Leħen Ganado

Joe Gatt

Meta fl-1974 Herbert Ganado beda joħroġ il-volumi ta’ Rajt Malta Tinbidel, il-proġett ewlieni tal-ħajja pubblika tiegħu kien falla bil-kbir. Dom Mintoff — “li ried iġarraf il-kolonni tas-soċjetà antika Maltija, tat-tempju Malti” — issa kien ilu fil-gvern tliet snin u l-pajjiż kien beda bil-mod jaqbad it-triq tal-lajċiżmu li Ganado kien tant ħadem kontrih. Malta kienet ħadet l-indipendenza għaxar snin qabel, kmieni wisq skont Ganado, u issa kienu qed jitneħħew mill-kostituzzjoni l-privileġġi kollha li l-Ingliżi, kontra qalbhom, kienu ħallew lill-Knisja. Ganado, bħall-Arċisqof Gonzi, ma kienx riedha l-indipendenza mhux għax kellu xi mħabba partikolari għall-Ingliżi, imma għax sakemm Malta kienet kolonja, il-Knisja setgħet għall-inqas titriangola mal-poter imperjali biex trażżan lil Mintoff; daqqa billi tindiehes u daqqa billi tieħu għaliha. Il-post li kien jokkupa Mintoff f’moħħ Ganado kellu l-istess forma li kellu f’moħħ Gonzi. Ma kienx għalihom sempliċiment il-mexxej kapaċi ta’ partit tax-xellug, iżda proprju dak l-ispettru li darba Karl Marx kien beżża’ ’l-Ewropa bih, anki jekk il-metodu taʼ Mintoff ma kienx ir-rivoluzzjoni iżda “l-pjan Fabjan ta’ mossa wara l-oħra. Issa Mintoff kien Kastilja, u Malta kienet repubblika. Il-marċ lejn is-sekularizzazzjoni kien beda bir-riformi tal-edukazzjoni malli nbidel il-gvern u kien għad irid ikompli biż-żwieġ ċivili. Kien qed isir teoretikament possibbli li tkun ċittadin ta’ stat modern, lil hinn mill-ġerarkija ekkleżjastika. Il-Knisja la kienet trijonfanti u lanqas militanti. It-tieni gwerra politiko-reliġjuża ta’ Malta fis-seklu għoxrin kienet intemmet, jew għall-inqas ġiet sospiża, bil-ftehim tal-1969 bejn il-Malta Labour Party u l-Knisja. Fih il-Knisja qablet li “għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-komunità politika” u bejnha, u li “ma timponix id-dnub mejjet bħala ċensura”. Il-Leħen is-Sewwa, li darba Ganado kien l-editur tagħha u kontributur għal ħafna snin wara, ma kinitx għadha l-organu l-iktar prominenti tal-Knisja, u postha ħaditu Il-Ħajja, li anki minn isimha tixhed li riedet tkun iktar sottili fl-eżerċizzju tal-influwenza tagħha. L-episkopat ta’ Gonzi kien għad fadallu sentejn, iżda l-Vatikan kien ilu tal-inqas minn Pacem in Terris, fil-bidu tas-snin sittin, li beda jibdel l-attitudni tiegħu lejn il-partiti tax-xellug, u issa Pawlu VI kien għaddej bl-istrateġija tiegħu tal-Ostpolitik, mod kif il-Knisja setgħet tibqa’ tiffunzjona fil-pajjiżi komunisti mingħajr ma taqla’ l-inkwiet.

Ħlief għal xi ftit botti, Ganado ma tantx jikkummenta fuq iż-żmien li qiegħed jikteb fih. Mill-bidu nett, fl-introduzzjoni għall-ewwel volum, jgħidilna li t-tliet volumi (jew l-erbgħa, fl-edizzjonijiet li ġew wara) li għandu f’moħħu jikteb se jwasslu sal-1975. Sad-daħla tat-tielet volum kien għadu b’dal-ħsieb, u jwegħedna li l-volum li jmiss se jimxi mal-pjan oriġinali, u iktar tard jgħidilna li la jasal għal dak il-perjodu “meta l-battalja Soċjalista Marxista fostna bdiet issir bil-miftuħ, is-Soċjaliżmu Marxista jiġi eżaminat iktar fit-tul u iktar fil-fond” u “naraw aħjar x’inhi l-influwenza tiegħu fuq pajjiżna”. Iżda l-aħħar volum iwassal biss sal-1969, u jispiċċa ħesrem. Wara kważi sitt mitt paġna nzerta qed jitkellem fuq it-Teatru Manoel u jaħtaf l-okkażjoni biex fl-aħħar paragrafu nett isawwar malajr malajr metafora dwar l-inżul tas-siparju, jgħidilna li se jerġa’ jitfaċċa quddiemna “bħall-Prologo tal-Pagliacci” biex jirrakkuntalna l-istorja tas-sebgħinijiet, imbagħad jgħidilna li mingħajr reliġjon aħna annimali, u jieqaf hemm.

Sadattant, matul l-elfejn paġna u fuqhom li jkunu għaddew, Ganado jkun tana ħarsa enċiklopedika lejn ħajtu, il-ħajja tal-familja tiegħu, l-istorja tal-antenati tiegħu u ta’ martu (li kienu l-istess nies), tal-ħajja professjonali tiegħu, tal-avvenimenti politiċi ewlenin ta’ Malta, taċ-ċaqliq fil-qagħda ġeopolitika tal-Ewropa u d-dinja. Dettall wara dettall, aneddotu wara aneddotu, jibnilna stampa ta’ ħajja kosmopolitana u borgiża f’pajjiż bla kwiet u seklu bla sabar. It-tazza ilma li kienet tirċievi mill-Gran Mastru nnifsu n-naħa Sceberras ta’ familtu darba fis-sena bħala kumpens talli kienu tawhom l-għolja li fuqha nbniet il-Belt. Iċ-ċikkulatini li kienet tagħtih il-gran mamà. Il-battibekk bejn il-Monsinjur Farrugia u s-Sinjura Giulia Sciortino fis-salott wara l-ikla tal-Milied ta’ tfulitu. In-nisa li kienu jippassiġġaw il-Mall. L-istorja tal-internament u l-eżilju tiegħu u 42 oħra u l-eżilju lejn l-Uganda. L-istorja tal-Integration u l-Indipendenza u kull ġrajja politika maġġuri li għaddiet Malta minnha. Rendikont ta’ kull ċajta li ħadmitlu f’ħajtu, kull darba li b’konsegwenza ta’ kumment tiegħu fost l-għagħa ta’ Cordina, kien hemm “daħka ġenerali”. Fejn kienu jpoġġu n-nisa “artisti” Ungeriżi bejn il-gwerer (ir-Rexford ta’ Strada Stretta u s-Silver Eagle ħdejn l-Argotti, u minn filgħodu sa tard waranofsinhar il-Cafè Internazionale u l-Premier). Is-serqa tal-pagi tat-Tarzna. Il-miġja tal-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima, li laqagħha l-pajjiż kollu. L-isplużjoni tat-twelid tat-trabi li faqqgħet wara l-gwerra. It-traffiku ta’ vapuri Ingliżi u iktar tard Amerikani li kienu ġejjin u sejrin mill-Port il-Kbir. Il-qagħda tat-teatru u tal-opra, qabel u wara l-gwerra. Il-paċenzja ta’ Alda, martu u kuġintu. Il-karattru tal-mara tal-Avukat Pawlu Azzopardi, Franċiża, “mara sinjorili, eleganti, imma tip fredda”. Iżda kultant, ukoll, il-ħarsa hija ġenerali ħafna u Ganado jagħtik l-impressjoni li kien determinat li jikteb ktieb kbir u komplet.

Ganado huwa kittieb ta’ entużjażmi kbar. Għal xi ħadd ta’ żmienu, volente o nolente, kien siefer mhux ħażin iżda xorta waħda seta’ jibqa’ eċitat dwar il-kilometru u nofs kwadri tal-peninsula li fuqha sserraħ il-belt kapitali u s-subborg tagħha. Il-perspettiva ta’ Rajt Malta Tinbidel tvarja mill-intimu għall-ġeopolitiku, mill-iktar personali għall-iktar wiesgħa, kif huwa xieraq fil-memorji ta’ xi ħadd li kellu post daqshekk prominenti fl-istorja politika u reliġjuża tas-seklu għoxrin. Mill-pinna ta’ Ganado, il-Belt Valletta toħroġ tinstema’ qisha Pariġi tal-belle epoque, bil-folol u l-kafejiet u l-opri u l-moda. Għandu ħabta kif jinvoka dak li hu barrani, li donnu jaspira għalih, iżda fl-istess ħin xorta waħda jimpressjona ruħu b’kull ħanut tal-kafè minn Putirjal ’il ġewwa.

al ħafna snin, kont tfittex sett sħiħ tal-erba’ volumi ta’ Rajt Malta Tinbidel u ma ssibux. L-ewwel tnejn ma kienx daqshekk diffiċli ssibhom. Sikwit kont tara l-qoxra ikonika tagħhom, waħda safra u l-oħra ħadra, is-suq tal-Birgu, fuq il-Maltapark jew fuq l-ixkafef fondi tal-BDL. Imma l-bluna u l-ħamra tat-tielet u r-raba’ volum ma kont tarahom imkien, minkejja li kienu ħarġu mill-inqas tliet “edizzjonijiet” tagħhom. Imbagħad fl-2004 bdew jitfaċċaw volumi ta’ xogħol li minn ftit metri bogħod kien jidher li jismu My Century, u l-isem tal-awtur kien Michael Refalo. Mela, kont taħseb, ktieb bl-Ingliż dwar is-seklu ta’ Michael Refalo. Fuq il-qoxra ta’ wara, kont taqra dwar l-awtur, li huwa avukat u għamel 33 sena membru parlamentari Nazzjonalista, nofshom fl-oppożizzjoni u n-nofs l-ieħor fil-gvern bħala l-Ministru tat-Turiżmu. Imbagħad sar il-High Commissioner għall-Ingilterra. Kien il-fundatur u editur ta’ Il-Mument u kiteb eluf ta’ editorjali u artikli. Din in-nota bijografika, flimkien ma’ ritratt tal-kulur, tieħu l-qoxra kollha. Insiru nafu li mar il-Montessori u San Alwiġi, u kemm kien ribelluż l-università fi żmien l-Ingliżi. B’tipa ħoxna u italiċizzata, insiru nafu li “the author” ma baqax fuq l-ixkaffa, insiru nafu isem il-mara u x’kien kunjomha xebba u isem it-tfal (tlett ibniet u tifel) u s-sitt itfal tagħhom (ħamest ibniet u tifel). Meta tkun wasalt żewġ terzi tal-bijonota, taqra li Refalo abbanduna kolonna “whimsically satirical” biex jaħdem fuq My Century, it-traduzzjoni u l-adattazzjoni ta’ Rajt Malta Tinbidel, il-“masterly memoirs” ta’ Herbert Ganado. U hawn tinduna x’għandek f’idejk. Terġa’ ddawwar il-ktieb u tara l-qoxra ta’ quddiem li tixbah ftit CD-ROM li waqfet taħdem, b’tipa ta’ daqs u toqol differenti sejra ’l hawn u ’l hemm, ritratt bl-iswed u l-abjad ta’ kitba bil-magħqud u ieħor ta’ wiċċ ta’ raġel. Tinduna li f’tipa eħfef u iżgħar minn dik użata għal isem l-awtur, hemm miktub “Herbert Ganado: ‘Rajt Malta Tinbidel’”, u tinduna li minkejja l-pronom possessiv, minkejja li isem Refalo huwa ħafna iktar prominenti minn dak ta’ Ganado, u minkejja li l-bijonota tirreferi għal Refalo bħala l-awtur, din hija traduzzjoni u “adattazzjoni”.

Jekk fuq il-qoxra kien diġà beda jberraq sew, fil-“Forward” [sic] għall-ewwel volum nindunaw li s-sajjetti qegħdin direttament fuqna. Refalo jfakkarna f’dik l-opinjoni antika li t-traduzzjoni hija bħal mara, li “jekk hi sabiħa mela ma tistax tkun leali. U jekk hi leali, mela probabbilment mhix daqshekk sabiħa. X’taħseb dwar dan is-Sinjura Blanche Refalo née Smith, ma jgħidilniex. Jgħidilna li meta pprova jittraduċi lil Ganado, imqar biss it-titlu, sab li kollox beda jinstema’ insipidu u ma setax jevoka l-kwalitajiet varjati tal-ħajja ta’ Ganado, dik il-vuċi awtorjali li jqabbel mat-togħma tal-laħam, it-tewm u l-bżar taz-zalzett Malti. Għalhekk, jgħidilna, spiċċa mhux sempliċiment jittraduċi iżda jadatta t-test oriġinali biex ikun jista’ jirrappreżenta b’lingwa oħra lill-Herbert Ganado li kien jaf.

Fil-bidu ta’ kull wieħed mit-tmien volumi ta’ My Century, hemm paġna fejn Refalo jirringrazzja lill-familja Ganado talli ħallewh jagħmel dan il-proġett. Kien ikun iktar xieraq kieku kull komunikazzjoni bejn Refalo u l-familja Ganado kienet tgħaddi anonimament u ffurmata permezz ta’ ittri kbar imqasqsin mill-gazzetti u r-rivisti, u mwaħħlin bil-kolla fuq biċċa karta bajda; għax Refalo lil missierhom iktar ħatfu milli ttraduċieh.

Ganado jiftaħ Rajt Malta Tinbidel biċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena 1900, sitt snin qabel twieled. Jiddeskrivihom b’dak il-bilanċ preċiż ta’ estravaganza u ekonomija li hija l-karatteristika l-iktar impressjonanti tal-vuċi tiegħu:

San Ġwann, il-Ħadd filgħaxija, 31 ta’ Diċembru 1899, kien fgat bin-nies wisq aktar mis-soltu. Il-klassijiet soċjali kollha kienu hemm bħal aħwa. L-ogħla soċjetà kienet imħallta ma’ folla kbira bilwieqfa. L-Arċisqof Pietru Pace, imdawwar bil-monsinjuri, fid-dawl ta’ ħafna xemgħat mixgħula, intona t-“Te Deum”.
Mewġa fuq mewġa ta’ vuċijiet irrispondew bil-kliem sublimi tal-iktar innu antik tal-Knisja: “Te Dominum confitemur”. Flimkien mal-orgni l-vuċijiet saru vuċi waħda. Sadattant il-qniepen kbar ta’ San Ġwann imlew bil-leħen maestuż tagħhom il-knisja u l-Belt. U l-vuċi tal-poplu iktar tqawwiet u ngħaqdet:
“Te aeternum Patrem Omnis terra veneratur.

Għal xi raġuni, Refalo ħass li dan kien impossibbli li jinġieb fil-lingwa ta’ Shakespeare mingħajr ħafna tbagħbis.

On Sunday evening, the 31st of December 1899, the magnificent church of St John was packed as never before. In the pale glow of flickering candlelight amidst the hierarchy of Malta’s clergy, Archbishop Pietro Pace intoned the Te Deum. Surrounded by monsignori, he beamed benignly at the scene that lay before him. He had never witnessed such a numerous congregation: a thousand of the faithful drawn from all stations and walks of life.
“Te Dominum Confitemur, responded the massed voices as wave upon wave recited the sublime verses of their Church’s most ancient hymn. Organ music and song became one. The majestic peals of St John’s larger bells, in tune with the lilting chimes of their smaller sisters, filled the Conventual Church and every nook and cranny of the city of the Knights. The sound of people’s voices became louder and stronger as a spirit of unity brought the members of the congregation closer together.
“Te aeternum Patrem — Omnis terra veneratur.

Ma kienx biżżejjed li x-xemgħat ikunu sempliċiment mixgħula kif ħalliehom Ganado. Kellhom inemnmu, dawlhom kellu jkun fietel, id-daqq tal-qniepen kellu jkun melliesi u jimla kull nook u kull cranny tal-Belt. L-arċisqof kellu mhux biss jitbissem, iżda jitbissem mingħajr ebda intenzjoni ħażina. Refalo ħass li kellu jżid l-aġġettivi ħalli d-descriptions jaħdmu, kif għallmuh San Alwiġi fil-Form III. Jgħidilna fl-introduzzjoni li r-raġuni għaliex beda dan il-proġett huwa li, għalkemm qara Rajt Malta Tinbidel għal darba darbtejn, u dejjem sabu “frisk b’mod affaxxinanti”, deherlu li qatt ma laħaq il-fama jew tifħir tal-udjenza potenzjali ta’ Ganado. Il-pubblikazzjoni oriġinali, skont Refalo, ma toħroġx lill-awtur ta’ nies għax hija preżentazzjoni inedifikanti ta’ tipa ffullata. Biex tagħqad, in-nuqqas ta’ interess, il-qżież, il-preġudizzju, u l-inkapaċità ta’ ħafna Maltin li jaqraw xogħlijiet letterarji bil-lingwa nazzjonali tagħhom ippenalizzaw il-ħidma ta’ Herbert Ganado. B’hekk ġietu f’moħħu li l-aħjar servizz li seta’ jagħmel lil dan ix-xogħol huwa li jifdih mill-kotba nnifishom, u mil-lingwa tagħhom. Iżda meta beda jaqilbu għall-Ingliż skopra li t-traduzzjoni, bħala proċess, tilħaq livell ogħla mill-istenografija! Teħtieġ ukoll irfinar u kreazzjoni mill-ġdid. U fiha ħafna editjar! Iżda meta pprova jagħti lil Ganado vuċi bl-Ingliż irrealizza li l-isforzi tiegħu żgur kien jistkerrahhom Ganado kieku għadu ħaj. Ma kinux jirriflettu lill-Herbert Ganado li Refalo kien jaf. Allura, għalkemm “ipprova jkun fidil kemm jista’ jkun għall-oriġinal” dawn il-volumi huma “adattazzjoni u mhux sempliċiment traduzzjoni litterali”. B’hekk ġab it-test bl-Ingliż eqreb għall-Ganado li wieħed jisma’ meta jirrakkonta l-istejjer bil-mod inimitabbli tiegħu.

Il-wiċċ li jrid ikollok biex tkun kapaċi tikteb dawn il-banalitajiet, tkun taf li mhux qed jirnexxilek, u xorta waħda tazzarda “adattazzjoni” ta’ ktieb ta’ elfejn paġna li int stess tqis kapulavur, huwa probabbilment it-tip ta’ wiċċ li jrid ikollok biex tqatta’ 33 sena fil-parlament.

Il-familja Ganado hija rringrazzjata wkoll wara kull wieħed mit-tliet mitt episodju ta’ Rajt Malta Tinbidel, qari ta’ Manuel Cauchi, li kienu xxandru fl-2003 fuq Radio 101, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista. Xi għaxar snin wara, dawn l-episodji ttellgħu fuq YouTube u għadhom disponibbli hemm, naturalment b’xejn. Ta’ dan il-familja Ganado ħaqqhom ikunu rringrazzjati tliet mitt darba oħra. Jien qatt ma kien irnexxieli nixtri t-tielet u r-raba’ volum, u stajt naqrahom biss meta ġieli ssellifthom mil-librerija pubblika. Għamilt xhur naqrah lil Ganado, kemm Rajt Malta Tinbidel kif ukoll iż-żewġ ġabriet tal-esejs qosra tiegħu fuq il-Leħen is-Sewwa, Jien Inħobb Nitkellem Magħkom I u II. Dan minkejja li Ganado huwa ferm iktar konservattiv minn bosta konservattivi li jien ma niflaħx.

Ganado ffissat biex jurik li dejjem mexa sew, dejjem mexa dritt. U jħobb jurik kemm huwa bbilanċjat. Ifaħħar lil Mintoff iktar minn darba, u anki lill-Knisja jikkritika meta hemm bżonn. Saħansitra lil Marx jipprova jagħtih ir-raġun fejn jidhirlu li jistħoqqlu. Il-fidi tiegħu — probabbilment l-iktar parti fundamentali ta’ kif kien jara lilu nnifsu Herbert Ganado — hija wkoll l-inqas parti interessanti, partikolarment għax iktar mill-fidi huwa r-reliġjon li kien il-qofol ta’ Ganado. U r-reliġjon Kattolika ta’ żmienu, qabel il-Konċilju Vatikan II seraq ftit mill-istil tal-Protestanti u beda jenfasizza relazzjoni personali ma’ Alla, kien kważi kollu jdur madwar l-ubbidjenza. Il-Knisja, proprjament, ma setgħetx tindaħallek dwar x’temmen fih fis-silenzju ta’ qalbek. Li kien importanti kien li tobdi, li tipparteċipa fir-ritwali u li ma tagħtix skandlu. Għal Ganado, u għall-Kattoliċi ta’ żmienu, ir-reliġjon ma kinitx xi ħaġa li kellha tkun interessanti dwarek. Forsi dan wieħed mill-fatturi li jagħmlu dawn il-kotba affaxxinanti. Ganado mhuwiex raġel modern bħalna li qed jiftakar il-passat. Ganado huwa raġel tal-passat li qed jiftakar ħajtu. Anki l-konservatiżmu tiegħu, l-ambizzjoni kważi teokratika, mhuwiex bħal dak li reġa’ qiegħed isir moda fl-Istati Uniti u anki fl-Ewropa. Żgur mhuwiex wieħed minn dawk il-konservattivi ta’ żmienna li għadhom kif skoprew il-Kattoliċiżmu, u li għalihom huwa parti integrali mill-personalità tagħhom, li għażluh huma. Drajna nisimgħu b’konservattivi li jikkonvertu għall-Kattoliċiżmu għax jattirahom il-konservatiżmu tiegħu, iċ-ċarezza morali, iżda li għalihom huwa primarjament strumentali għall-ambizzjonijiet politiċi tagħhom. Għal Ganado l-politika kienet l-istrument, u r-reliġjon — jew kif forsi kien jgħid hu, is-salvazzjoni eterna tar-ruħ — huwa l-għan ta’ kollox. Fir-reliġjon, Ganado kien iħassar lilu nnifsu, u jbaxxi rasu għall-awtorità tal-Knisja. Hija din id-differenza li tagħmel lill-konservattivi tal-lum bnedmin moderni meta kkumparati ma’ nies ta’ dak iż-żmien.

Ganado dejjem jisħaq li ma għandux flus, li waqt li kulħadd beda jixtri l-ishma hu ma kellu xejn, la Brażiljani u lanqas Ġappuniżi. Meta, wara s-serqa tat-Tarzna, Alda tibda tibża’ li jidħlu jisirquhom, hu jidħaq biha għax ma kellhom xejn x’jisirqulhom. Dejjem ħerqan li jfaħħar it-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika, li beda bir-Rerum Novarum bħala sfida diretta għall-Manifest tal-Partit Komunista u kompla bil-Quadragesimo Anno. Għal ħafna snin, il-kitba tiegħu fuq il-Leħen is-Sewwa dehret taħt il-psewdonimu improbabbli “Wieħed Minnkom”. Sikwit imaqdar ir-regħba. Meta ġie lura mill-Uganda, mar idur ma’ Malta biex jara l-ħerba li ħalliet warajha l-gwerra. L-iktar bidliet ħesrem li ġarrbet Malta fil-fatt Herbert Ganado ma rahomx b’għajnejh. L-Isla ma jarax ħlief “rovini wisq iktar mill-Belt u mill-Furjana. Iż-żewġt itfal tiegħu jaqbdulu jdejh u jħarsu miegħu. Jiltaqa’ ma’ Frans, ġuvni mill-Belt, li l-aħħar li kien jafu kien “nofsu għarus ma’ xebba mill-aħjar. Issa kien magħlub, għadma u ġilda, anki jekk għajnejh kienu għadhom ileqqu. Frans kien iċċaħħad mill-ikel waqt il-gwerra biex setgħu jieklu ħutu u marad b’sidru. Doris telqitu u issa kienet se tiżżewweġ. Il-ġuvni jgħidlu, setgħet imqar stennietu jmut. “It-tfal ħarsu lejh skantati, jgħidilna Ganado. Wieħed minnhom jgħidlu li Doris kienet “cruel” iżda lilna, Ganado jgħidilna li “Kulħadd fil-ħajja għandu l-problemi tiegħu, u ma tista’ tikkundanna lil ħadd. Il-gwerra, jgħid, għallmitu jkun iktar prattiku.

Mingħajr allużjonijiet diretti, din ix-xena għandha l-qawwa kollha ta’ xeni f’L-Ilijade jew L-Enejide, fejn il-protagonisti jimxu qalb il-ħerba tal-battalja, jew f’Im Westen nichts Neues ta’ Remarque, meta l-protagonist jitħaddet ma’ suldati nofshom mejtin. L-enfasi kemm ta’ Ganado nnifsu, kif ukoll ta’ dawk li jammiraw il-karattru tiegħu, hija li hu ma jdurx mar-riħ, iżomm sod ma’ twemminu. “Jien bqajt miexi dritt, jgħidilna kmieni f’dawn il-volumi. Anki bit-titlu Rajt Malta Tinbidel qisu qed jgħid li hu baqa’ l-istess. Hawnhekk, iżda, fuq ix-Xatt tal-Isla naraw lilu jinbidel. Kważi kważi jagħtina x’nifhmu li sar relattivist. Xi susa żgħira donnha daħlet fih. Iktar tard jirrealizza li fil-politika, tan-naħa tiegħu kienu ffissaw wisq fil-kultura, u għall-bqija ta’ ħajtu jabbona fl-Economist.

Din hi xena ta’ qawwa kbira fuq il-paġna, iżda meta tismagħha moqrija minn Manuel Cauchi, l-effett fiżjoloġiku tal-vuċi profonda tiegħu huwa tremend. Għal ħafna snin, l-aċċess prinċipali li kelli għall-volumi ta’ Rajt Malta Tinbidel kien il-qari ta’ Cauchi u issa, anki meta naqrah fuq il-paġna nisimgħu mleħħen minnu. Ma nafx jekk dan il-fenomenu jseħħx ukoll fil-każ ta’ kitba li qatt ma nkunu smajnieha moqrija, jekk nisimgħux leħen, jekk dak il-leħen għandux kwalitajiet sonori, fiżiċi, il-leħen tal-awtur, il-“vuċi. Cauchi jamplifika l-kitba ta’ Ganado, leħnu jirdoppja l-effett. Il-mumenti drammatiċi jsiru iktar drammatiċi, tal-qsim il-qalb. Id-determinazzjoni morali minn ħadid issir azzar. Il-listi kkampjati ta’ zijiet u monsinjuri, b’dak il-leħen fond, serju, sabiħ, isiru kapolavuri żgħar tal-kummiedja.

Li kieku Herbert Ganado verament kellu leħen Manuel Cauchi, forsi l-istorja ta’ Malta kienet tmur mod ieħor. Fuq il-paġna, Ganado kellu vuċi versatili u sottili, infurmata, avunkulari, b’dik l-awtorità kalma tan-nies tal-klassi soċjali tiegħu, tan-nies li jgħixu f’belt mibnija fuq l-għolja li darba kienet tal-familja tagħhom. Meta kien jiftaħ ħalqu, però, skont Giovanni Bonnello, li qatta’ bosta sigħat fil-bitħa tal-Casino Maltese jisimgħu jirrakkonta, Ganado “kellu vuċi ma tiġbdek xejn, bla profondità u naqra mġenġla”. Ganado nnifsu ma kienx neċessarjament konxju min-nuqqasijiet tiegħu bħala oratur:

… ma ninsa qatt meta fi żmien Piju XI, fl-Isla, irnexxieli nixgħel it-teatru tas-Sede tal-Azzjoni Kattolika ta’ Monsinjur Bonanno, b’diskors li għamilt bit-Taljan fuq il-Papa. Għalaqt id-diskors bid-deskrizzjoni tal-Papa dieħel San Pietru u rnexxieli, fuq il-mudell tas-sinfoniji ta’ Rossini, nibni “crescendo” li eċita teatru shiħ sakemm il-folla, minn rajha, bdiet tgħajjat kemm tiflaħ “Viva l-Papa.

Fis-seklu għoxrin, kien il-leħen li — jew mill-pulptu, jew waqt id-dimostrazzjonijiet u l-meetings, jew fuq ir-Rediffusion — kien iqanqalhom lin-nies, jiġbidhom lejn naħa jew oħra. Mill-kwalitajiet tal-leħen kont tkun taf lil min għandek tafda, wara min għandek timxi. Meta, waqt il-kampanja tal-Integration, kienu qed jinqraw fuq ir-Rediffusion ir-rappreżentazzjonijiet tal-partiti Maltin quddiem ir-Round Table Conference, kien hemm l-ilment li kienu qed jintgħażlu apposta vuċijiet dgħajfa biex jaqraw ir-rappreżentazzjonijiet ta’ dawk kontra.

Minkejja d-dgħufija tal-vuċi mitkellma tiegħu, Ganado spiċċa jipparteċipa direttament fil-politika. Fil-11 ta’ Awwissu 1956, waqt li l-kriżi ta’ Swejż bdiet tisħon sew, u l-Ingliżi kienu bdew jibirdu dwar il-possibbiltà li Malta tkun integrata fir-Renju Unit, id-Direttur tal-Avjazzjoni Ċivili rċieva messaġġ urġenti li żewġ flying-boats mgħobbija bin-nies pajżana kellhom bżonn jillendjaw Marsaxlokk, li dak iż-żmien kien iservi bħala port għal dal-vetturi. Biex jillendjaw kien hemm bżonn li s-sajjieda ma jużawx il-port, u biex jiġu mgħarrfa s-sajjieda kellhom bżonn jagħmlu avviż fuq ir-Rediffusion. Meta sar jaf b’dan, Mintoff ordna lir-Rediffusion biex ma jxandrux dawn l-avviżi. Meta, wara ħafna ġiri u intriċċi, ir-Rediffusion xandruhom xorta l-avviżi matul il-ġurnata tas-Sibt, Mintoff irvella. Il-Ħadd, fl-għaxra ta’ filgħodu, il-ħaddiema tal-Public Works, kif kienu ġew ordnati, bdew jaqtgħu l-wires u jaqilgħu l-arbli (“il-‘poles’”, kif isejħilhom Ganado) tar-Rediffusion li kienu fuq art tal-gvern b’konċessjoni. Borg Olivier, li t-tattika preferita tiegħu dejjem kienet li ma jagħmel xejn, ma għamel xejn. Ma kkundannax lil Mintoff, x’aktarx għax kien ikkalkula tajjeb li l-mossa tiegħu kienet popolari, u ried li għall-inqas ma jidhirx li huwa kontra min jiqfilhom lill-Ingliżi. Ganado ħadha bi kbira għax deherlu li Mintoff kien qed jagħti eżempju ħażin għax ta sanzjoni uffiċjali lill-użu tal-vjolenza fil-politika, u Borg Olivier kellu jagħmel li jista’ biex ma jħallix iktar nies jaqgħu taħt “il-faxxinu perikoluż” ta’ Mintoff. Ir-riżultat ta’ dan kollu kien li Ganado fforma partit għal rasu, il-Partit Demokratiku Nazzjonalista.

Għalkemm leħen Mintoff ma kienx neċessarjament wisq isbaħ minn ta’ Ganado, kien ċertament sod u parti minn dal-“faxxinu” tiegħu. Mintoff kien juża leħnu b’mod li jżommok tistenna l-kelma li jmiss. Leħnu kien modulat sew, taħlita ta’ aneddoti, ċajt doppju sens, opinjoni, inkuraġġiment, ċanfir, sentimentalità, imbagħad frażijiet spazjati li jibnu t-tensjoni, serjetà kbira li bil-mod tersaq lejn rabja klimatika. Leħen Mintoff kien ingaġġanti, anki waqt diskors tal-Baġit. Ma kinux kumplessi d-diskorsi tiegħu u kien spiss jimmirahom lejn l-iktar denominatur baxx komuni għal kulħadd. Il-vuċi tal-kitba tiegħu, mill-banda l-oħra, kienet l-oppost. Kienet ħafna drabi pragmatika, kitba li tmiss lill-moħħ mhux lill-qalb, kważi dejjem bl-Ingliż. Tagħtik l-impressjoni li fil-fatt kienet intenzjonata biex tinqara Whitehall; kull artiklu pedina f’xi logħba ġeopolitika. Il-fatt li kienet bl-Ingliż kien senjalazzjoni ċara tal-udjenza li dejjem kellu f’moħħu.

L-avunkularità li kellu Mintoff fil-leħen mitkellem, Ganado kellu fil-kitba. Iżda Ganado kellu wkoll l-umiltà ta’ xi ħadd komdu fil-klassi soċjali li twieled fiha. Jogħxa jurina kemm il-mertu huwa mifrux wiesa’ fost il-ħafna professjonisti kuġini u zijiet u antenati. Meta ma tiġix minn dik il-klassi, l-enerġija tiegħek m’għandekx fejn tifrixha. Ganado joħodha kontra Mintoff li ma jitħallatx man-nies tal-klassi tiegħu; u veru. Mintoff kien snob, ma kellu ebda interess jitħallat mal-ispiżjara tar-raħal u n-nutara. Kien iħossu aħjar minnhom (u kien) u kellu l-preferenza aristokratika li jitħallat biss mal-estremitajiet tas-soċjetà. Fil-Camelot omosoċjali tal-Għarix, stajt tiltaqa’ mal-Fusellu jew ma’ Lord Mountbatten of Burma iżda rari ma’ xi professjonist tal-ewwel ġenerazzjoni. Ganado jitkellem bil-vuċi tal-klassi tiegħu, mentri Mintoff jitkellem waħdu bil-leħen tal-ambizzjoni u l-ansjetà, ta’ persuna li taf — jew li kkonvinċiet ruħha — li bniet lilha nnifisha mill-pedament ’il fuq.

Min-naħa l-oħra, il-kunfidenza fih innifsu ta’ Ganado, b’dak it-ton forsi kemxejn kompjaċenti li però rari jiżloq fil-kondixxendenza, taf tagħmel anki l-konservatiżmu attraenti għal ftit. Sabiħ tqatta’ l-ħin ma’ xi ħadd li mhux qed jikkompeti miegħek. Iżda meta l-kumdità fik innifsek tissolidifika f’dogma, il-kittieb isir kapaċi jikteb sekwenza ta’ sentenzi bħal din:

Iżda l-gwerra tal-Korea wkoll spiċċat b’wiċċ il-ġid. Stalin, li kellu ħafna difetti kbar, imma li ma tilef qatt is-sens tal-prudenza, ma daħħalx ir-Russja f’dik il-gwerra. U l-Amerikani kellhom is-sens li ma jerġgħux jużaw l-“atom bomb”. Mietu f’dik il-gwerra tliet miljun Korean. U l-Amerka rnexxielha trażżan l-avvanzata tal-Komuniżmu.

F’dak iż-żmien notorju meta bħala editur tal-Leħen is-Sewwa, Ganado segwa l-awtopreservazzjoni tal-Knisja u ssimpatizza ma’ Franco, tista’ tgħid li l-paranojja kellha raġunijiet validi warajha. Mijiet ta’ qassisin u sorijiet kienu qegħdin jinqatlu mill-gwerrieri tax-xellug. Iżda sas-sebgħinijiet, l-iskala tal-massakri tar-reġim Frankista kienet magħrufa aħjar. Ganado jinkludi l-ktieb tal-1967 ta’ Hugh Thomas, The Suez Affair fil-biblijografija tiegħu, iżda mhux ktieb ieħor ta’ Thomas, The Spanish Civil War li kien ilu li ħareġ mill-1961 u kien wera kif waqt li verament kienu nqatlu madwar sebat elef qassis u soru mir-Repubblikani, ir-reġim ta’ Franco kien sistematikament immassakra bejn sebgħin u tmenin elf ruħ waqt u wara l-gwerra. (Minn dak iż-żmien nafu li n-numru kien ħafna ogħla.) Ganado ma jsemmihomx dal-figuri, sempliċiment jgħid li kellu raġun jissimpatizza ma’ Franco fit-tletinijiet: “… u għadni sal-lum persważ li għamilt tajjeb — li dik ir-rivoluzzjoni ta’ Franco kienet l-aħħar tama li setgħet issalva lil Spanja Kattolika u lill-Ewropa Nisranija mill-periklu Komunista li kien kbir. Jekk se tieħdu bis-serjetà lil Ganado, trid tiddeċiedi kif tħossok dwar dan l-għamad. L-arma oriġinali tal-Fabian Society, li kienet tissimbolizza l-gradwaliżmu soċjalista li kien iħaddan Mintoff u li tant kien ikiddu lil Ganado, kienet turi lupu liebes ta’ nagħġa. Mintoff qatt ma pprova jikkonvinċi lil ħadd li kien nagħġa — iżda kultant jgħaddilek minn rasek li hemm xi ħaġa iktar tal-biża’ taħt il-kitba konġenjali ta’ Ganado. L-Istorja hija iktar minn taqbida bejn l-irġiel, imma l-interessi u l-klassijiet dejjem għandhom bżonn isibu leħinhom fil-waqt.

Joseph Pirotta jsemmi tliet fatturi li kienu jżommu lil Ganado lura fil-politika. Kien assoċjat wisq mal-Arċisqof Gonzi, kellu idea negattiva wisq ta’ Mintoff biex ikun jista’ jqis it-tattiċi tiegħu oġġettivament, u fl-aħħar, kien imxekkel minn leħen għoli li faċli timitah biex titmejjel bih, u dan “ma kienx jgħin biex iħeġġeġ lis-segwaċi tal-partit”. Ganado qatt ma rnexxielu jixgħel lil Malta kif darba xegħel it-teatru tas-Sede tal-Azzjoni Kattolika ta’ Monsinjur Bonanno. Wara li rebaħ erba’ siġġijiet fl-elezzjoni tal-1962, l-elezzjoni tad-dnub il-mejjet, il-partit sfaxxa fix-xejn. Forsi l-leħen imġenġel taʼ Ganado ħelisna minn ħafna għawġ.

Il-qoxra tal-edizzjonijiet oriġinali ta’ Rajt Malta Tinbidel kienet xogħol Emvin Cremona. Kellha faxx orizzontali ta’ kulur għal kull volum, b’isem l-awtur miktub b’ittri kapitali bl-iswed fuqu, u taħt faxx iswed bit-titlu tal-ktieb b’tipa dejqa u fil-kulur tal-volum. Il-faxex iħallu spazju abjad wiesa’ fit-truf tal-paġna u wieħed iktar dejjaq bejniethom. Minn ġewwa, it-tipa mhix iffullata daqskemm kien jidhirlu Michael Refalo, għalkemm bħal ħafna kotba ta’ żmienu, il-ktieb qisu ġie stampat fuq pressa li daqt tinħlielha l-linka. Skont il-kopji ta’ dawn il-kotba, li faċli ssib fil-libreriji pubbliċi, kien hemm tal-inqas tliet “edizzjonijiet”. Herbert Ganado ppubblikahom hu stess bejn l-1974 u l-1977. L-impaġnar kien sar fl-uffiċċji tal-Ħajja, għalkemm m’hemm ebda ħjiel ta’ dan fuq il-kotba stess. Jekk kinux verament edizzjonijiet jew sempliċiment tiraturi ġodda diffiċli tkun taf għax il-kotba ma kien fihom ebda informazzjoni ħlief “Proprjetà Riservata” u fejn ġew stampati. Taħt it-titlu, skont il-kopja li tiġi f’idejk, ġieli ssib miktub “it-tieni edizzjoni”, jew it-tielet. Kienu stampati mill-Gutenberg Press u iktar tard mill-Interprint (Malta) Ltd.

Għall-edizzjoni l-ġdida ppubblikata minn Klabb Kotba Maltin, id-disinn ta’ Cremona nżamm, għalkemm l-effett brutalista jintilef daqsxejn fit-tundjaturi eleganti tal-kartun iebes tal-qoxra. Jekk fl-edizzjonijiet ta’ qabel kont issib it-tipa tistordik bl-inkonsistenza tagħha, għajnejk se jieħdu r-ruħ għax is-sentenzi issa huma stampati ċar daqskemm taffordjalek il-litografija kontemporanja. Il-karta hija fina, ftit fl-isfar jew kannella u l-paġni meħjutin f’faxxikli biex jiffurmaw volumi li jidhru li se jservu.

Il-paġna tal-copyright ta’ din l-edizzjoni mhix nieqsa mill-informazzjoni, għalkemm dan mhux neċessarjament rassikuranti. L-ewwel ħaġa li tinnota, f’kaxxa għaliha, u b’dik it-tipa ħoxna u kursiva li issa drajt nieħu qatgħa meta naraha, hemm miktub:

Il-pubblikatur flimkien mal-familja Ganado waslu fi qbil li ma jinbidel xejn mill-mod kif kien jinkiteb il-Malti fis-sebgħinijiet tas-seklu għoxrin. Din l-edizzjoni ġdida ta’ Rajt Malta Tinbidel tirrifletti din id-deċiżjoni.

Ikun interessanti nsiru nafu min ried xiex sakemm waslu għal dal-qbil. Ma nimmaġinax li l-pubblikatur xtaq jintroduċi fis-suq nofs miljun kelma ta’ Malti b’ortografija skaduta. Imma lanqas nimmaġina li kien faċli għalih jinnegozja ma’ familja avukati. U ngħiduha kif inhi, iffranka battikata, u spiża.

Hemm każijiet fejn huwa ta’ interess biblijografiku li tinżamm l-ortografija oriġinali f’pubblikazzjonijiet speċjalizzati, iżda dan huwa ktieb li, skont il-pubbliċità tal-pubblikatur, “kulħadd għandu jkollu”, anki jekk l-erba’ volumi jinbiegħu għall-prezz vulgari ta’ €250. Imbagħad, biex tibża’ għalihom tista’ tixtrilhom mingħand il-pubblikatur stess kaxxa tal-kartun pariġġ, miftuħa minn naħa waħda, li bl-Ingliż jgħidulha slipcase, u bil-Malti tqumlek €45.

Intenzjonalment jew le, it-test kif inhu jagħmel dikjarazzjoni qawwija dwar x’jidhirlu l-pubblikatur mill-istandardizzazzjoni tal-lingwa f’dawn l-aħħar snin. Għad ikun faċli tużah bħala prova li, bħalma ġara f’ilsna oħrajn, ir-riformi tal-Malti li saru fid-disgħinijiet u l-ewwel snin tal-millennju damu xi ftit biex jiġu aċċettati. Ganado, konservattiv kemm kien konservattiv, kiteb b’Malti kontemporanju għal żmienu li, apparti l-ortografija, għadu jinħass konverżazzjonali. It-test huwa kważi eżatt dak li ssib fl-edizzjonijiet tas-snin sebgħin. Kull kelma remotament Ingliża qiegħda fil-virgoletti; il-vokali tal-leħen tiżdied mal-artiklu mingħajr sing f’każ ta’ bżonn, biex tifforma “Li Stati Uniti”. Mingħajr ebda ġustifikazzjoni serja, dan il-livell ta’ fedeltà huwa sempliċiment kitsch. Ċerti żbalji ortografiċi għaddew ukoll għal din l-edizzjoni l-ġdida, għalkemm ma nafx jekk dan kienx ukoll parti mill-qbil. Imma xorta rnexxielha tgħaddi emenda ’l hawn u ’l hemm skont ir-riformi ta’ dawn l-aħħar snin.

L-innovazzjonijiet editorjali jinkludu li n-numru tal-paġna jkompli minn volum għall-ieħor, sinjal li m’hemm ebda intenzjoni li jinbiegħu separatament; werrej bit-titli tal-kapitli fil-bidu ta’ kull volum; u indiċi fl-aħħar tar-raba’ volum (u mhux tat-tieni, bħalma tgħid in-nota wara l-werrej tal-ewwel volum) minflok ir-riassunt fl-aħħar ta’ kull volum kif kienu qabel. L-indiċi, xogħol Godwin Ellul u Sergio Grech, jibni fuq dak li kien ħareġ Ellul bħala ktejjeb fl-1999 ma’ Klabb Kotba Maltin stess. L-indiċi huwa utli, iżda ħafna entrati, anki twal, pereżempju “Mintoff” ma għandhomx sottoentrati — ngħidu aħna “ideoloġija”, “Integration” — u dan inaqqas ferm mill-utilità tiegħu. Il-biblijografija li ġabarha Ganado stess u fiha jagħti lista tal-kotba li uża fir-riċerka, li qabel kienet imxerrda ma’ kull volum, f’din l-edizzjoni tinsab fir-raba’ volum, qabel l-indiċi.

L-introduzzjoni ta’ Giovanni Bonello ma tistax eżattament issejħilha ġdida għal dal-volum. Bonello jgħidilna li ppreparaha “wara stedina għal kelmtejn bħala daħla għal din l-edizzjoni ġdida”. Imbagħad jgħid: “Mhux l-iskop tiegħi li nirrevedi jew inġedded dak li diġà esprimejt. U ta’ raġel li hu, fil-ħmistax-il paġna tal-introduzzjoni, erbatax minnhom huma kważi identiċi għall-esej li deher fl-2015 fil-ġabra L-Avukat Herbert Ganado: Bejn Storja u Miti għaxar snin qabel. Kważi identiċi, iżda mhux perfettament; fih ħafna bidliet trivjali, ħafna drabi fil-bidu tal-paragrafi, qisu qed jikkopja l-homework u ma jridx jinqabad. “Jien iffortunat” issir “Jien ixxurtjat”. Minn “Herbert Ganado u missieri kienu ħbieb sew”, tinbidel “sew” u ssir “kbar”. “Imma din it-tneħħija mill-Isqof ta’ Ganado minn editur” issir “Imma din li l-Isqof neħħa lil Ganado minn editur”. Iktar ma jgħaddu paġni, inqas hemm tibdil, anki fil-bidu tal-paragrafi. Fl-aħħar paġna, wara li jgħidilna li Ganado nnifsu kien “ktieb imprezzabbli mogħti lill-analfabeti” (“lil poplu ma jafx jaqra”), hemm ftit paragrafi ġodda, li fihom Bonello jibqa’ ma jiksirx kelmtu u ma jgħid xejn ġdid, ħlief kemm kien raġel ta’ prinċipju Ganado u kemm hu kuntent li għadu rilevanti. Jgħidilna li m’għandniex inkunu sorpriżi li Ganado ssimpatizza ma’ Franco fit-tletinijiet, iżda ma jgħid xejn dwar in-nuqqas ta’ kwalifika meta reġa’ semma lil Franco fil-memorji tiegħu.

Fost l-affarijiet li jgħid Bonello meta jirrakkonta l-ħbiberija tagħhom, jgħid li hu kien għen lil Ganado meta kien qed jipprepara l-volumi ta’ Rajt Malta Tinbidel, partikolarment billi silfu xi ritratti li kienet turi l-vjolenza tal-pulizija waqt is-Sette Giugno. Meta miet Ganado, u wara intervall diċenti, Bonello mar jipprova jġib il-materjal lura. “Meta miet missierna, qalulu wlied il-kittieb, “il-mamà ħarqet u qattgħet kull karta li kellu”. Magħhom, nistgħu nassumu, inħarqu n-noti dwar is-snin sebgħin. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar paġna fl-edizzjoni l-ġdida, hemm nota li tgħid “Għalkemm f’dan il-ktieb issir referenza għal volum ieħor, b’xorti ħażina, dan qatt ma nkiteb għajr għal noti li nstabu wara l-mewt ta’ l-awtur [sic]. Michael Refalo wkoll jgħid li n-noti ntilfu, u li jossessjonah xi ftit il-misteru għaliex Ganado waqaf fejn waqaf bil-memorji tiegħu u ma kitibx volum ieħor. Jispekula li forsi kien jibża’ mir-riperkussjonijiet, anki vjolenti, jekk jingaġġa direttament mal-politika attwali. Kien ħa biżżejjed keded f’ħajtu. Ħasra li m’għandniex dan il-ħames volum, mhux għax Ganado kien se jissorprendina b’dak li jaħseb, iżda għax konna narawh jissielet direttament ma’ dak l-ispettru li waħħxu ħajtu kollha. Min-naħa l-oħra, kull deni ħudu b’ġid, għax hekk il-qarrej modern iffranka €62.50.

Ħamsin sena wara li ħareġ, bl-interess fih ħaj daqs dejjem, Rajt Malta Tinbidel kien jistħoqqlu iktar minn tiratura ġdida fuq karta sabiħa u tipa leġġibbli. L-għażla ta’ Giovanni Bonello bħala l-uniku kummentatur dwar Ganado, anki li kieku offra xogħol ġdid, turi nuqqas ta’ immaġinazzjoni. Kittieba oħrajn, kemxejn iktar ortogonali għall-milieu ta’ Ganado, kienu jkunu jafu jaqrawh b’mod iktar kritiku, u iktar produttiv. L-introduzzjoni ta’ Bonello tkompli tgħidilna kemm Ganado kien raġel tal-affari tiegħu, wara li l-awtur qatta’ elfejn paġna jagħmel l-istess. Mingħajr apparat kritiku, dax-xogħol qisu qiegħed jiġi ppreżentat bħala l-Istorja uffiċjali ta’ Malta, l-istorja ssanzjonata minn elite li, minkejja kollox, hija ħafna iktar b’saħħitha llum milli kienet fiż-żmien li nkitbu dal-kotba. Dettall stramb li hemm fil-paġna tal-copyright ta’ kull volum huma ż-żewġ notifiki tad-data u s-simbolu-ċoff tal-copyright.

Copyright Editorjali © Klabb Kotba Maltin, 2025
Copyright Letterarju © il-familja Ganado, 2025

Ma nixtieqx insib ruħi fil-pożizzjoni li nispjega l-liġi lill-familja Ganado. Fl-2025 ma nħoloq ebda “copyright letterarju”. Inħoloq copyright fuq ix-xogħol editorjali, li l-pubblikaturi kienu pronti ħaduh għalihom, anki jekk għamlu kemm setgħu biex ma jkunx jammonta għal wisq. Herbert Ganado miet fit-8 ta’ April 1979, u sebgħin sena wara, fl-1 ta’ Jannar 2050 — data ta’ simetrija xierqa — huwa jinħeles mill-ġudizzju erratiku tal-eredi tiegħu. Xogħlu jidħol fid-dominju pubbliku u minn sempliċi wirt sa fl-aħħar isir, verament, patrimonju .

Jien Inħobb Nitkellem Magħkom I u II, iż-żewġ ġabriet ta’ esejs mil-Leħen is-Sewwa mit-tletinijiet sal-ħamsinijiet, huma ta’ interess mod ieħor għax miktubin waqt li qed iseħħu l-ġrajjiet. Id-dettalji tal-pubblikazzjoni huma fjakki iżda jidher li kienu ppubblikati minn Pubblikazzjoni Buġelli (it-tieni volum għandu l-logo tagħhom fuq l-ispina), Tonio u Vanni Bonello kienu l-edituri. The Suez Affair ta’ Hugh Thomas huwa pubblikazzjoni Weidenfeld & Nicolson 1967 u jista’ jinsilef online. The Spanish Civil War, tal-istess awtur, huwa pubblikazzjoni Eyre & Spottiswoode 1961. Il-Manifest tal-Partit Komunista huwa disponibbli online f’ħafna lingwi. L-enċikliki Rerum novarum, Quadragesimo anno, Pacem in terris huma disponibbli mis-sit tal-Vatikan. L-Avukat Herbert Ganado: Bejn Storja u Miti, pubbblikazzjoni Horizons 2015, huwa ġabra ta’ kitbiet dwar Ganado u x-xogħol tiegħu li tinkludi esej kritiku ta’ Ganado, ħaġa rari, miktuba minn Charles Xuereb. Irreferejt għal Fortress Colony: The Final Act 1945–1964 ta’ Joseph M. Pirotta, pubblikazzjoni Midsea Books 2018, partikolarment it-tielet u r-raba’ volum. Rajt Malta Tinbidel: Indiċi Ġenerali ta’ Godwin Ellul huwa pubblikazzjoni Klabb Kotba Maltin 1999. Qrajt ukoll Mintoff, Malta, Mediterra: My Youth ta’ Dom Mintoff, pubblikazzjoni tal-2018 tal-Association for Justice, Equality and Peace f’kollaborazzjoni ma’ National Archives of Malta, u diversi kitbiet oħra ta’ Mintoff fosthom Malta’s Struggle for Survival, Lux Press 1949. Il-qari ta’ Manuel Cauchi ta’ Rajt Malta Tinbidel huwa disponibbli mill-kont ta’ Radio 101 fuq YouTube. L-ewwel tmenin episodju qegħdin ukoll fuq Spotify. Ganado u wliedu jżuru l-Isla f’episodju 165. F’artiklu bijografiku dwar Victor Apap, miktub minn Michael Schiavone fuq it-Times of Malta, hemm imsemmi li Apap ukoll kien qara Rajt Malta Tinbidel fuq Radio 101, bejn l-1995 u l-1998.

Rajt Malta Tinbidel (vol. I–IV) ta’ Herbert Ganado (Klabb Kotba Maltin, Malta 2025)

My Century (vol. I–VIII) ta’ Herbert Ganado , tr. Michael Refalo (Be Communications Ltd, Malta 2004–2011)

Rajt Malta Tinbidel (vol. I–IV) ta’ Herbert Ganado (l-awtur, Malta 1974–1977)

Dekorazzjoni art-nouveau