Dawn huma ritratti li ħadt fil-Ghouta tal-Lvant, barra Damasku, is-Sirja, fl-4 ta’ Ġunju 2018. Dan kien is-sit ta’ assedju twil u brutali, li qata’ lil kull min kien jgħix f’din iż-żona mill-provvisti essenzjali u mill-bqija tad-dinja għal ħames snin sħaħ. Dakinhar kont fi skola, nofsha mtajra mill-bombi, fejn iltqajt ma’ tfal li kienu qed jerġgħu lura fil-klassi wara snin ta’ gwerra u assedju. L-eċitament fuq wiċċhom, issa li setgħu jerġgħu jiġu lura l-iskola, kien f’kuntrast totali mal-qerda ta’ madwarhom. Ħin minnhom, bejn intervista u oħra, ħriġt barra biex nerġa’ nieħu l-istampa kollha tal-qerda ta’ madwari. Quddiemi nara dar-raġel solitarju miexi bir-rota, fi triq mimlija djar bla faċċati — qisu xi ħadd għadda b’sikkina u qatagħhom, kif taqta’ kejk. F’dawk id-djar stajt tara dak li fadal mill-proprjetà privata ta’ min kien jgħix, u forsi anki miet, hemmhekk. Ħadt ftit ritratti u rġajt lura ġewwa nintervista t-tfal.
L-immaġni tar-raġel bir-rota baqgħet f’moħħi għal snin twal mindu pproċessajtha u kienet ippubblikata. Meta faqqgħet il-gwerra fuq l-Ukrajna, reġgħet feġġet lura f’moħħi b’iżjed qawwa. X’sar minnu dal-proxxmu bla isem? Fejn mar bir-rota, dat-teżor żgħir imħolli lilu f’nofs dil-ħerba? U kienet proprju din l-immaġni f’moħħi meta ktibt “Fejn ħallejtha r-rota meta ħrabt?” X’sar minnu dar-raġel, u hemm xi ħadd li jimpurtah? Il-ġenerożità lejn ir-refuġjati Ukreni filwaqt li l-Ewropa tkompli tibni l-ħitan tal-fortizza kontra kulħadd, tfakkarna fil-barbariżmu tal-mexxejja tagħna. B’din il-poeżija, u l-oħrajn kollha miġbura hawn, ridt infakkar lill-mexxejja tagħna f’dan ir-raġel anonimu miexi bir-rota, li jista’ jmut bħala konsegwenza tad-deċiżjonijiet tagħhom. Fejn ħallejt ir-rota meta ħrabt? Hija mistoqsija li tinstema’ assurda, arbitrarja, imma, jidhirli jiena, tista’ tintuża wkoll fl-effiċjenza tagħna sabiex nifhmu wieħed jew waħda minn fejn ġejjin. Mistoqsija importanti f’dinja maħkuma mill-fruntieri u l-passaporti, fejn l-individwi jitħallew jgħaddu jew le skont it-toqol tal-karta li jġorru. Għalhekk dil-ġabra ta’ stejjer u vuċijiet ta’ nies veri, ta’ individwi li ltqajt magħhom f’xogħli, li ħallew ir-rota tagħhom fil-post żbaljat, fejn mhumiex se jingħataw trattament preferenzjali, jekk għadhom ħajjin. Ħafna drabi fix-xogħol tiegħi, l-urġenza biex noħroġ l-istejjer ta’ dawn in-nies fil-midja tieħu prijorità fuq kwalunkwe konsiderazzjoni oħra. M’hemmx wisq ħin biex nipproċessa dak li naħseb jien meta qed niġri kontra l-ħin biex noħroġ l-istejjer tagħhom, waqt li għad hemm l-interess tal-midja, waqt li għal darba, xi ħadd jimpurtah li jisma’. Imma fl-aħħar mill-aħħar, l-ebda kitba minn tiegħi ma tista’ qatt tagħmel ġustizzja għal dak li għaddew minnu. Issa li l-istejjer tagħhom intqalu, b’xi mod jew ieħor, nista’ nibda nipproċessa dak li jifdal jirbombja f’moħħi mill-vuċijiet tagħhom. Issa nista’ nismagħhom fil-purità essenzjali tagħhom, lil hinn mill-fatti u ċ-ċifri u l-perċentwali tat-tbatija. Il-poeżija hija meħtieġa meta l-fatti jieqfu jgħidulna l-verità.
Lil marti u mħabbti Simine,
li semgħet miegħi dawn il-vuċijiet ikellmuni,
u li ħabbet tgħix magħhom kull meta feġġew,
u li staqsiet għalihom meta naqsu milli jfiġġu għal xi żmien. .