Marta Marta

Loranne Vella

Marta Marta: edizzjoni kritika se jiġi ppubblikat fil-ħarifa tal-2026

Meta ħareġ Marta Marta fl-2022, mill-ewwel kien rikonoxxut bħala mument importanti fil-letteratura Maltija, partikolarment il-letteratura femminista Maltija. Fi kliem ir-riċensuri tiegħu kien “ktieb li jidħol sparat fil-kanonu, “ktieb għalkollox Malti, mhus biss għall-ambjentazzjoni ewlenija imma wkoll għall-ħakma inkredibbli ta’ lsien qadim li kapaċi jitlibbes l-iġded ilbies biex iġib ruħu fid-dinjiet kumplessi tal-lum, u “qari essenzjali għal kull min għandu l-iċken interess fil-letteratura kontemporanja Maltija... wieħed minn dawk ix-xogħlijiet li jassumu li d-dinja li ngħixu fiha miżgħuda bi mħuħ miftuħin, lesti biex jiġu sfidati”. Romeo Roxman Gatt sejjaħlu “l-kors intensiv fil-femminiżmu li Malta tant kellha bżonn. It-traduttur Kat Storace sejħitlu rumanz innovattiv,

provokattiv, misterjuż u xi drabi delikatament biżarr li, permezz tal-lingwa kif ukoll tas-suġġett, jeħodna f’postijiet fejn il-letteratura Maltija s’issa qatt ma kienet azzardat timraħ qabel. Il-kitba hija kemm poetika kif ukoll ħarxa, li bħal titfgħek f’għadira nġazzata. B’dar-rumanz, Loranne Vella rnexxielha ssawwar forom ġodda biex teżamina ideat kumplessi u firxa ta’ suġġetti kulturalment tabù – dwar ir-reliġjon, is-sess, is-sesswalità, il-moralità, u l-interazzjoni bejn dawn kollha – u tesponihom permezz tal-ħsibijiet, l-azzjonijiet u r-relazzjonijiet ta’ kast indimentikabbli ta’ persunaġġi fittizji. Permezz ta’ dawn irnexxielha tagħmel ħerba mill-konfini ta’ dak li qabel kien possibbli li tikteb dwaru bil-lingwa Maltija. Aqrawh, u lestu ruħkom biex id-dinja tagħkom tinqaleb ta’ taħt fuq b’mod irrevokabbli. Naf għax hekk ġrali jien.

Marta Marta kien ir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Kiteb 2023. Żewġ siltiet mir-rumanz, maqlubin għall-Ingliż minn Kat Storace, dehru f’The White Review Writing in Translation Anthology (The White Review 2024) u f’The Feminine Voice of Malta: Il-Leħen Femminili ta’ Malta (IHRAM 2024).

F’din l-edizzjoni kritika ta’ Marta Marta, minbarra r-rumanz innifsu, se nippubblikaw numru ta’ esejs li jirriflettu fuq ir-rumanz u l-kuntest tiegħu.

Marta Marta huwa rumanz irrakkuntat b’ħames vuċijiet. Maria Dolores u Immacolata Concetta, is-sidien tad-Dar tal-Pjaċir, jieħdu r-rwol ta’ ommijiet ukoll għan-nisa żgħażagħ li jgħixu hemm. Damjan, it-tielet vuċi, jinbidel b’mod fluwidu minn ġeneru għall-ieħor, minn Damjan, li qed jiżola ruħu, għal Jeanne, li għandha l-ambizzjoni li ssir it-tfajla li jmiss li tinkuruna lill-Verġni matul ir-ritwal tal-Ewwel ta’ Mejju:

Għeżież, did-darba nixtieq nibda billi nintroduċi lili nnifsi: Jeanne, Ma Dame Jeanne, għandi pjaċir, il-pjaċir huwa kollu kemm hu tiegħi. [...] Forsi qed tistaqsu, għaliex Ma Dame Jeanne u mhux biss Jeanne? Kienu jgħallmuna, konna għadna tfal, li isem il-bniet dejjem mogħni b’aktar sillabi minn tas-subien. Li t-tul fl-isem bħat-tul fix-xagħar, it-tnejn tiżjin, u għalhekk jekk ittawwal wieħed jew l-ieħor se tibda tersaq iktar lejn id-dinja kollha frugħa tal-mara, dinja li l-ebda raġel għaqli m’għandu jixtieqha għalih. Bdejt intawwal xagħri jien u nfittex isem ieħor, itwal minn Damjan. Żidt sillaba, ma, qabel ismi u twieldet Ma Dame Jeanne. Iżda mal-użu l-isem għandu ħabta jiqsar, u wara ftit baqa’ biss Jeanne, sillaba waħda li jekk ma tarahiex miktuba lanqas mhu ċar jekk hux qed tfisser isem ta’ mara jew raġel. Fil-lingwa Franċiża kien hemm l-użanza li jingħata isem, kemm lill-bniet kemm lis-subien, magħmul minn żewġ ismijiet magħqudin b’sing, bħal Paul-Henri, jew Marie-Laure, b’dal-mod saħansitra huma possibbli ismijiet bħal Marie-Jacques u Joseph-Marie. Niftakar żmien fejn kont nhewden għandix, jien ukoll, ngħaqqadhom b’dal-mod l-iktar żewġ ismijiet għal qalbi. Stajt insemmi lili nnifsi Damjan-Jeanne. Jew forsi Jeanne-Damjan jinstema’ aħjar? Għadda ż-żmien, waqqajt is-sing u ħallejthom jagħmlu li jridu, jinfirdu, jingħaqdu, isegwu liema ordni jfettlilhom. Ismijieti tiegħi, nagħmel bihom li rrid.

Permezz tal-femminista Nathaline, nitgħallmu dwar il-mewġiet differenti ta’ attiviżmu femminista fl-Ewropa, u l-assenza totali tagħhom f’Malta matul is-seklu għoxrin. Il-ħames vuċi tappartjeni lid-dar innifisha, li għandha 400 sena. Permezz ta’ Nathaline, id-dar tifhem li wasal iż-żmien biex it-twieqi u l-bibien tagħha jinfetħu beraħ u jikxfu x’hemm ġewwa lid-dinja ta’ barra .

Dekorazzjoni art-nouveau