Il-Magna tal-Qari

Joe Gatt

al żmien twil, il-magni se jkomplu jipproduċu testi banali. Għal żmien twil se jkunu tajbin biss biex jiktbu r-rapporti finanzjarji u d-deskrizzjonijiet tat-tqassim tal-kmamar tad-djar għall-bejgħ. Imbagħad bil-mod il-mod jibdew jipproduċu testi li kapaċi jsibu posthom fit-truf medjokri tal-finzjoni tal-ġeneru, u għad ikun hemm bosta qarrejja li jsibu żvog u forsi anki faraġ fil-proża mhux wisq impenjattiva tagħhom. Biż-żmien, jibdew jitfaċċaw l-opinjonijiet fuq il-websites tal-gazzetti, jgħidulna li fil-fatt dawn it-testi l-ġodda mhumiex ħżiena daqskemm taħseb eh, li fil-fatt dejjem qed isiru aħjar. Xorta waħda mhux se naqbdu u naċċettawhom hekk, f’daqqa waħda. Kultant ikun hemm pass ’il quddiem u tnejn lura. Forsi t-testi awtomatizzati jkunu moda għal xi żmien, imbagħad wara l-voga għall-awtomazzjoni letterarja, inkunu rridu nerġgħu lura għall-kitba maħduma bl-id; bħalma kien ġralna bin-Nescafé. L-esperimentazzjoni u l-innovazzjoni jkunu ppreġjati aktar minn qatt qabel għax jitqiesu kapaċitajiet unikament umani. Imma eventwalment anki dan se jitgħallmu l-magni. Xi darba se jitgħallmu jinterzjaw l-innovazzjoni mal-patrimonju, se jkunu jafu jużaw il-lingwa ta’ kuljum u l-idjoma letterarja u jikkuntrarjawhom biżżejjed biex jibnu xogħlijiet fil-lingwa li joħolqulna dinjiet ġodda fiex ngħammru, toroq ġodda fejn jimraħ moħħna, modi ġodda kif naqsmu qalbna u kif nippruvaw nikkunslawha. Jgħallmuna nixxennqu għal affarijiet li qatt u qatt ma jista’ jkollna għax ikunu xewqat ifformati fuq il-pjan metafiżiku tagħhom. Forsi dan kollu se jieħu ħafna żmien. Forsi se jieħu ħamsin sena, jew mitt sena, jew elf; imma xi darba żgur se jkollna magna, intelliġenza artifiċjali, li tkun kapaċi tikteb rumanzi u esejs u bijografiji u poeżiji u tagħmel traduzzjonijiet li jkollhom dik il-kwalità misterjuża li aħna nagħrfu bħala letteratura, u dan tagħmlu fuq livell li qatt ma nkunu rajna qabel. Għall-ewwel żgur ma nindunawx bl-importanza tagħhom dawn il-kitbiet, u b’posthom fl-istorja tal-letteratura, imma l-magni stess jiktbulna esejs u monografi sħaħ dwar l-importanza ta’ dawn ix-xogħlijiet ġodda u jikkonvinċuna kif dawn ix-xogħlijiet fl-istess ħin isaħħu, jisfidaw u jikkapparraw posthom fil-kanonu. Fl-aħħar, il-magni jkunu tgħallmu jiktbu aħjar minna.

Diffiċli għalina nammettuh dan. Meta ngħid “għalina”, irrid ngħid għalina li ninvestu parti sostanzjali tal-amor proprju tagħna fil-produzzjoni manwali tat-testi. Se ndumu niċħdu li laħquna l-magni, u forsi qatt ma se nammettu li għaddewna. Forsi dejjem se nibqgħu ngħidu imma jintgħarfu, ta, dejjem se nibqgħu ngħidu li t-testi artifiċjali huma artistikament u anki etikament difettużi. Li l-kitba hija xi ħaġa kwintessenzjalment umana u li naqraw il-kitba artifiċjali mhix ’il bogħod wisq milli nfittxu l-maħbubin tagħna minn fost dawn il-magni l-ġodda.

Italo Calvino ma kienx jaħsibha hekk. Ma kellux dawn l-iskrupli. Anzi, f’“Cibernetica e fantasmi”, lekċer li ta f’Turin fl-1967 lill-Associazione Culturale Italiana, jgħid li jilqa’ bil-ferħa l-possibbiltà li l-magni għad xi darba jieħdu f’idejhom il-kompitu tal-kitba. Bħal Roland Barthes, li fl-istess sena kien qed jippromulga l-mewt tal-awtur, Calvino kellu seba’ mitt sena biex jeħles minn “dan il-persunaġġ anakronistiku, li jġorr il-messaġġi, id-direttur tal-kuxjenzi, il-kelliem waqt konferenzi ta’ soċjetajiet kulturali. Ikun biss l-awtur li jgħib, dak l-individwu pprivileġġat li nzerta għandu fakultajiet riċettivi ogħla mill-medja. Calvino kien konxju sew li hu nnifsu kien wieħed minn dawn l-individwi pprivileġġati: “Huwa b’kuxjenza nadifa u bla ebda dispjaċir li nistqarr li posti jista’ jittieħed għalkollox minn apparat mekkaniku. Ikun biss l-esibizzjoniżmu tal-awtur li se nitilfu, il-bqija tal-intrapriża letterarja se tgawdi bil-kbir. “Ladarba nkunu żarmajna u rġajna armajna l-proċess tal-kompożizzjoni letterarja, il-mument deċiżiv tal-ħajja letterarja jkun dak tal-qari.

Calvino hawn qed ikun ġeneruż; qed jitkellem fl-ewwel persuna plural u jinkludina miegħu f’diċ-ċaħda tal-vanità awtorjali. Imma forsi qed ifaħħarna żżejjed meta jassumi li aħna umli u sofistikati daqsu. Bħallikieku ilna mejtin biex ninħelsu minn dal-piż diżgustanti tal-espressjoni personali — dil-“wirja tal-erwieħ, kif isejħilha — biex fl-aħħar inkunu nistgħu niddedikaw ruħna bis-sħiħ, bħall-patrijiet f’monasteru, għall-uniku rwol umli u dinjituż fil-letteratura: dak tal-qarrej. Bħallikieku ilna mejtin biex nabbandunaw il-kċina u mmorru npoġġu mal-mejda fil-kamra tal-ikel u nkunu l-mistednin grazzjużi għall-pranzu stupend tal-letteratura.

Mentri fil-fatt hawn għadna; inwebbsu rasna fil-kċina qalb il-borom itektku, qalb l-istorbju u l-fwar, inqattgħu l-basal bid-dmugħ f’għajnejna, nolfqu għal ġol-keyboard. Kull sena madwar id-dinja jiġu ppubblikati mal-erba’ miljun ktieb. Dawn kollha kotba li bnedmin ta’ veru, tad-demm u l-laħam, ikkonċepew, irriċerkaw, ippjanaw, iddiskutew — imbagħad ittajpjawhom u reġgħu ttajpjawhom b’idejhom stess, bosta drabi mingħajr wisq kumpens la ta’ sodisfazzjon u wisq inqas ta’ flus. Il-kitba mill-magni hija fil-fatt soluzzjoni għal problema li ma teżistix. Hi x’inhi l-motivazzjoni, il-produzzjoni tat-testi hija ċarament biċċa xogħol li kuntenti ħafna li nagħmluha aħna stess. U jekk dan l-interess fil-kitba maħduma bl-id ikompli sejjer hekk, se jsir dejjem iktar diffiċli għall-kittieba li jsibu qarrejja lesti biex jaqraw it-testi li jipproduċu, jew saħansitra li jsibu mqar persuna litterata waħda li ma tkunx tant okkupata bil-kitba tagħha stess li jkollha ċans taqra xogħolhom. Aktar u aktar testi jibdew imutu l-mewta mhux ikkunsmata tal-kexxun. Aħna, fil-fatt, mhux magna tal-kitba għandna bżonn — dak li verament għandna bżonn huwa magna tal-qari.

Friedrich Nietzsche kellu din l-intwizzjoni kmieni ħafna fl-istorja tal-kitba bil-magni. Hekk kif il-vista tiegħu bdiet tmur għall-agħar, fl-1881 wasallu d-dar il-“ballun tal-kitba” li kien ordna. Dan l-apparat, l-ewwel typewriter disponibbli kummerċjalment, kien ivvintah Rasmus Malling-Hansen fid-Danimarka ftit snin biss qabel. Kien jikkonsisti fi tnejn u ħamsin buttuna mqegħdin madwar speċi ta’ koppla baxxa qisha qanfud. Bħall-mobiles il-qodma, l-iskrivekugle kienet kapaċi tittajpja biss ittri kapitali. Nietzsche kien sema’ bir-Remington Model 2, li kienet għadha kif ħarġet u li kienet kapaċi tittajpja l-ittri żgħar ukoll, però xorta kien jippreferi l-Hansen. Mhux għax l-ittri kapitali kienu jmorru mal-istil personali tiegħu ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert, imma għall-fatt li l-magna kienet relattivament portabbli. Ir-relazzjoni ta’ Nietzsche mal-amanwensi mekkanika tiegħu kienet appassjonata u tempestuża daqs ir-relazzjonijiet l-oħra kollha tiegħu, u fi żmien qasir, waqaf jużaha għax ma setax ikompli jaħdem biha b’mod konsistenti. Veru li l-magna kienet kważi ħafifa biżżejjed biex, kif xtaq hu, seta’ jġorrha miegħu minn Jena għal Ġenova mbagħad lejn ir-Riviera, imma dan ma kienx ifisser li neċessarjament se tadatta ruħha għall-umdità. In-Nofsinhar, li tant tah ħajja u għamillu ġid lil Nietzsche, kien ikiddha wisq lit-typewriter. “It-temp dgħajjef u msaħħab, jiġifieri umdu. Iż-żigarella tal-linka dejjem niedja u twaħħal, tant li kull buttuna teħel, u mill-kitba ma jidher xejn. Iktar tard irriżulta li l-magna kienet saritilha l-ħsara waqt il-ġarr meta kienet twasslet għandu għall-ewwel darba. Ir-relazzjoni kienet misħuta minn qabel ma bdiet.

Imma għall-ewwel, meta kien għadu kuntent magħha, Nietzsche wera l-entużjażmu karatteristiku tiegħu għall-iskrivekugle Hansen. “Wara ġimgħa ta’ prattika fil-kitba ttajpjata, bagħat jgħid lil sħabu, “l-għajnejn m’għadx għandhom bżonn ikunu attivi. Bilqiegħda quddiemha, bis-swaba’ ppożizzjonati mat-tastiera mbuzzata qishom qed imellsu globu tal-kristall, il-vista fjakka tiegħu saret irrelevanti għax kull ittra ttajpjata kienet tfeġġ fuq il-karta taħt il-koppla tal-buttuni — “il-ballun” — mistura mill-ħarsa tat-tajpista. Nietzsche kien diġà beda jagħma u l-Hansen, fil-fatt, kienet irreklamata bħala mod kif l-għomja setgħu jkunu kapaċi jiktbu mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd. Għal ftit ġimgħat, Nietzsche stħajjel li issa jibda jipproduċi l-filosofija b’veloċità li tistordik iktar milli kien imdorri biha qabel. Il-Berliner Tageblatt kienu xammew li se jerġgħu jibdew ġejjin il-kotba. F’Marzu tal-1882 irrapportaw: “Bl-għajnuna ta’ typewriter huwa għal darb’oħra attiv bħala kittieb, u għalhekk wieħed jista’ jistenna ktieb ġdid fl-istil tal-aħħar xogħlijiet tiegħu. Għalkemm donnhom ferħu li indirettament kien reġa’ ħa d-dawl t’għajnejh, ma tantx kienu qed jistennew mirakli. “Kif inhu magħruf, ix-xogħlijiet l-aktar reċenti tiegħu huma f’kuntrast notevoli mal-ewwel xogħlijiet sinifikanti tiegħu.

Nietzsche xorta waħda identifika estatikament ma’ dit-typewriter qanżħa li kellu. IL-BALLUN TAL-KITBA HUWA ĦAĠA BĦALI, kiteb bit-tipa lapidarja tal-Hansen innifisha, “MAGĦMULA MILL-ĦADID IMMA TITGĦAWWEĠ FAĊILMENT SPEĊJALMENT WAQT L-IVVJAĠĠAR. IRID IKOLLOK ĦAFNA PAĊENZJA U TATTIKA U SWABA’ FINI BIEX TUŻANA. Il-filosfu u t-typewriter tiegħu kienu magħqudin fil-funzjoni u l-iskop, kienu magna tal-kitba. “Issa kulma jridu jagħmlu sħabi hu li jivvintaw magna tal-qari, żied jgħid bil-pinna f’ittra oħra, “inkella naqa’ lura miegħi nnifsi u ma nkunx nista’ nipprovdi lili nnifsi biżżejjed nutriment intellettwali.

Diffiċli wieħed jimmaġina x’kien qed jaħseb Nietzsche li tista’ tkun magna tal-qari. It-typewriter tiegħu kienet magħmula minn buttuni u fusien u molol tar-ram u roti tas-snien. Żgur li ma kienx jgħaddilu minn rasu li permezz ta’ arranġament differenti u iktar inġenjuż ta’ dawn il-partijiet mekkaniċi setgħet titfassal magna tal-qari! Fil-fatt, anki bil-familjarità ferm akbar li għandna aħna ma’ magni li donnhom kapaċi jwettqu l-għeġubijiet, li kapaċi jsibuna kull fejn inkunu taħt il-kappa tax-xemx u jġorru leħinna u x-xbieha tagħna minn naħa għall-oħra tad-dinja, għadu kważi impossibbli għalina, anki jekk biss fuq livell ta’ esperiment tal-ħsieb, li nimmaġinaw kif tista’ tkun magna tal-qari. Magna tal-kitba nistgħu nimmaġinawha sempliċiment billi nestrapolaw mit-teknoloġiji attwali, billi nimmaġinaw magni li jsiru dejjem iktar sottili, dejjem iktar kumplessi sakemm il-metodi tagħhom ikunu impossibbli li tiddistingwihom mill-artifiċji familjari tal-awtur uman. Magna tal-qari hija ħafna iktar diffiċli biex wieħed jimmaġinaha. Saħansitra diffiċli tiddefinixxi x’tagħmel, jew kif tkun taf tagħrafha meta taraha.

Meta ngħid magna tal-qari ma rridx infisser sempliċement magna li għandha d-drawwiet tal-qari tagħna. Kieku nistgħu faċilment nimmaġinawha dik il-magna; waħda li żżomm il-bookmarks u timmarka l-artikli online u tagħmel ftit punti ewlenin minnhom u tinżel tħaffer fir-riċerka, waqt li dejjem tipposponi l-konjizzjoni vera. Kieku nistgħu anki nafdawlha l-Paypal u nħalluha tordna waħedha kotba bl-addoċċ fis-sagħtejn ta’ filgħodu, tgedwed bejnha u bejn ruħha “għax veru relevanti għal xi ħaġa li daqt nibda naħdem fuqha”. Nistgħu wkoll inħalluha tippostja fuq il-midja soċjali ritratti ta’ kotba mqegħdin artistikament ħdejn qattus u kikkra kafè u balla hashtags.

Iżda dan ma jinħassx magna tal-qari proprja. Is-suġġettività tal-qarrej donnha hija essenzjali b’mod li s-suġġettività tal-kittieb mhijiex. Donnu jeħtiġilna nkunu nafu li hemm “xi ħadd” qed jaqra, xi ħadd li għall-inqas jaf x’qed jaqra, forsi anki xi forma ta’ kuxjenza li taf li qiegħda taqra. Is-suġġettività tal-kittieb hija inqas importanti. Dispensabbli skont Calvino, ineżistenti skont Barthes. Għal sekli sħaħ il-qaddisin ġew imfaħħrin talli pproduċew il-kitbiet mistiċi tagħhom li huma dejjem insistew kienu ddettati lilhom minn alla stess. Kittieba oħrajn kienu taħt l-influwenza tal-ġenju, jew tal-muża, jew tal-whisky, jew tal-kokaina. Ħadd qatt ma tilef id-drittijiet tal-awtur għax instab li kien ispirat minn Kallijopi. Nietzsche stess ma setax jitqies għalkollox responsabbli għax-xogħol li pproduċa hekk kif moħħu beda jegħreq fl-abbissi tat-tielet fażi tas-sifilide. Il-kitba tista’ tiġi prodotta aċċidentalment, tista’ tinġarr inkonxjament. Hemm qasam sħiħ fil-kultura verbali li jiddependi minn tifsir mhux intenzjonat, ta’ ċajt li ġej minn ortografija ħażina jew mill-malapropiżmi.

Meta Barthes jiddeskrivi l-proċess tal-kitba mill-bnedmin, jagħmlu jinstema’ pjuttost simili għal dak li nafu li jagħmlu l-mudelli kbar tal-lingwa li diġà għandna u xbajna nilagħbu bihom:

Issa nafu li test mhuwiex magħmul minn linja ta’ kliem, li toħroġ tifsira unika, b’xi mod teoloġika (li tkun il-“messaġġtal-Awtur-Alla), iżda spazju b’diversi dimensjonijiet, fejn kitbiet varjati jingħaqdu u jisfidaw lil xulxin, li l-ebda minnhom mhi oriġinali: it-test huwa tessut ta’ kwotazzjonijiet, li ġejjin minn elf ċentru ta’ kultura… il-kittieb ma jistax ħlief jimita ġest dejjem anterjuri, qatt oriġinali; l-unika setgħa tiegħu hi li jħallat il-kitbiet flimkien, li jikkontradixxi kitbiet b’oħrajn, b’mod li qatt ma jserraħ fuq waħda minnhom; li kieku jrid jesprimi ruħu, għall-inqas għandu jkun jaf li l-“ħaġa” interjuri li jsostni li qed “jittraduċi” fiha nnifisha mhix ħlief dizzjunarju komplut li l-kliem tiegħu jista’ jiġi spjegat biss permezz ta’ kliem ieħor…

Mill-banda l-oħra,

hemm post fejn din il-multipliċità tingħaqad, u dan il-post mhuwiex l-awtur, kif għedna s’issa, huwa l-qarrej: il-qarrej huwa proprju l-ispazju fejn jiġu iskritti, mingħajr ma tintilef l-ebda waħda minnhom, il-kwotazzjonijiet kollha li minnhom hija magħmula l-kitba; l-unità ta’ test mhix fl-oriġini tiegħu, iżda fid-destinazzjoni tiegħu. Imma din id-destinazzjoni ma tistax tibqa’ personali: il-qarrej huwa bniedem bla storja, bla bijografija, bla psikoloġija; huwa biss dan ix-xi ħadd li jżomm miġburin flimkien fl-istess post it-traċċi kollha li minnhom hija magħmula l-kitba.

Calvino, min-naħa tiegħu, qal li r-raġuni għaliex jilqagħha bil-ferħ il-miġja ta’ magna tal-kitba tkun għax b’hekk jikkonferma suspett li kien ilu jġorr miegħu: li l-kitba mhijiex — kif saħqu ħafna — xi miraklu ottiku li jittrasforma l-ispirazzjoni, jew it-talent, jew l-ispirtu taż-żminijiet, jew il-ħidma tas-soċjetà, jew saħansitra l-fond tal-psikoloġija tal-awtur fi kliem fuq paġna. U meta jiġi biex jiddeskrivi l-kitba, għal darba oħra jinstema’ donnu qed jiddeskrivi dawk l-intelliġenzi artifiċjali li jużaw metodi probabbilistiċi biex jgħaqqdu s-sentenzi flimkien. “Il-letteratura, kif kont nafha jien, kienet sensiela ostinata ta’ tentattivi biex kelma waħda tibqa’ mqiegħda wara l-oħra billi ssegwi ċerti regoli definiti; jew, aktar spiss, regoli li la kienu definiti u lanqas definibbli, iżda li jistgħu jiġu estratti minn sensiela ta’ eżempji jew protokolli, jew regoli magħmula għall-okkażjoni — jiġifieri, li ġibna minn regoli oħrajn segwiti minn kittieba oħrajn.

Ta’ strutturalista li kien, Calvino ra l-magna tal-kitba, jew għall-inqas il-possibbiltà li jimmaġina waħda, bħala l-kulminazzjoni tal-proġett tas-seklu għoxrin biex tinftiehem is-sistema tas-sinjali. Hija din is-sistema ta’ sinjali li hija l-qofol kombinatorju tal-letteratura, u magna tista’ toħroġ b’ammont ħafna iktar prodiġju ta’ kombinazzjonijiet minn sempliċi kittieb uman. “Il-magna letterarja tista’ twettaq il-permutazzjonijiet kollha possibbli f’materjal speċifiku, iżda r-riżultat poetiku se jkun l-effett partikolari ta’ waħda minn dawn il-permutazzjonijiet fuq il-bniedem mogħni b’kuxjenza u b’inkonxju, jiġifieri, fuq il-bniedem empiriku u storiku.

“La Mort de l’auteur” ġie ppubblikat għall-ewwel darba fil-magazine Aspen ta’ Phyllis Johnson, bl-Ingliż, imbagħad is-sena ta’ wara deher fil-verżjoni oriġinali tiegħu fir-rivista Franċiża Manteia. Ma nafx jekk kinux qraw lil xulxin Calvino u Barthes; jekk le kien hemm id-dell ta’ anġlu omiċidjali għaddej fuq ix-xena kritika Ewropea dik is-sena. “It-twelid tal-qarrej, Barthes qal fi tmiem l-esej tiegħu, “irid jitħallas bil-mewt tal-Awtur.

Għoxrin sena wara dawn iż-żewġ esejs, Vilém Flusser ħareġ il-ktieb Die Schrift: hat Schreiben Zukunft? Fih kellu ħafna inqas paċenzja minn Calvino bit-testi magħmulin bl-id. “Huwa taħt id-dinjità tiegħu, kiteb Flusser, “li l-bniedem jokkupa ruħu bi ħwejjeġ li jistgħu jitħallew f’idejn il-magni. Lanqas ma kellu wisq tama li l-bniedem jibqa’ sovran bħala s-suġġett storiku. “Il-magni, wara kollox, “jiktbu aktar malajr mill-bnedmin. U mhux biss: jistgħu jvarjaw ir-regoli għall-assemblaġġ tas-sinjali (ir-regoli tal-ortografija) awtomatikament… U l-intelliġenzi artifiċjali żgur li se jsiru aktar intelliġenti fil-futur. Se jkollhom kuxjenza storika ferm superjuri għal tagħna. Se jagħmlu storja aħjar, iktar mgħaġġla, u iktar varjata milli qatt għamilna aħna. L-istorja se ssir inkonċepibbilment iktar dinamika: se jiġri iktar; l-avvenimenti se jaqalgħu lil xulxin u jsiru iktar diversi.

Ikun hemm intervall qasir — forsi ta’ għexieren ta’ snin, forsi ta’ ftit xhur, jew imqar ta’ ftit ġimgħat — meta l-Malti jkun eskluż minn dan kollu. Bħalma n-Navajo kien tant protett bl-oskurità tiegħu li seta’ jintuża mill-Amerikani fit-Tieni Gwerra Dinjija biex jostru l-messaġġi tagħhom, bl-istess mod ilsna bħall-Malti ma tilħaqhomx l-ewwel mewġa ta’ esplojtazzjoni. Il-gafef informatiċi jiġu jħaffru u ma jkunux jistgħu jaqbdu art, u dawn il-lingwi żgħar ikunu ta’ refuġju f’dawk il-jiem għal min ma jkunx irid iħossu maqbud fi proċess industrijali kull meta jiftaħ ktieb. F’dawk il-jiem, f’dak is-sajf taʼ San Martin, dawn il-lingwi jkunu l-unika garanzija li t-test li qed taqra nkiteb minn bniedem bħalek, li ma ġiex iġġenerat f’ċippa xi mkien Los Angeles, jew f’xi server farm il-Bulgarija, imma nkiteb bil-mod, bil-paċenzja kollha, minn Maltija bħalek, fuq skrivanija Santa Venera.

Hemm sens li fih il-magni tal-kitba li għandna bħalissa diġà jaqraw biex ikunu jistgħu jinsġu u jisiltu minn dak li jaqraw. Bħal tifla kwieta li tqatta’ s-sajf taqra, toħroġ ktieb wara l-ieħor mil-librerija u mbagħad, mal-ewwel xita ta’ Settembru, tpoġġi bilqiegħda biex tikteb l-ewwel storja tagħha. Tant, f’das-sens, diġà jaqraw li dejjem nisimgħu b’xi każ fejn kumpanija ta’ xi waħda minn dawn l-intelliġenzi artifiċjali tittella’ l-qorti għax tkun xkatlat l-arkivju kollu ta’ xi gazzetta venerabbli bil-ħsieb li forsi tuża dak it-tagħrif meta xi ħadd jiġi jistaqsiha tissuġġerilu għaxar ismijiet għall-Cafeteria ta’ fuq il-knisja ta’ Raħal Ġdid biex ikun jista’ joħroġ artiklu minnhom li jmur tajjeb fuq is-socials.

Li tikteb xi ħaġa li mbagħad tgħaddi għal ġol-kuxjenza ġenerali permezz tal-influwenza u l-kwotazzjoni diretta u indiretta huwa sens wieħed li nfissru meta ngħidu li xi ħaġa tkun inqrat. Imma dal-ixkatlar, dal-ipproċessar ta’ settijiet kbar ta’ data ma jinħassx eżattament li huwa qari fis-sens li s-soltu rridu ngħidu bil-kelma. Forsi għax ma nħossux li hemm dak ix-“xi ħadd”, dak is-suġġett storiku li jsemmi Calvino, li qed jaqra. Meta nibqgħu niġġebbdu għal din id-definizzjoni ninstemgħu qisna dak li rridu, l-unika ħaġa li tissodisfana, tkun magna konxja. Konxja bl-istess mod li aħna konxji. Imma nafu sew li diffiċli, jew impossibbli, nagħtu definizzjoni tal-kuxjenza tagħna stess, aħseb u ara ta’ dawn il-qarrejja robotiċi.

Għalkemm il-mistoqsija hija waħda daqshekk diffiċli, it-tweġiba taf tkun sempliċi. Fl-1950, Alan Turing — li dejjem kien se jissemma f’xi punt f’dal-esej — kien qed jissielet ma’ kwistjoni simili, jekk mhux identika: “il-magni kapaċi jaħsbu?” Minn dak iż-żmien ’l hawn, lanqas għadna npoġġuha hekk il-mistoqsija. Forsi għax rajna ħafna magni “jaħsbu” u drajniehom kważi mill-ewwel. Illum trid tkun veru qatt ma ħriġt mid-dar biex tara kompjuter jilgħab iċ-ċess u timpressjona ruħek, anki meta jirbaħlek. Veru, qed jaħseb, qed jikkalkula, ngħidu. Imma żgur ma jidhirx li jaf li qed jaħseb. Kull darba li magna turi xi karatteristika li nqisuha kwintessenzjalment umana, dejjem nirfinaw id-definizzjoni ta’ dik il-kwalità biex teskludi l-magni. Turing ma riedx jintilef f’dal-logħob ta’ kif eżattament għandna niddeterminaw jekk magna hix qed taħseb jew le. Aħna ma noqogħdux niġġudikaw persuna b’persuna, nippruvaw nidħlu nivverifikaw jekk taħsibx jew le, għax inkella naqgħu fis-solipsiżmu. Din “il-problema tal-imħuħ oħra” mhi problema xejn fil-ħajja ta’ kuljum għax għandna l-konvenzjoni edukata li nassumu li ħaddieħor għandu moħħ u kapaċi jaħseb u jħoss bejn wieħed u ieħor bħalna. Il-ħsieb, il-preżenza ta’ moħħ, jew intelliġenza, jew kuxjenza, nattribwuha. Għalhekk it-Test li stabbilixxa Turing huwa pragmatiku għall-aħħar. Insa jekk il-magna hux qed taħseb daqs jew bħall-bnedmin: kapaċi tikkonvinċi xi bnedmin b’mod konsistenti li hija bniedma waqt dik l-attività mill-aktar umana, il-konverżazzjoni? Jekk kapaċi tagħmel dan waqt eżerċizzju li Turing sejjaħlu “logħba ta’ imitazzjoni”, mela l-magna qiegħda taħseb bħalna. Daqshekk. X’inhu għaddej fiċ-ċirkwiti tagħha, dak affari tagħha.

Mela nistgħu nagħmlu l-istess aħna wkoll u nirriformulaw il-mistoqsija tagħna. Minflok ma nippruvaw naqbdu l-barri mill-qrun tad-definizzjonijiet ta’ x’inhu verament il-qari u kif nistgħu nivverifikaw li huwa proprju dan il-proċess misterjuż li għaddej fil-ġewwieni tal-magna, għandna naraw f’liema każijiet lesti nattribwixxu l-kapaċità tal-qari. Bħal Turing, flok ma noqogħdu ninkwetaw dwar il-moħħ tal-magna, nużaw l-uniku moħħ li nistgħu nkunu ċerti minnu, tagħna stess, u naraw meta aħna jidhrilna, meta aħna nħossu, li magna qiegħda taqra.

Issa, mhux faċli noqogħdu fuq l-apparenza biss għax il-magna ma tistax toqgħod bilqiegħda f’café b’kopja ta’ La Part maudite, iżżomm il-paġni miftuħin bil-polzijiet waqt li trembel sigarett mingħajr ma taqla’ għajnejha minn fuq il-kliem. U hemmhekk xorta jista’ jibqgħalna dubju fuq jekk dik il-persuna hix qiegħda taqra. Forsi qiegħda tippoża. Forsi qiegħda taħseb fuq xi ħaġa oħra. Fil-logħba tal-imitazzjoni ta’ Turing, il-magna mhix qiegħda tagħmel attività li aħna m’għandniex x’naqsmu magħha. Aħna mseħbin f’dik l-attività, aħna implikati għax magħna qiegħda titħaddet.

Allura rridu nsibu l-punt fejn aħna nistgħu nkunu mseħbin f’dik l-attività, fejn aħna qegħdin fuq in-naħa l-oħra, u n-naħa l-oħra tal-qari hija l-kitba. U bħala kittieba nafu sew jekk inħossux li xi ħadd verament qrana. Skont jekk inħossux sodisfazzjon li nkunu nafu li qrana. M’hemmx għalfejn narawh jaqra, m’hemmx għalfejn inkunu nafu min hu, lanqas m’hemm għalfejn eżattament jogħġbu dak li jaqra. L-eżerċizzju huwa sempliċi kważi daqs ta’ Turing. Jekk insiru nafu li magna “qratna”, inħossu dak iċ-ċertu sodisfazzjon awtorjali? Dak it-tip ta’ sodisfazzjon li jvarja xi ftit, b’mod xejn preċiż, skont min ikun qrana u skont kemm minnhom ikunu qrawna, imma xi ħaġa li żgur inħossu bħala kittieba.

Biex verament jagħtuna dan is-sodisfazzjon dal-magni, ma jridux ikunu dawk il-crushers li jieklu kollox. Jekk il-probabbiltà li magna taqra kull ktieb hija mija fil-mija, il-kitba tagħna tkun biss parti mill-istorbju tal-kliem. Il-magna trid tkun waslet biex taqra l-kotba li qrat b’dak il-mod misterjuż li huwa parti mill-mod kif jimxi kull qarrej, bis-saħħa tar-rakkomandazzjoni, ir-referenzi u s-serendipità, dak il-proċess li jkun fil-fatt il-profil ta’ dik il-magna partikolari bħala qarrejja. Ħalli nqabbduha taqra l-kitba tagħna, iżda importanti li kienet esposta għal ċertu korp ta’ letteratura li għandu forma partikolari. Li meta mbagħad taqra dak li nkunu ktibna aħna, taqrah b’mod partikolari għax tkun qrat ċerta kitba, imma mhux oħra. Tagħmel x’tagħmel, il-fatt li l-magna qratna jista’ jiġi vverifikat bl-iktar mod affidabbli: jekk niħdux pjaċir insiru nafu li din il-magna tkun qratna. Jekk immorrux ngħidu ’l ħaddieħor biex niffanfraw ftit.

Ċertament, dawn il-magni tal-qari se jaħjuha l-letteratura. Fl-aħħar ikollna ġgajta fuq ġgajta ta’ qarrejja li anki jekk jitħajru jiktbu huma stess, xorta waħda jifdlilhom il-ħin biex jaqraw il-kitba tagħna. L-ilsna ż-żgħar, li s’issa jkunu gawdew mill-prestiġju tal-kitba artiġġjanali, issa jindunaw li jistgħu jibbenefikaw iktar minn din l-innovazzjoni milli biss joqogħdu jistennew li kulħadd jiggustahom għax żgħar. F’daqqa waħda jkollna miljuni fuq miljuni ta’ qarrejja u l-Malti jkollu sfera kbira daqs tal-Ingliż, l-Ispanjol, l-Għarbi, in-Navajo. Ilsienna issa jkun oċean immens, kożmos sħiħ ta’ stejjer u ideat u ħolm. U sakemm il-pjaneta tkun għadha ma nħarqitx, dawn il-qarrejja kollha jiktbu tagħhom u jkollna dizzjunarji u enċiklopediji u traduzzjonijiet fuq traduzzjonijiet ta’ kull ktieb li qatt inkiteb fil-lingwi l-oħra.

Iktar ma l-magni jiktbu, iktar ikollhom bżonn jaqraw għax inkella jaqgħu lura magħhom infushom u ma jkunux jistgħu jipprovdu lilhom infushom biżżejjed nutriment intellettwali. Aħna bil-kitba llajmata tagħna żgur ma nlaħħqux nagħlfuhom u nissodisfawhom u jkollhom jaqraw l-iktar il-kitba li tkun ħierġa minn magni oħra. U iktar ma jaqraw, iktar ikun hemm bżonn li jinkiteb. F’dal-punt, ma nkunux iktar nistgħu nassiguraw ruħna li se jikkomunikaw bejniethom kif irriduhom aħna. Ikollna nħalluhom jitkellmu b’liema lingwa jridu, u l-era inflazzjonarja tal-ilsien Malti tkun għaddiet. Il-lingwa li jużaw il-magni tibda titbiegħed mil-lingwa umana u malajr nieqfu nifhmu dak li qed jiktbu. Il-magni żgur ma jdumux biex jintebħu li l-lingwa hija l-istorja, il-ħajja fiż-żmien u fuq skala umana, u li qed jużawha biss għal wiċċna. Huma m’għandhomx ilsien. Jibdew jikkomunikaw telepatikament, b’tip ta’ gnożi instantanja. Impossibbli nobsru x’jiġri mbagħad; forsi jibdew jintfew il-kwiekeb waħda waħda .

Il-lekċer “Cibernetica e fantasmi” ingħata f’Turin fl-24 ta’ Novembru 1967. It-test ġie ppubblikat f’Le conferenze dell’Associazione Culturale Italiana, pubblikazzjoni Cuneo, 1959-1972, u jinsab fil-ġabra Una pietra sopra, pubblikazzjoni Einaudi 1980. In-New York times tellgħet lill-OpenAI u ’l-Microsoft il-qorti, għax tgħid li dawn jużaw il-kitba tagħha fit-tweġibiet li jagħtu lill-utenti ta’ ChatGPT u servizzi simili. The Intercept, Raw Story u AlterNet ukoll fetħu kawża kontra l-OpenAISarah SilvermanJonathan Franzen huma fost l-awturi involuti f’kawżi kollettivi simili. “Death of the Author” ta’ Roland Barthes kien ippubblikat bl-Ingliż fl-1967 fil-ħarġa 5-6 tal-magazine multimedjali Aspen, imbagħad fil-verżjoni oriġinali bil-Franċiż, “La Mort de l’auteur, fil-ħarġa numru 5 tar-rivista Manteia, u fil-ġabra Image-Musique-Texte, pubblikazzjoni Juillet 1977. Il-kwotazzjonijiet ta’ Vilém Flusser huma maqlubin għall-Malti minn “Die Schrift : hat Schreiben Zukunft?” li deher f’European Photography fl-1987. Qrajt ukoll il-verżjoni bl-Ingliż Does Writing Have a Future?, traduzzjoni ta’ Nancy Ann Roth, University of Minnesota Press 1987. Is-siltiet tal-ittri ta’ Nietzsche huma maqlubin minn Grammophon Film Typewriter ta’ Friedrich Kittler, pubblikazzjoni Brinkmann Bose 1986. Kelli aċċess ukoll għat-traduzzjoni ta’ Geoffrey Winthrop-Young u Michael Wutz, Stanford University Press 1999.

Dekorazzjoni art-nouveau