Għalhekk Qed Nivvjaġġa bil-Mod #3

9157

Kristina Borg

Kelli nagħmel check-out sal-ħdax ta’ dalgħodu, wara lejl wieħed ġewwa hostel viċin l-istazzjon tal-ferrovija Barcelona-Sants. Qattajt nofstanhar naħdem minn salad bar-kafetterija fiċ-ċentru, biex nipprova nlaħħaq ma’ ftit xogħol li rrid inħabbat wiċċi miegħu meta nirritorna d-dar, u issa rġajt lura lejn il-hostel biex niġbor il-bagalja u l-basket addizzjonali. Għad fadal naqra iktar minn siegħa qabel ma jiġi għalija tat-taxi biex joħodni l-port, u noqgħod nistenna fiż-żona komunali tal-hostel sakemm idoqqu d-disgħa.

Tat-taxi jdum idur ftit, kważi jwaqqafni f’terminal ħażin, u bis-saħħa tal-uffiċjali tal-port jifhem li jrid iwaqqafni f’terminal F3, iddedikat għall-Grimaldi Lines. Imnalla ma ħadtx it-trasport pubbliku għax bit-tibdiliet kollha li kieku kelli nagħmel dal-ħin minn mezz għal ieħor, x’aktarx kont indum indur iktar, bir-riskju li l-ferry jħallini l-art. Hawn it-terminal jinħass terminal ta’ veru — frisk, spazjuż, organizzat, bil-bar u b’siġġijiet fejn tistenna. Neħles iċ-check-in mad-desk u, bil-boarding pass tal-karti f’idi, infittex fejn inpoġġi. Mudell ta’ vapur, magħluq ġo kaxxa tal-perspex trasparenti, jattirali għajnejja; jinzerta l-mudell tal-Cruise Barcelona — l-istess ferry li daqt nimbarka. Niflih minn kull kantuniera u nipprova nara nagħrafx fejn tista’ tkun il-kabina tiegħi. Inpoġġi fuq wieħed mit-tliet siġġijiet ta’ maġenbu u nkompli nistenna sakemm jgħajtu għall-passiġġieri bil-mixi. Tersaq lejja koppja kemxejn anzjana u tistaqsini jekk is-siġġijiet ta’ ħdejja humiex vojta. Nagħmel il-wisa’ u nċaqlaq il-basket addizzjonali minn fuq is-siġġu; il-basket taċ-ċarruta li xtrajt minn Londra issa nbidel ma’ sports bag tond, xtrajtu b’ħarba minn bazaar Ċiniż qabel ma għalqu l-ħwienet f’Santander. Għandi bokka bih dal-basket il-ġdid, l-ieħor taċ-ċarruta ma kienx se jwassal u dan iktar b’saħħtu, inħossni għamilt capture, l-iktar waqt it-traġitt lejn u minn Malaga meta kelli ngħaddi mill-kaos tal-istazzjon tal-ferrovija Madrid Puerta de Atocha. Il-ġenn ta’ Stazione Centrale f’Milan lanqas jibda ma’ ta’ Madrid, fil-fatt vera apprezzajt il-coche en silenzio li spiċċajt fih ta’ bla ħsieb.

  • Port billejl.
    “Anki b’din il-lajma, il-Mediterran diġà jinħass li mhux se jkun tant kalm.”
  • Stilel fis-sema billejl. Is-sema pjuttost ċara.
    “Insellem lil Montjuïc u nirtira jien ukoll, nirtira lejn id-9157.”
  • Gverta ta’ vapur.
    “...nistaqsihom kif kien il-lejl u Frances tirrispondi li raqdet tassew tajjeb minkejja li tbandalna kemxejn.”
  • Ir-ragħwa tal-baħar ħdejn vapur.
    “... ħsibijieti iktar jiġġebdu ’l isfel bħal f’belliegħa li b’saħħa u b’ritmu veloċi ddawwar l-ilma baħar…”
  • Riflessi fit-twieqi ta’ karozza tal-linja.
    “Jibdew jaslu, kowċ wara kowċ, il-ħwienet tas-souvenirs jiftħu, u jien indabbar rasi ’l hemm.”

S’issa kollox jidher li miexi kif suppost, u fl-għaxra, sagħtejn eżatt qabel ma suppost insalpaw, f’nofsillejl neqsin minuta, jgħajtu għall-passiġġieri bil-mixi. Hawn pont pedonali għalina biss, jgħaqqad dirett mit-terminal sal-vapur, u l-imbarkazzjoni pjuttosta kalma u mingħajr intoppi, għajr għall-aħħar biċċa meta l-pont isir wieqaf, wieqaf iżżejjed. Nerħilha dritt lejn id-9157, kabina fuq barra, lejn il-poppa, fuq gverta numru disgħa, l-aħħar gverta tal-kabini fuq nett. Nipprova niftaħ il-bieb billi niskennja l-boarding pass, imma ma jaħdimx. Nipprova darb’oħra, u darb’oħra; ma jaħdimx. Ormaj tgħallimt li għal kull mil nawtiku, dejjem hemm xi esperjenza ġdida. Ninżel lura fir-reception fuq gverta numru sebgħa, u jtuni card tal-plastik iebes, tal-istess materjal u tal-istess daqs bħall-card tal-bank. Nerġa’ nitla’ żewġ gverti u niftaħ il-bieb tal-kabina, jeħel ftit, bħal qisu kollox antik, u din l-inqas nadifa fost il-kabini kollha li kelli fuq dan il-vjaġġ s’issa — f’daqqa waħda, kollox jinħass għajjien.

M’għandix aptit norqod għalissa, u bħas-soltu nintefa’ nesplora ftit, nippassiġġa, indur il-ħanut abbord, u noħroġ fuq barra biex insegwi t-tluq. Nispiċċa l-bar ta’ maġenb il-pool, ma tantx hawn nies, anzi, veru hawn kwiet li b’qawwa jikkuntrasta r-riħa punġenti u qadima ta’ sigaretti; riħa tqila, densa u mimlija, minkejja li qegħdin fuq barra u ’qas biss hawn ruħ tpejjep. Fuq mejda mal-ġenb nilmaħ l-istess koppja li poġġiet ħdejja t-terminal. Insellmu lil xulxin, u mingħajr ma rridu nibdew ngħidu kelma u jistidnuni npoġġi ħdejhom.

Mario u Frances koppja rtirati minn Londra, u Mario jkompli jispeċifika u jenfasizza li għalkemm minn Westminster mhumiex min-naħa tas-sinjuri. Bħali qed jivvjaġġaw bil-mod, iżda huma qegħdin fuq btala. Nispjegaw il-pjanijiet tagħna, x’ġabna ’l hawn, minn fejn għaddejna s’issa u ’l fejn beħsiebna nkomplu sejrin. Naqsmu l-avventuri li esperjenzajna fuq dan il-vjaġġ u d-diskors jispiċċa jaqa’ fuq kif qed jirnexxielna nkampaw bil-ftit ħwejjeġ li ġarrejna magħna, u nidħqu għal kull improvizzazzjoni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u ta’ kif qed innixfuhom. Frances tiddeskrivi kif qalziet ta’ żewġha spiċċa ħażin u kellhom jixtru wieħed ġdid minn Barċellona. Mario jirrakkontali fuq meta ftit tas-snin ilu żaru ’l Malta. Joffrili birra mill-bar, u niddiskutu n-nuqqas ta’ ċarezza min-naħa tal-Grimaldi Lines dwar kif mill-port nistgħu nilħqu ċ-ċentru ta’ Porto Torres wara l-wasla għada waranofsinhar, biex imbagħad inkunu nistgħu nkomplu bil-vjaġġi rispettivi tagħna. Jidher li beħsiebhom jieħdu taxi, u joffruli biex ningħaqad magħhom, imma fil-verità m’iniex ċerta kemm se jkun hemm taxis il-port. Nirrealizzaw li diġà daqqu s-siegħa ta’ filgħodu u għadna rmiġġati.

It-tlieta li aħna nimxu flimkien lejn tarf il-ferry, nistrieħu mal-puġġaman u nindunaw li l-karozzi għadhom qed jimbarkaw bil-mod. Nosservaw in-nuqqas ta’ attività ta’ dal-ħin ġewwa l-port u l-biżibilju karozzi mgeżwrin b’materjal abjad li minn hawn fuq kollha jidhru l-istess, qishom tal-Matchbox. Nissupponu li huma karozzi ġodda li għadhom kemm ġew impurtati u probabbli qed jistennew fil-port qabel il-pass li jmiss. Frances u Mario jidhru għajjenin u jirtiraw fil-kabina. Insellem lil dan l-inkontru ħelu, inkontru speċjali, u noqgħod daqsxejn oħra hawn barra.

Fl-aħħar qed insalpaw, ħerġin bil-mod il-mod mill-port tant, tant twil u tant, tant wiesa’. Anki b’din il-lajma, il-Mediterran diġà jinħass li mhux se jkun wisq kalm. B’kurżità nħares ’il fuq lejn il-blu skur, profond u ftit imċajpar, ittikkjat bi stilel żgħar bojod imferrxin, imxerrdin, ileqqu, l-istess bħalma jleqq id-dawl blu, id-dawl aħmar, id-dawl aħdar, id-dawl isfar, id-dawl oranġjo u d-dawl abjad, mill-pont u l-krejnijiet tal-port, mill-iskyscrapers u l-iskyline ta’ Barċellona, id-dawl ileqq f’wiċċ l-ilma ma jispiċċa qatt, jimmultiplika ruħu hekk kif jitħallat mal-ħajja tar-rima u l-kurrenti matul il-lejl. Insellem lil Montjuïc u nirtira jien ukoll, nirtira lejn id-9157.

Wara l-breakfast, jien u ħierġa mill-kafetterija, niltaqa’ ma’ Frances u Mario; nistaqsihom kif kien il-lejl u Frances tirrispondi li raqdet tassew tajjeb minkejja li tbandalna kemxejn. Noħroġ fuq barra u nitla’ fuq nett; għadu kwiet, m’hawnx ruħ, u nipprova nsib xi mkien fejn inpoġġi biex inqatta’ n-nofstahnar ta’ dalgħodu naqra, imma kullimkien għadu mxarrab. Ninżel gverta waħda ’l isfel, u nsib siġġu tal-plastik fuq il-pjattaforma nofs ċirku mal-poppa. Għajnejja jiffissaw fuq ir-ragħwa tar-rima u naħseb kif iktar ma tirragħwa ’l quddiem, qegħdin dejjem iktar inbaħħru lura lejn qalb il-Mediterran, lura lejn id-dar. Iktar ma r-ragħwa tkompli ddur u ddur, ħsibijieti iktar jiġġebbdu ’l isfel bħal f’belliegħa li b’saħħa u b’ritmu veloċi ddawwar l-ilma baħar f’vortiċi. Din mhux l-ewwel darba fuq dan il-vjaġġ bil-mod li ħsibijieti joħduni lura u niftakar fid-dar.

Hekk ġrali meta wasalt Wrexham. Kif ħriġt mill-istazzjon tal-ferrovja ħlief xogħlijiet fit-toroq ma laqgħunix, kantuniera waħda wara l-oħra; saħansitra anki ’l-Google Maps gerfxu. Mill-ewwel fhimt li mhux post li jżuruh tant nies, u n-nuqqas ta’ għażla ta’ akkomodazzjoni u l-kundizzjoni tal-lukanda li spiċċajt fiha kienu xhieda ta’ dan. Imma jien kelli raġuni speċifika għaliex mort Wrexham. B’kollox qattajt tlett ijiem, proprju għax ridt inżur it-Tŷ Pawb, li bil-Welsh ifisser Id-Dar ta’ Kulħadd. Jiffunzjona bħala mudell divers għan-negozju u joffri spazju ibridu fejn gallerija tal-arti, suq pubbliku u food court immexxija min-negozjanti żgħar u lokali, parkeġġ għall-karozzi u ġnien fuq il-bejt jeżistu u jgħixu flimkien b’mod interdipendenti, inkluż spazju msejjaħ Useful Art Space li hu mnebbaħ mill-Arte Útil — approċċ li jqis l-arti bħala għodda għall-benefiċċju u l-bidla soċjali. Dan il-post kienet issuġġeriethuli waħda mill-mentors li kont avviċinajt bħala parti mir-riċerka sabbatika. Tkellimt mad-direttur kreattiv, kif ukoll mad-diversi ħaddiema lokali u negozjanti żgħar, biex nipprova nkompli nagħmel sens mill-proġett tiegħi You Are What You Buy waqt li nħares lejn prattiki u forom diversi ta’ kif tista’ tiffunzjona ekonomija. Niftakar fil-kwotazzjonijiet li kien hemm miktubin mal-ħajt tal-Useful Art Space, li kienu jinkludu l-ħsibijiet tal-pubbliku dwar dan l-ispazju ibridu u mhux daqshekk tas-soltu. B’xi mod jew ieħor, l-opinjonijiet tan-nies kollha kienu jduru mal-karatteristika komunitarja tal-post u kif dan iċ-ċentru qed jirnexxilu jgħaqqad il-benesseri tal-komunità mal-kultura Welsh, in-negozjanti lokali u r-riġenerazzjoni taċ-ċentru tal-belt. Fi kliem ieħor, din id-dar ta’ kulħadd qed jirnexxilha tgħaqqad l-arti u l-ħajja ta’ kuljum flimkien, xi ħaġa li s-suq li issa sar food court tal-Belt Valletta żgur mhux qed jirnexxilu — jew ma jinteressahx — jagħmel.

Nispiċċa niffoka fuq it-terminu “komunità”, jew kif nippreferi nużah, “komunitajiet”, fil-plural. Nirrealizza li r-riċerka sabbatika bħal qisha qed tiftaħ dejjem iktar u l-proġett You Are What You Buy qed isir lenti biex minnha ngħarbel il-prattika tiegħi b’mod iktar wiesa’. Bħala artista bi studju u bi speċjalizzazzjoni fi prattiki u metodoloġiji kollaborattivi li jaħdmu, jiddjalogaw, jinteraġixxu u joħolqu flimkien ma’ komunitajiet diversi, kull darba li nisma’ dan it-terminu jidwi f’widnejja, nisma’ ħoss vera sabiħ, ħoss profond, ħoss kajman, ħoss kumpless, ħoss dinamiku. Imma xi minn daqqiet, dan l-aħħar, dan il-ħoss sar jirritani wkoll. Mhux l-ewwel darba li dan it-tip ta’ prattika artistika jiġi deskritt bħala niche of a niche għax inviżibbli għall-istituzzjonijiet, il-galleriji, il-bjennali u l-fieri tal-arti dominanti. Fl-istorja tal-arti kontemporanja dejjem ingħata l-ġenb, anki ġie rredikolat u ddispreġġat mill-mostru ikbar mainstream li din l-istess prattika, fl-essenza tagħha, tisfida. Imma ħej! Issa mhux iktar fil-ġenb, ippruvaw jagħmluh il-qofol ta’ kollox, spiċċa buzzword, mingħajr sugu, abbużat u dejjem iktar mhux mifhum.

II-Kodiċi tal-Ġustizzja Klimatika li nħobb insegwi jiddeskrivi “komunità” bħala proċess miftuħ u indeterminat, mingħajr limitu jew tmiem speċifiku, proċess mhux stabbilit, definit jew magħruf b’mod preċiż minn qabel. Huwa esperiment inkorporat f’ġisimna fejn inqattgħu ftit tal-ħin fl-istess spazju ma’ oħrajn biex nagħmlu xi ħaġa flimkien, u jieħu forma minn inkontri imprevedibbli u kompromessi kontinwi bejn nies, materjali, kuntesti, ambjenti fiżiċi, speċijiet iktar-minn-umani, ideat, emozzjonijiet u esperjenzi. Allura li nipprattikaw komunità jfisser li hemm bżonn ta’ manutenzjoni kollettiva u responsabbiltà, kif ukoll ta’ kuraġġ u perseveranza biex nimxu kontra l-kurrent, biex nirbħu sitwazzjonijiet ta’ skumdità u falliment, imma anki biex napprezzaw esperjenzi ta’ pjaċir li jġibuna konxji tagħna nfusna u ta’ ħaddieħor, u li jżarmaw u jkissru l-kunċett ta’ aħna u huma. U hawn fejn tidħol il-kreattività u s-sens ta’ espansjoni biex bħalma, pereżempju, fil-kuntest Antropoċen hija l-azzjoni kollettiva tagħna li qallbet il-bilanċ ambjentali, tkun din l-istess azzjoni kollettiva tagħna li tista’, nittamaw, ittaffi l-impatt negattiv.

Għalhekk nippreferi nuża t-terminu “komunita” — jew “komunitajiet” — bħala verb, bħala azzjoni u proċess li nipprattika u nimplimenta kuljum f’xogħli, u mhux sempliċiment deskrizzjoni ta’ grupp ta’ nies b’interessi simili. Naħseb li t-tweġiba li dejjem tibqa’ togħġobni l-iktar, għal min jibqa’ jistaqsi u ma jistax jifhem x’inhi din il-prattika ta’ arti soċjali, tkun dik ta’ Bryce Dwyer meta jipprova jispjegaha lil nanntu, “Nann, il-prattika soċjali hija meta xi ħadd jiddedika ammont straordinarju ta’ ħin, enerġija, u attenzjoni għar-relazzjonijiet bejn in-nies,” u jaqtagħha li dan jinstema’ bħal dak li xi ftit jew wisq imdorrija tagħmel nanna. Minkejja li nippruvaw inpoġġu din il-prattika fil-qofol ta’ kollox, inħossni waħdi u xi minn daqqiet nibda nikkunsidra jekk għandix inneħħi t-terminu “komunitajiet” mill-bijonota tiegħi biex ma nitħallatx ma’ dawk l-għemejjel superfiċjali u mingħajr ruħ. Għax ngħiduha kif inhi, bejn il-kliem u l-fatti hemm il-baħar jikkumbatti, u bħalma tirrakkonta Elena Ferrante, “Bugie, bugie, gli adulti le vietano e intanto ne dicono tante.” Hekk jistqarr ukoll Pablo Helguera, id-dinja tal-arti xejn mhi onestà, u minflok niffaċċjaw lil xulxin, ninħbew wara skedi twal ta’ impenji li jimlewlna l-ġurnata kollha. Bħala artisti ma tantx hemm wisq x’nagħmlu ħlief li nissaportu u nsofru fis-silenzju. Xi kultant naqta’ qalbi nkompli nispjega, għax m’iniex ċerta jekk hux vera li ma jistgħux jifhmu, jew ma jridux jifhmu, u xi kultant nasal ngħid li din il-prattika soċjali kważi kważi hija iktar mifhuma u apprezzata f’setturi lil hinn minn dak artistiku. Allura, meta naħseb speċifikament fid-dinja tal-arti, naqbel ma’ Helguera meta jiddeskrivi li hija kwistjoni ta’ kimika, kwistjoni ta’ immixxibbiltà; twemmin, forom u prattiki artistiċi li la jwarrbu lil xulin, la jirriġettaw lil xulxin, iżda lanqas ma jistgħu jitħalltu flimkien, u l-baħar ikompli jokrob u jirragħwa.

Ir-ragħwa tkompli ddur u ddur, u l-belliegħa b’ritmu veloċi bil-kontra tiġbidni ’l fuq bis-saħħa. Madwari veru hawn kwiet u trankwillità, tant hawn kalma li dan il-ferry kważi jsir tad-dwejjaq. Żaqqi tibda tgerger u niddeċiedi li llum ħaqqni xi ħaġa aħjar. Nagħżel li nippranza r-ristorant à la carte, u nordna platt paccheri biz-zalza tad-tadam ċirasa, ftit brunġiel u ħabaq. Niftakar li kelli nistaqsi mar-reception dwar kif nista’ nasal iċ-ċentru mill-port; jinfurmawni li jkun hemm navetta tistenniena hekk kif niżbarkaw u twassalna b’xejn sal-istazzjon minn fejn nistgħu nkomplu b’tal-linja jew bil-ferrovija. Nagħmel mezz li nfittex lil Mario u Frances biex navżahom.

Naslu Porto Torres u sakemm nistenna biex ninżlu qisu nispiċċa waħdi, ma fadal ħadd, m’hawnx ruħ. Nippanikkja għal mument, nikkonċentra u nipprova niftakar minn fejn nista’ noħroġ minn dan il-labirint. Kulħadd ġa niżel u dabbar rasu? Malajr insib ir-risposta tistennieni hekk kif niżbarka: il-passiġġieri bil-mixi huma minoranza, ħafna iktar mis-soltu. F’daqqa waħda kollox jerġa’ jibda jorganizza ruħu mingħajr iktar intoppi, u nitla’ l-ewwel waħda fuq in-navetta. Jitilgħu warajja żewġ ġuvintur Taljani u jsaqsuni għad-direzzjoni — jidher li jridu jmorru Ischia. Ninfurmahom li jien sejra Sassari u minn hemm probabbli jkunu jistgħu jieħdu xi ferrovija biex ikomplu mixjin. Wieħed jgħid lill-ieħor, “Issa nagħmlu bħalma tagħmel hi.” Tinstema’ ftit surreali l-affari, imma ma tantx jinteressani wisq. Nieħu posti bilwieqfa għan-nofs, jitilgħu Frances u Mario u jiġu jpoġġu ħdejja.

In-navetta bilkemm tilħaq timxi ftit metri għax iddur dawra waħda u tieqaf. Żewġ uffiċjali tal-Guardia di Finanza jitilgħu b’kelb mill-bieb ta’ quddiem, josservaw b’reqqa madwarhom, il-kelb ixammimli l-hand luggage, u jkomplu deħlin fuq wara. Mill-bieb tan-nofs jitla’ ieħor pajżan, liebes tracksuit ħadra, minn dik li tħaxwex u li kont nobgħod nilbes fid-disgħinijiet, u jingħaqad ma’ sħabu fuq wara. Skiet taqtgħu b’sikkina, jekk taqa’ labra tismagħha żgur. L-uffiċjali jkellmu lil wieħed minn dawk iż-żewġ ġuvintur, jistaqsuh għall-passaport, u jġegħluh jinżel magħhom. Mingħajr ebda mistoqsija jobdi, u jdaħħluh fl-uffiċċju tagħhom fejn il-gate tat-terminal. Sieħbu jibqa’ magħna u l-bibien tan-navetta jingħalqu. Il-kumplament tal-passiġġieri min b’ħalqu miftuħ, min b’għajnejh imberrqin, min issummat, u Mario u Frances u jien inħarsu lejn xulxin, inkemmxu xufftejna, u nerġgħu nerħulha għal għonq it-triq, inkomplu mingħajr kummenti, mingħajr mistoqsijiet għal dan l-inkontru kurjuż, inkontru partikolari.

Minn Stazione Marittima ta’ Porto Torres inkomplu b’tal-linja għal Sassari. Insellem lil Frances u ’l Mario li jinżlu waqfa qabli biex jiġbru l-karozza tal-kiri, u jien ninżel it-terminus, faċċata tal-lukanda, eżatt f’xifer iċ-ċentru u ħames minuti mixi għall-istazzjon tal-ferrovija. Nieħu shower, naħsel xagħri u nimxi saċ-ċentru biex infittex x’niekol. Tant jien għajjiena li xejn mhu qed jogħġobni, fiċ-ċentru hawn wisq storbju u gruppi ta’ żgħażagħ kollha bil-mużika differenti tgħajjat fuq l-ispeaker individwali. Nispiċċa nieħu pizza parmiggiana f’waħda mit-toroq id-dojoq. Nagħżel dik il-waħda b’karattru u b’ħafna pjanti, imma naqtagħha li n-nofstanhar li għandi għada ma rridx inqattgħu Sassari.

Nagħmel l-almu tiegħi li nqum kmieni. Fit-tmienja neqsin kwart ta’ filgħodu nieħu l-ferrovija għal Alghero biex żgur nilħaq ingawdi din il-belt kostali, magħrufa wkoll bħala Barċellona ż-żgħira, qabel ma jifnuha t-turisti u l-folla. Inqatta’ tliet sigħat nimxi a la flâneuse mingħajr ebda direzzjoni. Indur fuq ġewwa tal-ħitan fortifikati, fuq barra b’ħarsti tagħti fuq il-baħar, ninżel ħdejn il-marina, nerġa’ nitla’ ’l fuq u nispiċċa l-mercato civico. Jibda jasal kowċ wara kowċ, il-ħwienet tas-souvenirs jiftħu, u jien indabbar rasi ’l hemm. Fuq il-ferrovija lura lejn Sassari nħares ’il barra mit-tieqa fejn ir-rifless tas-siġġijiet ħomor jitħallat ma’ kull tip ta’ aħdar minn ġol-wied u jsiru rifless wieħed. Inkompli nirrifletti .

Il-Kodiċi tal-Ġustizzja Klimatika li nsemmi fl-esej huwa Climate Justice Code: For artists, art workers, and arts organisations situated in the Global North, maħruġ mill-Climate Justice Code working group (Casco Art Institute 2023) u disponibbli online. “How do you explain social practice to your grandmother?” ta’ Bryce Dwyer huwa miġbur f’In The questions we ask together, editjat minn by Gemma-Rose Turnbull, u pubblikazzjoni Open Engagement in Print 001 (2015). La vita bugiarda degli adulti ta’ Elena Ferrante huwa pubblikazzjoni E/O 2019. Pablo Helguera ippubblika Letter to a Curator Who is Not into my Work (or, Pascal’s Silence) fis-substack tiegħu Beautiful Eccentrics fl-2025.

Dekorazzjoni art-nouveau