Ħanina

Jasmine Bajada

                — Jannar, f’Delimara

Ir-riħ, bla sħab xi jġorr, reħa minn saħħtu
u sar żiffa. Iz-zkuk maqtugħa mill-art
jixxenglu bla ma jħokku ma’ xulxin.

B’hekk id-dwieli jafu, fl-għama tagħhom,
x’qed jiġri hemm fuq — 
ċerti mid-diefa ċara, ħanina.

Xemx li tgħammex bla ma tilheġ.
Tinbex għajnejn il-kelb mit-tieqa,
li jqum fuq saqajh ħa jsib ’il  sidu.
Bħal-lum jishar — imqar l-arja dieħla
tqanqlu, taħsillu mnieħru.

Ix-xitwa ta’ xahar ilu qarqċet kemm felħet — 
ċediet il-kmandament tagħha stess.

Minn raġġ ta’ dawl fqajjar
nibtet did-dija — 
dija fina, ħafifa, fuq tagħha.
Sabet sema jilqagħh’għal
nofstanhar — forsi jum, bi grazzja.

Biżżejjed jum biex minn tarf s’ieħor
twassal l-għera tagħha — 
xejn għajr l-għera tagħha.

Għal sid il-kelb, storj’oħra — 
Ta’ min hi din il-ħolma, tistaqsi,
ħa nħallih rieqed.

Ix-xitwa terġa’ u terġa’,
sakemm fl-aħħar, ma terġax.
Għadu Jannar, għad fadal.
Safrattant stejqret dielja fin-nir,
l-eqreb waħda għal dar il-fanal.
Dik li ta’ kull sena, fis-siegħa tat-tagħsir,
tħoss il-franka mbaskta minn postha.

Il-frott tagħha għandu żmienu.
Dan tafu sew, ċerta li jasal.

Dekorazzjoni art-nouveau