20 ta’ Ottubru 2022
It-tnax-il ġurnata minn 96
Illum segwejt ELISA ta’ C2 ma’ Astrid. Qed insir naf in-nisa tal-lab, huma qed jidraw lili. Mixjin tajjeb.
Il-vibe ma’ Kyra għadu mhux mexxej. ’Qas il-vibe — bħala bniedma, orrajt hi — imma tikkoreġi kull biċċa xogħol li ttini darba wara l-oħra. Biex tagħti prova tas-superjorità tat-tmexxija tagħha. Dan ir-renju tagħha!
Qed nipprova ma nkunx iebsa wisq miegħi nnifsi u nkeċċi ’l-kritiku li jgħix f’moħħi mingħajr ma jħallas kera.
21 ta’ Ottubru 2022
Illum għeluq snin Erin H u Michael G.
Ta’ Antwerp ikkanċellawh. Kont sejra għal workshop tal-bijoħekkjar fuq l-estroġen open source ma’ Mary Maggic. Kont pjuttost eċitata dwaru.
Illum qgħadt norqod u nnaddaf.
Lestejt l-artiklu dwar il-parentela bħala anarkija (olobijonti virali)Noah: Olobijonti huma kollezzjoni jew assemblaġġ ta’ speċijiet li għandhom interazzjonijiet tant simili li jġibu ruħhom bħala entità olistika. ta’ Caitlin Berrigan: “Il-parentela ħafna drabi tiġi estiża bħala isem ieħor għall-kura, li jimplika li mad-dipendenza ta’ wieħed fuq l-ieħor tiġi r-reċiproċità. Imma min minna qatt ma konna ddiżappuntati mill-familji tagħna, kemm dik magħżula kif ukoll dik assenjata?… Forsi s-suspett kien li l-kura hija isem ieħor għall-kontroll.”Qed naħseb ħafna fuq it-triangolu tal-kura, il-familjalità/parentela, u l-kontroll/poter. Qed nesplora ideat dwar kif il-kura mhix dejjem abbinata ma’ affett ta’ mħabba, kif il-kura tiġi abbinata mal-kontroll (bħan-nanniet u x’jirrappreżentaw f’termini ta’ riproduzzjoni tas-sistema għalina li nidħlu fiha b’mod skomdu), u l-kumplessità tal-affett tal-familjalità/parentela; qed nieħu buzz nara l-istess ideat hawnhekk.
U Paradise Rot ta’ Jenny Hval. Kemm hu tajjeb! Veru fih x’tomgħod. Għoġobni immens.
Għandi bżonn niftaħ dawn il-korrelazzjonijiet bejn ir-renji tat-tiranni femminili — dak preżenti ta’ Kyra, dak passat ta’ Barbara, u forsi dak dejjem għaddej t’ommi. Jien daqsxejn inkwetata; dax-xogħol il-ġdid beda qisu fantasija u kisba personali, imma fil-verità jinħass qisu gaġġa. Nimmissja l-libertà tiegħi.
Forsi d-dinja miksura.
B’hekk, il-punt mhux il-passi li nista’ nikkalkula — għax is-sellum jaf jikkrolla fi kwalunkwe mument. Imprevedibbilment. Allura l-unika ħaġa li tagħmel sens hija li nagħmel ħafna spazju biex nieħu gost.
Mhux qed nieħu gost dal-aħħar. M’iniex qed nidħol fir-ritmu. Għalissa?
Dil-gwerra u d-dalma tad-dinja miksura qegħdin fil-fond tiegħi.
Il-ħarifa u x-xitwa li ġejjin jagħmlu sens; ħa jirreżonaw mad-dlam tiegħi stess.
Irrid iktar poeżija.
U stilel. U trab kosmiku.Apparentament “stardust” kienet tintuża f’sens figurattiv sa mill-bidu tagħha u essaċċ m’għandhiex definizzjoni stretta astronomika. Nifs ċar, mingħajr ostakli.
L-organi tiegħi qed inħosshom qishom tal-gomma, mejtin, imdendlin.
Nimmissja l-jien vibranti.M’iniex 100% ċert. Vibranti teżisti imma qed inħossha sfurzata, forsi għax naf li traduzzjoni?
Qed nibża’. Ninħeba wara s-sarkażmu.
Id-dlam jagħmel sens, nilqgħu. U nagħmlu, nintilfu fi mħabba profonda bellusija.Sabiħa bl-Ingliż, “we make deep velvet love”. “Ninħabbu” biss tinstema’ wisq innoċenti bil-Malti. Żidt “nagħmlu” biex inżomm l-element ta’ erotiċiżmu, u l-bellus ridt inżommu wkoll.
Il-ħolma ddisturbatni dal-lejl.
Kurituri mudlama. Daqqiet ta’ sikkina minn wara — “Le, le, ieqaf!” għajjatt. Kienet oħti, ma nistax nifhem. Wisq diqa.
Imma mhux diqa li tkixxiha ’l hemm. Diqa li tidħol kollok fiha, tassorbiha, tittrasmutaha, talkemizzaha f’kutra tal-bellus. Diqa komda. Tista’ tkun ukoll elettrika. Hemm il-potenza u n-nar, jinġamar bil-mod, kif jogħġob lili.
Il-vjoliWeħilt għal xi xahrejn fuq it-traduzzjoni banali tal-kelma sempliċissima “violets”. Għal xi raġuni ma stajtx negħleb il-fatt li “violets” sempliċiment tiġi vjoli, li iktar ma niktibha iktar tinstema’ f’postha, imma veru damet biex tinstema’ f’postha f’moħħi qabel ma ktibtha. Forsi għax hi kelma li ma tantx nuża, jew forsi għandi bżonn nixtri qasrija vjoli ħa nidra nużaha. qed jikbruli sew. Inħobbhom il-pjanti li għandi. Huma s-simboli tiegħi tat-tama. Għala dejjem ninsa?Jew “Kif dejjem ninsa?” Forsi tinħass wisq poetika għat-ton tad-djarju. Mas-sentenza ta’ wara tiġi tinħass daqsxejn iktar imżewqa mit-ton ta’ Ira bl-Ingliż. Ninsa nisqi lili nnifsi“About nourishment”: jew “fuq li nimla lili nnifsi” biex inżomm l-“about”, avolja tinstema’ daqsxejn sfurzata għalija. “Nourishment” domt daqsxejn intektek biha wkoll ’ħabba li trid tintuża bħala nom u bil-Malti qisek ikollok taqbad verb u tagħmillu ħafna kontorzjonijiet; m’iniex ċert taħdimx hekk, jekk iġġorrx l-istess sens. ġranet sħaħ fejn ma jiġri xejn, jaħsluni fl-ilmijiet fejjieqa tagħhom.
23 ta’ Ottubru 2022
Il-Ħadd ta’ wara party — pirmla — is-Sibt rieqda l-ġurnata kollha — il-Ħadd!
Jien ħajja. Imma mitfija.
Daqsxejn storduta.Użajt “storduta” biss għal “light-headed” u għal “dizzy”, imma ppruvajt inżomm ir-ritmu. Sensazzjoni stramba.
Il-ħin kollu naħseb dwar li qalet Anna (is-supervisor tiegħi), li rrid nagħżel bejn l-arti u l-lab. Vera tirrabjani!
Din mhix għażla, Anna! Mhix possibbiltà. Ħajti kollha ili nisma’ li rrid nagħżel bejn l-arti u x-xjenza u li ħa nibqa’ dilettanta jekk ma nagħmilx għażla ddedikata. Dan-nuqqas ta’ ħsieb interdixxiplinari jirrabjani ħafna. Onestament nemmen li waħda tibbenefika mill-oħra. Kemm insib il-mod li jaħdem għalija.Hawnhekk konverżazzjonalment kieku toqgħod “way” kif ġieli nużawha bil-Malti eż. “kulħadd bil-way tiegħu”. Tinteressani kif daħlet dil-frażi u saret pjuttost Maltija, bħal “once li”. Imma mhux kulħadd jużaha u tonalment ma tagħmilx sens hawn.
Bħalissa nħoss li qiegħda fit-triq il-ħażina. Fejn żbaljajt?
25 ta’ Ottubru 2022
Ma niflaħx.
Ma mortx ix-xogħol, bqajt id-dar.
Qamar MitlufApparentament new moon “qamar mitluf” u “qamar ġdid” waxing crescent., u l-eklissi tax-xemx qiegħda fl-Iskorpjun.
Xgħelt ftit xemgħat. Ħsibt fuq il-ħbiberiji. Stajt nibki.
Kien hemm ħafna skaluni fil-ħolm tiegħi — slielem twal, twal!
U vera kont imbeżżgħa.
F’waħda minnhom kien is-sajf fuq il-baħar. Kelli npoġġi l-malja fuq it-tarġa’ ta’ fuq. Kont kważi wasalt — irnexxieli — imma bżajt ħafna mill-għoli. It-temp kien sabiħ — xemxi u l-baħar kalm u sabiħ. Kien biss fil-għoli ħafna. Għandi dubju jekk tlajtx sa fuq nett. Erġajt inżilt, imma naħseb dik kienet parti mill-“kompitu”.
Kien hemm xi skaluni oħra.
Dil-ħolma kienet iktar lineari imma fl-għoli ħafna wkoll — ’il fuq minn foresta jew kastell b’foresta madwaru, xi ħaġa bħall-Imdina.
Inħobbu żmien l-IskorpjunUkoll “għaqreb”, imma issa drajna nużaw “skorpjun” għal dik il-kreatura. — u s-sess, il-fond, il-kink, u d-dlam li jmorru ma’ dan is-sinjal żodijaku. Nispera li nsib is-saħħa biex ma nibżax.“Profondità” (għal “depth”) kelma li ddejjaqni ħafna u nippreferi “fond”. Bl-Ingliż il-ħsejjes s, d, k, d fil-bidu tal-kliem għandhom ħoss sabiħ. Nixtieq insib kelma bid-d jew ħoss simili. Nilgħab bil-kelma “baxx”? Diffiċli ’ħabba li aġġettiv u hemm il-konnotazzjoni ta’ kliem baxx u hekk. “Qiegħ”, waħedha, forsi?
Għandi l-ġuħ. Għandi bżonn nitma’ lili nnifsi (dejjem ninsa).
25 ta’ Ottubru 2022 (filgħaxija)
Ġieni l-period.
Xahar il-mejtin.
Qed naħseb fuq il-mejtin kollha tiegħi.
Qed naħseb fuq l-erwieħ tal-mejtin li mietu fil-gwerra.
27 ta’ Ottubru 2022
It-tlettax-il ġurnata minn 96
Kont marida, allura kien hemm jumejn ma dħaltx xogħol dil-ġimgħa.
Illum ħriġna ħarġa mal-kollegi. Morna l-esperjenza “This is Holland”, attrazzjoni turistika b’simulazzjoni ta’ titjira “5D”. Kien tad-daħq nesperjenzaha mal-Olandiżi stess. U surreali li qiegħda litteralment quddiem l-iskola tal-arti fejn kont immur! Tnejn mid-dinjiet tiegħi kważi ngħaqdu.
Missieri qalli biex naqra From Dream to Discovery ta’ Hans Selye. Hekk se nagħmel.
Ħmejt torta.
28 ta’ Ottubru 2022
L-erbatax-il ġurnata minn 96
Erġajt ma niflaħx.
Erġajt ħallejt u ffriżajt il-kampjuni ħa nippreparahom għall-analiżi tal-iffriżar u t-taħlil.
Kelli mument ma’ Anna u staqsejtha x’inhi l-istrateġija tagħha, biex ma niblax l-istress ta’ Kyra jien.
Tlaqt nofstanhar kmieni biex nipprova nistrieħ u nirkupra — u! — laqtitni karozza.
Għandi burdata kerha ħafna ħafna.
31 ta’ Ottubru 2022
Il-ħmistax-il ġurnata minn 96
Illum ġurnata tajba/aħjar.
Malajr għadda l-ħin.
Għamilt “overschenken” (ġestjoni tal-kampjuni) filgħodu.
U laqgħa ma’ Kyra waranofsinhar.
Sibt żball fil-protokoll tagħha. Kien hemm differenza bejn l-interassay u l-intrassay, il-varjabbiltà bejn it-testijiet u l-varjabbiltà fl-istess test. It-tnejn li huma jeħtieġu li d-donaturi jiġu ttestjati, imma mhux hekk kien hemm miktub.
Qed naħseb fuq il-vista li għandi l-klinika tal-HPV id-dieħla (sabuli l-virus tal-papilloma uman, HPV, is-sena l-oħra, ċelloli prekanċerużi fl-utru, u ġismi għadu qed jipprova jiġġilidlu) — ħa nibla’ kanna jew qed nagħmel ħaġa tajba?
Il-ġimgħa ta’ qabel kull period wisq prezzjuża! Għandi bżonn nibda nimmarkaha fil-kalendarju.
1 ta’ Novembru 2022
Is-sittax-il ġurnata minn 96
Yvonne kellha x’tagħmel ġurnata sħiħa.
Tawni l-laptop tiegħi.
Id-dar ħadt fuljett li jippromovi l-kumpanija bħala “sieħba intelliġenti għar-riċerka għall-fażijiet ta’ żvilupp bikri u prekliniċi”. Qed niffantasizza fuq istitut bħal dan mimli mħuħ jaħdmu fuq il-kit għat-test tal-ormoni DIY, jinvestu l-ħin u r-riżorsi mhux għall-profitti finanzjarji imma għas-saħħa tal-komunità, għall-kunfidenza u l-indipendenza tan-nisa u l-persuni trans. Qed inkun anarkika żżejjed?
Sibt ktieb fuq l-ixkaffa jismu Handboek medische laboratorium diagnostiek (Manwal għad-Dijanjostiċi Mediċi fil-Laboratorju). Kellu l-firma pulita ta’ sidu, Kyra G., bil-linka sewda.
Sibt xi deskrizzjonijiet għal testijiet tat-testosteron, prolactin, LH (ormon luteinizzanti).Interessanti kif ix-xjenza qed insibha pjuttost faċli biex nittraduċiha, għax hemm ir-riżorsi u l-glossarji u d-dokumenti fejn diġà saru traduzzjonjiet għall-Malti; l-element astroloġiku qed naqbad irkaptu tiegħu; imma t-termini relattivament sempliċi tal-affett kontemporanju (“overwhelmed”, f’dal-każ, imma anki “checking in”, “feeling low”, “catching up”, eċċ.) huma l-iktar li qed jingumbrawni.

2 ta’ Novembru 2022
Is-sbatax-il ġurnata minn 96
Illum qgħadt l-aktar insegwi lil Astrid b’ELISA tas-C2 (ara l-entrata tal-Ħamis 20 ta’ Ottubru, it-tnax-il ġurnata minn 96). Analizzajna dawk il-kampjuni li ffriżajt u ħallejt għal studju. Armejt żewġ kampjuni tal-plażma bi żball. Upps. Ħabat tajjeb li l-ktieb li għadni kif bdejt naqra jismu Breaking things at work. Fortunatament il-platti diġà konna ksejniehom, allura nispera li mhux ħa jkollna bżonnhom iżjed dawk il-kampjuni.
Fil-kantin, xi ħadd kellu t-shirt bil-kliem “Ix-Xjenza. Qisha l-maġija imma ta’ veru”.
Jien naħseb li l-maġija ta’ veru.
Ix-xjenza sistema tal-għerf mibnija mill-bniedem. L-arti, l-astroloġija u r-reliġjon ukoll huma sistemi tal-għerf mibnija mill-bnedmin. Waqt li l-arti u l-astroloġija jippermettu l-intwizzjoni u l-poeżija bħala fatturi validi fil-metodoloġiji tagħhom tal-għerf, ix-xjenza tiċħad l-emozzjoni, l-intwizzjoni u l-poeżija bħala sorsi tal-għerf invalidi. Kull waħda minn dawn is-sistemi tal-għerf fir-riskju li ssir dogmatika u totalitarja, imma jien nemmen li jispiraw lil xulxin. Inqim ix-xjenza, għax tagħti l-pjaċir lill-moħħ razzjonali li għandi bl-attentati biex tipprovdili tweġibiet preċiżi u loġiċi. Nadura l-astroloġija u l-ħolm, mhux għax iwassluli “l-verità” jew għax jgħinuni nara l-futur, imma għax joffruli mod iktar ludiku u poetiku biex ningaġġa mad-dinja.
Hija għażla li naraw il-maġija fil-ħajja ta’ kuljum.Dan ħsieb li jkolli ħafna, u ħafna drabi ngħid li ma rridx ngħix f’dinja mingħajr maġija. Il-maġija banali tbaqbaq kullimkien fil-ħajja u hija dik li ttini l-ħajja; forsi hija viċin ta’ dak li Audre Lorde tifhem bħala l-erotiku. Nosserva wkoll kif l-istituzzjonijiet strutturalment joqtlu l-maġija tal-ħajja. Nibdew naraw il-maġija meta l-istituzzjonijiet jhedduhielna, bħalma nibdew naraw il-komunità meta tiġi mhedda mill-ġentrifikazzjoni, u fl-istess nifs noqtluha billi niddefinixxuha u ninsew il-maġija organika li tatha l-ħajja. Il-maġija hija dejjem l-eċċess tad-dinja — il-maġija hija dejjem kwir.
3 ta’ Novembru 2022
It-tmintax-il ġurnata minn 96
Illum Ben, kollega Ingliż, kien qed jgħidli fuq l-edukazzjoni tat-tifel teenager tiegħu. Qalli dal-kliem: “Dawk li jkunu tan-nofs fil-klassi jispiċċaw f’xogħlijiet bħal tagħna (?); dawk li jkunu minn tal-ewwel jispiċċaw tobba u hekk…”
Dil-frażi ħassbitni fuq diversi livelli. L-ewwel nett, “tagħna” — apparentament, nappartjenu flimkien. Ma niddejjaqx, jiġifieri, imma ma nifhimx liem parametri f’ħajjitna joħolqu din it-“tagħna”. L-impjieg attwali tagħna?“Id-deskrizzjoni tax-xogħol” ma ddoqqlix għax ma nużawhiex għal “job description” bħala ħaġa. Forsi “l-kuntratt li ffirmajna?” Xahar ilu, kont persuna tat-teatru bla xogħol; illum, nissejjaħ “assistenta tar-riċerka” f’laboratorju mediku. Nemmen li l-appartenenza ma’ kwalunkwe grupp “tagħna” hija fluwida. “Tagħna” tfisser li jien “imsakkra” f’dal-grupp, ma’ dan it-titlu ta’ impjieg, u ma nistax naqbeż l-iskaluni u nsir tabiba jien ukoll? Naqbel li l-klassi u l-kapital soċjali tal-ġenituri għandhom rwol sinifikanti. L-istruttura tal-klassi soċjali diġà kkumplikata fis-soċjetà tal-lum; l-immigrazzjoni (iċ-ċaqliq bejn is-soċjetajiet) tikkumplikaha iktar u iktar. Il-ġenituri qaluli li nista’ nikseb kollox jekk irrid. Bħala adulta qed nitgħallem li dan il-“kollox” mhuwiex b’xejn. Jekk irrid, jien, mara, migranta, nista’ nsir tabiba (jew astronawta, jekk niġu f’dan). Din il-“kisba” tiġi akkost tas-saħħa fiżika, il-ħin, il-libertà u riżorsi, kontributi u sagrifiċċji oħrajn li jitkejlu u ma jitkejlux. Forsi għalhekk, kemm ili naħdem, dejjem evitajt li nikkommetti għal dawn l-iskaluni professjonali u nżomm lura flok inkun ambizzjuża. Ħafna drabi ngħid li dak li nixtieq l-iktar f’ħajti huwa inqas xogħol u iktar ħin liberu. (Din l-attitudni tista’ tissejjaħ “għażżiena”?)
Ukoll, huma kumparabbli l-livelli ta’ prestiġju bejn l-Ewropa tal-Punent u s-soċjetajiet post-Sovjetiċi? Fl-Ukrajna tabib jikkunsidrawh fil-quċċata tas-soċjetà? (B’xi mod, iva, probabbli. Imma ekonomista jew politikant jiddomina fuq xi ħadd fil-mediċina; it-tobba ma tantx jitħallsu fl-Ukrajna.)
Ben qalli wkoll li t-tifel tiegħu għadu ma jafx xi jrid ikun, u bażikament ħadd ta’ sittax ma jaf xi jrid. Kif niftakarha jien, kont naf x’ridt ta’ sittax — viċin ħafna ta’ dak li mbagħad ġara. Kelli wkoll marki tajbin, u skont il-klassifikazzjoni ta’ Ben, kienu jqegħduni fi grupp fil-“quċċata”, lesta nimmarċja biex insir tabiba. Kieku bqajt l-Ukrajna. L-immigrazzjoni ħawdet il-ġerarkiji tal-“quċċata”, tan-“nofs” u ta’ “isfel”.
S’issa, naddaft il-lokijiet, għamilt il-cappuccino, ħloqt it-teatru u kkonsultawni x-xjentisti. Jekk hix tal-“quċċata” jew ta’ “isfel”, l-ikbar problema tiegħi hi li niddejjaq malajr fi kwalunkwe xogħol.
Ġieli niffantasizza fuq ix-xewqa li qatt ma wettaqt, li nsir tabiba. Imbagħad naħseb fuq is-sagrifiċċji li teħtieġ dil-professjoni, u ngħid aħjar nibqa’ artista — dik li toħlom, tiffantasizza u toħloq realtajiet immaġinarji. Imma li tagħżel li tkun artista wkoll jirrikjedi diversi sagrifiċċji (in-nuqqas ta’ stabbiltà, il-prekarjetà finanzjarja).
Illum kellna laqgħa mad-dipartiment kollu. Ħafna parlar bl-Olandiż. U kulħadd eċitat għall-Kerst vakantie (il-vaganzi tal-Milied).
Qrajt dil-biċċa maħsuba biex tbeżża’ ġo proċedura llum: “Dan biex jipprevjeni lill-impjegati mill-infezzjoni minn mikroorganiżmi li jġorru d-demm waqt il-ħidma tagħhom. It-tingiż, il-qatgħat, u t-titjir huma riskju tal-kontaminazzjoni.” Dal-post hawnhekk hu kollu dwar fruntieri, kontroll u konteniment. Il-ħolqien ta’ fruntieri li d-demm ma jistax jaqsam.
6 ta’ Novembru 2022
Qiegħda l-ajruport, ġejjin lura minn Vjenna. Kienet żjara ħelwa; kelli bżonnha dil-ħarba artistika. Ħadt gost li ltqajt ma’ nies ġodda — Loranne Vella u Joe Gatt; Bettina u Caldon kont nafhom diġà.
“Il-performance” (l-intervent ċkejken tiegħi) marret tajjeb. M’iniex fis-seba’ sema dwarha lanqas.
Ġewni xi immaġnijiet għal kif nista’ niżviluppaha biex issir xi ħaġa itwal. Rajt li setgħu joqogħdu iktar boroż fl-ispazju, bħal foresta, speċi ta’ kif konna bdejna ma’ Erin għand Veem. U jistgħu jkunu ta’ forom, daqsijiet u kuluri differenti — jew forsi l-omoġeneità taħdem. Nimmaġina li l-projezzjoni tkun kbira, tieħu ħajt sħiħ. Meta l-boroż jinfetħu u jibdew joqtru, il-projezzjoni dwar il-“qtar” tibda għaddejja mal-likwidu. Nista’ ndendel il-boroż fuq il-ganċijiet bħala azzjoni kontinwa jew bħala parti mix-xena. It-tematika tal-gżejjer (il-performance kienet parti minn avveniment li jieħu l-immaġinarju tal-gżejjer bħala punt tat-tluq) taħdem bħala drammaturġija, teknika.
Irrid naħdem bil-leħen — LEĦNI — primarjament il-mod kif nitkellem, il-manipulazzjonijiet, il-beats, il-loops u r-ripetizzjoni tal-kliem. Biex nagħmilha ftit komika.Qed nirreżisti li nżomm “beats” fl-Ingliż (mhux bħal “loops”) għax inħoss li żgur hemm kelma għaliha bil-Malti, possibbilment waħda li nuża jien ukoll u mhux tiġini f’moħħi. Spiċċajt f’ħofra l-fenek ta’ termini tal-festa, u tal-banda, biex nipprova nara hemmx kelma li tintuża għal beat mużikali. Dilettanti tal-festa, jekk jogħġobkom għinuni! Rigward “loops”, fil-kuntest mużikali, bit-Taljan u l-Ispanjol tibqa’ loop, bil-Franċiż “boucle”, bl-Għarbi لوب li hija trażliterazzjoni ta’ “loop” ukoll. Allura żammejtha “loop” (kif tintuża wkoll, insomma). Bil-Malti, tista’ tiġi “ħolqa” jew “għoqda”. “Nokkla” tkun ħelwa wkoll.
Iva, il-linja kunċettwali tal-likwidità għandha x’taqsam mal-leħen femminili.
8 ta’ Novembru 2022
Id-dsatax-il ġurnata minn 96
It-Tlieta, qamar kwinta u eklissi. Qegħdin fit-Tawr.
Kollox sew. Ġurnata mimlija u għaddiet malajr. Laqgħa R&D twila max-xjentisti jipprattikaw il-preżentazzjonijiet tagħhom għal konferenza f’Barċellona. Veru qisu bħat-teatru u l-arti, bis-sessjonijiet tal-feedback. Sensazzjoni familjari u komda għalija.
Iktar tard imxejt mixja mill-isbaħ fil-park. Kienet ġurnata bellezza tal-ħarifa.
Irċevejt aħbar tajba mill-Biennale Performattiv ta’ Vilnius. Iriduna nuru Upstairs Geology.
Imbagħad id-dipartiment kollu kellna lecture ieħor bl-Olandiż, ta’ Floris. Raqqadni naq’a.
Lestejt il-kampjuni għall-validazzjoni tal-sTfR għada. U tlaqt kmieni bit-tama li nuri n-nefħa (minn meta tajruni) lit-tabib (ara l-entrata mit-28 ta’ Ottubru, l-erbatax-il ġurnata minn 96).

9 ta’ Novembru 2022
L-għoxrin ġurnata minn 96
Ġurnata tajba ħafna.
Qomt fis-6:30 u kont ix-xogħol fis-7:30.
Qamar kwinta l-ġmiel tiegħu kien għadu mdendel fuq il-park u l-kanal.
Ġurnata tajba u impenjata ma’ Yvonne u l-Atellica.Atellica mingħajr l-artiklu, bħalma hemm fl-Ingliż, ittik l-impressjoni li hi persuna.
Tlaqt fit-15:30 biex immur għand Dr Jose u l-klinika tal-HPV. Vjaġġ twil — ferrovija u tal-linja. Inħossni tajba u kuntenta li mort hemm. Ġiet miegħi Ruth. Apprezzajt li kelli s-sapport tagħha, u zekzikna ftit.Għal “catching up” jien u sħabi “nagħmlu keċapp” ngħidu, semiironikament. “Inzekzku” mhix l-istess, qed nipprova naħseb f’xi ħaġa b’konnotazzjonijiet sendikajri.
Issa għajjiena.
Għandi xgħira żgħira f’għajni tax-xellug.
Is-sistema immunitarja baxxa.
10 ta’ Novembru 2022
Il-wieħed u għoxrin ġurnata minn 96
Illum kien hemm ħafna xogħol xi jsir.
Tgħallimt kif nagħmel ELISA għall-eculizumab. Huwa test doppju — kumpless u spiegel (x’tiġi bl-Ingliż?).U x’tiġi bil-Malti? (Ira qaltli li huwa assay doppju, test doppju. Għalhekk “spiegel”, mera.)
Kellna ħafna kampjuni x’nittestjaw. Għamilt id-dutyŻammejtha bl-Ingliż għax tintuża bil-Malti biex tirreferi speċifikament għal shift tax-xogħol. Tista’ tiġi “xogħol” ukoll. ta’ wara (il-ġestjoni ta’ kuljum tal-kampjuni) u lestejt tabella għal Kyra bir-riżultati tal-ELISA C2 tal-iffriżar u t-taħlil.
Inħossni iktar kalma.
Ħraqt sebgħi tan-nofs tax-xellug fil-freezer ta’ -80°C.
Qed juġagħni.
11 ta’ Novembru 2022
It-tnejn u għoxrin ġurnata minn 96
Illum kienet ġurnata tajba. L-aktar, kalkolazzjonijiet u analiżi tad-data. Kelli l-ewwel laqgħa ma’ Kyra u ma ħassejtnix meħluba wara.
Illum ħsibt: “Jogħġobni hawn.”
Anna wrietni xkaffa bit-teżijiet u l-kotba teoretiċi.
Irrid naqrahom kollha.
14 ta’ Novembru 2022
It-tlieta u għoxrin ġurnata minn 96
Nippreferi l-kollezzjoni tal-arti mal-ħitan ta’ dal-bank tad-demm minn dik fil-laboratorju preċedenti, Janssen Biologics. F’din hawn ħafna artisti kontemporanji, u xi ħadd b’għajn tajba kkurahom bir-reqqa. Għand Janssen il-kollezzjoni kellha l-ambizzjoni li tkun kunċettwali — il-pitturi kienu saru minn nies b’mard differenti, u l-istejjer tagħhom akkumpanjaw ix-xogħol — imma l-mod kif kienu ppreżentati ġabhom jidhru bla ruħ“Korporattiva” tistema’ wisq teknika għall-kuntest ta’ “corporate” bħala stil. Ma nafx taħdimx “professjonalindaf”. Hemm kelma oħra żgur, mhux qed tiġini. u mingħajr direzzjoni.
Illum għamilt it-tieni sett ta’ testijiet fuq l-Atellica għall-validazzjoni tal-sTfR.
Daqshekk xogħol fil-lab għal dil-ġimgħa.
Ħa ntellgħu Nassaba Liege.


22 ta’ Novembru 2022
L-erbgħa u għoxrin ġurnata minn 96
Illum ġurnata iebsa.
Nixtieq li kont ġo studio nagħmel l-arti tiegħi flok bilqiegħda f’dan l-uffiċċju.
Qattajt ġurnata sħiħa quddiem kompjuter nagħmel il-kalkolazzjonijiet u l-funzjonijiet logaritmiċi.
Kelli laqgħa ma’ Kyra, eternament stressjata u mgħaġġla.
Hija wkoll l-ewwel ġurnata wara li kont f’teatru f’Liege. Ma striħajtx bejn iż-żewġ xogħlijiet. Għajjiena, irrid norqod, u jdejjaqni l-uffiċċju miftuħ fejn kulħadd jista’ jissendika fuq kulħadd il-ħin kollu.
23 ta’ Novembru 2022
Il-ħamsa u għoxrin ġurnata minn 96
X’ġara llum?
Dmugħ.
Fejn hi l-libertà f’dan kollu?
In-numri mhumiex seduċenti.
Lanqas l-Excel sheets.
M’hemm l-ebda rdoss fl-istress u l-eżekuzzjoni mgħaffġa tax-xogħol.
Il-ktieb Breaking Things at Work jagħmel sens.
Irrid inkisser kollox.
Kull ELISA mġiddma.
Illum ridt nistampa għaxar paġni mill-esej ta’ Lesya. U minflok, qabad jistampali l-esej kollu ta’ 600 paġna! .