Ix-xitwa tmut hekk —
Gżira — jew bastiment — jgħibu fiċ-ċpar;
Riefnu jiġbed nifs sagħtar —
Berwieq għarwien fuq irdum,
wiċċ nemex tal-bużbież;
iħirsa — jew aħna — max-xifer.
Reżħa titlajja fi rkejjen, fuq għetiebi;
F’triq dejqa, antika, fi kmajra
xi ħadd jonqox ħajja — jew mit — f’zokk lewża;
Tifkira tiġi, minn imkien — jew minn xmara — għoddha taħsdek,
tmexxik fiha b’ħarsa kaħla, b’xofftejn ħajra,
sa tħallik — jew tħalliha — f’belt labirint.
F’maqdes festa deheb, fidda, ġawhar,
iwarrad ġilju f’id abbati, anġlu, qaddis
quddiem Kristu milwi, imnażża’, imdemmi;
Bil-maskra — jew warajha — f’triq tbissim falz,
niftakru ’l-ħaddejn ħomor ta’ żgħożija ħalliema;
f’mera mutraba naqbdu ’l daħkietna — jew imħabbitna.
L-istrumenti fl-armarju jżommu marċ ferħna;
Fuq ġildet it-tanbur — jew ġildna — tħabbat tfulitna.
Imbagħad, ħdejna f’xarabank, l-imgħoddi statwa tax-xama’.
Għax ix-xitwa tmut hekk — tiġbor, issaffi kollox.
Ngħaddu minn tieqa fil-blat, nimxu qalb ġarġir, ġiżi,
niġru, nitgerbu, b’qilla bajda — jew ħelsien — bħall-mewġ li jogħla.