-immaġni veru b’saħħitha, jien nimmaġinani mingħajr il-bżonn ta’ ċilindru, li hija fantasija ovvjament. Naħseb l-iktar aspett qawwi li jserraħni huwa s-skiet ta’ meta tkun taħt l-ilma.
Audrey “Ejja ninsew il-kejl,” jgħid Berardi. “Ejja ninsew il-kapaċità teknika, il-kompetenza soċjali u l-profiċjenza funzjonali.” Jien infittex li naħseb barra “l-isfera tat-tikjil u tal-kejl” billi mmur ngħum. Immersa fl-ilma kiesaħ u fond insib mod kif “nevolvi ritmikament mal-kosmu”. Hemm, bin-nifs ikkontrollat ritmikament, nieħu n-nifs li tant għandi bżonn. Hemm ma jien ħadd ħlief ħlejqa insinifikanti, komuni, bħall-ħut kwiet għaddej taħti, u ma jien soġġetta għall-ebda ġudizzju jew kategorizzar. Inkunu jien u l-baħar salvaġġ biss. Hija proprju l-pressjoni kkawżata minn sistemi varji ta’ kejl li tqajjem ġewwa fija sens ta’ reżistenza u urġenza għas-sopravivenza li toħodni sal-baħar, li jxejjen kull angst. Il-kejl illum sar ubikwu: il-valur tiegħek sar (jew sibna dir-realtà ma’ wiċċna meta twelidna, u ġegħluna nemmnu li din ħaġa indisputabbli, naturali?) jiddependi mill-marki li tingħata (f’interview, fl-eżamijiet, permezz tar-reklami, għall-promozzjoni…). Ir-reklami insidjużi jridu jiddettaw kull sfera ta’ ħajjitna, u huma forma/għodda għall-kejl soċjali li jiddistingwi bejn min hu sabiħ/ikrah, sinjur/fqir, minn tagħna/stramb, modern/antikwat, tajjeb/ħażin… L-isteriżmu assoċjat mal-kejl u dak kollu li jikkawża huwa parti mill-istorbju u mill-kaos li lkoll aħna immersi fih; il-kejl huwa għodda għall-ħolqien ta’ ġerarkiji u kompetizzjoni, fenomeni li jistimulaw l-emozzjonijiet, li jifqgħu l-moħħ, u li allura jaljenawna b’tali mod li noperaw skont id-dittatura tagħhom. Ninsew nieħdu nifs, ninsew li dak in-nifs huwa divin, kif niskopru fil-filosofiji tal-Lvant (inħobb naqra l-ħsieb ta’ Rumi) — in-nifs kosmiku li jgħaqqadna mal-ħolqien kollu, u li jagħmilna ħaġa waħda, mhux kompetituri.
Loranne Li “ninsew nieħdu nifs”… din verament qed insibni nesperjenzaha. Li ninsa nieħu nifs, li nieħu biss dak il-ftit nifs kemm nibqa’ ħajja, imma rrid infakkar lili nnifsi li għandi nieħu nifsijiet twal u fil-fond, tant jien maqbuda mill-preokkupazzjonijiet żgħar u kbar ta’ kuljum.
Audrey Eħe, ninsew li għandna valur lil hinn minn kwalunkwe mekkaniżmi artifiċjali li jistgħu joħolqu l-forzi tal-poter. Il-kejl, għaldaqstant, huwa strument raffinat biex iżommna iżolati, immersi fl-istorbju ġġenerat minn barra, torox għall-ħoss tan-nifs tagħna stess, nifs maqtugħ ormaj; dejjem nifisna maqtugħ — bil-ġenn, bl-għaġla, b’dak kollu li (qalulna) suppost qed nagħmlu biex inkunu “tajbin” u m’aħniex, bl-inkwiet, u bil-biża’, mgħaffġin taħt il-madmad tal-kaos li qed induru u nagħqdu fih, mingħajr ma nafu. Nindunaw, fil-fatt, meta nieqfu ftit nirriflettu dwar ħajjitna; iżda l-kaos — l-għaġla, il-pjanijiet, il-listi, l-appuntamenti, il-ħin itektek u l-pingijiet tal-mobile li saru qishom soundtrack ta’ ħajjitna — donnu aċċettajnieh bħala kundizzjoni eżistenzjali. TINA: “there is no alternative” (l-islogan li nassoċjaw ma’ Margaret Thatcher). Dan li jfisser li nkun ħajja? Nixtieq li kieku dawn il-mistoqsijiet jagħmilhom kulħadd, u li tant ikunu persistenti u urġenti li jwasslu għal bidla, fejn ilkoll nibdew nieħdu n-nifs bħala l-kundizzjoni eżistenzjali. Li nkunu umani ma’ xulxin l-ewwel u qabel kollox, mingħajr kejl u ideat ta’ kapaċità, kompetenza u profiċjenza.
Omar Naħseb li hemm desideratum enormi, però, li huwa n-nuqqas ta’ teorija tal-etika li biha nistgħu niffurmaw alleanzi u kollettivi ġodda. Qed naraw li s-solidarjetà qed issir iktar diffiċli f’kuntesti politiċi fejn żewġ affarijiet apparentament kuntradittorji jistgħu jeżistu fl-istess ħin. Għal dawn, il-qafas etiku eżistenti ma jgħinx. Mingħajru, x’nifs nistgħu nieħdu?
Audrey Qed naħseb fuq li jgħid Berardi dwar kif “il-poter mhuwiex mibni iktar fuq li jsikket il-folla (pereżempju, permezz taċ-ċensura, il-mezzi tax-xandir, jew is-solennità tad-diskors politiku), iżda huwa bbażat fuq l-intensifikazzjoni bla limitu tal-istorbju.”
L-istorbju fuq kull livell inessini li qed nieħu n-nifs;
inessini li ġismi ħaj;
kollox iridek tisma’ dak li forzi mhux magħrufa jriduk tisma’.
Meta ngħid “kollox” irrid infisser dak kollu li jimbotta ruħu għal ġo wiċċi, hekk kif niftaħ il-midja soċjali, li, kontra qalbi, nagħmilha ta’ spiss biex inħossni aġġornata, jew, jekk irrid inkun totalment onesta, għall-vizzju. Tant hemm vuċijiet u kurrenti lkoll iridu jbigħu l-prodott tagħhom, li ninsa r-raġuni għalfejn inkun ftaħt il-mobile — biex niċċekkja emails u messaġġi li jkunu daħluli. Hekk ngħid lili nnifsi. Ormaj qed ngħixu fi spazju diġitali li sar mandatorju sal-punt distopiku. Jien ma twelidtx fl-era diġitali, u lanqas irċevejt l-edukazzjoni tiegħi fiha. Meta kelli l-ewwel mobile kont ilni għalliema sentejn, u niftakar li kelli eċitament u kurżità kbira biex insir naf dak li għalliema ġodda kienu jafu dwar it-teknoloġiji ġodda. Kien għalliem-student ġdid li fil-fatt kien urieni x’inhu email, u x’hemm fl-internet. Dak iż-żmien fraħt għax kien se jkolli riżorsi kreattivi x’nuża biex nagħmel it-tagħlim ferm iktar varjat u attraenti għall-istudenti tiegħi. Qajla kien jidħolli f’moħħi li dan kien biss il-bidu ta’ dittatura.
Hertha Issir faċli li tfittex nifs aħjar f’dinja virtwali meta tara li kollox qed jagħfas fuqek: pressjoni minn degradazzjoni fl-ambjent u l-estinzjoni ta’ ċerti speċijiet, pressjoni mill-kaos ikkawżat minn sovrapopolazzjoni u inizjattivi li joħolqu iktar storbju u ġenn, basta li r-ritorn fuq l-investiment ikun immassimizzat; pressjoni minn nies influwenti li jpinġulna dinja ideali li għandna naċċertaw ruħna li nkunu parti minnha… Iżda dan it-tiftix u sejbien ta’ nifs aħjar huwa biss temporanju u qed jiswa prezz għoli ħafna — it-telfien tas-sensittività u tal-paċenzja li huma vitali biex wieħed jitgħallem bil-mod u b’dixxiplina “jtella’” nifs li jservi fit-tul.
Audrey Antonio Gramsci fl-1930 kien tkellem fuq l-Interregnum — żmien il-“mostri” ħerġin minn bejn il-konsenturi ta’ żmien li qed jiskadi u ieħor li għad irid jitwieled u ma jistax. Din l-idea lili ġġegħelni naħseb dwar kif l-istorbju kostanti li ninsabu immersi fih, intensifikat (strateġikament?) mill-forzi tal-poter joħloq żewġ effetti: dak li jnessi l-fatt li hemm bżonn tal-bidla, u l-effett li ma jagħtix ċans lill-“mostri” (nifhimhom bħala r-rivoluzzjonarji, il-poeti, il-ħassieba, il-ħalliema…) jibdew bir-reżistenza tagħhom lejn il-ħolqien ta’ spazji ġodda, jew ta’ nifs ġdid. Dan l-aħħar erġajt iltqajt ma’ din l-idea fil-ktieb ta’ Ray Bradbury Fahrenheit 451. Hawnhekk, il-“mostri” huma r-ribelli, dawk li għandhom l-ardir jaħsbu u jħossu, u ma jobdux ir-regolamenti intenzjonati li jgħaddu romblu minn fuqhom u jirreduċuhom għal robots — nies li bilkemm jieħdu nifs, li ma jistaqsux, ma jħossux u ma jirriflettux. Dan il-ħsieb ifakkarni wkoll fir-robots li sirna naraw jipparteċipaw f’olimpjadi sportivi, u f’dawk il-pupi/ir-robots għall-bejgħ li tista’ tagħmel bihom li trid, anke tiżżewwiġhom. Il-mostri, nies li jieqfu jobdu l-programm soċjali li ma jħallihomx jieħdu n-nifs li ġew maħluqin biex jieħdu, dawk li jazzardaw imorru kontra l-kurrent biex jiskopru l-umanità tagħhom, huma dawk li jirrabjaw, jinkwetaw, u jġibu ruħhom b’mod problematiku għal min imexxi kollox. Id-dinja distopika li pinġa Bradbury fl-1953 hija profetika. Tirrifletti b’mod alluċinanti r-realtà li qed ngħixu fiha llum. Huwa jirrakkonta dinja fejn il-forzi dominanti qaċċtu l-parapetti mid-djar u l-ġonna pubbliċi, ħalli n-nies ma jkollhomx fejn imorru biex ikunu waħedhom jaħsbu u jitkellmu m’oħrajn. B’hekk jiġu evitati l-problemi. Kien importanti għat-tmexxija li n-nies ma jkollhomx ċans ikunu komdi magħhom infushom, u allura jispiċċaw iduru u jagħqdu ’l hemm u ’l hawn minflok. Kien importanti li n-nies ma jitħallewx jaħsbu; tihom ma’ xiex jedhew, bħal kompetizzjonijiet u logħob mingħajr importanza. Biżżejjed jaljenawna bil-ġugarelli teknoloġiċi avvanzati u ffukati li jerdgħulna l-attenzjoni tagħna, l-immaġinazzjoni u l-ħsieb. Din hi s-“saturazzjoni tal-moħħ li jisma’”, l-“iperstimulazzjoni newrali” li jitkellem dwarha Berardi. Donnu kollox maħdum bizzilla biex jinħatfilna n-nifs li jżommna ħajjin u “perikolużi”.
Joe L-ewwel idea li laqtitni f’dal-ktieb ta’ Berardi kienet inkwadrata minn traduzzjoni oħra ta’ Karl (“Kollox Iperpolitiku” ta’ Anton Jäger). Fiha hemm kwotazzjoni minn En attendant Godot ta’ Samuel Beckett:
Estragon: Ma nistax nibqa’ sejjer hekk.
Vladimir: Dak x’taħseb int.
Din l-idea li taħseb li ma tistax tibqa’ sejjer hekk; imbagħad tibqa’. Iż-żmien li qed jitkellem fuqu Berardi, l-2016, kien żmien meta ħassejna li kollox kien dar ta’ taħt fuq, bdejna nitkellmu fuq il-fake news, u nħass qisu konna ċentimetru ’l bogħod minn xifer l-irdum. Meta nħarsu lura, dak il-lok jinħass kilometri u kilometri warajna, u x-xifer għadu jinħass eżatt quddiemna, qisna f’xi paradoss ta’ Zeno. Din hi l-aċċelerazzjoni tal-qtugħ ta’ nifs. Però hemm aspett ta’ dal-qtugħ ta’ nifs li jkolli nammetti dejjem eċitani, dejjem ridtu. Berardi jiddeskrivih bħala “r-riefnu ta’ esperjenza urbana”. Fi Dracula ta’ Bram Stoker, Dracula nnifsu jgħid li proprju għalhekk ried jitlaq minn Transilvanja u jmur Londra, biex ikun qalb il-folla, qalb l-umanità. Naħseb li għalhekk kont tlaqt minn Malta, għal dar-“riefnu”, għalkemm issa ili s-snin li fil-fatt dar-riefnu pjuttost inħossu iktar meta nkun Malta, u mbagħad inħossni nerġa’ lura lejn il-bliet kbar għal ftit kwiet.
Karl L-ironija li tiddomina lilna l-migranti Maltin!
Michaela Kurjuża xi trid tfisser biha, Joe: “dar-riefnu nħossu meta nkun Malta”. F’sens pożittiv jew negattiv? Riefnu li jeċitak jew tħossu ħa jġorrok miegħu u jsabbtek?
Joe Qabel, dar-riefnu kont għatxan ħafna għalih, u kont nimmaġina li tista’ ssibu biss fi bliet kbar li jġorruk magħhom. Ma nafx kienx biża’ mill-provinċjaliżmu, li huwa biża’ provinċjali fih innifsu. Illum naf li anki fil-bliet kbar, il-preġju tagħhom huwa l-ispazju mentali, l-ispazju pubbliku. Forsi għandu x’jaqsam mal-fatt li sirna ħafna iktar leisure society, u iktar ma l-ekonomija tiddependi fuq il-leisure, it-turiżmu, iktar tħossok qisek dħalt qalb l-istorbju ta’ fabbrika meta tersaq lejn postijiet suppost ta’ divertiment, jew postijiet ta’ turiżmu, fejn hemm l-istorbju tal-manifattura semjotika. In-nies jieħdu r-ritratti u jgħidulek tersqilhom ftit biex ikunu jistgħu jieħdu ritratt bit-Tlett Ibliet tal-Kottonera warajhom. Sirt niddistingwi iktar bejn l-istorbju u l-vivaċità. Kull kapitlu ġdid tal-istorja ngħid, mhux minn dejjem konna hekk? Fl-istess ħin jinħass li qatt ma kienet hekk l-istorja, u ma nistax nimmaġina d-dinja għaxar snin fil-futur.
Karl Punt kbir u importanti naħseb dan. Ġiet maħnuqa għalkollox kważi dik il-vivaċità. Jew, ejja ma nkunux daqshekk pessimisti, saret iktar rari. Jew inkella saret tiġi approprjata (għal finijiet ta’ kummerċ, eċċ.) b’tali mod li ssir storbju mill-ewwel.
Loranne Jien veru nħossha li l-affarijiet qatt ma kienu daqshekk ħażin. Kultant naħseb li fil-fatt kienu imma konna żgħar u konna niġu protetti u konna ottimisti. U konna inqas konnessi u inqas infurmati ta’ kull ħaġa minuskola li tiġri fid-dinja. Issa, bl-età u bit-teknoloġija u bl-aċċess kollu li għandna għal kollox, anki għal dak li lanqas hu minnu, qed inġorru wisq piż.
Omar Jien ukoll qanqlitni dik is-silta dwar ir-riefnu ta’ esperjenza urbana, speċjalment meta Berardi jgħid li “fil-kuntest Spanjol tal-aħħar tas-seklu ħmistax, ‘Int min int?’ kienet mistoqsija doppja. Kienet tfisser, x’inhi l-oriġini tiegħek? Inti Nisrani pur jew l-antenati tiegħek tħalltu mal-infidili? Fl-istess ħin kienet tfisser ukoll, x’pożizzjoni soċjali għandek?” Qanqlitni forsi minħabba li Berardi għandu dan it-ton profetiku-dijanjostiku a la Ġeremija. Waħx meta naħseb li l-perjodu li qed jevoka hawn huwa ikrah ġuħ — it-tkeċċija tal-Musulmani u l-integraliżmu li segwa anki jekk dan ġab miegħu t-tvenvin tal-glam urban. Bħalissa, meta nkun qed nagħmel xi xogħol ta’ outreach, niltaqa’ ma’ ħafna nies ta’ bejn it-tmintax u l-25 sena li primarjament jidentifikaw bħala Kristjani u li fl-interpretazzjoni tiegħi (għall-inqas hekk qed nispera) din tfisser Malti “abjad”, jew Malti mhux Musulman, jew Malti mhux denominazzjoni oħra. Int min int? U t-tvenvin urban li ġġib magħha. Naħseb, mhux ċert, li r-rumanz pikaresk li jsemmi Berardi ħareġ proprju minn hawn.
Loranne Dal-aħħar sirt iktar konxja tal-istorbju, tal-folol, tan-nies bil-gzuz.
Infittex dejjem il-kwiet,
l-ispazji vojta, il-ftuħ, il-beraħ.
Saru juġgħuni widnejja ma’ kull ħoss u għajta, ma’ kull tpaqpiqa.
Il-metrò dejjem iffullat, tal-linja wkoll, it-toroq staġnati bit-traffiku,
ir-ristoranti u l-kafetteriji miżgħuda bin-nies,
kulħadd ħa xejra ta’ turist f’beltu stess.
Il-folol, li tant kont infittex meta kont iżgħar, issa saru joħonquni.
Id-dar naqta’ nifsi u nixtieqni barra.
Malli noħroġ mill-bieb ninħakem mod ieħor.
Xtrajt par Loop biex insodd widnejja, spiċċajt nisma’ iktar lili nnifsi,
nifsi jirbombja, it-tmeċliq jien u nomgħod nisimgħu dirett f’widnejja.
Is-skiet xorta ma sibtux.
Xtrajt par airpods u xgħeltilhom minnufih il-funzjoni biex jikkanċellaw l-istorbju,
ħassejt il-ħemda titgeżwer madwari u l-bqija jitbiegħed.
Possibbli li rrid nagħmel dan kollu biex ma ninħakimx mill-kaos li sirt ngħix fih?
Karl Sbieħ immens dawn il-kelmiet/ħsibijiet! Qed naħseb fuqiex nista’ nżid, però qed insib ruħi naqra u nerġa’ naqra l-istess vrus…
Hertha Jiena u naqra kliem Berardi, imbagħad dawn il-vrus tiegħek, Loranne, qed jgħadduli aktar ħsibijiet. Hawn min ifittex vibrazzjonijiet li jirreżonaw flimkien ma’ ta’ dawk li huma skjavi tal-kejl f’dinja fejn il-kejl hu kollox. Magħhom isibu “armonija”. U allura nistaqsi, dan in-nifs se jibqgħu jfittxuh? U iktar nifhem il-partijiet fil-kitba fejn hemm enfasi fuq l-utilità tal-mużika għal nifs ġdid. Għad li napprezza wkoll il-kumment ta’ Michaela dwar kif saħansitra din il-mużika tista’ wkoll tiġi “kkontaminata”. U kważi ma nibqax nistaqsi x’verament iwassal għal nifs tajjeb għalina. Naħseb irid ikun hemm xi forma ta’ rieda interna. Forsi.
Michaela Laqtuni ħafna l-aħħar vrus ta’ Loranne. Anke għax jien persuna li qatt ma rnexxieli nimmedita u ma nafx x’inhu skiet. Qatt ma stajt nifhem kif tista’ timmedita. U anke l-fatt li trid intenzjonalment tidħol f’post ta’ meditazzjoni. Xorta hemm sforz. Xorta hemm ħsieb warajha.
Audrey Dawn il-ħsibijiet sbieħ nidentifika ħafna magħhom; ifakkruni fl-earplugs li xtrajt għal meta ngħum fil-pixxina, billi l-chlorine kien qed imarradni kull darba li mmur. Dawn għamlu miraklu miegħi, mhux għax ma bqajtx nimrad daqstant wara li bdejt ngħum bihom, iżda għax begħduni mill-ħsejjes kollha ta’ madwari u ħallewni nimraħ fija nnifsi. Qabel, kont ninħasad kull meta nisma’ ilħna jogħlew f’daqqa, xi għajta jew twerżiqa tirbombja mal-ħitan u mas-saqaf għoli; għal xi raġuni kont naħseb li l-ilħna, jew dik l-għajta, riedu jikkomunikawli xi ħaġa, aktarx biex inħaffef għax il-korsija bbukkjata u ġej xi grupp jitħarreġ mal-kowċ. Il-volum għoli tal-ħsejjes spiss ikun trigger għalija. Insibni bilkemm qed nieħu nifs minħabba l-emozzjonijiet li jitqanqlu fija. L-ambjent tal-pixxina, għalkemm miftuħ għall-membri u għall-pubbliku, huwa ddominat mill-coaching, u għaldaqstant, nistqarr li xi drabi nħossni barranija, għalkemm jien membru. L-earplugs tawni l-ħelsien minn dawn il-ħsibijiet “barranin”, u l-ħin li nqatta’ tielgħa u nieżla fil-korsija tiegħi issa nħossu tassew tiegħi — l-ispazju fejn niltaqa’ miegħi nnifsi mingħajr xkiel.
Omar Qed inwaħħal fl-età. Qed nirrifjuta li nwaħħal fl-ambjent bħala kawża tat-triggers li qed ikolli. Kif tafu, nuża l-mixi bħala mezz ta’ trasport u allura kontinwament espost għal sonorità urbana u anki mhux barra miċ-ċentri urbani fejn aħna (niesi, il-klassi tiegħi) inħobbu l-ħsejjes, l-istorbju, li nimmarkaw il-preżenza tagħna bl-għajjat, l-istorbju tal-muturi, tal-magni fuq il-bċejjeċ tal-baħar. Kemm jien maqsum fuqha din. Kemm qed inbati bil-ħsejjes u kemm qed nipprova nħobbhom għax is-skiet iwerwirni soċjalment.
Joe Naħseb hemm ċerta aċċelerazzjoni paradossali. Żgur li d-dinja ssir dejjem iktar storbjuża, iżda nissuspetta wkoll li aħna sirna inqas tolleranti tal-ħoss. U ninqabdu fiċ-ċiklu ta’ tbatija sistemika li dejjem taċċelera, u soluzzjoni konsumerista għaliha. Dinja storbjuża, noise-cancelling headphones. Tisħin globali, air conditioning kullimkien. U nitkellem bħala xi ħadd li minn mindu ħareġ il-Walkman bilkemm qatt neħħa l-headphones minn ma’ widnejh. L-istorbju, anki f’sens iktar wiesa’, huwa definit bħala l-oppost tal-informazzjoni, bħala entropija għolja, fit-teorija ta’ Claude Channon. Ma naħsibx li jien waħdi li l-ħoss tal-murtali, pereżempju, jew ta’ kunċert, ma jdejjaqnix għax għandu kultura warajh, kultura li nagħrafha. Imma l-ħoss, għalija fil-vojt, ta’ mutur storbjuż, jew ta’ mobile fuq tal-linja, jittikani immens. Issa naf sew li hawn min il-ħoss ta’ mutur jew karozza huwa melodjuż daqs kunċert. U forsi waħda mir-raġunijiet għala ninterpretaw ħafna ħoss bħala storbju hija għax għandna inqas u inqas fehim kulturali kollettiv.
Hertha Dal-aħħar, bħalma spiss inħobb nagħmel, mort nistkenn ftit mis-sħana qalila ġewwa lobby ta’ lukanda għall-frisk tal-arja kkondizzjonata, il-veduti tal-baħar u l-kwiet tant mixtieq forsi nitnebbaħ għal xi biċċa kitba. Post li niffrekwenta regolarment. Ta’ spiss kont inkun waħdi. Iżda dakinhar, wara ftit ġew fuq il-pultruni ta’ ħdejja grupp imdaqqas ta’ ħbieb. Kienu qed jifirħu b’mod storbjuż li ma xtaqtx. Il-livell ta’ storbju baqa’ jogħla u miegħu beda jogħla l-livell tiegħi tal-istress. Ħsibt, fejn se naqbad immur biex nieħu nifs, għall-kwiet, għall-frisk? Għad fadal postijiet ta’ kalma?
Loranne Postijiet ta’ kalma… Kemm infittixhom!
Fil-yoga qed nitgħallem kif għandi nieħu nifs,
inqiegħed żewġt iswaba’ fuq moħħi,
u sebgħi l-kbir fuq ix-xellug u r-raba’ fuq il-lemin ta’ mnieħri u nieħu nifs
’il ġewwa mix-xellug, ’il barra mil-lemin, imbagħad bil-kontra.
Il-fiżjoterapista tatni app biex insegwiha u nieħu nifsijiet fil-fond,
5 sekondi ’l ġewwa u 5 sekondi ’l barra
Infittex li nkun waħdi però fl-istess ħin nixtieqni fi ħdan komunità li nirreżona magħha. Nixtieqni ma’ oħrajn li mhumiex il-folla storbjuża li tweġġagħli widnejja u toħloqli paniku. Nixtieqni fis-skiet ma’ oħrajn siekta bħali u fl-istess ħin nixtieqna nużaw leħinna f’armonija. Mhux qed infittex is-skiet imma ħsejjes, vibrazzjonijiet, ilħna li jirreżonaw flimkien. Il-kant Medjevali, l-għanjiet armonjużi miktubin għall-vuċijiet tan-nisa li jgħannu l-ġmiel tal-ħolqien, li iktar ma jmur iktar sirt nixxennaq għalih, insibu jserraħli l-menti u t-tferfir ikrah li ta’ spiss ikolli f’sidri u fl-istonku tiegħi.
Omar Jien qiegħed eżatt hemm ukoll, Lor. Meta dal-aħħar konna qed nimxu ż-Żejtun u bdejna nitkellmu fuq iż-żfin u nimmaġinaw li qegħdin ġo club kollha flimkien!
Hertha Jiena korista f’żewġ korijiet li jispeċjalizzaw fil-kant polifoniku u l-armonija f’erba’ partijiet/vuċijiet (SATB). Meta l-vuċijiet jiffukaw biss fuq il-parti tagħhom, meta jinjoraw il-vuċijiet l-oħra, meta jgħajtu iktar milli jmiss jew jimxu bil-pass tagħhom u jinjoraw ir-ritmu ġenerali, ikun hemm kaos. Imma meta kull wieħed u waħda nifhmu li aħna parti minn xi ħaġa ikbar minna individwalment, u nsegwu sewwa dak li hu mitlub minna, nintelqu mar-ritmu indikat mid-direttur, u flimkien noħolqu mużika mill-isbaħ. Jinkisbu affarjiet kbar kollettivament meta nimxu mal-istess ritmu. Fid-dinja mhux kulħadd jimxi ma’ ritmu li jwassal f’armonija. Ikun hemm min ikun mitluf, ma jistax jara l-istampa sħiħa jew jifhem kif trid tinstema’. Hemmhekk biżżejjed li persuna waħda tibda hi b’eżempju, speċi ta’ gwida. Nemmen li bħalma d-dinja tixrob il-ħażin, hekk ukoll tapprezza t-tajjeb. Għalhekk dawk b’viżjoni altruwista, dawk li fehmu xi ftit jew wisq kif flimkien nerġgħu nibdew nieħdu n-nifs, m’għandhomx iżommu lura milli jieħdu l-ewwel pass biex idakkru r-ritmu ideali f’dawk li forsi għalihom għadu mhux ċar mija fil-mija kif l-aħjar li titkanta l-mużika iżda li fehmu diġà li flimkien niksbu iżjed milli għal rasna.
Audrey “Nixtieqni fis-skiet ma’ oħrajn siekta bħali u fl-istess ħin nixtieqna nużaw leħinna f’armonija.” Loranne, nikkondividi dan il-ħsieb. Donnu “skiet” mhux kompatibbli mal-idea ta’ komunità.
Loranne Se nerġa’ nġib kliem Omar hawnhekk għax veru nħossu qrib ħsibijietna: “Jew forsi nqabbad ċilindru ma’ dahri u ninżel bih taħt l-ilma ż-Żurrieq, ninżel ninżel sakemm nilħaq is-sadid tal-Um El Faroud u nisma’ l-pulmun jimtela u jitbattal — naf li n-nifs qed nieħdu żgur — forsi huwa r-ritmu tas-sommersjoni li jagħtini s-sikurezza li n-nifs li qed nieħu huwa nifs ta’ veru, u forsi n-nifs ta’ veru jista’ joħroġ biss minn ċilindru tal-ossiġnu.”
Hertha:
’Il ġewwa ’l barra
Iktar mgħaġġel
M’iniex inlaħħaq
Iżid
Regħedni, tilifni,
Kważi lanqas inħossni iktar
Nirreżisti, naqa’, ninstabat
Nipprova minn kollox biex ma nintemmx
Nintelaq, nirkeb fuq ġwinħajh u ntir,
Naħkmu
Niżfen miegħu
Nitwaħħdu fir-ritmu
U l-biża’ tgħib
Issa hu għarafni
Aċċettani u qabad it-temp tiegħi
Hu tiegħi? Jien tiegħu?
Mhux relevanti
Issa maqbuda fl-istess temp
Nifs jillajma, ieħor jitħeġġeġ
U jiltaqgħu f’punt
Ta’ ordni ġdid
Realtà ġdida
Bla kejl, bla limiti
Nimirħu f’wesgħat
Moħħna miftuħ
Imberraħ bħall-baħar
Loranne Interessanti li qed jerġa’ jissemma l-baħar. Immaġni li kollha kemm aħna donna qed nassoċjaw mas-serħan u l-kwiet.
Hertha Din turi s-saħħa li l-poeżija għandha biex jinħolqu dinjiet/realtajiet ġodda, għaliex, wara kollox, kollox huwa dwar l-allinjament tar-ritmi. Dwar li ktibt: nispera li mhux għax jien naive — qed nittama li le — qisni nħoss sensazzjoni li r-reżistenza b’mod dirett u aggressiv twassal spiss għal iktar danni u ma twassalx għall-kisba ta’ dak li wieħed irid. Il-ħajja wrietni li drabi trid issib dawk l-affarijiet li jgħinuk tikkalma l-veloċità biex tibda tagħraf kif u fejn għandek “tidħol fiż-żifna”. Mhux “go with the flow” imma “adjust the flow”.
Joe Naħseb importanti ħafna din — li nsibu kif la nkunu passivi u lanqas nikkrollaw taħt il-pressjoni tad-dinja.
Hertha Din inħoss li torbot ma’ kif il-konfrontazzjoni taf ma twassal imkien. U li, bħal f’żifna, nistennew il-mument l-aktar opportun biex nidħlu b’pass li eventwalment iqarreb iż-żewġ ritmi opposti. Bil-poeżija nistgħu nsibu dak in-nifs “minn ġewwa”, speċjalment meta ma jkunx possibbli li nżuru dawk il-postijiet li ġeneralment nassoċjaw ma’ serħan u nifs aħjar. Pereżempju, nitkellem għalija, dal-post ikun qalb is-siġar ġewwa ġnien. M’għandniex niffokaw fuq il-fluss, iżda fuq in-nifs tagħna. Ma nsegwux ir-ritmu estern, iżda nieħdu nifs normali. Forsi dak li għad jagħtina aktar ossiġnu għadna lanqas biss ikkonċepejnieh għax konna wisq medhija bejn l-iswed u l-abjad, bejn l-aħmar u l-blu. Hemm il-griż. Hemm il-vjola. M’hemmx għalfejn nippretendu li s-soluzzjonijiet jinsabu dejjem f’miżuri drastiċi. Forsi billi, kif bdejt meta bdejna dal-workshop, naqbdu pass ma’ ritmu komuni aktar milli konfronti diretti? Sinkronizzar? Il-kaos jispiċċa alleat aktar milli avversarju? Forsi billi nipprattikaw l-umiltà u nużawha bħala lieva aktar milli mażżra ma’ għonqna biex nibqgħu sottomessi?
Joe Li nfittxu metodoloġija għall-futur forsi jfisser li t-tensjoni bejn il-kaos u l-poeżija ma nħalluhiex tiġi riżolta, li bħalma qalu ħafna minna hawn, jew għall-inqas taw x’jinftiehem, infittxu li nirbħu fuq l-istorbju pjuttost bir-reżonanza milli bis-skiet .