Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt? #6

Ibraħim

Karl Schembri

Ibraħim, bidwi Palestinjan minn Ġurat Al-Kħiel, fix-Xatt tal-Punent, il-Palestina. L-Armata Iżraeljana ġarrfet id-dar u r-razzett tiegħu fl-2016 sabiex tagħmel spazju għall-kolonji illegali Iżraeljani.

Sitt ikmamar kellna hawn,
kont ngħix m’ibni
hemmhekk fejn konna ninħaslu,
hemm kien hemm il-fniek,
hawn kont inżomm in-nagħaġ.
Ġew bil-ġarrafa
qalulna din art tal-gvern
ma tistax tgħix hawn.
Kif trid tgħix hawn?
Mhux artna din?

Ġejna hawn meta keċċewna
min-naħa l-oħra,
hemmhekk kellna l-bjar u l-għerien
u l-ilqugħ fis-sajf u fix-xitwa
u konna ngħixu tajjeb.
Ġejna hawn meta keċċewna,
la kien hawn ilma
la fejn tistkenn,
imma ġejna
fejn trid tmur?
U bdejna,
ħaffirna l-bjar
u bnejna
u żrajna s-siġar
u stajna ngħixu
nixorbu mill-bjar.

Imbagħad ġew hawn,
qallbulna d-dar,
kull lejl ma tafx x’ġejjin ifittxu,
iqallbu l-kamra t’ibni,
iqallbu tiegħi,
ifittxu qalb il-fniek,
ineżżgħuni fix-xita,
jarmu l-ħwejjeġ u l-lożor fit-tajn
f’nofs ta’ lejl
biex ifittxu.

Imbagħad reġgħu ġew hawn
bil-gafef u bl-armi
u bl-ittri u bl-ordni
ġarrfulna d-dar,
ma ġara xejn,
bqajna hawn,
il-bhejjem kellhom l-ilma
u aħna norqdu magħhom.

Imbagħad reġgħu ġew hawn
xahar wara
jkissru l-bjar
fuq ordni li ngħatat.
U kissru l-bjar.

Għedtilhom: “Il-bir jixrob minnu t-tajr
u jixrob minnu l-kelb
u n-naħal,
kull ħaġa ħajja tixrob minn dal-bir,
għaliex trid tkissru?”

Qaluli: “Din l-ordni.
Se nkissru l-bjar u l-art maġenbhom
u kull filata li tellajtu.
Ma tistax tgħix hawn.

Anki l-ħamiem u l-fniek
għaddew minn fuqhom
bil-gafef u l-ġarrafa,
ta’ xejn għedtilhom
ħaram għalikom
tgħaffġuhom hekk ħajjin.

Anki l-ħamiem u l-fniek
li kienu jixorbu minn dal-bir
għaddew minn fuqhom.

“Hawnhekk ma tistax tgħix,
qaluli.

Bħal donnu nsew
li lanqas huma
ma jistgħu jgħixu
fejn hemm l-iħirsa jterrqu għarwenin fix-xita,
fejn siġar qodma mqaċċta għadhom jitniffsu taħt it-trab,
fejn krib il-ħlejjaq mgħaffġa jwerżaq f’nofs ta’ lejl kuljum
u fejn il-bjar imkissra saru jġorru fihom demm ibaqbaq.
Issa taraw.

Aqra l-parti li jmiss:

Aħmed

M’intix tara li għandi x’nagħmel? U biex tgħaxxaqha qbadtni bil-pinzell fiż-żebgħa, arah iqattar, hawn ma ġejtx inparla, għandi xorti nagħmel dinar minn dawn it-toroq, issa hawn nipprova nlaqqat, dil-karretta ħaqqha passata żebgħa b’dal-aħmar jgħajjat anki x-xiħ jarani min-naħa l-oħra tal-kamp fejn imur ixejjex. Hawn mhux tat-tfal la se toqgħod tistaqsini. Tilgħab fit-trab imma anki dan it-trab mhux bħal ta’ darna, qisu anki x-xemx tinjorah u tħallih bla kulur u meta timxi fih il-passi tqal iħallu marki fondi, ma tistax tiġri imma trid tiġri, m’għandekx fejn tiġri imma trid tiġri u allura tiġri u taħbat fix-xibka timmarka fejn jibda u jispiċċa dal-kamp, u taħbat fix-xiħ hu u sejjer ixejjex in-naħa l-oħra tal-kamp, u taħbat fl-erwieħ imkeffnin, u taħbat fit-trejqiet bla ħin, u taħbat u taħbat u tibqa’ fejn int. U xbajt insaqsi ’l  ommi, meta se mmorru lura? Ma jidhirx li se mmorru lura, mhux fil-qrib. Ma jidhirx li se mmur lura fl-għelieqi tan-nannu naqtgħu l-frott li jitmagħna u niġbru ż-żebbuġ, ma jidhirx li se nara lil sħabi tal-futbol f’nofs ta’ triq li ma jgħaddi minnha ħadd bejn l-għelieqi u t-tajn u l-ħamrija ta’ Dara’a. Issa dil-karretta saret ħabibti, ittini x-xogħol fost nies jitkarrbu, familji li bħal tagħna telqu kollox, ħallew warajhom il-mutur, it-trakk, il-vann, il-karrettun u ż-żiemel u issa tifel bħali bil-karretta iġorrilhom dak li għandhom bżonn iġorru —  it-tank tal-gass, it-tank tal-ilma, it-tank tal-ħara, li trid, inġorru, għidli fejn trid niltaqgħu ngħabbi, għidli fejn trid inħallihulek ħabibi, jien Aħmed bil-karretta l-ħamra, tarani sew mill-bogħod. Ħa nħallik, għandi x’nagħmel, diġa għedtlek dan mhux ħin, mhux se mmur lura d-dar bla dinar, m’intix tara li għandi x’nagħmel?

Dekorazzjoni art-nouveau