Qegħdin tard, suppost salpajna fl-erbgħa neqsin kwart, imma fl-erbgħa għadhom qed jgħajtulna biex nibdew nimbarkaw. L-organizzazzjoni tat-terminal malajr tispiċċa fix-xejn meta nitilgħu abbord il-vapur mill-istess post flimkien mal-karozzi. Il-lift bl-ittra ‘E’ — li skont ma jgħid il-boarding pass suppost nieħu biex nitla’ fuq mill-garaxx — bil-ħsara, u nimxi ftit ieħor ’il ġewwa biex nieħu l-lift ‘D’. Nirrifjuta li nitla’ t-taraġ u jinġema’ kju twil b’min jonfoħ u min jiffrustra ruħu. It-terminal kalm u trankwill ma tantx serva ta’ preludju veritier, imma nżomm ftit tal-paċenzja għax din id-darba naf x’għandi nfittex — il-5310. Kabina numru ħamest elef, tliet mija u għaxra, fuq gverta numru ħamsa.
Il-kabini għadhom mhux lesti, il-cleaners nisa għadhom qed inaddfu, bramel u moppijiet kullimkien, b’sinjali li jimblukkaw kuritur ’l hemm u kuritur ’l hawn. Tinġema’ folla, ħadd ma jaf fejn jaqbad imur, u l-housekeeper tarma tgħajjat. Għal kull mistoqsija, tgħajjat iktar għax qed intellfuha. Għal mument napprezza u nifhem għala l-GNV minn Palermo għal Genova ġegħluna nevakwaw il-kabina sagħtejn qabel ma ankrajna. Il-kjass u l-paniku li spiċċajna bih dakinhar, hawn qed nibdew bih. Nistgħu noqogħdu biss fiż-żoni komuni, u wieħed mill-uniċi żewġ liftijiet li hawn abbord fuq il-vapur ma jaħdimx. Kulħadd igerger u jiffrustra ruħu iktar, bħallikieku m’hawnx diġà biżżejjed. Ma tantx għandi għażla, insib sufan fil-ġenb u nitqanna’ bil-bagalja u l-basktijiet kollha maġenbi. Aktar kemm għandi seba’ mitt sena biex neħles minnhom fil-kabina! Nixtieq indur u nagħqad b’idi ħafifa, nixtieq noħroġ fuq barra biex insegwi t-tluq u nsellem il-wesgħat ħodor u l-fanal tal-park ta’ Hoe li jsawru l-port ta’ Plymouth. Minflok, nipprova nħares ’il barra minn tieqa mtappna bil-melħ, bix-xemx iddejjaqni tisreġ u b’balla basktijiet tal-plastik tal-passiġġieri l-oħra madwari.
Kull avviż minn fuq il-loudspeaker, multilingwi — bl-Ingliż għax qed nitilqu mill-Ingilterra, bl-Ispanjol għax sejrin Spanja, u bil-Franċiż għax il-kumpanija Franċiża. Elf mitt avviż minn daqshekk, tliet kwarti minnhom fgati li ma jinftehmux, imma l-iktar wieħed li qed nistennew bil-ħerqa ma jasal qatt. Taqbiżli u niddeċiedi li mhux ħa noqgħod nistenna. Immur infittex il-kabina tiegħi biex nara jekk hix lesta. Nerħilha lejn il-labirint b’kunfidenza, imma labirint dejjem labirint jibqa’. Minn hawn u minn hemm, mingħajr ma nsib lil ħadd ’il min nistaqsi jew min jiggwidani, fuq it-tapit ikkulurit, ftit a la Joan Mirò u ftit a la Kandinsky, nasal quddiem il-5310, kabina fuq ġewwa n-naħa tax-xellug u n-naħa tal-pruwa imma kemxejn iktar lejn in-nofs.
Jirnexxili noħroġ fuq barra bl-eżatt, eżatt meta Plymouth tibda tiċkien u tkompli tiċkien dejjem iżjed. Kulħadd jersaq mat-tarf, jintefa’ mal-puġġaman mad-dawra sħiħa tal-perimetru. Ma tantx hawn fejn tpoġġi għax din il-gverta ta’ fuq nett isservi wkoll ta’ helipad, u parti minnha hija mdawra bil-ħadid biex il-klieb ikunu miġburin għalihom. Noqgħod attenta u kif iqum xi ħadd fil-pront nieħu postu fuq is-siġġu-pultruna, minn dawk tal-plastik abjad, baxx u skomdu. Inserraħ saqajja mal-puġġaman u nkompli fejn ħallejt ’il Ferrante.
Din il-gverta hawn barra mhix li tant qed tispirani biex inqatta’ ħin fuqha, ix-xemx kważi niżlet u nidħol ġewwa biex nixtri xi ħaġa tal-ikel. Sakemm nasal ir-ristorant nilħaq indur il-ħwienet, inkluż dawk tad-duty-free. Nifli kull tip ta’ souvenir, mhux għax jinteressawni, imma ngħaddi siegħa żmien nosserva l-ħila tal-passiġġieri jixtru dan l-imbarazz. U la tlaqna mill-Ingilterra, ma jistax jonqos li sezzjoni minnhom tkun imċappsa b’wiċċ ir-Re Karlu III, b’memorja tal-inkurunazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2023 — platt li jgħid li mhux tajjeb għall-ikel u li jista’ jinħasel biss bl-idejn, kikkra u plattina indurati bid-deheb, u affarijiet oħra li ma nistax nifhem x’inhuma għajr li tpoġġihom fuq xi xkaffa biex jimtlew tilja trab. Ma tantx jidher li qed jagħmel wisq bejgħ Karlu għax uħud immarkati bi skont ta’ 30% — bargain! Ħdejh, iħares barra mit-tieqa, disinn ċkejken jiġbidli l-attenzjoni — tliet flokkijiet tal-baħrin, irrigati blu bl-abjad, stampati fuq sett srievet tal-karti bojod jgħiduli, “Destination LA MER”. Ħelwa din, iġibuli tbissima fuq fommi, u nitlaq dritt, dritt lejn iż-żona tal-ikel forsi nilħaq bħal pizza b’xi tip ta’ pesto u tadam imqadded li ċċumbajt l-ewwel.
Nirtira lejn il-kabina għal-lejl bit-tama li norqod ftit. Hekk kif nagħlaq għajnejja jiskatta xi allarm, nipprova ma nagħtix kasu, imma jiġini dubju ċkejken u nqum nittawwal fil-kuritur. Paċi u serenità. L-allarm jieqaf u nerġa’ nidħol fis-sodda sakemm jerġa’ jiskatta. Id-dubju jippersisti, u nerġa’ nittawwal mill-bieb. Nikkonvinċi ruħi li mhix is-sirena tal-vapur, dik kieku ddoqq seba’ darbiet fil-qosor u waħda twila. Dan il-ħoss mhux hekk, m’għandux x’jaqsam. Naqta’ qalbi li nifhem u nagħmel passejn lura għas-sodda meta niġi insè. Dan allarm ta’ karozza. Anzi, mhux allarm wieħed. Kull wieħed li jtir itajjar ieħor. Nirrealizza li gverta ħamsa hija l-ewwel gverta tal-kabini, u allura tiġi eżatt fuq dawk bil-garaxx tal-karozzi. Kull tbandila tal-mewġ tidderieġi sinfonija tedjanti! Mingħalija qed nidra dan l-ivvjaġġar bil-baħar, fil-fatt illum inħossni ppreparata biżżejjed biex nikkumbatti l-ħsejjes tal-mutur u l-makkinarju kollu tal-ferry, u nserraħ rasi fuq żewġ imħaded organizzati b’tali mod li jrattbu l-ħoss u jikkalmawni. Imma għal kull mil nawtiku, dejjem hemm xi esperjenza ġdida.
Quddiem il-cappuccino ta’ filgħodu niffissa fuq sħaba li bħali qed tivvjaġġa waħedha. Xena blu ta’ sema u baħar, bi sħaba waħda u mingħajr pajsaġġ. Niftakar fil-pajsaġġ kollu li rajt jinbidel minn wara t-tieqa tal-ferrovija minn London Paddington għal Plymouth. Wesgħat ħodor, ittikkjati bin-nagħaġ bojod jirgħu, jinbidlu f’medda sħiħa griża tirrifletti s-sħab hekk kif il-ferrovija tiżbokka barra l-mina u tibda miexja fix-xifer, issegwi l-ilma waqt li l-marea toħroġ dejjem aktar ’il barra u tħalli d-dgħajjes l-art. Il-mina kienet punt ċar ta’ tranżizzjoni — tislima lill-pajsaġġ li konna ħallejna warajna u merħba mill-qalb li dewqitilna togħma ċkejkna ta’ dak li kien għadu ġej.
Dan il-punt ta’ tranżizzjoni jfakkarni f’mina oħra, minn Milan għal Rovereto, mina li kif tobżqok titfgħek dritt fi ħdan l-Alpi, li b’arja friska u b’riħa ta’ xita laqgħuni għal kważi ġimagħtejn sħaħ. B’dirgħajn wiesgħa żiegħlu bija u wennsuni, ipproteġewni u nessewni minn kull ħoss estern li r-riżultat tal-fondi pubbliċi tal-Kunsill Malti għall-Arti reġa’ ġab miegħu. Għat-tieni darba fi ftit xhur, l-ittra kienet tibda bil-formola ġenerika, “Nirringrazzjawk talli applikajt… Il-bord tal-evalwazzjoni kkunsidra l-applikazzjoni bir-reqqa… Minħabba d-disponibbiltà tal-fondi u n-natura kompetittiva tal-iskema… l-applikazzjoni tiegħek ma setgħetx tiġi rakkomandata għall-finanzjament.” It-tieni riżultat negattiv, fost tiċħid varju ieħor mingħand sponsors privati, għall-istess proġett tant delikat, tant urġenti, tant għal qalbi. U għal darb’oħra rrid nara kif se niżgura l-ħobża ta’ kuljum, jew tal-inqas parti minnha. Fl-abeċedarju tiegħu, Kuba Szreder ifakkarni li bħala artista-proġettarjana ma nistax inkun wisq picky meta niġi biex nagħżel l-opportunitajiet. Imma din għażla wisq diffiċli għalija, dejjem sfida kbira meta niġi biex nitlob l-għajnuna u s-sapport minn fondi privati. Dejjem nara li ninvolvi msieħba li b’xi mod jew ieħor iħaddnu valuri u prinċipji simili għal tiegħi, u allura, awtomatikament, ċerti ditti, kumpaniji u ismijiet malajr naqtagħhom mill-għażla. U bl-istess raġunar, anki dawk pubbliċi xi kultant jiġini l-ħsieb li naqta’, hekk jew b’hekk dejjem jibqgħu prodott tal-politika kulturali neoliberali u tas-sistemi burokratiċi, imma sadanittant jibqgħu sors biex jinkisbu. Forsi frott is-sagrifiċċju għall-passjoni u l-imħabba li għandi lejn xogħli, lejn l-arti, u li din il-preżunzjoni tal-passjoni u l-imħabba tal-artist lejn xogħlu tiġi naturalizzata u abbużata mill-istess istituzzjonijiet artistiċi? Szreder jiddeskrivi dan it-tip ta’ relazzjoni bit-terminu “Artyzol” — neoloġiżmu Pollakk ivvintat mill-Free/Slow University of Warsaw bil-għan li jiddenaturalizza l-istess imħabba għall-arti li d-dinja tal-arti timmitoloġizza. Huwa terminu ibridu magħmul minn “art” u “Muchozol”, sprej tal-insetti li kien jiġi prodott fi żmien il-komuniżmu. F’dożi żgħar l-Artyzol jaf ikun stimulanti, f’dożi eċċessivi jaf ikun tossiku, tossiku biżżejjed li jifga l-awtonomija artistika, tossiku biżżejjed li jifgani. Nifga.
Nifga naħseb u nerħilha nfittex l-attivitajiet li għaddejjin fuq il-vapur. Iċ-ċinema hemm xi films, jew tat-tfal jew antiki, xejn interessanti, u m’għandix aptit nonfoq iktar. Il-programm tal-ġurnata mdendel fil-kuritur javża li għandha tibda lezzjoni tal-Ispanjol f’livell introduttorju — ma tinteressanix, m’għandix aptit. Nagħżel taħdita dwar Spanja u l-Portugall fil-bar Le Grand Pavois. Nasal tard, il-bar mimli sa ruħ ommu, fejn inpoġġi ma nsibx, u nintefa’ fil-ġenb mal-bar, nipprova nsegwi kif nista’ minn qalb iċ-ċenċil ta’ min jordna pinta u min nofs. Il-kelliem wieħed Ingliż, jidher li ilu ġej u sejjer Spanja żmien, espert tat-trekking, tal-muturi u tal-hitchhiking. Kif jibda jitkellem dwar il-mixi jaqbad iqanqalli l-kurżità u niddeffes naqra iktar ’il quddiem, imma malajr nibda niddubita hekk kif jibda jagħti l-pariri dwar il-lingwa Spanjola, jinstemgħu pariri skaduti. Jagħlaq bi promozzjoni tal-kotba li kiteb, inqalleb tnejn fihom, u nitla’ sal-gverta ta’ fuq nett bit-tama li nsib lil xi gwida tal-annimali salvaġġi tal-baħar.
Aktar kmieni dalgħodu rajt poster b’kull speċi tal-baħar differenti — baleni, dniefel, foċeni, u annimali oħra li jgħammru f’dawn l-ilmijiet. Fhimt li fuq din ir-rotta speċifika, hekk kif naqsmu l-Bajja ta’ Biscay, komuni u popolari li niltaqgħu ma’ dawn l-ispeċijiet iktar-minn-umani. Suppost hawn xi gwida tal-ORCA, imma ma nsib lil ħadd. Nipprova noqgħod attenta, għajnejja jittawlu ’l bogħod fil-bogħod, forsi nilmaħ xi denfil, imma ma nilmaħ xejn, forsi xi balena, imma ma nilmaħ xejn. Tgħid l-ilma wisq sħun, jew wisq kiesaħ? Wisq mielaħ jew mhux mielaħ biżżejjed? Nimmaġinahom jgħumu għarwenin, itiru ’l barra minn wiċċ l-ilma, sakemm jitilfu kull veloċità akkumulata u jerġgħu jogħdsu u jisparixxu lura fil-fond tal-abbiss mimli ħajja matul il-ġurnata, għall-kuntrarju tal-lejl meta l-ħajja titla’ f’wiċċ l-ilma. Hekk tiddeskrivi Rachel Carson — l-hekk imsejħa Santa Rakela minn Margaret Atwood fl-introduzzjoni tagħha għal The Sea Around Us. Fl-aħħar tas-snin tletin, fl-erbgħinijiet u l-ħamsinijiet, Carson kienet diġà qed twissina dwar kif l-oċeani u l-ibħra huma l-qalba u l-pulmuni ħajjin tal-pjaneta, kapaċi jikkontrollaw il-klima u jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Il-baħar omm, kbir wisq biex ifalli, imma aħna fallejnieh bħalma l-industrija tal-kimika falliet lil Carson meta attakkatha sempliċiment għax mara, allura stupida u isterika. Atwood tgħidilna li waħda mill-iktar allegazzjonijiet strambi kienet li peress li Carson ma kinitx miżżewġa, qatgħuha li bilfors kienet “komunista”. Fl-esej Men Explain Things To Me, Rebecca Solnit ukoll tfakkarna li l-biċċa l-kbira tan-nisa dejjem niġġieldu żewġ gwerer — dik għal kwalunkwe suġġett li nkunu qed nitkellmu dwaru, u dik sempliċiment għad-dritt li nitkellmu, li jkollna ideat, li niġu rikonoxxuti għall-fatti u l-veritajiet li nippreżentaw, li jkollna valur, li nkunu bnedmin.
Il-baħar omm, tgħid Carson, jew aħjar minn omm, tgħid haenyeo anzjana fir-rumanz The Island of Sea Women ta’ Lisa See, imma t-tnejn jaqblu li mingħajr limitu, infinit, b’abbundanza ta’ ħajja u għal dejjem. Carson tgħid li fil-verità m’għandekx għalfejn tivvjaġġa biex issib il-baħar, it-traċċi tiegħu ssibhom kullimkien, u fejn illum m’hemmx, għad jerġa’ jikseb postu lura. Imma minn fuq dil-gverta tal-ferry inħossni iktar viċin tal-avventura u l-għeġubijiet ta’ taħt il-baħar, li jinġarru mill-kurrenti mingħajr ebda reżistenza, filwaqt li nismagħhom isaffru, jingħu, jgħannu, hekk kif huma jġorruni u jmexxuni lejn ix-xefaq tant viċin, tant imbiegħed, kważi wasalt tant li ma jistax jintlaħaq. Din id-distanza blu skura tidher vojta, baħħ, mimlija b’dak li mhux-magħruf, b’ħafna dubji dwar il-proġett tiegħi You Are What You Buy, li jifforma parti mis-sena sabbatika tiegħi u li ispirani nibda dan il-vjaġġ. Dan il-baħħ nipprova nsolvih billi nfittex xi forma ta’ tweġiba, niskopri u nitfixkel, insib u nitgerbeb, u ma nindunax li minflok imissni nħaddan din is-sensazzjoni ta’ inċertezza. Bħalma tirrakkonta Solnit fl-erba’ esejs tagħha The Blue of Distance, ħafna drabi hija din l-istess distanza bejn il-mistoqija u t-tweġiba, bejnietna u dak li nixtiequ, li timla dan l-ispazju bil-kulur ta’ fejn m’iniex, il-kulur ta’ fejn qatt ma nista’ mmur — blu skur, dinja blu.
Dan l-ispazju blu u profond dejjem insibu fil-baħar, fuq livell fiżiku u metaforiku, iwennisni u jqanqalni, jikkalmani u jiggwidani, l-ewwel ħaġa li nfittex meta nasal f’post ġdid. Hekk għamilt meta wasalt Swansea, ħallejt kollox il-hostel, ħames minuti ’l bogħod mill-istazzjon tal-ferrovija, tlaqt nimxi skont ma ggwidani r-riħ ta’ qabel ix-xita, u rħejtilha lejn Swansea Bay. Twila ħames mili, naħseb imxejt nofshom, jew kważi, fuq ir-ramel imxarrab u sod, sakemm wasalt sal-Maritime Quarter f’tarf il-bajja, u dħalt nieħu kikkra te għand The Observatory li meta kien għadu f’idejn is-Swansea Astronomical Society kien jospita l-ikbar teleskopju astronomiku ottiku ta’ Wales. Minn hemm stajt nosserva l-kosta u l-ilma mielaħ quddiemi, nestendi ħsiebi, nirrifletti fuq tipi oħra ta’ ilma u nistaqsi kif nistgħu nitilqu lil hinn milli naħsbu dwar dawn l-ilmijiet sempliċiment bħala riżorsi għall-konsum, u minflok naħsbu flimkien magħhom. Jiġuni f’moħħi l-ilmijiet li jiffurmaw parti mill-commons, aspett li qed nirriċerka dwaru bħala entità li tikkontribwixxi għall-forom diversi tal-ekonomija — kunċett li qed jipprova jħaddan You Are What You Buy.
U din hija proprju waħda mir-raġunijiet għaliex mort Swansea, biex inżur u niddjaloga ma’ diversi prattikanti, proġetti u organizzazzjonijiet li qed jaħdmu u jesperimentaw f’kollaborazzjoni mal-ispeċijiet iktar-minn-umani, ilkoll parti mill-commons, u flimkien joħolqu ekonomiji diversi fejn kull entità hija ħlejqa ħajja li toħloq u taqsam mumenti ta’ kondiviżjoni. Żort community gardens, allotment gardens u numru ta’ rziezet li jaddottaw is-sistema ta’ agrikoltura appoġġjata mill-komunità (CSA, Community-Supported Agriculture), fejn il-konsumatur jissieħeb mal-bidwi lokali billi jħallas bil-quddiem għal sħubija u jirċievi sehem regolari mill-ħsad tar-razzett; u jaqsam l-istess ferħ u riskji tal-bidwi. Kultant jgħin ukoll fuq ir-razzett skont il-bżonn. Artist ħabib tiegħi ħadni wkoll sal-peniżola ta’ Gower, maġenb Swansea, fejn il-commons ikopru iktar minn 70km2, u l-viżitatur mistieden isegwi kodiċi tal-commons, x’għandu jagħmel u ma jagħmilx. Iktar minn darba sibna ruħna fejn il-karozza kellha timxi bil-mod jew tieqaf biex ma ttellifx il-baqar li kienu qed jaqsmu minn common għal ieħor, jew jirgħu fir-roundabout. Il-Manifest għall-Għajxien fl-Antropoċen jissuġġerixxi biex nisimgħu b’reqqa u b’sensi miftuħin fejn inkunu aħna li nistiednu l-preżenza tal-ispeċijiet iktar-minn-umani fostna, biex jirrakkuntawlna l-istorja tagħhom u aħna nissensitizzaw ruħna għall-konnessjonijiet inviżibbli li jgħinuna nirrestawraw ir-relazzjoni magħhom, waqt li niddeċentralizzaw l-aġenziji umani. Il-commons jaf jinftiehmu aħjar meta naħsbu fihom bħala verb, u allura naħsbu fl-att ta’ commoning fejn ninvestu ħinna f’xogħol kollettiv. Imma l-Manifest jinkwieta li s-soluzzjonijiet għall-isfidi kurrenti huma dejjem immexxija mis-suq, u forsi hemm bżonn ngħajtu bħalma jgħajjat Peter Linebaugh, “STOP, THIEF!” Linebaugh jgħajjat mal-ħallelin li jisirqu l-art, li jniġġsu l-baħar, li jagħmlu ħerba mill-foresti, li jeqirdu x-xmajjar u li jaqtgħu l-minerali minn wiċċ il-muntanji — f’kelma waħda l-ħallelin leġiżlaturi neoliberali. Il-commons jibqgħu inviżibbli sakemm jintilfu. L-istess Manifest jistedinna biex niżfnu flimkien mal-ispeċijiet iktar-minn-umani billi ngħixu ħajja iktar intensa u etika, nagħrfu l-limiti u nestendu l-kapaċitajiet tagħna, fejn kull entità hija laħam minn laħmi u għadma minn għadmi, l-istess bħal din il-medda blu li issa tidher li wasslitni Santander.
Il-passiġġieri bil-mixi ninġabru fiż-żoni ta’ barra, min jaqbeż il-ħbula li jimblokkaw il-passaġġi u min jifforma kju diċenti. Nosservaw il-proċess tal-vapur jittrakka bil-mod il-mod mal-moll, biswit il-promenade. Minn hawn fuq, Santander tidher belt akkoljenti u friska, kważi kważi nibda nxomm kemxejn il-Mediterran, minkejja li għadni fuq in-naħa l-oħra ta’ Spanja. Jidher ukoll li hawn mhux se jħalltuna mal-karozzi għax il-pont pedonali msaqqaf jidher li qed jieħu postu, ftit iktar ’l isfel, ftit iktar ’l hemm u ftit iktar ’l hawn. Ċorma cleaners nisa jistennew qabel dan il-pont trasparenti, bil-barmil u l-ixkupa jew l-isqueezer maġenbhom. Kif ituhom is-sinjal, b’mod robotiku, qishom suldati, jitilgħu jiġru l-pont, dritt għall-kabini. Inħossni qisni qed nara film. Nitħassar lill-passiġġieri ta’ warajna li bħalna mhux se jsibu l-kabini lesti. Hekk kif il-kollettiv nisa jitla’ kollu abbord, ftit wara, maqtugħin kompletament għalihom, bil-kalma kollha naraw xi erbat irġiel, bil-lajma l-lajma telgħin inaddfu wkoll. Fuq in-naħa l-oħra tal-pont naslu dritt fit-terminal, ieħor pjuttost organizzat, anzi hawn iktar miżuri ta’ sigurtà. Għall-ewwel darba fuq dan l-ivvjaġġar bil-baħar niġi obbligata biex ngħaddi l-bagalja u kull basket li għandi mill-iscanner; tgħid għax deħlin minn barra l-Unjoni Ewropea? L-iscanner jobżoq il-bagalji fuq conveyor belt tant qasir li bagalja waħda wara l-oħra taqa’ fuq dik ta’ qabilha. Ħadd mill-uffiċjali ma jindenja jmidd idu.
Il-hostel li bbukkjajt f’Calle Juan de Herrera viċin ħafna tal-port, ħames minuti mixi mix-xatt, u għaxra għall-istazzjon tal-ferrovija għada filogħdu. Imnalla biddilt il-pjan meta wasalt il-port ta’ Genova, għax kieku għad fadalli biċċa vjaġġ ieħor sa Madrid. Lir-receptionist inkellimha b’taħwida ta’ tliet lingwi, nipprova bl-Ispanjol li ma tantx naf, imma nispiċċa nuża l-Franċiż u l-Ingliż għoqda waħda. L-avviżi multilinwgi tal-Pont-Aven għadni qed nismagħhom jidwu f’widnejja. Fil-kamra għandi żewġ sodod tal-wieħed kbar tal-injam, nistħajjilhom kienu f’xi kunvent tas-sorijiet. Il-gwardarobba niftaħha darba u ma nerġax. Nipprattika r-ritwal tas-soltu, norbot l-ispaga, did-darba mit-tieqa għat-tustiera tas-sodda, u b’idi naħsel il-ħwejjeġ ta’ taħt ta’ dawn l-aħħar ftit jiem. Immur infittex la Bodega del Riojano, bħalma ssuġġerietli r-receptionist għal ikel lokali u tradizzjonali. Avżatni li jkollu ħafna nies, u nasal ħames minuti qabel ma jiftaħ, imma n-nies ġejjin ġmielhom. Hekk kif jiftaħ jidher li ristorant b’karattru awtentiku, bi storja abbundanti, bi travi tal-injam esposti u btieti tal-birra mpittra. Insib mejda imma ma nistax nifhem jekk hux miftuħ għall-ikel jew għadux kmieni. Fuq rasi hawn kull biċċa laħam imdendla, il-menù mimli laħam u issa ilni xahar u nofs li qlibt fuq dieta kemm jista’ jkun veġetarjana, jew aħjar ngħid peskatarjana. Il-prezzijiet ma tantx huma minn tagħna u ndabbar rasi ’l hemm. Nipprova mmur sal-Mercado del Este, imma issa tard wisq għat-tapas, u wisq kmieni għal ħin l-ikel. Jirnexxili nsib ftit tapas milli fadal, ftit żebbuġ u nordna nofs pinta birra minn ħanut f’waħda mit-toroq tal-ġenb.
Fis-sitta ta’ filgħodu nimxi sal-istazzjon tal-ferrovija fi dlam ċappa, nixtri croissant takeaway bil-ġirja, u mmur infittex il-platform. Fuq l-iscreens m’hemm xejn u nistaqsi bl-Ingliż, imma ħadd ma jifhem. Nieħu posti wara l-unika kju li hawn bl-ebda idea jekk ta’ quddiemi humiex sejrin fl-istess direzzjoni. Minn hawn u minn hemm, ġuvni jispjegali xi ħaġa b’Ingliż ftit imkisser, imma naħseb li ftehemna. Niskopri li hawn xi ħsara u kkanċellaw jew biddlu l-ewwel parti tat-traġitt. Minflok, jipprovdulna kowċ, għalina l-passiġġieri u għall-ekwipaġġ, u bħan-nagħaġ ta’ Bendu lkoll nimxu wara xulxin, nitilgħu abbord u jwassluna f’xi stazzjon ieħor minn fejn inkomplu bil-ferrovija minn xi villaġġ li la naf x’jismu u wisq inqas fejn qiegħed. Għadu d-dlam u niftakar li nsejt naqla’ l-ispaga tal-inxir .