Distanzi Twal

Jean Paul Borg

Diffiċli tiddefinixxi x’inhi distanza twila. Ngħidu aħna mixja, tikkwalifika bħala twila, jekk għall-inqas taqsam minn raħal għal ieħor? Fil-każ ta’ ġirja, f’moħħi għandi waħda li ma tistax tagħmel f’nifs wieħed, ma tistax tisprintjaha. L-istess f’għawma. Biex tkun twila, matulha trid tiġġieled l-għeja u qabel tibda jrid ikollok f’moħħok kif se tqassam l-enerġija, il-pass, il-qadfa. F’xi ħin ħa tidħol il-monotonija u jiġi minnek kif tirbaħha, kif tibdilha f’esperjenza. Bħalma kien qal Emil Zátopek, jekk trid tirbaħ xi ħaġa, iġri mitt metru; jekk trid tesperjenza xi ħaġa, iġri maratona. Imma mhux kull distanza twila neċessarjament tkun twila 42 kilometru u biċċa.

Jien mhux dejjem kelli relazzjoni tajba mad-distanzi twal. Ta’ għaxar snin morna noqogħdu f’żona oħra — Santa Margerita, il-Mosta — u konna madwar kilometru u nofs ’il bogħod mill-pjazza. Għal ommi, u jien magħha, din id-distanza kienet tant twila li biex ninżlu l-pjazza, u dan kien żmien meta minn Santa Margerita kellek tinżel il-pjazza kważi għal kull ħaġa, konna nistennew tal-linja li kienet tgħaddi (meta tgħaddi) kull siegħa. Imbagħad dħalt is-sekondarja, u f’nofs is-sena skolastika, l-għalliem tal-PE, li kien patri, introduċielna l-cross country. Rikkibna f’vann li kellu, Commer, li af xi darba kien jintuża għall-posta Ingliża u mir-Rabat morna l-Buskett, impustana hemmhekk u bdiet it-tellieqa. Jien ma spiċċajthiex, wara ftit qtajt nifsi u l-ġirja nbidlet f’mixja. Il-bolla tiegħi ma kinitx tiswa. Ma nistax niftakar kif wasalt lura l-iskola; x’aktarx l-istess patri kien ġabarni f’nofs it-triq bil-pass ta’ nhar ta’ Ħadd ma’ oħrajn, telliefa. Din it-tellieqa nqalbet f’ritwal annwali u sal-ħames sena qatt ma spiċċajtha, anki jekk it-togħma tat-telfa baqgħet dejjem morra. Meta kont inħossha toqrob u jxoqq xi ftit l-għaraq għalija, kien ikun tard wisq biex nara x’nista’ nagħmel ħalli mqar nispiċċaha darba. Il-bolla dejjem baqgħet balla.

Għadda ż-żmien, u t-triq mid-dar sal-pjazza bdejt nimxiha mingħajr ma nistenna tal-linja. Imma s’hemm l-iktar. Ma mortx wisq hikes. Imbagħad bdejt insuq, għal xi żmien bdejt naħdem il-Mosta stess, u għalija kienet naturali li nidħol fil-karozza, nistartja, u distanza daqstant qasira nkopri nofsha bil-karozza, għax xorta kont nipparkja xi ftit ’il bogħod, bejn minħabba nuqqas ta’ parkeġġ, bejn ftit ta’ mistħija mill-kollegi minħabba li kienet karozza li żmienha kienet għamlitu.

Dan kien ukoll żmien li kont niekol l-isport fuq it-televixin anki jekk jien ftit li xejn kont niċċaqlaq. Lil hinn mit-televixin, kont nara persuna tiġri u tiġini bejn għira u bejn ammirazzjoni għaliha. F’dil-persuna kont nara lil xi ħadd li kapaċi jibda xi ħaġa u jibqa’ jippersisti, jegħleb il-qtugħ ta’ nifs. L-għira jew l-ammirazzjoni wasslitni biex nagħmel xi ħaġa li dejjem kont nibża’ u nipposponi, bil-ferita tal-cross country għadha miftuħa: darba qbadt qalziet tat-tracksuit, flokk u għedt lili nnifsi, ejja nibda nimxi tliet minuti u niġri tliet minuti. B’xi mod wasalt. Ħassejt l-għaraq fuqi, u flok ħassejtu jdellek il-flokk, ħassejtu jidlikni daqslikieku żejt. Bqajt żmien twil nagħmilha, sakemm ma bqajtx nalterna u bdejt niġri ġirja waħda. Minn żmien għal żmien kultant waqaft, imma dejjem erġajt bdejt, sakemm fl-2008 mort tliet xhur l-Awstralja; hemmhekk ukoll kont ġrejt xi ftit, imma mhux biżżejjed. Kont ġejt lura qrib id-disgħin kilo, u ddeċidejt li rrid nonqos. Ikkonvinċejt ruħi li l-ġiri fit-tul l-aqwa soluzzjoni. La iebes, effettiv. F’sentejn, b’ħafna gost, kelli nbiddel ta’ ġol-gwardarobba, u kienu żdiedu ħafna xorzijiet u flokkijiet taċ-ċingi. Magħhom xi midalja ’l hemm u ’l hawn: għall-parteċipazzjoni. Minn sena għal sena kont inżid id-distanza imma l-veloċità qatt ma qabżet il-livell “rispettabbli”. Anki jekk kien żmien li meta nsiefer, iż-żarbun tal-ġiri kien ikun l-ewwel ħaġa li nqiegħed fil-bagalja. Dħalt fi klabb, u bdejt indawwar ħajti ma’ programm li kont nirċievi minn ġimgħa għal oħra, b’ġirjiet varji, daqqa twal u b’pass kajman, daqqa qosra u b’pass veloċi, kultant anki fuq it-track, bin-nofs maratona fi Frar tkun it-tragward ewlieni.

Mhux il-piż biss niżel u nbidel. Bdejt ninbidel jien. Bdejt nieħu gost nintilef fil-kilometru wara kilometru tat-toroq. Bdejt niġri biex nieħu gost niġri. Jekk għall-bidu kelli bżonn il-mużika biex is-siegħa ma narahiex twila, anki din bdejt inħalli warajja. Irrealizzajt li tazza nbid żejda tfisser ġirja nieqsa u għażilt ġirja oħra. Indunajt li f’ġirja ta’ siegħa sagħtejn nista’ nipproċessa ħsibijieti aħjar, nista’ nagħti l-ħin lili nnifsi biss; u minkejja li kont inkun qed niġri kontra l-arloġġ, l-istopwatch, kien ikun ħin li fih l-arloġġ universali bħal jieqaf, u l-pass wara kull pass fuq it-tarmak jew l-asfalt isir l-aktar ħaġa importanti fi qtugħ minn kollox.

Ir-realtà, imma, hija wkoll li minn dak iż-żmien ’l hawn, fl-2017 għamilt maratona li ma marritx tajjeb, anki jekk spiċċajt it-42 kilometru tagħha. Imma kienet waħda li kelli nbaxxi rasi quddiemha u minn ħin għal ieħor kelli nimxi flok niġri, sforz il-bukagħwiġijiet li qabduni. Il-kowċ kien tani tragward ta’ tliet sigħat u 25 minuta, u kont qbiżt l-erba’ sigħat. Minn dakinhar ir-relazzjoni tiegħi mal-ġiri xxellfet xi ftit. Fl-istess ħin, bqajna nfittxu ’l xulxin u b’xi mod bqajt niġri, anki jekk xi ftit jew wisq skont l-aptit. Imma tlielaq qatt ma rġajt għamilt. Is-sena li għaddiet, daħal Ġunju, u bħall-aħħar ftit sjuf, iddeċidejt li nwarrab iż-żarbun tal-ġiri. Minn dakinhar ’il hawn, fis-sajf jien u l-ġiri ninsew ’il xulxin. Minflok niftaħ l-istaġun tal-għawm.

Id-differenza, li dis-sena kelli arloġġ li meta ninżel fil-baħar ma kontx beħsiebni ninża’. Meta għall-ħabta ta’ Frar ir-relazzjoni tiegħi mal-ġiri rranġat tant li rġajt ridt inkun naf x’distanza qed nagħmel u x’pass qed inżomm iddeċidejt li nerġa’ nixtri arloġġ. Għall-ewwel darba, għax minnhom kelli mhux ħażin, ridtu tajjeb għall-għawm ukoll.

B’arloġġ mal-polz, mill-ewwel daħħalt tir f’moħħi: matul is-sajf, ħa nkejjel kull għawma. Ridt li dak li nagħmel fit-toroq nagħmlu fil-baħar. Iżda l-verità hi li b’arloġġ biss f’idejk, diffiċli tagħmel triq fil-baħar. Dik kienet l-ewwel twiddiba, l-ewwel realtà, densa, li sibt ma’ wiċċi wara l-ewwel qabża, meta kien għadu ma bediex is-sajf uffiċjalment. Fil-baħar, aktar milli tisforza ruħek kontra l-arja, tisforza ruħek kontra r-reżistenza tal-ilma mielaħ. Għall-argument, ir-rekord dinji ta’ kilometru fil-ġiri huwa ftit inqas minn żewġ minuti u 12-il sekonda; dak tal-għawm, 11-il minuta u 31 sekonda. Id-distanzi kellhom ikunu inqas. Kelli ninbidel f’fekruna li d-distanzi tagħha tkoprihom bil-mod. Imma malajr indunajt li l-għawm se jtini daqskemm tani l-ġiri. Waqt għawma, anki jekk l-arloġġ personali jkun għaddej b’xogħlu jkejjel kull qadfa u metru, għalija dak universali jkun waqaf b’kulma jimporta l-qadfa li jmiss, u b’hekk b’xi mod jew ieħor nidħol f’dinja oħra. Matulha, forsi tinbidel f’patata mingħajr klin, li skont Adrian Grima, qisha ħin mingħajr bnedmin?

Dan l-element, forsi wkoll meditattiv, inkiteb ħafna dwaru f’rabta mal-ġiri. Memoir partikolari li jiġini f’moħħi huwa ta’ Haruki Murakami, What I Talk About When I Talk About Running. Murakami mhuwiex atleta li kiteb dwar is-suċċessi atletiċi tiegħu. Murakami huwa kittieb tajjeb ħafna, għal xi żmien favorit tiegħi u ġieli anki ssemma għall-Premju Nobel, li fil-ġiri laħaq biss livell ta’ dilettant serju. Għalih imma, dan l-isport, jew aħjar, stil ta’ ħajja, itih daqstant emozzjonijiet li ħass li kellu jniżżilhom fuq karta u jaqsamhom mal-pubbliku. Huwa stess jammetti li huwa sempliċiment atleta ordinarju, fi kliemu (forsi umli wisq) kważi kważi “medjokri”. Madankollu, skontu, dak mhuwiex il-punt. Huwa jgħid li l-ġiri daqskemm huwa eżerċizzju huwa metafora. Ġirja wara ġirja, tellieqa wara tellieqa, iħossu qiegħed dejjem joqrob lejn tragward personalissimu, u dan kollu biżżejjed biex jixprunah biex jisforza ruħu u jerġa’ jinżel fit-triq ikopri kilometru wara ieħor. Jara paralleliżmu bejn il-ġiri u l-kitba, għax fit-tnejn li huma ma jeżistux rebħiet jew telfiet. M’għandekx avversarju dirett. Huwa jammetti li dejjem tixtieq tbigħ aktar, tintlaqa’ mill-kritiċi, tirbaħ xi premju, imma fl-aħħar mill-aħħar il-punt l-aktar kruċjali huwa li b’li tagħmel, tilħaq l-istandards tiegħek innifsek, li tissodisfa lilek innifsek.

Anki jekk ma kontx qed nagħmel toroq fil-baħar, malajr sibt konsolazzjoni. Indunajt li did-densità tħallik tidħol f’dinja oħra ħafna aktar esklussiva minn tal-ġiri. B’wiċċek fl-ilma f’wiċċ il-baħar, f’qagħda orizzontali, daqslikieku l-gravità sospiża, kulma tara qiegħ il-baħar u tisma’ biss ’il nifsek. Forsi wkoll, l-eqreb li tista’ toqrob għal titjira? Għall-bidu, tant ridt kemm jista’ jkun inkun b’wiċċi fil-baħar, li qbadt id-drawwa li ntella’ wiċċi mill-ilma mal-ħames qadfa. Imma wara ftit riċerka sibt li aħjar intellgħu mat-tielet, ħalli l-livell tal-ossiġnu jkun ogħla, u l-għeja żżommha ftit aktar ’il bogħod. Għalhekk bdejt, żewġ qadfiet ’l isfel, waħda ’l fuq, żewġ qadfiet ’l isfel, waħda ’l fuq. Waqt li nkun fuq, nissellef malajr ftit arja u f’dik is-sekonda nara malajr malajr fejn qiegħed, jekk iniex miexi dritt jew iniex niżvija, għax il-baħar la għandu bankini u lanqas sinjali. L-uniku sinjal, il-blat tal-kosta. Jekk insib ruħi ’l bogħod minnu jfisser qed ngħum bla direzzjoni, u ħriġt għan-nofs, fit-territorju tad-dgħajjes, b’nies li kuntrarju għalija jwittu triqithom fil-baħar b’mod aktar anarkiku mill-karozzi.

L-esklussività tad-dinja tal-baħar fissret solitudni aktar intensa, u aktar kemm ikun fond aktar tintensifika. Il-baħar baxx, il-qiegħ tista’ tmissu b’saqajk speċjalment fil-bidu ta’ xi bajja, jistieden lin-nies, jagħmlu aktar aċċessibbli, kważi kważi anki jekk ma tafx tgħum. Għandu element ta’ frivolità, huwa parti minn bajja, jistieden il-logħob bil-ballun, taf ukoll li tista’ ddawwar denbek xħin trid u ssib ruħek fuq l-art, soda. Saħansitra tista’ tieħu r-ritratti bil-mobile mingħajr ma xxarrbu għax tista’ ma tintelaqx fih. Ix-xemx tibqa’ għaddejja sal-qiegħ, il-baħar jinħass aktar ċar, jibqa’ trasparenti, u fih m’hemmx wisq fejn tistaħba. Lanqas tista’ timmaġina x’hemm taħtek, kollox mikxuf. Ma jħallilekx misteru. Lanqas biża’. Il-baħar fond, imbagħad, jippermetti l-ikħal jintensifika, u jilgħab il-logħba ta’ kuluri differenti bejn saff u ieħor. Iċekknek, u maċ-ċkunija tiżdied il-vulnerabbiltà. Fil-baħar fond, ċkejken, b’malja, goggles u arloġġ, tmur lura għal sens ta’ primittività. Kważi nud, kważi b’xejn. Il-mobile tħallih warajk. Il-kuntatt jinqatagħlek. Titgħaddas fl-ilma, issir parti minnu, issir suġġett għall-elementi, imqar żiffa taffettwak. Il-baħar, daqskemm żaqqu ratba, af xi drabi jrid jimlieha. Imma dal-ħsieb jibdel l-għawm f’logħba ta’ nkejja miegħu, u fl-istess ħin rispett. Meta titgħaddas fih trid iċċedi lilek innifsek għalih. Jekk jinqala’ intopp mhux se ċċempel; ma tistax iġġib taxi jekk tegħja, lanqas tista’ tordna flixkun ilma jekk jaqbdek l-għatx. Jerġa’ kif tkun, orizzontali flok vertikali, kważi ma tista’ ġġorr xejn miegħek. Sa ħwejġek li kont liebes qabel inżilt isiru vulnerabbli. Tħallihom warajk fuq ix-xatt, lil hinn minnek. La tmur lura taf ma ssibhomx. Fil-baħar, inti u hu biss.

Fis-sjuf ta’ qabel dan, kont ninżel ngħum distanzi semidiċenti. Nimmaġina dawk is-700 metru, kultant nilħaq il-kilometru. Imma ma kontx nitħajjar ngħum aktar. Forsi għax ma kellix arloġġ, u l-arloġġ jisfidani. Naħseb ukoll kont nara l-għawm bħala sempliċiment eżerċizzju, mod biex inpatti għan-nuqqas ta’ ġiri, għax fis-sajf sħana wisq. Ma kellix bżonn is-solitudni tal-għawm, u fil-fatt qatt ma tbegħidt wisq minn bejn il-Fekruna, ix-Xemxija u l-Mistra, l-istess inħawi fejn noqgħod. Rari mort ngħidu aħna l-Bajja tal-Prajjiet biex ngħum sa Ras il-Waħx u lura. Kont nillimita ruħi għall-fosdqa tiegħi, il-baħar li naf. Imma dan is-sajf żviluppa mod ieħor, u naħseb l-ewwel żerriegħa ta’ din il-bidla, aktar milli meta xtrajt l-arloġġ, inżergħet lura f’April meta konna għadna fir-rebbiegħa, jumejn qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Inħares lura lejn dak ix-xahar u ta’ qablu u nikklassifikahom bħala xhur strambi. Bdejt inqum filgħodu u nħossni maħkum minn ansjetà, forsi sforz il-ħolm. Kont noħlom li ma mlejtx il-formola tal-VAT u li rċivejt email iebsa mill-gvern. Li ma bgħattx ir-rapporti annwali ta’ Inizjamed lill-Kummissarju. Li kelli nagħmel xi ħaġa u m’għamilthiex. Affarijiet hekk. Meta jivvibra l-mobile għax tidħol email kont inħoss skumdità. Tgħid għandi xi ħaġa ma mlejtx u se naqla’ taħrika? Kont ukoll wasalt biex nagħlaq it-teżi tal-Masters, u aktar milli kont qed inħoss li sa fl-aħħar qed nara l-barkun, id-dubji bdew ġejjin mewġa mewġa, ħalla ħalla, u l-barkun bħal għereq u ma baqa’ jidher imkien. Kelli sentejn xogħol f’idi u kien qed joqrob żmien il-ġudizzju. Dan kollu x’aktarx daħħalni aktar fid-dinja tiegħi, u r-realtajiet ta’ madwari ġew irrelegati għal trivjalità. Bħallikieku l-ħin jista’ jgħaddi mingħajr bnedmin. Jumejn qabel il-Ġimgħa l-Kbira, wara nofsinhar sew, kont fuq il-mejda tal-ikel. Bejn jien kont weħilt ma’ xi ħaġa u bejn K ma telqitx wisq minn idha lanqas. Biex ngħid eżatt, jien ma niħux gost wisq inpoġġi ma’ mejda f’nofsinhar matul il-ġimgħa. Narani nitlef il-pass li nkun qbadt u wara nitħeddel. Nippreferi niekol biċċa ħobż malajr. Kultant anki bilwieqfa. Forsi għax inħobb illesti kmieni. Imma dakinhar, bħal (xi) drabi oħra, K xtaqet nieqfu nieklu u hekk għamilna. Fil-verità ma nafx għaliex qed ingerger. Sajret hi u hi tilfet jew investiet ħafna aktar ħin minni. Insomma, konna qed nieklu u kien hemm ir-radju fl-isfond. Jien kilt il-platt tiegħi. Jien ngħaġġel aktar; bejn minni ma nafx wisq niekol bil-mod u bejn ridt neħles biex inkompli. K kien għad baqgħalha erba’ għaġiniet fil-platt u dehret li ma kellha ebda ħajra tikolhom. Nikolhom jien? Meta kont bl-għaġin li kien tagħha f’ħalqi, qaltli, “Għandi xi ngħidlek. Sewwa. Qomt u mort nitfi r-radju. Sa dak il-ħin lanqas biss ħsibt ħażin f’xejn. Forsi għandha xi applikazzjoni li trid tirranġa? Lura lejn il-mejda, ma lħaqtx poġġejt. K qamet bilwieqfa, ġiet livell miegħi, u qaltli, “Iddeċidejt immur lura Franza. Qatt ma kienet qaltli xejn. Qatt ma staqsejtha lanqas. Qatt ma tatni l-impressjoni li konna qed noqorbu lejn it-tmiem. Jew għall-inqas qatt ma rrealizzajt li mhux kollox kien ħarir. “Ma niflaħx nibqa’ l-ħin kollu bejn żewġ pajjiżi, kompliet. Skiet. “Jiġifieri aħna spiċċajna?” weġibtha. Ma niftakarx x’wieġbet imma niftakar li bil-mod kif ċaqilqet rasha ma ħallietli ebda dubju. Din il-mara ta’ quddiemi, li magħha qsamt ħajti għal tmien snin u nofs, qed tgħidli li għejiet taqsam ħajjitha biex taqsamha miegħi. Din il-mara, li filgħodu kważi qatt ma kellha sinjal ta’ buri, u dejjem bdietli l-jum bit-tajjeb, qed ittini x’nifhem li kienet qed taħbi l-imrar tagħha biex jien nibqa’ nħossni tajjeb. “Nippruvaw inġorru lejn Franza flimkien?” Bi kliemha qaltli, “Ma rridekx tgħaddi milli qed ngħaddi jien. B’ħarsitha qaltli li trid tibda ħajja ġdida. Ftit wara, ħriġt sa barra, fil-mogħdija ta’ warajna. Mort nimxi forsi nipproċessa dak li qaltli, it-telfa li ksibt. Bħas-soltu, ma kien hemm kważi ħadd, imma mbagħad għadda wieħed, żgur miexi għax qed jieħu gost jimxi, u sellimli u tbissimli, qisu hemm xi ħaġa x’niċċelebraw, x’naqsmu bejnietna. Seta’ jifhem x’għadni kif smajt? Possibbli għajnejja ma tawhx ħjiel li ftit qabel kienu demmgħu? U dak il-ħin, xtaqt qiegħed fil-baħar, fejn hemmhekk kieku, ma konniex niltaqgħu.

Jumejn wara, fil-Ġimgħa l-Kbira, inżilt fil-baħar. Kien għadu kiesaħ, imma d-dehxa għaddiet malajr. Mhux bħall-aħbar ta’ jumejn qabel. Għaddiet il-Ġimgħa l-Kbira u l-marċi funebri magħha u wasal l-Għid. Kellna mmorru flimkien nieklu m’ommi u missieri. Ma kellix wisq aptit, u x-xjuħ qabdu argument bla sens bejniethom. B’maskra li bejnietna kollox sew, kilna u tlaqna. Imbagħad f’Ġunju bdiet is-sħana sew, ma kellix aptit nibqa’ niġri u bdejt ngħum regolarment. Qbadt rutina. Inqum kmieni u mmur ngħum. Nimxi mid-dar sal-Fekruna, kilometru u ftit kollox, u ngħum sal-Mistra u lura. Issettjajt l-arloġġ biex jindikali lap għal kull 300 metru u spiċċajt dejjem nagħmel żewġ kilometri u mitt metru. Malli nasal il-Fekruna, kont nagħmel dawra, dawra u nofs żejda madwar id-daħla, għax id-distanza bejn iż-żewġ ponot ftit anqas minn kilometru. L-arloġġi għandhom dil-ħabta, jikkmandawk iddur u tagħqad biex tgħaqqad numru tond, jew f’dal-każ numru tond u biċċa. Fil-baħar ukoll qbadt rutina. Ngħodd f’qalbi, wieħed, tnejn (bl-Ingliż, forsi għax sillaba waħda?) u mat-tielet intella’ rasi mill-ilma. U nibqa’ sejjer. Sirt kważi espert tat-table tat-3. Mal-500 qadfa, bejn wieħed u ieħor, idoqq l-arloġġ javżani li għomt 300 metru u nerġa’ nibda mill-bidu. Ir-rotta ta’ bejn il-Fekruna u l-Mistra ma baqgħetx biżżejjed. Lejn l-aħħar jiem tal-ġimgħa bdejt immur il-Bajja tal-Prajjiet, fejn Popeye’s Village qatt ma nħatt mis-sena li fiha darba fost l-oħrajn twelidt. Hemmhekk joffri sfida isbaħ, nibda minn fuq il-moll, li kważi sfronda u kultant naħseb li għad immur u ma nsibux hemm. Il-baħar aktar miftuħ, aktar fond. Ilwien il-baħar ikanġu aktar. Kultant ċelesti, kultant aħdar, kultant ikħal. Kultant tara r-raġġi tax-xemx jinfdu l-baħar. L-irdum parti mill-esperjenza. Aħrax, blati, imħatteb. Bejn jgħassek, bejn idellek, bejn jheddek — jisolħok jekk tersaq wisq lejh. Li xi darba minn fuqu għad titrembel blata li rribellat għax iddejqet dejjem tara l-baħar mingħajr ma qatt titlaħlaħ. Kultant fuqu jkun hemm is-sajjieda bil-qasba, u jien niġi taħthom, naħseb li qed jaħsbu li qed ingerrxilhom il-ħut.

Fil-ħafna kilometri li għamilt ma rajtx wisq ħut. Kultant qatgħat ta’ ċawl, iswed, żgħir, tajjeb biss għall-aljotta, kultant ftit xilep, darba klamaru, darba qarnita, fuq ir-ramel darba darbtejn ħamiema. Minkejja li rasi aktar fl-ilma milli barra u l-goggles biċċa minni, lanqas brama waħda ma qatt rajt. Hawn Malta, il-baħar pjuttost mejjet. Imma f’mewtu jibqa’ jislef. Ilwien, togħma ta’ melħ, sens ta’ kobor, ta’ xagħri ikħal, ta’ ftuħ. Dan is-sens ta’ kważi kważi minimaliżmu, speċjalment meta assorbit fih, jaf ikun ta’ barra minn hawn. Jagħmel tajjeb għan-nuqqas li f’Malta ma tista’ tmur imkien fejn iddur dawra miegħek innifsek ta’ 360 grad u ma tara ebda blokka konkrit. Minkejja l-kważi primittività tal-qagħda, kważi għeri, orizzontali, naqdef, għall-iskop tal-qadfa, għal dal-ftuħ, il-ġibda għall-kaċċa, li wħud jgħidu hija primittiva, innata, speċjalment fir-raġel, jien qatt ma nħossha. Kultant nimmaġina ngħid lix-xiħ, mort ngħum siegħa, siegħa u nofs, tlaqt mill-Prajjiet, qbiżt l-Għawseġ, ilħaqt Irdum id-Delli u mort lura, u jtini dik il-ħarsa li tgħidli, allura ma ħadtx ganċ miegħek, tiltaqa’ ma’ qarnita? Lix-xiħ, meta kont għadni żgħir, dejjem nafu b’ganċ, anki jekk darba biss rajtu jogħdos u jtella’ qarnita, żgħira. Niftakarna nġorru din l-ixkora magħna meta mmorru l-baħar, kienet qisha tan-nylon, u kellha riħa ta’ baħar, kien fiha l-maskri u l-flippers. Naħseb il-ganċ kien jagħmlu għalih, dejjem b’tapp tas-sufra. Nistħajlu jgħidli, għalhekk qatt ma żżewwiġt, ma ġibtx it-tfal, għax ma tafx tipprovdi. Fi kliem ieħor, l-utilità u l-maskulinità żewġ punti debboli fik. Ma nafx iniex qed inkun aħrax miegħu. Imma forsi wkoll, dan l-għawm fit-tul huwa ħarba, anki jekk dejjem mort lura mnejn tlaqt. Is-sentiment ta’ solitudni għal siegħa, siegħa u nofs sabiħ imma meta jiżżewweġ ma’ sens ta’ twettiq, ta’ kisba, jisbieħ. Jippermettili ngħid lili nnifsi, minkejja t-telfa l-kbira, irnexxieli nibqa’ għaddej, nibqa’ naqdef. Aktar milli nasal xi mkien, ħassejt li rnexxieli nbaħħar mingħajr qoxra għal tlieta erba’ kilometri, meta mhux kulħadd kapaċi jagħmilha jew imqar jitħajjar. Is-solitudni fil-baħar sabiħa, tiddawwar minn mewġu biss. Is-solitudni d-dar differenti. Fuq ix-xatt ukoll. Fuqhom, in-nuqqas ta’ urġenza li taqdef qadfa wara oħra, iħalli ’l moħħi jiġri bija, it-telfa tidħol f’ġildti, u niexef flok imxarrab ma tiżloqx minn miegħi, u ssir parti minni. Forsi wkoll, il-ħarba kuntradizzjoni oħra tiegħi. Ippreferejt inqatta’ sajf ninżel fil-baħar, niġġieled il-mewġ, speċjalment ta’ bejn il-Prajjiet u Rdum id-Delli, fejn il-baħar miftuħ u allura mewġu jaf jogħla aktar. Ippreferejt naffronta l-mewġ ta’ veru, meta kelli naffronta l-mewġ metaforiku tal-ħajja. Forsi kelli niġġieled aktar it-telfa ta’ K, nipprova nikkonvinċiha li rrid inkompli naqsam ħajti magħha, ejja nippruvaw ngħixu ftit Franza, ngħix lingwa oħra, nibdew xi ħaġa ġdida flimkien. Imma fil-verità, forsi ħareġ in-nuqqas ta’ maskulinità tiegħi. Trid titlaq? Jien mhux se nżommok, ħajtek f’idejk, li sawwarna flimkien jibqa’ hemm, sakemm ma jibqax. U issa nħallu d-distanza tidħol bejnietna. F’jum tluqha, kont qed ngħum meta ġie t-trakk (ftit kmieni) biex jieħu ħwejjiġha. Ilħaqtu biss xħin wasalt id-dar, bi ħwejjiġha fuq paletta. Bejn ħadt ir-ruħ li ma kontx hemm għall-mument ta’ qsim il-qalb, bejn ħassejtni inutli, mhux hemm meta hemm bżonn daqqa t’id, jien l-għawwiem li jaf biss jaqdef fix-xejn, iħalli r-ragħwa warajh, mingħajr ganċ f’idu.

Bl-arloġġ mal-polz tgħallimt li bejn kif tħossok u bejn x’fil-fatt qed tagħmel hemm kultant baħar jaqsam. Dil-kuntradizzjoni tfakkarni fis-sensazzjonijiet kuntradittorji tal-għawm skont Leanne Shapton. Fi Swimming Studies tgħid li l-għawm għandu stat metafiżiku: il-ġisem fl-ilma, jinħass amplifikat, itqal u eħfef fl-isess ħin. Bla piż imma aktar b’saħħtu. Għalhekk, mingħalik qed tgħum tajjeb, imma xi mkien hemm mażżra tniżżlek ’l isfel. Inħossni qisni ħuta, jgħaddu t-300 metru u l-arloġġ jgħidli li għomt veru bil-mod. Tgħum l-itwal għawma, taqbeż l-erba’ kilometri, u tikseb l-aħjar ħin ta’ sajf sħiħ. Il-kurrent kien favurik? Ma nafx. Li naf hu li minn punt A mort għal punt B, u wara rġajt lura, jiġifieri f’xi ħin il-kurrent kien kontrija. Imma dik l-għawma għadha f’moħħi. Kien is-7 ta’ Settembru. Mort Għar Lapsi, u kont naf li se nqatta’ l-ġurnata hemm. Wasalt ftit qabel nofsinhar. Ħallejt ħwejġi warajja, inżilt minn ħdejn l-għar, inqtajt min-nies u ġbidt lejn il-Fawwara, flok Wied iż-Żurrieq, kif kont għamilt il-Ħadd ta’ qabel. Dawk in-naħat, ftit li xejn tara dgħajjes, mhux bħal ngħidu aħna bejn il-Mixquqa u l-Ġnejna. L-ewwel 300 metru kienu diċenti imma niftakarni nhewden jekk iniex se nwassal għal dak li ridt nagħmel u jekk dan hux ġenn żejjed. Kont għadni ma dħaltx fiha sew. It-tieni 300 metru jerġa’ kienu xi ftit passivi. Imma l-persistenza kollox. Kif tikkummenta Shapton, id-dixxiplina atletika, bħal dik artistika, teħtieġ l-istess ħaġa, prattika xejn speċjali, tedjanti u inviżibbli, privata daqs il-ġewwieni imma dejjem sagra. Forsi kultant għalija din id-dixxiplina nbidlet f’ossessjoni. Ma nafx jekk għax mingħajr ma naf bdejt inżewwiġha mal-ħsieb li malli llesti għawma se nħossni aħjar. Se ninża’ l-goggles u nerħi l-pressjoni tagħhom minn m’għajnejja u nħossni qisni nżajt żarbun issikkat. Imbagħad immur id-dar, inħares lejn il-mera u nieħu gost nara l-marka tagħhom fuq għajnejja. Wara nniżżel l-għawma fuq l-app, nara kemm ħadt kull lap, u nitbissem lejn is-sinjal aħmar virtwali li ħallejt fejn għomt. Dakinhar tal-viva tal-Masters, li kienet fid-disgħa ta’ filgħodu, inżilt fil-baħar għadu iswed, biex ngħum l-għawma tas-soltu. Mentalment m’affordjajtx naqbiżha.

Lura għas-7 ta’ Settembru. Ġew it-tielet 300 metru u l-affarijiet bdew jaqgħu f’posthom. Għomthom f’ħin tajjeb. Bdejt nieħu gost, bdejt nimmaġina l-linja ħamra li se nsib fuq il-mappa xħin nitla’, meta ngħaddi l-għawma minn fuq l-arloġġ għal fuq l-app. Kont qed ngħum f’baħar li la b’dgħajsa u lanqas bl-SUP ma qatt ersaqt lejh. L-irdum tax-Xaqqa kien ħafna ogħla minn tal-Prajjiet. Imma hawn kien blati inqas. Imbagħad ilħaqt l-2,100 metru, is-seba’ lap, ħadt gel għall-enerġija, u dort lura xi ftit kontra qalbi. Xtaqt li xi mkien, żewġ kilometri oħra ’l bogħod, hemm xi ħadd jistennieni u ma jkollix għalfejn indur. Xħin wasalt lura, għomt ftit aktar minn mitt metru lil hinn mnejn bdejt għax ma kellix wisq ħeġġa nitla’. Ħassejt sens ta’ kisba. Daqslikieku qbadt qarnita u se nitma’ ’l ta’ madwari. Tlajt lura sa ħwejġi, xi ftit diżorjentat wara aktar minn siegħa u nofs fl-irtubija tal-baħar, imma ħadd ma rrikonoxxa dil-kisba. Ta’ madwari baqgħu għaddejjin b’ħajjithom. Miegħi ħadd ma kiel. Sibt ħwejġi, kilt li ħejjejt qabel, għadda ftit tal-ħin, imma ħalqi baqa’ b’togħma ta’ melħ. Kelli nagħmel sagrifiċċju: tlajt ’il fuq mat-triq u ħadt ġelat. Kienet dik it-tip ta’ ġurnata li fiha ftit wara nfaħt l-SUP u qadfa wara oħra, did-darba b’moqdief, wasalt sa taħt il-ħnejja taż-Żurrieq, il-Blue Grotto. Erġajt ħassejtni żgħir taħt dak il-kobor. Fuq l-SUP kont bilwieqfa, vertikali. Imma kultant bejn waqajt, bejn qbiżt fil-baħar, bejn ridt nerġa’ nsir parti minnu, bejn ridt nerġa’ lura għal qagħda orizzontali. Wasalt lura kien kważi dalam, u rrealizzajt li m’għandix aptit immur lura d-dar. Forsi għax m’hemm ħadd? Imma hemm ukoll ma kont qed inkellem ’il ħadd.

Dakinhar, ħarist lejn il-baħar. Ħassejtni għadni assorbit fih ikkunsmat mid-distanza. Ma kellix dubju, ta’ dakinhar kienet twila d-distanza, bħalma hi bejn Għar Lapsi u Franza .

Adrian Grima jitlkellem dwar il-patata mingħajr klin fil-poeżija tiegħu “Roazemarynblêd” li tidher fi Klin u Kapriċċi Oħra, pubblikazzjoni Klabb Kotba Maltin 2015. What I Talk About When I Talk About Running ta’ Haruki Murakami huwa t-traduzzjoni ta’ 走ることについて語るときに僕の語ること magħmula minn Philip Gabriel u ppubblikata minn Knopf fl-2008. Swimming Studies ta’ Leanne Shapton huwa pubblikazzjoni Blue Rider press 2012.

Dekorazzjoni art-nouveau