Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt? #1

Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt?

Karl Schembri

Ħallejt kollox warajk
ġarrejt gverta, ftit ħrieqi, lil bintek,
qsamt ix-xmara taħt il-pont imġarraf
imxejt fix-xita u fin-nixfa,
fuq art lesta tibilgħek,
fuq ibħra kulur id-dlam
’il bogħod minn darek,
’il bogħod minn fejn ħallejt kollox warajk:
iċ-ċertifikat tal-gradwazzjoni fl-arti mill-istitut tekniku
ir-ritratti kollha tal-familja — inkluż tiegħek ta’ ħames snin liebes ġlekk blu,
ir-rota ta’ meta kont tifel u li żammejtha biex tagħtiha ’l uliedek, xi darba,
il-kollezzjoni tal-bolli,
l-ittri ta’ mħabba li kitbitlek l-ewwel tfajla, moħbija f’kaxxa taż-żraben,
bagalja li siefret miegħek u ma’ missierek meta ma kellekx taħrab.
Fejn ħallejtha l-bagalja?
Fejnu l-bieb tad-dar li sakkart?
Ħriġt minn xi sqaq tal-belt il-qadima ta’ Mosul? 
Jew ħadt il-baħar mix-xatt ta’ Ħodejda?
Jew forsi għaddejt taħt il-baraxx żibel mitfugħ fi triqtek mill-aljeni fix-Xejħ Ġerraħ? 
Qsamtx mill-mini taħt l-art ta’ Gaża jwassluk f’ħalq il-faragħun Eġizzjan?
Jew forsi kont iżjed qribna? Bħalna? 
X’kulur huma għajnejn bintek?
Dan l-aħħar ġew ċorma minn Kjiv.
Dawk jieħdu prijorità, dawk iżjed bħalna.
Dawk jeħtieġ jidħlu,
erħilha li sal-bieraħ konna ndaħħlu biss in-nisa jaħdmu fil-klabbs esklussivi tat-traffikanti bil-ġlekk.
Erħilha li sa dalgħodu għadna qed nippruvaw nisolħuhom fil-kwarantina waqt li nbiegħu l-passaporti lill-biċċiera bi skieken isserrati tad-deheb.

Fejn ħallejtha r-rota meta ħrabt?
F’xi triq imħarbta Tripli
jew f’xi belt ċivilizzata tal-Ewropa?
Tifhem li dawn mistoqsijiet importanti. Jeħtieġ nistaqsuhom.
Tifhem li mhux kull min ħalla kollox warajh ħaqqu ħinna.
Hemm kwistjonijiet profondi, taf inti:
Tippreferi l-kebab jew is-soppa tal-armla?
Ir-ross tieklu b’furketta jew taqbdu b’idejk?
Meta toqtol ’il  xi ħadd trodd is-salib jew tgħid Allaħ hu akbar?

Poġġi bilqegħda ħa nieħdu ftit noti qabel nikkommettu ruħna.
Mhux se ntawlu, illum tgħallimna nfittxu għas-sinjali tas-sikrana.
Malajr se nkunu nistgħu ngħidulek l-atroċitajiet tiegħek humiex denji tal-kompassjoni tagħna.
Tifhem li sirna effiċjenti fil-kalkolu tal-proporzjon:
hemm Apartheid u Apartheid
hemm dittatur u dittatur
hemm reżistenza u reżistenza
hemm qattiel u qattiel
hemm aħna u huma
u inti, u bintek,
u l-formola li trid timtela’
u d-dettalji ta’ ġildtek u familtek
u fakkarni,
fejn ħallejtha r-rota meta ħrabt?

Dekorazzjoni art-nouveau