Bħal-lum tletin sena tlaqt minn Malta. Niftakar il-vjaġġ iktar milli niftakarni nasal. Forsi għax kienet biss il-ħames darba f’ħajti li sifirt, u kont għadni ftit anzjuż mill-ajruplani. Mhux wisq, imma biżżejjed biex titjira tkun eċitanti, biex tinħass vjaġġ fiha nnifisha, ħolma twila qalb is-sħab, u mhux sempliċiment traġitt bħalma tinħass illum. Kull darba li kont nisma’ xi qanpiena elettronika jew xi messaġġ kriptiku fuq il-PA, sinjali minn wara l-kwinti tat-titjira, kont noqgħod nipprova naqra wiċċ l-istewards meta narahom jgħaġġlu minn quddiem għal wara tal-ajruplan; nipprova nilmaħ il-paniku taħt il-makeup u t-tbissima professjonali, id-dell tal-mewt wara l-mascara u l-concealer. F’waħda minn dawk il-ftit titjiriet li kont ġa għamilt, kont iltqajt ma’ inġinier li jsewwi l-magni tal-ajruplani, il-jets. (Dak iż-żmien, konna nparlaw ma’ ta’ ħdejna għax sfortunatament mhux kulħadd kien jilbes il-headphones.) Kien jaħdem ma’ kumpanija żgħira f’waħda minn dawk in-Nissen huts Ħal Luqa ħdejn l-ajruport. Staqsejtu, allura ma toqgħodx tinkwieta b’kull ħoss li tisma’ meta tkun fuq ajruplan? Qalli, meta tiġi tiegħek tkun ġiet. Filosofija sabiħa kieku, imma forsi daqsxejn fatalista żżejjed għal inġinier tal-jets.
Ma nafx kemm hu possibbli niftakar minn dakinhar tletin sena ilu. Nara stampi li nista’ nimmaġinani sibthom f’xi kexxun ta’ moħħi, imma fil-verità huma mpittrin friski biex jillustraw il-ftit dettalji li moħħi żamm minflok. Narani nġorr bagalja tqila li naf li kien fiha dizzjunarju u xi kotba oħra taʼ referenza. Kelli internship ta’ xahar — kont għadni qatt ma ltqajt maʼ persuna waħda li kienet taf xi tfisser dik il-kelma — imma ma kelli ebda intenzjoni niġi lura. Niftakar it-toqol ta’ dik il-bagalja, it-tqandil, mhux fl-ajruport fejn użajt trolley, imma fuq tal-linja u fuq il-ferroviji. Nirrealizza li, sa ftit snin ilu, ma kienx daqshekk komuni li l-bagalji jkollhom ir-roti! Dettall ħelu — daqshekk ilni nieqes minn Malta, kienu għadhom ’qas ivvintaw ir-rota — imma kont qed nistenna epifaniji ikbar minn dad-djarju ġdid li bdejt inżomm illum.
L-Epifanija ilni nħobbha minn mindu tgħallimt xi tfisser il-kelma. Forsi tgħallimtha l-mużew, imma naħseb iktar probabbli l-iskola, jew minn xi ktieb. Togħġobni wkoll għax il-festa hija t-tmiem formali ta’ dak l-istat ta’ emerġenza estetika li huwa żmien il-Milied. Li tlaqt Malta fl-Epifanija ma kinitx kumbinazzjoni; dawn is-simetriji nbati ftit bihom jien. Lanqas li bdejt dad-djarju llum, jew li sitt snin ilu bl-eżatt, bdejt nikteb rumanz li kont ilni biex niktbu. Kont ilni nippjanah is-snin, u qattajt is-sena ta’ qabel naqra u nirriċerka għalih. Fl-aħħar ma stajtx nittratieni iżjed, forsi għax kien miet missieri, u forsi għax l-età tiegħi stess kienet bdiet tiċċattja l-istorja. Indunajt li d-deċennji huma fil-fatt kejla trivjali ta’ żmien. Indunajt li meta kont qed nitrabba jien fis-sebgħinijiet, għal dawk in-nies li kienu qed irabbuni, għal ommi u missieri, għal ħafna mill-għalliema tiegħi, is-superjuri tal-mużew, il-qassisin, tal-grocer, tal-ħaxix, iz-zijiet u ħafna minn dawk l-irġiel li kont nara l-każin meta mmur nixtri s-sigaretti lil missieri, għall-politikanti li kont nara l-posters tagħhom bħal rima bolol imwaħħlin mal-ħajt tal-iskola — għalihom il-gwerra kienet riċenti daqskemm għalija fl-2017 kien riċenti, ngħidu aħna, Sign of the Times ta’ Prince. Il-gwerra kienet friska fuq ir-retina tagħhom. Kienu għadhom imbikkmin mill-bombi u l-ġebel imwaqqa’ u l-ġrieden jgħixu fit-terrapien u l-pesta li ġabu magħhom. Mhux il-gwerra biss, imma l-istorja kollha li ġiet warajha sa meta telqu l-Ingliżi, l-istorja li fil-fatt kienet tinteressani ħafna iktar.
28 ta’ April 2024
Illum fuq Aphroconfuso ppubblikajna “General Strike”, silta minn dar-rumanz li qed nitkellem dwaru hawn. Is-silta hija bħal premonizzjoni ta’ dak li rrid nagħmel, qisha taqta’ dritt minn ġo dak kollu li rrid naħseb fuqu f’dad-djarju u toffri biċċa kitba lesta. Imma issa l-bqija jrid ilaħħaq magħha. Ir-rumanz li bdejt nikteb sitt snin ilu kont lestejtu, fih iktar minn mitt elf kelma, imma miktub bl-Ingliż, għax sa ftit snin ilu hekk biss kont nikteb. Waqt li kont qed niktbu sibt ħafna ġustifikazzjonijiet artistiċi għaliex għandu jkun bl-Ingliż, għalkemm qatt qabel ma kont ħabbilt rasi wisq dwar dan għax jien minn dejjem bl-Ingliż kont nikteb. Għalhekk kont tlaqt minn Malta, wara kollox. Meta lestejtu r-rumanz, ktibt sensiela ta’ esejs fuq substack li wkoll kienu bl-Ingliż u li bħar-rumanz kienu jittrattaw, fost affarijiet oħra, l-istorja, il-lingwa, il-kolonjaliżmu, l-emigrazzjoni. Imbagħad, eżatt wara, bdejna naħdmu fuq Aphroconfuso u mingħajr ma kont eżattament ħsibt dwarha, fi ftit xhur indunajt li kien hemm parti ta’ moħħi li kienet qiegħda tassumi li se jkolli nerġa’ nikteb kollox, did-darba bil-Malti.
28 ta’ Ġunju 2024
Qegħdin Tokyo. Ġibt rumanz ta’ Mishima, imma m’iniex ċert għandix noqgħod inġorru miegħi, forsi pastażata. (Jew cringe; bħal meta kont nara n-nies jiġru Berlin bi Christopher Isherwood f’idejhom.) Ġibt miegħi wkoll The Bilingual Writer as Janus ta’ Francis Ebejer, għax irrid nerġa’ naqrah u kulma fih erbgħin paġna, imma nieżla ħafna xita u ma nixtieqx noħorġu miegħi u nfottih. Ridt naqra silta minn False Dawn ta’ John Gray, u ma kellix għalfejn inġibu miegħi għax għandi wkoll PDF tiegħu. Gray kittieb interessanti, antikapitalista imma konservattiv, jew tant antikapitalista li hu konservattiv, imma mhux fuq il-lemin. Jeqred ħafna, u pessimist, idejquh il-proġetti l-kbar, il-vanità tal-bniedem.
Minn dal-ktieb ridt naqra ftit paragrafi dwar il-Ġappun, partikolarment dwar dak il-paradoss li huwa ovvju anki minn barra. Anki l-impressjoni superfiċjali tal-Ġappun hija ta’ pajjiż li żamm ħafna mit-tradizzjonijiet tiegħu imma fl-istess ħin huwa immensament “modern”. Għal Gray huwa pajjiż li jikkontradixxi sew lil Marx, għax irnexxielu jħaddan il-kapitaliżmu mingħajr ma jħallih jittrasforma r-relazzjonijiet soċjali. Fl-1543, waqt li l-pajjiż kien għaddej minn gwerra ċivili, waslu għall-ewwel darba l-Ewropej, il-Portugiżi mbagħad l-Olandiżi, u ftit wara l-armi tan-nar u l-Ġiżwiti. Ikkumparat ma’ ħafna partijiet oħra tad-dinja, il-Ġappun diġà kellu popolazzjoni mdaqqsa, urbanizzata u litterata, u malajr sar esportatur kbir. Imma l-mexxejja Ġappuniżi qatt ma fdawhom wisq lill-Ewropej. Bil-mod il-mod bdew jissuspettaw li wara l-konverżjoni tiġi l-kolonjalizzazzjoni, u ħadu passi biex jipprojbixxu l-Kristjaneżmu. Il-pajjiż reġa’ ngħalaq u għal mitejn sena sħaħ il-kuntatt mad-dinja ta’ barra kien ristrett ħafna, u purament kummerċjali. Il-kultura marret “lura” għal dak li kienet qabel. Mill-ixkubetta reġgħu marru għas-sejf, u għexu maqtugħin mill-bqija tad-dinja sakemm wara ftit iktar minn mitejn sena tfaċċa Matthew C. Perry, uffiċjal tan-navy Amerikana, u heddidhom li jekk il-pajjiż ma “jinfetaħx għall-kummerċ” kien se jiġi lura fi ftit xhur bi flotta ikbar, u jġegħelhom jiftħu.
Fuq l-ajruplan aħna u ġejjin, rajt Oppenheimer, mhux għax inħobb wisq nara l-films fuq dak l-iskrin żgħir imwaħħal mad-dahar tas-seat ta’ quddiemi, imma għax ma stajtx norqod u kien għad baqgħalna ħafna sigħat sakemm naslu. It-titjir m’għadu jnissel fija ebda ħjiel ta’ ansjetà. Il-linji tal-ajru rħas, ir-Ryanair u l-Easyjet neħħewhieli kollha dik it-tensjoni. Mhux biss għax minħabba fihom stajt intir iktar spiss u nidra, imma wkoll għax kien hemm ċertu mekkaniżmu kompensatorju li huma ġabu fix-xejn. L-uniformijiet psewdomilitari tal-piloti, l-istewards qishom mudelli, il-ħafna tbissim u fsied, dawk kienu kollha hemm biex jikkumpensaw għall-assurdità tat-titjir innifsu, għal dal-iskandlu erodinamiku li jħallik tgara ċilindru kbir tal-metall minn pajjiż għall-ieħor. Dejjem deherli li kien hemm korrelazzjoni bejn il-glamour tat-titjir u l-periklu; u meta telaq il-glamour, xi parti ta’ moħħi kkalkulat li l-periklu kien telaq ukoll, għax żgur li l-mewt fl-ajru mhix se tkun daqshekk prożajka, żgur mhux se taħsdek qalb is-seats tal-plastik isfar jgħajjat u l-iscratchcards u l-baguettes imsaħħnin fil-microwave jnixxu l-ġobon maħlul.
Oppenheimer dejjaqni ħafna. Bilkemm ridt nemmen li dal-film kien qed jipprova jġegħelni jimpurtani minn Oppenheimer innifsu, minn jekk kienx se jitħalla jifdi l-ħtija li kien iħoss, li riedni nifqa’ moħħi għax ikkwota l-Bhagavad Gita u riedni ninsa l-għexieren ta’ eluf ta’ Ġappuniżi li mietu sforz il-proġett li mexxa. Dawn l-imperi joħolqu qisu hedge fund artistiku biex mhux biss ixerrdu l-esplojtazzjoni u l-qtil, imma mbagħad jippretendu li toqgħod tempatizza mal-umanità tremenda tal-aġenti tagħhom; b’hekk xejn qatt mhu telf għalihom, għax dak li jonfqu u forsi jissagrifikaw illum militarment, jirrendilhom għada pitgħada kulturalment. Wara tliet sigħat ta’ djalogu mqanżaħ u karatterizzazzjoni prevedibbli, daħalli suspett li dik il-parti l-oħra tad-dikotomija pubbliċitarja li kienet inħolqot is-sajf li għadda żgur ma setgħetx tkun iktar kitsch minn Oppenheimer. Allura rajt ukoll Barbie, sena wara kulħadd, u kelli raġun.
22 ta’ Lulju 2024
Meta l-Ġappun ingħalaq għal kull kuntatt mad-dinja, tħalliet biss ġżira żgħira artifiċjali ġewwa l-port ta’ Nagasaki bħala interfaċja. Qisu l-Freeport imma ħafna ħafna iżgħar. Għal ftit iktar minn mitejn sena, dil-biċċa art kienet f’idejn l-Olandiżi, li kienu tgħallmu mill-esperjenza tal-Portugiżi u l-Ispanjoli qabilhom u ma għamlu assolutament ebda sforz biex jaffettwaw il-kultura tal-Ġappun. Addiju Ġiżwiti u Franġiskani u knejjes u vanġeli; l-Olandiżi fil-fidda u r-ram biss kien moħħhom.
Illum ġejna għat-tieni darba Nagasaki, f’xemx tisreġ. Naħseb ħassejna sħana iktar milli kieku qegħdin Malta. Illum ġejna n-naħa tal-port, minn fejn sa ftit iktar minn 150 sena ilu kien jgħaddi l-kummerċ kollu bejn il-Ġappun u l-bqija tad-dinja. Ftit jiem ilu morna n-naħa l-oħra, il-parti li kienet intlaqtet mill-bomba atomika. Morna wkoll Hiroshima. Għalkemm bliet differenti, bi storja differenti, illum il-ġurnata t-tnejn sa ċertu punt jorbitaw madwar ir-replika tal-bomba li laqtithom, il-fulkrum tal-orrur tal-istorja tagħhom; u magħhom iduru, bħad-debris tal-intenzjonijiet tajba, monumenti astratti, statwi ta’ ħamiem, pagodijiet, kurċifissi u messaġġi minn tfal tal-iskola. Din is-sistema planetarja hija kkalibrata b’timelines, dati u skedi. Il-jiem, il-minuti u s-sekondi li wasslu sa dak il-mument li ntefgħu l-bombi; is-sħab li ffavorixxa belt kontra oħra, in-nies għaddejjin fit-toroq fl-aħħar minuti ta’ ħajjithom mingħajr ma jafu. Imbagħad dawk li baqgħu nofshom ħajjin wara dik il-leħħa dawl “qawwija iktar minn elf xemx” iħufu fl-għami, jirremettu, bil-ġilda ddub minn fuq laħamhom. Imma f’dawn il-mużewijiet u l-ġonna kommemorattivi, il-kawża ta’ dal-waħx jibqa’ astratt daqslikieku dan kollu kien diżastru naturali, xi terremot jew kometa li waqgħet mis-sema.
Xi ftit jiem ilu s-sindku ta’ Nagasaki, Shiro Suzuki, irtira l-istedina lill-Iżrael għaċ-ċeremonja ta’ tifkira tal-isplużjoni tal-bomba fuq il-belt. L-Amerka, l-Ingilterra u xi pajjiżi oħra bħal, naturalment, il-Ġermanja, iddeċidew li jibbojkottjaw iċ-ċeremonja b’ritaljazzjoni. Donnhom ma ħamlux li t-tifkira tingħata ftit sinifikat ta’ veru.
Filgħaxija morna Glover Garden, ġnien fuq l-għolja ta’ Minamiyamate li jħares għal fuq il-port u li huwa mimli bi djar ta’ stil oċċidentali li bnew in-negozjanti li stagħnew f’dil-belt, fosthom Thomas Blake Glover. L-istorja ta’ Madama Butterfly ta’ Puccini sseħħ f’dar fuq għolja f’Nagasaki u allura dal-ġnien ġie assoċjat ma’ dik l-opra. Hemm statwa ta’ Puccini u tad-diva Miura Tamaki, li kienet famuża għall-parti ta’ Cio-Cio-san, it-tifla ta’ ħmistax-il sena li l-Amerikan Benjamin Franklin Pinkerton (it-tenur) jieħu bħala martu. “Un bel dì, vedremo” ddoqq bla waqfien minn loudspeakers moħbijin fis-siġar.
Il-preżenza tal-Amerka għadha tinħass kullimkien, u n-nies li nafu hawn, nies “normali” li jaħdmu postijiet bħat-Toyota u l-Mitsubishi, qalulna li tinkwetahom l-influwenza kulturali Amerikana. It-tensjoni ilha hemm mit-tmiem tal-gwerra u tiġi kemm mil-lemin, bħalma darba ġiet minn nies bħal Mishima, u kemm mix-xellug. Il-preżenza militari Amerikana — xi ħmistax-il bażi militari u iktar minn ħamsin elf suldat — hija sors ta’ ansjetà għal ħafna.
Fl-aħħar, is-sħana bdiet tbatti, ix-xemx bdiet nieżla fuq il-port, u żiffa ta’ filgħaxija rewħet ma’ din-naħa tal-għolja, imma kellna nitilqu biex naqbdu l-ferrovija.
7 ta’ Diċembru 2024
Morna rile* books naraw taħdita bejn Nat Raha u Sulaiman Addonia. Raha hija poeta u f’dis-serata kienet qiegħda taqra mill-ktieb tagħha apparitions (nines), poeżiji miktuba fil-forma ta’ “niners”, speċi ta’ sunetti sovversivi li jikkonsistu f’disa’ versi ta’ disa’ sillabi l-wieħed. Il-qari ta’ Raha kien performattiv mhux biss minħabba l-mod kif tenfasizza ċerti sillabi u ħsejjes, imma wkoll għax tuża apparat elettroniku waqt li qiegħda taqra biex tirrekordja leħinha u timla l-isfond b’repetizzjoni ta’ versi li tkun qrat. Meta rajt il-poeżiji stampati fuq il-paġna, ħassejt li l-performance u d-disinn kienu rappreżentattivi ħafna ta’ xulxin.
Addonia ilu jgħix hawn Brussell mill-2011, iżda qabel kien jgħix Londra, bħala refuġjat mill-Eritrea. Raha issa tgħix Edinburgh imma qabel hija wkoll kienet tgħix Londra. Tkellmu dwar x’kienet tfisser għalihom li telqu minn Londra, kemm jimmissjawha, kemm jafu li għad jerġgħu jmorru lura. Staqsejthom kif iħossuhom dwar il-bliet li jgħixu fihom issa u tawni tweġiba mimlija kwalifiki u eżitazzjoni. It-tnejn qalu li forsi xi darba għad imorru lura. Għaraft sew x’kienu qed jgħidu, jew għall-inqas immaġinajt li jħossuhom bħalma nħossni jien meta mmur Londra issa u ma nħallix lili nnifsi nerġa’ nsir inħobbha wisq għax inkella ttini rasi u niffissa li kienet ġennata li tlaqt. Kont mort ngħix Londra għax kelli biża’ kbir mill-provinċjalità, u għalkemm kultant dal-biża’ għadu jaħkimni bħal żiffa kiesħa, illum naf li m’hemm xejn iktar provinċjali milli tibża’ mill-provinċjalità. Minnha tiġi s-superfiċjalità li naraw fl-arti, il-“professjonaliżmu” żbaljat, il-ħela tal-flus fix-xinxilli.
Meta kellimt lil Omar qalli li jmissni naqra “The Wound of Multilingualism: On Surrendering the Languages of Home” ta’ Addonia. Sibtu u ddeċidejt li nżommu għal meta fl-aħħar nerġa’ naqbad The Bilingual Writer as Janus, li ilni nipposponi għal ġimgħat sħaħ, għax naf li tgħajjini l-esperjenza li naqra fuq ir-relazzjoni ta’ ħaddieħor mal-lingwi tagħhom .