Kullana ta’ għanjiet dwar il-ħolm #9

Forma numru sitta

Kris Polidano

  • Skultura ta’ persuna żżomm mudell ta’ dar.
    Paul Scerri, “That Other House” (2024, dettall), ġebla, glazes u metalli. Ritratt: Brian Grech.

Fl-aħħar raqda,
int tkompli għaddej.

U z-zijiet jippustjawlek
xagħrek f’kamra
kulur ix-xemgħa
mwarrba, f’San Luqa.

Fl-aħħar raqda,
int ma tismax.
Id-dinja tkompli titgerbeb

waqt li jdawrulek is-swaba
t’idek il-leminija
ma’ kuruna taż-żibeġ tal-injam.

Fl-aħħar raqda
int liebes qalziet
imkemmex.
Ħalqek ma tiftħux

biex tgħidilna
“għadduh sew.

Fl-aħħar raqda,
ġismek fiss.
U nħares lejk
togħdos taħt
ċorma fjuri mingħajr l-ittra

li ma kontx nista’ niktiblek.

Fl-aħħar raqda,
int tieqaf toħlom
U aħna mqajmin
noħolmu bik.

Dekorazzjoni art-nouveau